Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1331

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1331/2013 tal- 10 ta’ Diċembru 2013 li jaġġusta, mill- 1 ta’ Lulju 2012 , ir-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea

    ĠU L 335, 14.12.2013, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1331/oj

    14.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 335/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1331/2013

    tal-10 ta’ Diċembru 2013

    li jaġġusta, mill-1 ta’ Lulju 2012, ir-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Ħaddiema Oħra tal-Komunitajiet Ewropej (“ir-Regolamenti tal-Persunal”), stabbiliti permezz tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 83a u l-Anness XII tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    B’konformità mal-Artikolu 13 tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Eurostat ippreżenta rapport dwar il-valutazzjoni attwarja tal-2012 tal-iskema tal-pensjonijiet, li taġġorna l-parametri msemmija f’dak l-Anness. Skont din il-valutazzjoni, ir-rata tal-kontribuzzjoni meħtieġa sabiex jinżamm bilanċ attwarju tas-sistema tal-pensjonijiet ser tkun ta' 9,9 % tas-salarju bażiku.

    (2)

    B’konformità mal-Artikolu 2(1) tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-aġġustament ma jistax iwassal għal kontribuzzjoni li tkun aktar minn punt perċentwal ’il fuq jew ’l isfel mir-rata applikabbli fis-sena preċedenti (11,6 %).

    (3)

    Fl-interess tal-bilanċ attwarju tal-iskema tal-pensjonijiet tal-Uffiċjali u l-Aġenti l-oħra tal-Unjoni, u b'kont meħud tal-valutazzjonijiet attwarji għall-2011 u l-2012, il-Kunsill iqis li r-rata tal-kontribuzzjoni għandha tiġi aġġustata għal 10,6 % tas-salarju bażiku.

    (4)

    Madankollu, fid-dawl tas-sentenzi reċenti u futuri fil-kawżi dwar l-aġġustament tas-salarji u tal-pensjonijiet tal-2011 u l-2012 u fil-kawża dwar l-aġġustament tar-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet tal-2011, ir-riżultat ta' dan l-aġġustament jista' jkun soġġett għall-bidla. L-implimentazzjonj ta' dawk is-sentenzi jista' jkollha impatt fuq il-kalkolu tar-rati ta' kontribuzzjoni għas-snin 2012 u 2013 u għalhekk jirrikjedu lill-Kunsill li jaġġusta mill-ġdid dawn ir-rati ta' kontribuzzjoni b'effett retroattiv. Fejn applikabbli, dan jista' jwassal għal irkupru ta' somom żejda mħallsa mill-persunal,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    B’effett mill-1 ta’ Lulju 2012, ir-rata tal-kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tkun 10,6 %.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. ŠADŽIUS


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta' impjieg ta' uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).


    Top