Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0723

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 723/2013 tas- 26 ta’ Lulju 2013 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħol l-użu tal-Estratti tal-klin (E 392) f’ċerti prodotti tal-laħam u l-ħut b’kontenut żgħir ta’ xaħam Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 202, 27.7.2013, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/723/oj

    27.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 202/8


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 723/2013

    tas-26 ta’ Lulju 2013

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħol l-użu tal-Estratti tal-klin (E 392) f’ċerti prodotti tal-laħam u l-ħut b’kontenut żgħir ta’ xaħam

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

    (2)

    Din il-lista tista’ tiġi emendata bil-proċedura komuni msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, għall-enżimi tal-ikel u għall-aromatizzanti tal-ikel (2).

    (3)

    Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel tista’ tiġi aġġornata fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

    (4)

    Fit-3 ta’ Frar 2012 tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-Estratti tal-klin (E 392) bħala antiossidant fil-preparazzjonijiet tal-laħam, tal-laħam b’kontenut żgħir ta’ xaħam ipproċessat kemm ittrattat bis-sħana kif ukoll mhux ittrattat bis-sħana, u ħut u prodotti tal-ħut ipproċessati b’kontenut żgħir ta’ xaħam, inklużi l-molluski u l-krustaċji, u tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

    (5)

    L-antiossidanti huma sustanzi li jħarsu l-ikel milli jiddeterjora minħabba l-ossidazzjoni, bħas-snuħija tax-xaħam u t-tibdil fil-kulur. Il-livelli massimi attwali tal-użu tal-Estratti tal-klin (E 392) awtorizzati f’laħam ipproċessat u fil-ħut u l-prodotti tal-ħut ipproċessati, inklużi l-molluski u l-krustaċji, huma stabbiliti skont il-kontenut tax-xaħam fil-kategoriji tal-ikel rispettivi (ħlief għaz-zalzett imnixxef u l-laħam deidratat). Il-livell massimu permess tal-użu tal-Estratti tal-klin (E 392) stabbilit skont il-kontenut tax-xaħam fil-kategoriji tal-ikel rispettivi ma jiżgurax protezzjoni biżżejjed tal-ikel b’kontenut żgħir ta’ xaħam peress li hemm dożaġġ minimu kritiku ta’ dan l-antiossidant biex jinkiseb l-effett mixtieq. Bħalissa, l-Estratti tal-klin (E 392) jistgħu jintużaw f’dożaġġi effettivi fil-prodotti b’kontenut akbar ta’ xaħam. Madanakollu, anki l-prodotti b’xaħam baxx jistgħu jkunu soġġetti għal ossidazzjoni qawwija minħabba proporzjon għoli ta’ aċidi xaħmin mhux saturati. Għalhekk, jixraq li l-livell massimu tal-użu tal-Estratti tal-klin (E 392) jiġi stabbilit 15 mg/kg għall-prodotti b’kontenut ta’ xaħam mhux aktar minn 10 % filwaqt li l-livell massimu permess jibqa’ 150 mg/kg espress abbażi tax-xaħam għall-prodotti b’kontenut ta’ xaħam aktar minn 10 %.

    (6)

    Fl-2008 l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) evalwat is-sikurezza tal-Estratti tal-klin (E 392) meta jintużaw bħala addittiv tal-ikel (3) u kkonkludiet li l-użi proposti u l-livelli tal-użu ma joħolqux tħassib għas-sigurtà. Fi stima konservattiva tal-esponiment fid-dieta ġie preżunt mill-Awtorità li l-Estratti tal-klin jistgħu jintużaw fil-livell massimu tal-użu (jiġifieri 150 mg/kg fi prodotti pproċessati tal-laħam, tjur u ħut/frott tal-baħar) fl-ikel kollu propost f’kull kategorija tal-ikel. Din is-suppożizzjoni kopriet ukoll laħam ipproċessat kemm ittrattat bis-sħana kif ukoll mhux ittrattat bis-sħana, u ħut u prodotti tal-ħut ipproċessati inklużi l-molluski u l-krustaċji b’kontenut ta’ xaħam mhux aktar minn 10 %.

    (7)

    Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità biex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx suxxettibbli li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Fid-dawl tal-opinjoni tal-2008 tal-Awtorità li ssemmiet qabel, l-istabbiliment tal-livell massimu tal-użu tal-Estratti tal-klin (E 392) fi 15 mg/kg għal laħam ipproċessat kemm ittrattat bis-sħana kif ukoll mhux ittrattat bis-sħana, u ħut u prodotti tal-ħut ipproċessati, inklużi l-molluski u l-krustaċji, b’kontenut ta’ xaħam mhux aktar minn 10 %, jikkostitwixxi aġġornament ta’ dik il-lista li mhix suxxettibbli li tħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem, u għalhekk ma hemmx bżonn li tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

    (8)

    Għaldaqstant, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

    (2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

    (3)  The EFSA Journal (2008) 721, 1-29.


    ANNESS

    Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:

    (1)

    Fil-kategorija tal-ikel 08.2.1 “Laħam ipproċessat mhux ittrattat bis-sħana”, l-annotazzjoni dwar l-addittiv “E 392 — Estratti tal-klin — ħlief iz-zalzett imnixxef” tinbidel b’li ġej:

     

    “E 392

    Estratti tal-klin

    15

    (46)

    laħam biss b’kontenut ta’ xaħam mhux aktar minn 10 %, ħlief iz-zalzett imnixxef

     

    E 392

    Estratti tal-klin

    150

    (41) (46)

    laħam biss b’kontenut ta’ xaħam aktar minn 10 %, ħlief iz-zalzett imnixxef”

    (2)

    Fil-kategorija tal-ikel 08.2.2 “Laħam ipproċessat ittrattat bis-sħana”, l-annotazzjoni dwar l-addittiv “E 392 — Estratti tal-klin — ħlief iz-zalzett imnixxef” tinbidel b’li ġej:

     

    “E 392

    Estratti tal-klin

    15

    (46)

    laħam biss b’kontenut ta’ xaħam mhux aktar minn 10 %, ħlief iz-zalzett imnixxef

     

    E 392

    Estratti tal-klin

    150

    (41) (46)

    laħam biss b’kontenut ta’ xaħam aktar minn 10 %, ħlief iz-zalzett imnixxef”

    (3)

    Fil-kategorija tal-ikel 09.2 “Ħut u prodotti tal-ħut ipproċessati inklużi l-molluski u l-krustaċji”, l-annotazzjoni dwar l-addittiv E 392 tinbidel b’li ġej:

     

    “E 392

    Estratti tal-klin

    15

    (46)

    ħut u prodotti tal-ħut biss, inklużi l-molluski u l-krustaċji, b’kontenut ta’ xaħam mhux aktar minn 10 %

     

    E 392

    Estratti tal-klin

    150

    (41) (46)

    ħut u prodotti tal-ħut biss, inklużi l-molluski u l-krustaċji, b’kontenut ta’ xaħam aktar minn 10 %”


    Top