Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1199

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1199/2013 tal- 25 ta’ Novembru 2013 li japprova s-sustanza attiva klorantraniliprol, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 315, 26.11.2013, p. 69–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1199/oj

    26.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 315/69


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1199/2013

    tal-25 ta’ Novembru 2013

    li japprova s-sustanza attiva klorantraniliprol, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandha tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) fir-rigward tal-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li għalihom ġiet adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Direttiva qabel l-14 ta’ Ġunju 2011. Għall-klorantraniliprol, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 80(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tissodisfahom id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/560/KE (3).

    (2)

    Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, fit-2 ta’ Frar 2007 l-Irlanda rċeviet applikazzjoni mingħand DuPont de Nemours biex is-sustanza attiva klorantraniliprol tiddaħħal fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni 2007/560/KE kkonfermat li d-dossier kien “komplut” fis-sens li seta’ jitqies bħala wieħed li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tal-informazzjoni tal-Annessi II u III tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (3)

    Għal dik is-sustanza attiva, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u fuq l-ambjent ġew ivvalutati, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikant. Fis-17 ta’ Frar 2010, ir-relatur maħtur mill-Istat Membru ressaq abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni. Skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 188/2011 (4), fil-11 ta’ Lulju 2011 l-applikant intalab jipprovdi informazzjoni addizzjonali. L-evalwazzjoni tad-dejta addizzjonali mill-Irlanda tressqet fil-format ta’ abbozz aġġornat tar-rapport ta’ valutazzjoni f’Diċembru 2011.

    (4)

    L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni ġie analizzat mill-Istati Membri u mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”). Fl-14 ta’ Marzu 2013, l-Awtorità ppreżentat il-konklużjoni tagħha lill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva klorantraniliprol (5). L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni u l-konklużjoni tal-Awtorità analizzawhom l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u fit-3 ta’ Ottubru 2013 ġew iffinalizzati fil-format ta’ rapport ta’ analiżi tal-Kummissjoni għall-klorantraniliprol.

    (5)

    Minn bosta eżamijiet li saru, deher li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-klorantraniliprol huma mistennija li jissodisfaw, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) u fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fir-rigward tal-użi tagħhom li kienu eżaminati u ddettaljati fir-rapport ta’ analiżi tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, jixraq li l-klorantraniliprol jiġi approvat.

    (6)

    Madankollu, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, hemm bżonn li jiġu inklużi ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet. B’mod partikolari, jixraq li tintalab iktar informazzjoni ta’ konferma.

    (7)

    Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel l-approvazzjoni sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-approvazzjoni.

    (8)

    Madankollu, bla preġudizzju għall-obbligi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 bħala konsegwenza tal-approvazzjoni, u meta titqies is-sitwazzjoni speċifika li nħolqot bit-tranżizzjoni mid-Direttiva 91/414/KEE għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandu japplika dan li ġej. L-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-approvazzjoni biex janalizzaw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-klorantraniliprol. L-Istati Membri għandhom, kif xieraq, ivarjaw, jissostitwixxu jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet. B’deroga minn dik l-iskadenza, għandu jingħata perjodu itwal għas-sottomissjoni u għall-valutazzjoni tad-dossier komplut tal-Anness III, kif stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE, ta’ kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għal kull użu intenzjonat skont il-prinċipji uniformi.

    (9)

    L-esperjenza li nkisbet mill-inklużjonijiet preċedenti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ta’ sustanzi attivi valutati fil-qafas tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 (6) uriet li jistgħu jinqalgħu xi diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dmirijiet tad-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet eżistenti dwar l-aċċess għad-dejta. Għalhekk, sabiex jiġu evitati aktar diffikultajiet, jidher li huwa meħtieġ li jiġu ċċarati l-obbligi tal-Istati Membri, speċjalment l-obbligu li jkun ivverifikat li d-detentur tal-awtorizzazzjoni juri li għandu aċċess għal dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponi l-ebda obbligu ġdid fuq l-Istati Membri jew id-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet, meta mqabbla mad-Direttivi li ġew adottati s’issa li jemendaw l-Anness I ta’ dik id-Direttiva jew ir-Regolamenti li japprovaw is-sustanzi attivi.

    (10)

    Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (7) għandu jiġi emendat skont dan.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Approvazzjoni ta’ sustanza attiva

    Is-sustanza attiva klorantraniliprol, kif inhu speċifikat fl-Anness I, hija approvata suġġetta għall-kondizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Valutazzjoni mill-ġdid tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

    1.   B’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, meta meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-klorantraniliprol bħala sustanza attiva sal-31 ta’ Ottubru 2014.

    Sa dik id-data dawn għandhom, b’mod partikolari, jivverifikaw li jkunu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, ħlief dawk identifikati fil-kolonna dwar dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dak l-Anness, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu dossier jew għandu aċċess għal dossier, li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II tad-Direttiva 91/414/KEE skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) sa (4) ta’ dik id-Direttiva u l-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott awtorizzat għall-protezzjoni tal-pjanti li fih il-klorantraniliprol bħala l-unika sustanza attiva jew inkella bħala waħda minn bosta sustanzi attivi li lkoll huma elenkati fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April 2014 l-Istati Membri għandhom jerġgħu jevalwaw il-prodott skont il-prinċipji uniformi, kif jissemma fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, abbażi ta’ dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III tad-Direttiva 91/414/KEE u filwaqt li titqies il-kolonna dwar id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni, huma għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    Wara li dan jiġi stabbilit, l-Istati Membri għandhom:

    (a)

    fil-każ ta’ prodott li jkun fih il-klorantraniliprol bħala l-unika sustanza attiva, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2015; jew

    (b)

    fil-każ ta’ prodott li jkun fih il-klorantraniliprol bħala waħda minn bosta sustanzi attivi, meta meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sal-31 ta’ Ottubru 2015 jew sad-data ffissata għal din l-emenda jew għal dan l-irtirar fl-att/i rispettivi li żiedu s-sustanza/i rilevanti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jew li approvaw dik is-sustanza/i, skont liema minnhom tkun l-iktar riċenti.

    Artikolu 3

    Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1)

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/560/KE tat-2 ta’ Awwissu 2007 li tagħraf fil-prinċipju l-kompletezza tad-dokumenti mressqa għal verifika fid-dettall fid-dawl tal-inklużjoni possibbli tal-chlorantraniliprole, heptamaloxyglucan, spirotetramat u l-Helicoverpa armigera nucleopolyhedrovirus fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 213, 15.8.2007, p. 29).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 188/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward tal-proċedura għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li ma kinux fis-suq sentejn wara d-data ta’ notifika ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 53, 26.2.2011, p. 51).

    (5)  The EFSA Journal (2013); 11(4):3143. Disponibbli fuq: www.efsa.europa.eu

    (6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10).

    (7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).


    ANNESS I

    Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (1)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    Klorantraniliprol

    Nru CAS 500008-45-7

    Nru CIPAC 794

    3-bromo-4’-kloro-1-(3-kloro-2-piridil)-2’-metil-6’-(metilkarbamojl) pirażol-5-karbossanilid

    ≥ 950 g/kg

    Dawn l-impuritajiet rilevanti ma għandhomx jaqbżu ċertu limitu fil-materjal tekniku:

     

    Aċetonitril: ≤ 3 g/kg

     

    3-pikolin: ≤ 3 g/kg

     

    Aċidu metanesulfoniku: ≤ 2 g/kg

    fl-1 ta’ Mejju 2014.

    fit-30 ta’ April 2024.

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif jissemma fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ analiżi dwar il-klorantraniliprol, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif ġew iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-3 ta’ Ottubru 2013.

    F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lir-riskju għall-organiżmi akkwatiċi u għall-makroorganiżmi tal-ħamrija.

    Il-kundizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu, fejn xieraq, miżuri ta’ trażżin tar-riskju.

    L-applikant għandu jressaq informazzjoni konfermatorja fir-rigward ta’:

    (1)

    ir-riskju għall-ilma ta’ taħt l-art mis-sustanza attiva u l-metaboliti tagħha-IN-EQW78 (2-[3-bromo-1-(3-kloropiridin-000-2-il)-1H-pirażol-5-il]-6-kloro-3,8-dimetilkwinażolin-4(3H)-on), IN-ECD73 (2,6-dikloro-4-metil-11H-pirido[2,1-b]kwinażolin-11-on), IN-F6L99 ( 3-bromo-N-metil-1H-pirażol-5-karbossamid), IN-GAZ70 (2-[3-bromo-1-(3-kloropiridin-2-il)-1H-pirażol-5-il]-6-kloro-8-metilkwinażolin-4(1H)-on) u IN-F9N04 (3-bromo-N-(2-karbomojl-4-kloro-6-metilfenil)-1-(3-kloropiridin-2-il)-1H-pirażol-5-karbossamid);

    (2)

    ir-riskju għall-organiżmi akkwatiċi mill-metaboliti tal-fotoliżi IN-LBA22 (2-{[(4Z)-2-bromo-4H-pirażolo[1,5-d]pirido[3,2-b][1,4]ossażin-4-iliden] amino}-5-kloro-N,3-dimetilbenżamid), IN-LBA23 (2-[3-bromo-1-(3-idrossipiridin-2-il)-1H-pirażol-5-il]-6-kloro-3,8-dimetilkwinażolin-4(3H)-on) u IN-LBA24 (2-(3-bromo-1H-pirażol-5-il)-6-kloro-3,8-dimetilkwinażolin-4(3H)-on).

    L-applikant għandu jressaq din l-informazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità sat-30 ta’ April 2016.


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport tal-analiżi.


    ANNESS II

    Fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, qed tiżdied l-entrata li ġejja:

    Numru

    Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

    Isem tal-IUPAC

    Purità (*)

    Data tal-approvazzjoni

    Skadenza tal-approvazzjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “62

    Klorantraniliprol

    Nru CAS 500008-45-7

    Nru CIPAC 794

    3-bromo-4’-kloro-1-(3-kloro-2-piridil)-2’-metil-6’-(metilkarbamojl) pirażol-5-karbossanilid

    ≥ 950 g/kg

    Dawn l-impuritajiet rilevanti ma għandhomx jaqbżu ċertu limitu fil-materjal tekniku:

     

    Aċetonitril ≤ 3 g/kg

     

    3-pikolin: ≤ 3 g/kg

     

    Aċidu metanesulfoniku: ≤ 2 g/kg

    fl-1 ta’ Mejju 2014

    fl-30 ta’ April 2024

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif jissemma fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ analiżi dwar il-klorantraniliprol, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif ġew iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fit-3 ta’ Ottubru 2013.

    F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lir-riskju għall-organiżmi akkwatiċi u għall-makroorganiżmi tal-ħamrija.

    Fejn huwa xieraq, il-kundizzjonijiet għall-użu għandu jkun fihom miżuri li jtaffu r-riskju.

    L-applikant għandu jressaq l-informazzjoni ta’ konferma dwar:

    (1)

    ir-riskju għall-ilma ta’ taħt l-art mis-sustanza attiva u l-metaboliti tagħha-IN-EQW78 (2-[3-bromo-1-(3-kloropiridin-000-2-il)-1H-pirażol-5-il]-6-kloro-3,8-dimetilkwinażolin-4(3H)-on), IN-ECD73 (2,6-dikloro-4-metil-11H-pirido[2,1-b]kwinażolin-11-on), IN-F6L99 ( 3-bromo-N-metil-1H-pirażol-5-karbossamid), IN-GAZ70 (2-[3-bromo-1-(3-kloropiridin-2-il)-1H-pirażol-5-il]-6-kloro-8-metilkwinażolin-4(1H)-on u IN-F9N04 (3-bromo-N-(2-karbomojl-4-kloro-6-metilfenil)-1-(3-kloropiridin-2-il)-1H-pirażol-5-karbossamid);

    (2)

    ir-riskju għall-organiżmi akkwatiċi mill-metaboliti tal-fotoliżi IN-LBA22 (2-{[(4Z)-2-bromo-4H-pirażolo[1,5-d]pirido[3,2-b][1,4]ossażin-4-iliden] amino}-5-kloro-N,3-dimetilbenżamid), IN-LBA23 (2-[3-bromo-1-(3-idrossipiridin-2-il)-1H-pirażol-5-il]-6-kloro-3,8-dimetilkwinażolin-4(3H)-on) u IN-LBA24 (2-(3-bromo-1H-pirażol-5-il)-6-kloro-3,8-dimetilkwinażolin-4(3H)-on).

    L-applikant għandu jressaq din l-informazzjoni lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Awtorità sat-30 ta’ April 2016.”


    (*)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport tal-analiżi.


    Top