This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013R1311
Council Regulation (EU, Euratom) No 1311/2013 of 2 December 2013 laying down the multiannual financial framework for the years 2014-2020
Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat- 2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020
Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat- 2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020
ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884–891
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/04/2020
20.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 347/884 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, EURATOM) Nru 1311/2013
tat-2 ta' Diċembru 2013
li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,
Billi:
(1) |
Il-limiti massimi annwali tal-approprjazzjonijiet għall-impenji skont il-kategorija tan-nefqa u l-limiti massimi annwali fuq l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament għandhom jirrispettaw il-limiti massimi stabbiliti għall-impenji u r-riżorsi proprji fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom (1). |
(2) |
Meta titqies il-ħtieġa ta' livell adegwat ta' prevedibbiltà għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' investimenti fuq terminu medju, it-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għandu jiġi stabbilit għal seba' snin li jibdew fl-1 ta' Jannar 2014. Ser isir rieżami mhux aktar tard mill-2016, wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Permezz ta' dan, l-istituzzjonijiet, inkluż il-Parlament Ewropew elett fl-2014, ser ikunu jistgħu jivvalutaw mill-ġdid il-prijoritajiet. Għandu jittieħed kont tar-riżultati ta' dan ir-rieżami fi kwalunkwe reviżjoni ta' dan ir-Regolament għall-kumplament tas-snin tal-QFP. Dan l-arranġament minn hawn 'il quddiem jissejjaħ "rieżami/reviżjoni". |
(3) |
Fil-kuntest tar-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jeżaminaw flimkien l-aktar durata adegwata għall-QFP sussegwenti qabel ma l-Kummissjoni tippreżenta l-proposti tagħha bil-għan li jinkiseb il-bilanċ it-tajjeb bejn id-durtata tal-mandati rispettivi tal-membri tal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea - u l-ħtieġa ta' stabbilità għal ċikli ta' programmar u predivibbiltà tal-investiment. |
(4) |
Flessibbiltà possibbli speċifika u massima għandha tiġi implimentata biex l-Unjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi tagħha f'konformità mal-Artikolu 323 Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
(5) |
L-istrumenti speċjali li ġejjin huma meħtieġa biex jippermettu lill-Unjoni tirreaġixxi għal ċirkostanzi speċifiċi mhux previsti jew biex jippermettu l-finanzjament ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fi ħdan il-limiti massimi disponibbli għal intestatura waħda jew aktar kif stabbilit fil-qafas finanzjarju biex b'hekk tiġi ffaċilitata l-proċedura baġitarja: ir-Riżerva għall-Għajnuna ta’ Emerġenza, il-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, l-Istrument tal-Flessibbiltà, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Marġini ta' Kontinġenza, il-flessibbiltà speċifika biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u tissaħħaħ ir-riċerka u l-marġini globali għall-impenji għat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjieg taż-żgħażagħ. Għalhekk hu neċessarju li jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi għal possibbiltà li jiddaħħlu fil-baġit approprjazzjonijiet għall-impenji li jissuperaw il-limiti massimi stabbiliti fil-QFP, fejn ikun meħtieġ li jintużaw strumenti speċjali. |
(6) |
Jekk ikun meħtieġ li jiġu mmobilizzati l-garanziji mogħtija taħt il-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-self ipprovdut fil-qafas tal-Faċilità tal-Bilanċ tal-Ħlasijiet jew tal-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbilizzazzjoni Finanzjarja stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (2) u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 (3), rispettivament, l-ammont neċessarju għandu jiġi mmobilizzat b'tali mod li jaqbeż il-limiti massimi tal-approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet tal-QFP filwaqt li jiġi rrispettat il-limitu massimu tar-riżorsi proprji. |
(7) |
Il-QFP għandu jiġi stabbilit bil-prezzijiet tal-2011. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll ir-regoli għall-aġġustamenti tekniċi tal-QFP biex jiġu kkalkulati mill-ġdid il-limiti massimi u l-marġini disponibbli. |
(8) |
Il-QFP m’għandux iqis il-partiti tal-baġit iffinanzjati mid-dħul assenjat fit-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ("ir-Regolament Finanzjarju"). |
(9) |
Jista' jkun meħtieġ li dan ir-Regolament jiġi revedut fil-każ ta' ċirkostanzi mhux previsti li ma jkunux jistgħu jiġu ttrattati fi ħdan il-limiti massimi stabbiliti tal-QFP. Għalhekk, huwa neċessarju li jkun hemm dispożizzjoni għal reviżjoni tal-QFP f'każijiet bħal dawn. |
(10) |
Għandhom jiġu stabbiliti regoli għal sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jitolbu aġġustament jew reviżjoni tal-QFP. Dawk l-aġġustamenti jew reviżjonijiet jistgħu jkunu relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, ma' miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-fondi mal-governanza ekonomika tajba, mar-reviżjoni tat-Trattati, mat-tkabbir, mar-riunifikazzjoni ta' Ċipru, jew mad-dewmien fl-adozzjoni ta’ regoli ġodda li jirregolaw ċerti oqsma ta' politika. |
(11) |
Il-pakketti nazzjonali li jiffavorixxu l-politika ta’ koeżjoni huma stabbiliti fuq il-bażi tad-data statistika u t-tbassir użat għall-aġġornament ta' Lulju 2012 tal-proposta tal-Kummissjoni għal dan ir-Regolament. B'kont meħud tal-inċertezzi previsti u l-impatt għall-Istati Membri b'limitu massimu u biex tikkunsidra s-sitwazzjoni b'mod partikolari diffiċli tal-Istati Membri li qed ibgħatu minn kriżi, il-Kummissjoni ser, fl-2016, terġa' teżamina l-allokazzjonijiet totali tal-Istati Membri kollha taħt il-mira "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi" tal-politika ta' koeżjoni għas-snin 2017 sa 2020. |
(12) |
Huwa neċessarju li jkun hemm dispożizzjoni għal regoli ġenerali dwar kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja. |
(13) |
Huma meħtieġa wkoll regoli speċifiċi sabiex wieħed jittratta l-proġetti l-kbar tal-infrastruttura li l-ħajja tagħhom tmur sostanzjalment lil hinn mill-perijodu stabbilit għall-QFP. Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti ammonti massimi għall-kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għal dawk il-proġetti biex b'hekk jiġi żgurat li ma għandhom l-ebda impatt fuq proġetti oħra ffinanzjati minn dak il-baġit. |
(14) |
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid qabel l-1 ta' Jannar 2018 sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jadottawh kmieni biżżejjed qabel jibda l-qafas finanzjarju li jmiss. Il-qafas finanzjarju stabbilit f’dan ir-Regolament għandu jibqa’ japplika jekk il-qafas finanzjarju l-ġdid ma jiġix adottat qabel it-tmiem tat-terminu tal-qafas finanzjarju stabbilit f'dan ir-Regolament. |
(15) |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni ġew ikkonsultati u adottaw l-opinjonijiet (5), |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Il-Qafas Finanzjarju Plurennali
Il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu 2014-2020 (il-QFP) huwa stabbilit fl-Anness.
Artikolu 2
Rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP
Sal-aħħar tal-2016 l-Kummissjoni għandha tippreżenta rieżami tal-funzjonament tal- QFP filwaqt li jieħu kont sħiħ tas-sitwazzjoni ekonomika ta' dak iż-żmien kif ukoll l-aktar projezzjonijiet makroekonomiċi reċenti. Dan ir-rieżami, għandu jkun akkumpanjat, kif adegwat, minn proposta leġislattiva għar-reviżjoni ta' dan ir-Regolament f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fit-TFUE. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, pakketti nazzjonali allokati minn qabel ma għandhomx jitnaqqsu permezz ta' tali reviżjoni.
Artikolu 3
Il-Konformità mal-limiti massimi tal-QFP
1. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom, waqt kull proċedura baġitarja u meta jiġi implimentat il-baġit għas-sena kkonċernata, ikunu konformi mal-limiti massimi tan-nefqa annwali stabbiliti fil-QFP.
Is-sublimitu għall-Intestatura 2, kif stabbilit fl-Anness, huwa stabbilit mingħajr preġudizzju għall-flessibbiltà bejn iż-żewġ pilastri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-limitu massimu aġġustat li għandu jiġi applikati għall-pilastru I tal-PAK wara t-trasferimenti bejn il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-pagamenti diretti għandhom jiġu stabbiliti fl-att legali rilevanti u l-QFP għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ skont l-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament.
2. L-istrumenti speċjali previsti fl-Artikoli 9 sa 15 jiżguraw il-flessibbiltà tal-QFP u għandhom ikunu stabbiliti sabiex jippermettu li l-proċedura baġitarja taħdem bla xkiel. L-approprjazzjonijiet għall-impenji jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi tal-intestaturi rilevanti stabbiliti fil-QFP fejn huwa neċessarju li jintużaw ir-riżorsi mir-Riżerva tal-Għajnuna ta' Emerġenza, mill-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, l-Istrument tal-Flessibbiltà, il-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Marġini ta' Kontinġenza, il-flessibbiltà speċifika biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u tissaħħaħ ir-riċerka u l-marġini globali għall-impenji għat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjieg taż-żgħażagħ, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (6), ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (7), u l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il- Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ta' dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (8).
3. Fejn ikun meħtieġ li tiġi mmobilizzata garanzija għal self koperta mill-baġit ġenerali tal-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 jew ir-Regolament (UE) Nru 407/2010, din għandha tkun lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP.
Artikolu 4
Ir-Rispett tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji
1. Għal kull waħda mis-snin koperti mill-QFP, l-approprjazzjonijiet totali għall-ħlasijiet meħtieġa, wara li jsir l-aġġustament annwali u wara li jitqiesu kwalunkwe aġġustamenti jew reviżjonijiet oħra, kif ukoll l-applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 3, ma għandhomx ikunu tali li jipproduċu rata għall-ġbir tar-riżorsi proprji li taqbeż il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom.
2. Fejn ikun meħtieġ, il-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għandhom jitbaxxew permezz ta' reviżjoni sabiex tiġi żgurata konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom.
Artikolu 5
Marġini globali għall-pagamenti
1. Kull sena, mill-2015 'l quddiem, bħala parti mill-aġġustament tekniku msemmi fl-Artikolu 6, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-limitu massimu għall-pagamenti għas-snin 2015-2020 'l fuq b'ammont ekwivalenti għad-differenza bejn il-pagamenti mwettqa u l-limitu massimu tal-pagamenti tal-QFP tas-sena n-1.
2. L-aġġustamenti annwali ma għandhomx jaqbżu l-ammonti massimi li ġejjin (prezzijiet tal-2011) għas-snin 2018-2020 meta mqabbla mal-limitu massimu tal-pagament oriġinali tas-sena rilevanti:
|
2018 - EUR 7 biljun |
|
2019 - EUR 9 biljun |
|
2020 - EUR 10 biljun. |
3. Kull aġġustament 'l fuq għandu jkun ikkumpensat bi tnaqqis korrispondenti tal-limitu massimu tal-pagament għas-sena n-1.
Artikolu 6
Aġġustamenti tekniċi
1. Kull sena l-Kummissjoni, biex taġixxi qabel il-proċedura baġitarja għas-sena n+1, għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi li ġejjin fil-QFP:
(a) |
valutazzjoni mill-ġdid, skont il-prezzijiet tas-sena n+1, tal-limiti massimi u tal-figuri ġlobali għall-approprjazzjonijiet għall-impenji kif ukoll għall-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet; |
(b) |
kalkolu tal-marġini disponibbli taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom; |
(c) |
kalkolu tal-ammont assolut tal-Marġini ta' Kontinġenża previst fl-Artikolu 13; |
(d) |
kalkolu tal-marġini globali għall-pagamenti previst fl-Artikolu 5; |
(e) |
kalkolu tal-marġini globali għall-pagamenti previst fl-Artikolu 14. |
2. Il-Kummissjoni għandha twettaq dawn l-aġġustamenti tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta’ deflatur fiss ta’ 2 % kull sena.
3. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi msemmija f’paragrafu 1 u l-previżjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikunu bbażati.
4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 8 l-ebda aġġustament tekniku ieħor ma' għandu jsir fir-rigward tas-sena inkwistjoni, la matul is-sena u lanqas bħala korezzjonijiet ex-post fis-snin sussegwenti.
Artikolu 7
Aġġustament tal-pakketti tal-politika tal-koeżjoni
1. B'kont meħud tas-sitwazzjoni partikolarment diffiċli tal-Istati Membri li qed ibatu mill-kriżi, il-Kummissjoni għandha fl-2016, flimkien mal-aġġustamenti tekniċi għas-sena 2017, terġa' teżamina l-allokazzjonijiet totali tal-Istati Membri kollha taħt il-mira "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi" tal-politika ta' koeżjoni għas-snin 2017 sa 2020, filwaqt li tapplika l-metodu ta' allokazzjoni definit fl-att bażiku rilevanti abbażi tal-aktar statistika reċenti disponibbli u tal-paragun, għall-Istati Membri li għandhom limitu massimu, bejn il-PDG nazzjonali akkumulat osservat fis-senin 2014 u 2015, u l-PDG nazzjonali akkumulat stmat fl-2012. Hija għandha taġġusta dawk l-allokazzjonijiet totali meta jkun hemm diverġenza kumulattiva ta' aktar minn +/- 5 %.
2. L-aġġustamenti meħtieġa għandhom jitqassmu fi proporzjonijiet ugwali fuq is-snin 2017-2020 u l-limiti massimi li jikkorrispondu magħhom tal-QFP għandhom jiġu mmodifikati skont dan. Il-limiti massimi tal-pagamenti għandhom ukoll ikunu modifikati kif meħtieġ sabiex jiġi żgurat progress ordnat f'rabta mal-approprjazzjonijiet għall-impenji.
3. Fl-aġġustamenti tekniċi tagħha għas-sena 2017, wara r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-eliġibbiltà tal-Istati Membri għall-Fond ta' Koeżjoni previst fl-Artikolu 90(5) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (9), f'każ li Stat Membru jsir eliġibbli għall-ewwel darba għall-Fond ta' Koeżjoni jew inkella jitlef eliġibbiltà eżistenti tiegħu, il-Kummissjoni għandha żżid jew tnaqqas l-ammonti li jirriżultaw mill-fondi allokati lill-Istati Membri għas-snin 2017 sal-2020.
4. L-aġġustamenti mitluba li jirriżultaw mill-paragrafu 3 jitqassmu fi proporzjonijiet indaqs tul is-snin 2017-2020 u l-limiti massimi korrispondenti tal-QFP jkunu mmodifikati skont kif meħtieġ. Il-limiti massimi tal-pagamenti għandhom ukoll ikunu modifikati skont kif meħtieġ sabiex jiġi żgurat progress ordnat f'rabta mal-approprjazzjonijiet għall-impenji.
5. L-effett nett totali, kemm jekk pożittiv kif ukoll jekk negattiv, tal-aġġustamentimsemmija fil-paragrafi 1u 3, ma għandux jaqbeż EUR 4 biljun.
Artikolu 8
Aġġustamenti relatati ma' miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-fondi mal-governanza ekonomika tajba
Fil-każ tat-tneħħija ta’ sospensjoni mill-Kummissjoni tal-impenji baġitarji li jirrigwardaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali jew il-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd fil-kuntest ta' miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-fondi mal-governanza ekonomika tajba, il-Kummissjoni, f'konformità mal-att bażiku rilevanti, għandha tittrasferixxi l-impenji sospiżi għas-snin ta’ wara. L-impenji sospiżi tas-sena 'n' ma jistgħux jerġgħu jidħlu fil-baġit ta’ wara s-sena 'n+3'.
KAPITOLU 2
Strumenti speċjali
Artikolu 9
Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza
1. L-għan tar-Riżerva tal-Għajnuna għall-Emerġenza huwa li tipprovdi reazzjoni rapida għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ għajnuna ta' pajjiżi terzi wara li jkunu seħħew ġrajjiet li ma setgħux ikunu previsti meta l-baġit ġie stabbilit, l-ewwel u qabel kollox għal ħidmiet umanitarji, iżda wkoll għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili u għall-protezzjoni, u sitwazzjonijiet ta' pressjoni partikolari li tirriżulta minn flussi migratorji fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, fejn iċ-ċirkustanzi jkunu jeħtieġu hekk.
2. L-ammont annwali tar-Riżerva huwa stabbilit għal EUR 280 miljun (prezzijiet tal-2011) u jista' jintuża sas-sena n+1 f'konformità mar-Regolament Finanzjarju. Din ir-riżerva għandha tiddaħħal bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti għandu jiddaħħal l-ewwel. Dak il-porzjon tal-ammont annwali minn sena n li ma jintużax fis-sena n+1 jiskadi.
Artikolu 10
Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea
1 Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea huwa maħsub biex jippermetti għajnuna finanzjarja rapida fil-każ li jiġru diżastri kbar fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż kandidat, kif iddefinit fl-att bażiku rilevanti. Għandu jkun hemm limitu fuq l-ammont annwali disponibbli għal dak il-Fond ta' EUR 500 miljun (prezzijiet tal-2011). Fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena, mill-inqas kwart mill-ammont annwali għandu jibqa’ disponibbli biex ikopri ħtiġijiet li jinqalgħu sa tmiem dik is-sena. Il-porzjon tal-ammont annwali mhux imdaħħal fil-baġit jista' jintuża sas-sena n+1. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti għandu jiddaħħal l-ewwel. Dak il-porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+1 jiskadi.
2. F’każijiet eċċezzjonali u jekk ir-riżorsi finanzjarji li jifdal disponibbli fil-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea fis-sena meta jkun seħħ id-diżastru, kif imfisser fl-att bażiku rilevanti, ma jkunux biżżejjed sabiex ikopru l-ammont ta' assistenza meqjus bħala neċessarju mill-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' tipproponi li d-differenza tkun iffinanzjata permezz tal-ammonti annwali disponibbli għas-sena ta' wara.
Artikolu 11
Strument ta' Flessibbiltà
1. L-Istrument ta’ Flessibbiltà hu maħsub biex jippermetti l-finanzjament, għal sena finanzjarja partikolari u sal-ammont indikat, ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma setgħetx tkun iffinanzjata fil-limiti disponibbli għal intestatura waħda jew aktar. Għandu jkun hemm limitu fuq l-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibbiltà ta’ EUR 471 miljun (prezzijiet tal-2011).
2. Il-porzjon li ma jintużax tal-ammont annwali tal-Istrument ta' Flessibbiltà jista' jiġi użat sas-sena n+3. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-snin preċedenti għandu jintuża l-ewwel, skont iż-żmien. Dak il-porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+3 jiskadi.
Artikolu 12
Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
1. Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li l-objettivi u l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu huma definiti fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011).
2. L-approprjazzjonijiet għall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Artikolu 13
Marġini ta' Kontinġenza
1. Marġini ta' Kontinġenza ta' mhux iżjed minn 0,03 % tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-Unjoni għandu jiġi kostitwit barra mil-limiti massimi tal-QFP, bħala strument tal-aħħar-rimedju b'reazzjoni għal ċirkostanzi mhux previsti. Dan jista' jiġi mmobilizzat biss f'rabta ma' baġit emendatorju jew annwali.
2. L-użu tal-marġini ta' kontinġenza ma għandux jaqbeż, fi kwalunkwe sena partikolari, l-ammont massimu previst fl-aġġustament tekniku annwali tal-QFP, u għandu jkun konsistenti mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji.
3. L-ammonti magħmulin disponibbli permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Marġini ta' Kontinġenza għandhom jiġu kollha kkumpensati mal-marġini f'waħda jew aktar mill-intestaturi tal-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew dawk futuri.
4. L-ammonti hekk ikkumpensati ma għandhomx jiġu mobilizzati aktar fil-kuntest tal-QFP. L-użu tal-Marġini ta' Kontinġenza ma għandux jirriżulta fil-qbiż tal-limiti totali tal-approprjazzjonijiet ta' impenji u pagamenti stipulati fil-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew dawk futuri.
Artikolu 14
Marġini globali għall-approprazzjonijiet għat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ
1. Il-marġini li għadhom disponibbli taħt il-limitu massimu tal-QFP għal approprjazzjonijiet ta' impenn għas-snin 2014-2017 għandhom jikkostitwixxu Marġini Globali tal-QFP għall-impenji, li għandhom isiru disponibbli barra mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għas-snin 2016 sa 2020 għal għanijiet ta' politika marbuta mat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi taż-żgħażagħ.
2. Kull sena, bħala parti mill-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 6, il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-ammont disponibbli. Il-Marġini Globali tal-QFP jew parti minnu jista' jiġi mmobilizzat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja skont l-Artikolu 314 TFUE.
Artikolu 15
Flessibbiltà speċifika biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u tissaħħaħ ir-riċerka
Sa EUR 2 543 miljun (fil-prezzijiet tal-2011) jistgħu jingħataw minn qabel fl-2014 u l-2015, bħala parti mill-proċedura baġitarja annwali, għal objettivi ta' politika speċifiċi relatati mal-qgħad fost iż-żgħażagħ, ir-riċerka, ERASMUS b'mod partikolari għall-apprendistati, u l-impriżi żgħar u ta' daqs medju. Dak l-ammont għandu jiġi kkumpensat b'mod sħiħ kontra approprjazzjonijiet fi u/jew bejn l-intestaturi sabiex ma jinbidlux il-limiti massimi annwali totali għall-perijodu 2014-2020 u l-allokazzjoni totali għal kull intestatura jew sotto-intestatura matul il-perijodu.
Artikolu 16
Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' proġetti fuq skala kbira
1. Ammont massimu ta' EUR 6 300 miljun (fi prezzijiet tal-2011) ikun disponibbli għall-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perijodu 2014-2020.
2. Ammont massimu ta' EUR 2 707 miljun (fi prezzijiet tal-2011) ikun disponibbli għall-proġett Internazzjonali tar-Reattur Esperimentali Termonukleari (ITER) mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perijodu 2014-2020.
3. Ammont massimu ta' EUR 3 786 miljun (fi prezzijiet tal-2011) ikun disponibbli għal Copernicus (il-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja) mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perijodu 2014-2020.
KAPITOLU 3
Reviżjoni
Artikolu 17
Reviżjoni tal-QFP
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), l-Artikoli 18 sa 22 u l-Artikolu 25, f'ċirkostanzi mhux previsti, il-QFP jista' jiġi rivedut f'konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit f'konformità mad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom.
2. Bħala regola ġenerali, kull proposta għal reviżjoni tal-QFP skont il-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata u adottata qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja għas-sena jew l-ewwel sena tas-snin ikkonċernati.
3. Kwalunkwe proposta għalreviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha teżamina l-possibbiltà għar-riallokazzjoni tan-nefqa bejn il-programmi koperti mill-intestatura kkonċernata mir-reviżjoni, b’referenza partikolari għal kwalunkwe nuqqas ta' utilizzazzjoni mistennija tal-approprjazzjonijiet. L-objettiv għandu jkun li ammont sinifikanti, f'termini assoluti u bħala perċentwali tan-nefqa l-ġdida ppjanata, ikun fil-limitu eżistenti għall-intestatura.
4. Kwalunkwe reviżjoni tal-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 tqis il-possibbiltà ta' kumpens għal kull żieda fil-limitu massimu għal intestatura waħda permezz tat-tnaqqis tal-limitu massimu għal intestatura oħra.
5. Kwalunkwe reviżjoni fil-QFP f'konformità mal-paragrafu 1 għandha żżomm relazzjoni xierqa bejn l-impenji u l-ħlasijiet.
Artikolu 18
Aġġustamenti relatati mal-implimentazzjoni
Meta tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi fil-QFP, il-Kummissjoni għandha tippreżenta kwalunkwe proposta biex jiġu riveduti l-approprjazzjonijiet totali għall-ħlasijiet li din tkun tqis bħala meħtieġa, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-implimentazzjoni, biex tiżgura tmexxija tajba tal-limiti massimi tal-pagamenti annwali u b'mod partikolari l-progress ordnat tagħhom fir-rigward tal-approprjazzjonijiet għall-impenji. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeċiedu dwar dawk il-proposti qabel l-1 ta’ Mejju tas-sena n.
Artikolu 19
Reviżjoni wara regoli jew programmi ġodda tal-Fondi Strutturali, tal-Fond ta’ Koeżjoni, tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd, tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u tal-Fond għas-Sigurtà Interna
1. Fil-każ tal-adozzjoni wara l-1 ta' Jannar 2014 ta' regoli ġodda jew programmi taħt ġestjoni kondiviża għall-Fondi Strutturali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd, il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u għall-Fond għas-Sigurtà Interna, il-QFP għandu jiġi rivedut sabiex jiġu trasferiti għal snin sussegwenti, lil hinn mil-limiti massimi tan-nefqa korrispondenti, l-allokazzjonijiet li ma jintużawx fl-2014.
2. Ir-reviżjoni li tikkonċerna t-trasferiment ta' allokazzjonijiet mhux użati għas-sena 2014, jiġi adottat qabel l-1 ta' Mejju 2015.
Artikolu 20
Reviżjoni tal-QFP fil-każ ta'reviżjoni tat-Trattati
F'każ li reviżjoni tat-Trattati b'implikazzjonijiet baġitarji isseħħ bejn l-2014 u l-2020, il-QFP għandu jiġi rivedut kif xieraq.
Artikolu 21
Reviżjoni tal-QFP fil-każ ta' tkabbir tal-Unjoni
Jekk ikun hemm adeżjoni jew adeżjonijiet għall-Unjoni bejn l-2014 u l-2020, il-QFP għandu jiġi rivedut biex jitqiesu l-ħtiġijiet tan-nefqa li jirriżultaw minn dan.
Artikolu 22
Reviżjoni tal-QFP f’każ ta’ riunifikazzjoni ta’ Ċipru
Fil-każ ta' riunifikazzjoni ta' Ċipru matul l-2014 u l-2020, il-QFP għandu jiġi rivedut sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-ftehim komprensiv dwar il-problema ta' Ċipru u l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali li jirriżultaw mir-riunifikazzjoni.
Artikolu 23
Koperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem "l-istituzzjonijiet") jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-proċedura baġitarja annwali.
L-istituzzjonijiet jikkooperaw b’rieda tajba matul il-proċedura bil-ħsieb li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom. L-istituzzjonijiet għandhom, fl-istadji kollha tal-proċedura, jikkooperaw permezz ta’ kuntatti interistituzzjonali xierqa sabiex isegwu l-progress tax-xogħol u janalizzaw il-grad ta’ konverġenza.
L-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom ikunu kkoordinati kemm jista' jkun sabiex il-proċedimenti jkunu jistgħu jitwettqu b'mod koerenti u konverġenti, u li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Jistgħu jiġu organizzati trilogi f’kull stadju tal-proċedura u f'livelli differenti tar-rappreżentazzjoni, skont in-natura tad-diskussjonijiet mistennija. Kull istituzzjoni, f'konformità mar-regoli ta’ proċedura tagħha stess, taħtar il-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa, tiddefinixxi l-mandat tagħha għan-negozjati u tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra bl-arranġamenti għal-laqgħat fi żmien adegwat.
Artikolu 24
Unità tal-baġit
L-infiq u d-dħul kollu tal-Unjoni u l-Euratom għandhom jiġu inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Finanzjarju, inkluża n-nefqa li tirriżulta minn kwalunkwe deċiżjoni rilevanti meħuda b'mod unanimu mill-Kunsill wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, fil-qafas tal-Artikolu 332 TFUE.
Artikolu 25
Tranżizzjoni lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss
Qabel l-1 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju pluriennali ġdid.
Jekk ma jiġi adottat l-ebda regolament tal-Kunsill li jiddetermina qafas finanzjarju pluriennali ġdid qabel il-31 ta' Diċembru 2020, il-limiti massimi u d-dispożizzjonijiet l-oħra li jikkorrispondu għall-aħħar sena tal-QFP eżistenti għandhom jiġu estiżi sakemm jiġi adottat regolament li jiddetermina qafas finanzjarju ġdid. Jekk Stat Membru ġdid jissieħeb fl-Unjoni wara l-2020, il-qafas finanzjarju estiż għandu, jekk meħtieġ, jiġi rivedut sabiex jieħu l-adeżjoni inkunsiderazzjoni.
Artikolu 26
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
E. GUSTAS
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1).
(3) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja (ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1).
(4) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(5) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar 'Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020' (ĠU C 229, 31.7.2012, p. 32); Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar 'Il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid għall-perjodu ta’ wara l-2013' (ĠU C 391, 18.12.2012, p. 31).
(6) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).
(7) Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1).
(8) Ftehim Interistituzzjonali bejn il- Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ta' 2 ta' Diċembru 2013 dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).
(9) Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' 17 ta' Diċembru 2013 Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (Ara paġna 320 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
ANNESS I
QAFAS FINANZJARJU PLURIENNALI (UE-28)
(EUR miljuni - prezzijiet tal-2011) |
||||||||||
APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENJI |
2014 |
2015 |
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 |
Total 2014 [-2020]. |
||
|
60 283 |
61 725 |
62 771 |
64 238 |
65 528 |
67 214 |
69 004 |
450 763 |
||
|
15 605 |
16 321 |
16 726 |
17 693 |
18 490 |
19 700 |
21 079 |
125 614 |
||
|
44 678 |
45 404 |
46 045 |
46 545 |
47 038 |
47 514 |
47 925 |
325 149 |
||
|
55 883 |
55 060 |
54 261 |
53 448 |
52 466 |
51 503 |
50 558 |
373 179 |
||
li minnhom: Nefqa relatata mas-suq u pagamenti diretti |
41 585 |
40 989 |
40 421 |
39 837 |
39 079 |
38 335 |
37 605 |
277 851 |
||
|
2 053 |
2 075 |
2 154 |
2 232 |
2 312 |
2 391 |
2 469 |
15 686 |
||
|
7 854 |
8 083 |
8 281 |
8 375 |
8 553 |
8 764 |
8 794 |
58 704 |
||
|
8 218 |
8 385 |
8 589 |
8 807 |
9 007 |
9 206 |
9 417 |
61 629 |
||
li minnhom: Nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet |
6 649 |
6 791 |
6 955 |
7 110 |
7 278 |
7 425 |
7 590 |
49 798 |
||
|
27 |
0 |
0 |
0 |
0 |
0 |
0 |
27 |
||
APPROPRJAZZJONIJIET TA' IMPENJI TOTALI |
134 318 |
135 328 |
136 056 |
137 100 |
137 866 |
139 078 |
140 242 |
959 988 |
||
bħala perċentwali tad-DGN |
1,03 % |
1,02 % |
1,00 % |
1,00 % |
0,99 % |
0,98 % |
0,98 % |
1,00 % |
||
|
||||||||||
APPROPRJAZZJONIJIET TA' PAGAMENTI TOTALI |
128 030 |
131 095 |
131 046 |
126 777 |
129 778 |
130 893 |
130 781 |
908 400 |
||
bħala perċentwali tad-DGN |
0,98 % |
0,98 % |
0,97 % |
0,92 % |
0,93 % |
0,93 % |
0,91 % |
0,95 % |
||
Marġini disponibbli |
0,25 % |
0,25 % |
0,26 % |
0,31 % |
0,30 % |
0,30 % |
0,32 % |
0,28 % |
||
Limitu massimu tar-riżorsi proprji bħala perċentwali tad-DGN |
1,23 % |
1,23 % |
1,23 % |
1,23 % |
1,23 % |
1,23 % |
1,23 % |
1,23 % |