Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0365

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 365/2013 tat- 22 ta’ April 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva glufosinat Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 111, 23.4.2013, p. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/365/oj

23.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/27


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 365/2013

tat-22 ta’ April 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva glufosinat

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u partikolarment l-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/25/KE (2) inkludiet il-glufosinat bħala sustanza attiva fl-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (3), bil-kundizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw li n-notifikant, li fuq talba tiegħu ġie inkluż il-glufosinat f’dan l-Anness, jipprovdi żjed informazzjoni konfermatorja oħra dwar ir-riskju għall-mammiferi u l-artropodi mhux fil-mira fl-imsaġar tat-tuffieħ.

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huma meqjusa approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (4).

(3)

In-notifikatur issottometta l-informazzjoni addizzjonali f’forma ta’ studji sabiex tiġi kkonfermata l-valutazzjoni tar-riskju għall-mammiferi u l-antropodi mhux fil-mira fl-imsaġar tat-tuffieħ lill-Istat Membru relatur l-Isvezja fil-perjodu ta’ żmien previst għat-tressiq tagħhom.

(4)

L-Isvezja ivvalutat l-informazzjoni addizzjonali mressqa min-notifikant. Ressqet il-valutazzjoni tagħha, fil-forma ta’ addendum għall-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, minn hawn ‘il quddiem “l-Awtorità”, fid-9 ta’ Marzu 2010.

(5)

Il-Kummissjoni kkonsultat l-Awtorità li ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-glufosinat fit-8 ta’ Marzu 2012 (5). L-abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni, ir-rapport addizzjonali u l-opinjoni tal-Awtorità ġew riveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u ġew iffinalizzati fit-15 ta’ Marzu 2013 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għall-glufosinat.

(6)

Fid-dawl tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta min-notifikant, il-Kummissjoni kkunsidrat li aktar informazzjoni ta’ konferma meħtieġa ma ġietx ipprovduta u li riskju għoli għall-mammiferi u l-artropodi mhux fil-mira ma setgħetx tiġi eskluża ħlief billi jimponu aktar restrizzjonijiet.

(7)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant iressaq il-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport tal-analiżi għall-glufosinat.

(8)

Huwa kkonferma li s-sustanza attiva glufosinat għandu jitqies bħala approvat skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Sabiex jimminimizzaw l-esponiment tal-mammiferi u l-artropodi mhux fil-mira, huwa madankollu xieraq li titkompla r-restrizzjoni tal-użi ta’ din is-sustanza attiva u li jiġu previsti miżuri speċifiċi għat-taffija tar-riskji għall-protezzjoni ta’ dawn l-ispeċijiet.

(9)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(10)

L-Istati Membri għandhom jingħataw żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-glufosinat.

(11)

Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-glufosinat, meta l-Istati Membri jagħtu xi perjodu ta’ grazzja skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, dan il-perjodu għandu jiskadi sa mhux aktar tard minn sena wara l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet.

(12)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Miżuri Transizzjonali

Fejn hu meħtieġ, l-Istati Membri għandhom, b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-glusfosinat bħala sustanza attiva sat-13 ta’ Novembru 2013.

Artikolu 3

Perjodu ta’ Grazzja

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi sa mhux iktar tard minn 12-il xahar wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni rispettiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ April 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 106, 24.4.2007, p. 34.

(3)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(4)  ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1.

(5)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel: Konklużjoni dwar reviżjoni bejn il-pari dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċida tad-dejta konfirmatorja sottomessi għas-sustanza attiva glufosinat. Il-Ġurnal tal-EFSA 2012; 10(3):2609. [14 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2012.2609. Disponibbli fuq l-Internet: www.efsa.europa.eu/efsajournal.htm


ANNESS

Il-kolonna “Dispożizzjonijiet speċifiċi” tar-ringiela 151, glufosinat, tal-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 tinbidel b’dan li ġej:

“PARTI A

L-użi biss bħala erbiċida għal applikazzjoni fi strixxi jew lokalizzata jista’ jiġi awtorizzat f’rati li ma jaqbżux 750 g sustanza attiva/ha (tal-wiċċ trattat) għal kull applikazzjoni u massimu ta’ żewġ applikazzjonijiet fis-sena.

PARTI B

Waqt il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-glufosinat fir-rigward prinċipali tal-espożizzjoni tal-operatur u l-konsumatur, l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għall-kriterji fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u għandhom jiżguraw li tiġi pprovduta kull dejta u informazzjoni meħtieġa qabel ma tingħata awtorizzazzjoni bħal din.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-glufosinat partikolarment l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fl-24 ta’ Novembru 2006. F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri għandhom partikolarment jagħtu każ:

(a)

lis-sigurtà tal-operaturi u l-ħaddiema u tal-persuni fil-qrib; fejn huma xierqa, il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri ta’ ħarsien;

(b)

il-possibilità ta’ kontaminazzjoni tal-ilma tal-pjan, fejn is-sustanza attiva tiġi applikata f’reġjuni b’kundizzjonjiet vulnerabbli tal-ħamrija u/jew il-klima;

(c)

il-ħarsien ta’ mammiferi, artropodi mhux fil-mira u pjanti mhux fil-mira.

Il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu l-applikazzjoni ta’ żennuni li jnaqqsu d-drift u tarki tal-isprejs u l-ittikkettjar rispettiv ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Fejn xieraq, dawk il-kondizzjonijiet għandhom jinkludu aktar miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju.”


Top