Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0555

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 555/2013 tal- 14 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward tat-tranżitu ta’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali mill-Bożnja u Ħerzegovina Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 164, 18.6.2013, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/555/oj

    18.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 164/11


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 555/2013

    tal-14 ta’ Ġunju 2013

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 142/2011 fir-rigward tat-tranżitu ta’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali mill-Bożnja u Ħerzegovina

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(3) u l-Artikolu 42(2)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE fir-rigward ta’ ċerti kampjuni u oġġetti eżentati minn kontrolli veterinarji fil-fruntiera skont dik id-Direttiva (2) jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għal regoli tas-saħħa fir-rigward ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

    (2)

    Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet speċifiċi għat-tranżitu, fl-Unjoni, ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom li jkunu ġejjin mill-Bożnja u Ħerzegovina lejn pajjiżi terzi minħabba s-sitwazzjoni ġeografika u l-ħtieġa li, wara l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni, jinżamm l-aċċess għall-port Kroat ta’ Ploče.

    (3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE (3) li tfassal lista ta’ postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntiera approvati u tistabbilixxi ċerti regoli dwar l-ispezzjonijiet imwettqa mill-esperti veternarji tal-Kummissjoni, u tistabbilixxi l-unitajiet veterinarji tas-sistema TRACES. Peress li l-arranġamenti għat-tranżitu, fl-Unjoni, ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali inkwistjoni li jkunu ġejjin mill-Bożnja u Ħerzegovina lejn pajjiżi terzi jista’ jsir b’mod effettiv biss billi jkun hemm aċċess mill-postijiet ta’ spezzjoni, fil-fruntiera Kroata, ta’ Nova Sela u Ploče, huwa meħtieġ li dawn il-postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntiera jiġu inklużi fil-lista stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/821/KE hekk kif il-kundizzjonijiet tekniċi għall-approvazzjoni tagħhom jiġu ssodisfati.

    (4)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 għandu jiddaħħal l-Artikolu 29a li ġej:

    “Artikolu 29a

    Rekwiżiti speċifiċi għat-tranżitu, fil-Kroazja, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li jkunu ġejjin mill-Bożnja u Ħerzegovina u destinati lejn pajjiżi terzi

    1.   It-tranżitu, fl-Unjoni, ta’ konsenji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom li jkunu ġejjin mill-Bożnja u Ħerzegovina u destinati lejn pajjiżi terzi, bit-triq, direttament bejn il-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera ta’ Nova Sela u l-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera ta’ Ploče, għandu jiġi awtorizzat jekk ikunu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet:

    (a)

    il-konsenja tkun issiġillata b’siġill innumerat f’serje mill-veterinarju uffiċjali fil-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera tad-dħul;

    (b)

    id-dokumenti li jakkompanjaw il-konsenja u li jissemmew fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/78/KE jkunu ttimbrati ‘GĦAL TRANŻITU FL-UE LEJN PAJJIŻI TERŻI, BISS’ fuq kull paġna mill-veterinarju uffiċjali fil-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera tad-dħul;

    (c)

    ikunu hemm konformità mar-rekwiżiti proċedurali previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/78/KE;

    (d)

    il-konsenja tkun iċċertifikata bħala aċċettabbli għat-tranżitu fid-Dokument Veterinarju Komuni ta’ Dħul imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 136/2004 mill-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ spezzjoni fil-fruntiera ta’ dħul.

    2.   Il-ħatt jew ħżin, kif definiti fl-Artikolu 12(4) jew fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 97/78/KE, ta’ dawn il-konsenji fl-Unjoni m’għandux jiġi permess.

    3.   L-awtorità kompetenti trid twettaq verifiki b’mod regolari biex tiżgura li l-għadd ta’ konsenji u l-kwantitajiet ta’ prodotti li jħallu l-Unjoni jaqbel mal-għadd u l-kwantitajiet li jkunu qed jidħlu fl-Unjoni.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ soġġett għat-Trattat tal-Adeżjoni tal-Kroazja u fid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    Dan ir-Regolament għandu jkun applikabbli mid-data tal-applikazzjoni tal-emendi għad-Deċiżjoni 2009/821/KE li jdaħħlu l-ismijiet ta’ Nova Sela u Ploče fl-Anness I tagħha.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

    (2)  ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1.

    (3)  ĠU L 296, 12.11.2009, p. 1.


    Top