Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0313

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 313/2013 tal- 4 ta’ April 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' Rapporti Finanzjarji Konsolidati, Arranġamenti Konġunti u Divulgazzjoni ta' Interess f'Entitajiet Oħrajn: Gwida għat-Tranżizzjoni (Emendi għall-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 10, 11, u 12) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 95, 5.4.2013, p. 9–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/313/oj

    5.4.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 95/9


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 313/2013

    tal-4 ta’ April 2013

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' Rapporti Finanzjarji Konsolidati, Arranġamenti Konġunti u Divulgazzjoni ta' Interess f'Entitajiet Oħrajn: Gwida għat-Tranżizzjoni (Emendi għall-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju 10, 11, u 12)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

    (2)

    Fit-28 ta' Ġunju 2012, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) ippubblika emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 10 Rapporti Finanzjarji Konsolidati, IFRS 11 Arranġamenti Konġunti, IFRS 12 Divulgazzjoni ta' Interessi f'Entitajiet Oħrajn (l-emendi) li jirriżultaw mill-proposti li jinsabu fl-abbozz ta' esponiment tal-Gwida għat-Tranżizzjoni li ġie ppubblikat f'Diċembru 2011. L-għan tal-emendi huwa li tiġi ċċarata l-intenzjoni tal-IASB mal-ħruġ inizjali tal-gwida għat-tranżizzjoni fl-IFRS 10. L-emendi jipprovdu eżentar addizjonali ta' tranżizzjoni fl-IFRS 10, IFRS 11 u IFRS 12, biex b'hekk ir-rekwiżit li tiġi pprovduta informazzjoni komparattiva aġġustata jkun limitat biss għall-perjodu komparattiv ta' qabel. Minbarra dan, għad-divulgazzjonijiet relatati mal-entitajiet strutturati mhux konsolidati, l-emendi jneħħu r-rekwiżit li tiġi ppreżentata informazzjoni komparattiva għal perjodi qabel l-ewwel ma jiġi applikat l-IFRS 12.

    (3)

    L-emendi għall-IFRS 11 jinkludu referenzi għall-IFRS 9 li attwalment ma jistgħux jiġu applikati billi l-IFRS 9 għadu ma ġiex adottat mill-Unjoni. Għalhekk kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandha tinqara bħala referenza għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS) 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl.

    (4)

    Il-konsultazzjoni mal-Grupp Tekniku ta’ Esperti (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rapportar Finanzjarju (EFRAG) tikkonferma li l-emendi għall-IFRS 10, l-IFRS 11 u l-IFRS 12 jissodisfaw il-kriterji tekniċi għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (6)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabbiltà,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    L-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 10 Rapporti Finanzjarji Konsolidati, huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

    (b)

    L-IFRS 11 Arranġamenti Konġunti huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

    (c)

    L-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju huwa emendat skont l-IFRS 11 kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (d)

    L-IFRS 12 Divulgazzjoni ta’ Interessi f’Entitajiet Oħrajn huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

    2.   Kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandha tinqara bħala referenza għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl.

    Artikolu 2

    Kwalunkwe kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1(1), sa mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2014 jew wara.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ April 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.


    ANNESS

    STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABBILTÀ

    IFRS 10

    IFRS 10

    Rapporti Finanzjarji Konsolidati

    IFRS 11

    IFRS 11

    Arranġamenti Konġunti

    IFRS 12

    IFRS 12

    Divulgazzjoni ta’ Interessi f’Entitajiet Oħrajn

    "Riproduzzjoni awtorizzata fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra ż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni għall-użu personali jew għal finijiet leġittimi oħra. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq is-sit www.iasb.org"

    Rapporti finanzjarji konsolidati, Arranġamenti Konġunti u Divulgazzjoni ta’ Interessi f’Entitajiet Oħra: Gwida ta’ Tranżizzjoni

    (Emendi għall-IFRS 10, IFRS 11 u IFRS 12)

    Emendi għall-IFRS 10 Rapporti Finanzjarji Konsolidati

    Fl-Appendiċi C, il-paragrafu C1A huwa miżjud.

    C1A

    Rapporti Finanzjarji Konsolidati, Arranġamenti Konġunti u Divulgazzjoni ta' Interessi f'Entitajiet Oħra: Gwida ta’ Tranżizzjoni (Emendi għall-IFRS 10, IFRS 11u IFRS 12), maħruġa f'Ġunju 2012, emendat il-paragrafi C2–C6 u żiedet il-paragrafi C2A, C2B, C4A–C4C, C5A u C6A–C6B. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2013 jew wara. Jekk entità tapplika l-IFRS 10 għal perjodu aktar kmieni, għandha tapplika dawk l-emendi għal dak il-perjodu aktar kmieni.

    Fl-Appendiċi C, il-paragrafu C2 huwa emendat.

    C2

    Entità għandha tapplika dan l-IFRS b'mod retrospettiv, skont l-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji, ħlief kif speċifikat fil-paragrafi C2A–C6.

    Fl-Appendiċi C, il-paragrafi C2A, C2B huma miżjuda.

    C2A

    Minkejja r-rekwiżiti tal-paragrafu 28 tal-IAS 8, meta dan l-IFRS jiġi applikat għall-ewwel darba, entità jeħtiġielha biss tippreżenta l-informazzjoni kwantitattiva meħtieġa mill-paragrafu 28(f) tal-IAS 8 għall-perjodu annwali immedjatament preċedenti d-data tal-applikazzjoni inizjali ta’ dan l-IFRS (“il-perijodu immedjatament preċedenti”). Entità tista’ wkoll tippreżenta din l-informazzjoni għall-perjodu attwali jew għal perjodi komparattiv aktar qabel, iżda mhix meħtieġa tagħmel hekk.

    C2B

    Għall-finijiet ta' dan l-IFRS, id-data tal-applikazzjoni inizjali hija l-bidu tal-perjodu ta’ rappurtar annwali li dan l-IFRS huwa applikat għalih għall-ewwel darba.

    Fl-Appendiċi C, il-paragrafi C3-C4 huma emendati. Il-paragrafu C4 inqasam fil-paragrafi C4 u C4A

    C3

    Fid-data tal-applikazzjoni inizjali, entità mhux meħtieġa tagħmel aġġustamenti tal-kontabbiltà preċedenti għall-involviment tagħha ma ' (a) jew (b):

    (a)

    entitajiet li jkunu konsolidati f'dik id-data skont l-IAS 27 Rapporti Finanzjarji Konsolidati u Separati u SIC12 Konsolidament—Entitajiet b’Għanijiet Speċjali u, skont dan l-IFRS, għadhom konsolidati; jew

    (b)

    entitajiet li mhux se jkunu konsolidati f'dik id-data skont l-IAS 27 u SIC-12, u mhumiex konsolidati skont dan l-IFRS.

    C4

    Jekk, fid-data tal-applikazzjoni inizjali, investitur jikkonkludi li għandu jikkonsolida entità li fiha jsir investiment li ma kinitx konsolidata skont l-IAS 27 u SIC-12, l-investitur għandu:

    (a)

    jekk l-entità li fiha jsir investiment tkun negozju (kif definit fl-IFRS 3 Kombinamenti ta' Negozji), ikejjel l-assi, l-obbligazzjonijiet u l-interessi nonkontrollanti f'dik l-entità li fiha jsir investiment daqs li kieku dik l-entità li fiha jsir investiment kienet konsolidata (u għalhekk kienet applikat il-kontabbiltà ta' akkwiżizzjoni skont l-IFRS 3) mid-data li fiha l-investitur ikun kiseb il-kontroll ta' dik l-entità li fiha jsir investiment fuq il-bażi tar-rekwiżiti ta' dan l-IFRS. L-investitur għandu jaġġusta retrospettivament il-perjodu annwali immedjatament preċedenti d-data tal-applikazzjoni inizjali. Meta d-data li fiha jkun inkiseb il-kontroll tkun qabel il-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti, l-investitur għandu jirrikonoxxi, bħala aġġustament għall-ekwità fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti, kwalunkwe differenza bejn:

    (i)

    l-ammont ta' assi, obbligazzjonijiet u interessi nonkontrollanti rikonoxxuti; u

    (ii)

    l-ammont riportat preċedenti tal-involviment tal-investitur fl-entità li fiha jsir investiment.

    (b)

    jekk l-entità li fiha jsir investiment ma tkunx negozju (kif definit fl-IFRS 3), ikejjel l-assi, l-obbligazzjonijiet u l-interessi nonkontrollanti f'dik l-entità li fiha jsir investiment li qabel ma kinitx konsolidata (billi jiġi applikat il-metodu tal-akkwiżizzjoni kif deskritt fl-IFRS 3 mingħajr ma jiġi rikonoxxut l-ebda avvjament għall-entità li fiha jsir investiment) mid-data li fiha l-investitur ikun kiseb il-kontroll ta' dik l-entità li fiha jsir investiment fuq il-bażi tar-rekwiżiti ta' dan l-IFRS. L-investitur għandu jaġġusta retrospettivament il-perjodu annwali immedjatament preċedenti d-data tal-applikazzjoni inizjali. Meta d-data li fiha jkun inkiseb il-kontroll tkun qabel il-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti, l-investitur għandu jirrikonoxxi, bħala aġġustament għall-ekwità fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti, kwalunkwe differenza bejn:

    (i)

    l-ammont ta' assi, obbligazzjonijiet u interessi nonkontrollanti rikonoxxuti; u

    (ii)

    l-ammont riportat preċedenti tal-involviment tal-investitur fl-entità li fiha jsir investiment.

    C4A

    Jekk il-kejl tal-assi, l-obbligazzjonijiet u l-interess nonkontrollanti tal-entità li fiha jsir investiment skont il-punt C4(a) jew (b) ikun imprattikabbli (kif definit fl-IAS 8), l-investitur għandu:

    (a)

    jekk l-entità li fiha jsir investiment tkun negozju, japplika r-rekwiżiti tal-IFRS 3 mid-data li titqies id-data tal-akkwiżizzjoni. Id-data meqjusa tal-akkwiżizzjoni għandha tkun il-bidu tal-aktar perjodu kmieni li għalih tkun prattikabbli l-applikazzjoni tal-paragrafu C4(a), li jista' jkun il-perjodu attwali.

    (b)

    jekk l-entità li fiha jsir investiment ma tkunx negozju, japplika l-metodu tal-akkwiżizzjoni kif deskritt fl-IFRS 3 mingħajr ma jirrikonoxxi l-ebda avvjament għall-entità li fiha jsir investiment mid-data meqjusa tal-akkwiżizzjoni. Id-data meqjusa tal-akkwiżizzjoni għandha tkun il-bidu tal-aktar perjodu kmieni li għalih tkun prattikabbli l-applikazzjoni tal-paragrafu C4(b), li jista' jkun il-perjodu attwali.

    L-investitur għandu jaġġusta retrospettivament il-perjodu annwali immedjatament qabel id-data preċedenti tal-applikazzjoni inizjali, sakemm il-bidu tal-aktar perjodu bikri li għalih l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu tkun prattikabbli mhuwiex il-perjodu attwali. Meta d-data meqjusa tal-akkwiżizzjoni tkun aktar kmieni mill-perjodu immedjatament preċedenti, l-investitur għandu jirrikonoxxi, bħala aġġustament għall-ekwità fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti, kwalunkwe differenza bejn:

    (c)

    l-ammont ta' assi, obbligazzjonijiet u interessi nonkontrollanti rikonoxxuti; u

    (d)

    l-ammont riportat preċedenti tal-involviment tal-investitur fl-entità li fiha jsir investiment.

    Jekk perjodu l-aktar kmieni li għalih l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu hija prattikabbli jkun il-perjodu attwali, l-aġġustament għall-ekwità għandu jiġi rikonoxxut fil-bidu tal-perjodu attwali.

    Fl-Appendiċi C, il-paragrafi C4B-C4C huma miżjuda.

    C4B

    Meta investitur japplika l-paragrafi C4–C4A u d-data li fiha nkiseb dak il-kontroll skont dan l-IFRS tkun aktar tard mid-data effettiva tal-IFRS 3 kif rivedut fl-2008 (IFRS 3 (2008)), ir-referenza għall-IFRS 3 fil-paragrafi C4 u C4A għandha tkun għall-IFRS 3 (2008). Jekk il-kontroll inkiseb qabel id-data effettiva tal-IFRS 3 (2008), investitur għandu japplika jew l-IFRS 3 (2008) jew l-IFRS 3 (maħruġ fl-2004).

    C4C

    Meta investitur japplika l-paragrafi C4–C4A u d-data li fiha nkiseb il-kontroll skont dan l-IFRS tkun aktar tard mid-data effettiva tal-IAS 27 kif rivedut fl-2008 (IAS 27 (2008)), investitur għandu japplika r-rekwiżiti ta’ dan l-IFRS għall-perjodi kollha li l-entità li fiha jsir investiment tkun retrospettivament ikkonsolidata f'konformità mal-paragrafi C4–C4A. Jekk il-kontroll ikun inkiseb qabel id-data effettiva tal-IAS 27 (2008), investitur għandu japplika jew:

    (a)

    ir-rekwiżiti ta’ dan l-IFRS għall-perjodi kollha li l-entità li fiha jsir investiment tkun retrospettivament konsolidati f'konformità mal-paragrafi C4–C4A; jew

    (b)

    ir-rekwiżiti tal-verżjoni tal-IAS 27 maħruġa fl-2003 (l-IAS 27 (2003)) għal dawk il-perjodi qabel id-data effettiva tal-IAS 27 (2008) u minn wara dik id-data r-rekwiżiti ta’ dan l-IFRS għall-perjodi sussegwenti.

    Fl-Appendiċi C, il-paragrafi C5-C6 huma emendati. Il-paragrafu C5 inqasam fil-paragrafi C5 u C5A.

    C5

    Jekk, fid-data tal-applikazzjoni inizjali, investitur jikkonkludi li mhux se jibqa' jikkonsolida entità li fiha jsir investiment li kienet konsolidata skont l-IAS 27 u SIC-12, l-investitur għandu jkejjel l-interess tiegħu fl-entità li fiha jsir investiment bħala l-ammont li kien jitkejjel kieku r-rekwiżiti ta' dan l-IFRS kienu effettivi meta l-investitur sar involut (iżda ma kisibx kontroll skont dan l-IFRS), f'entità li fiha jsir investiment jew tilef il-kontroll fiha. L-investitur għandu jaġġusta retrospettivament il-perjodu annwali immedjatament preċedenti d-data tal-applikazzjoni inizjali. Meta d-data li fiha l-investitur ikun sar involut (iżda ma kisibx kontroll skont dan l-IFRS) f'entità li fiha jsir investiment, jew tilef il-kontroll fiha, tkun qabel il-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti, l-investitur għandu jirrikonoxxi, bħala aġġustament għall-ekwità fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti, kwalunkwe differenza bejn:

    (a)

    l-ammont riportat preċedenti ta' assi, obbligazzjonijiet u interessi nonkontrollanti; u

    (b)

    l-ammont rikonoxxut tal-interess tal-investitur f'dik l-entità li fiha jsir investiment.

    C5A

    Jekk il-kejl tal-interess fl-entità li fiha jsir investiment skont il-paragrafu C5 mhux prattikabbli (kif definit fl-IAS 8), investitur għandu japplika r-rekwiżiti ta’ dan l-IFRS fil-bidu tal-aktar perjodu bikri li għalih l-applikazzjoni tal-paragrafu C5 tkun prattikabbli, li jista' jkun il-perjodu attwali. L-investitur għandu jaġġusta retrospettivament il-perjodu annwali immedjatament qabel id-data preċedenti tal-applikazzjoni inizjali, sakemm il-bidu tal-aktar perjodu bikri li għalih l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu tkun prattikabbli mhuwiex il-perjodu attwali. Meta d-data li fiha l-investitur ikun sar involut (iżda ma kisibx kontroll skont dan l-IFRS) f'entità li fiha jsir investiment, jew tilef il-kontroll fiha, tkun qabel il-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti, l-investitur għandu jirrikonoxxi, bħala aġġustament għall-ekwità fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti, kwalunkwe differenza bejn:

    (a)

    l-ammont riportat preċedenti ta' assi, obbligazzjonijiet u interessi nonkontrollanti; u

    (b)

    l-ammont rikonoxxut tal-interess tal-investitur f'dik l-entità li fiha jsir investiment.

    Jekk perjodu l-aktar kmieni li għalih l-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu hija prattikabbli jkun il-perjodu attwali, l-aġġustament għall-ekwità għandu jiġi rikonoxxut fil-bidu tal-perjodu attwali.

    C6

    Il-paragrafi 23, 25, B94 u B96–B99 kienu emendi għall-IAS 27 magħmula fl-2008 li ttellgħu fl-IFRS 10. Ħlief meta entità tapplika l-paragrafu C3, jew tkun meħtieġa tapplika l-paragrafi C4-C5A, l-entità għandha tapplika r-rekwiżiti f'dawk il-paragrafi kif ġej:

    (a)

    Fl-Appendiċi C, intestatura u l-paragrafi C6Aa–C6B huma miżjuda.

    Referenzi għal “il-perjodu immedjatament preċedenti”

    C6A

    Minkejja referenzi għall-perjodu annwali immedjatament preċedenti d-data tal-applikazzjoni inizjali (il-‧perjodu immedjatament preċedenti‧) fil-paragrafi C4-C5A, entità tista’ wkoll tippreżenta informazzjoni komparattiva aġġustata għal kwalunkwe perjodu preċedenti preżentat, iżda mhux meħtieġa tagħmel hekk. Jekk entità ma tippreżentax informazzjoni komparattiva aġġustata għal perjodi preċedenti, ir-referenzi kollha għal “il-perjodu immedjatament preċedenti” fil-paragrafi C4–C5A għandhom jinqraw bħala “l-aktar perjodu kmieni komparattiv aġġustat ippreżentat”.

    C6B

    Jekk entità tippreżenta informazzjoni komparattiva mhux aġġustata għal kwalunkwe perjodu preċedenti, għandha tidentifika b'mod ċar l-informazzjoni li ma ġietx aġġustata, tiddikjara li tħejjiet fuq bażi differenti, u tispjega dik il-bażi.

    Emendi għall-IFRS 11 Arranġamenti Konġunti

    Fl-Appendiċi C, il-paragrafi C1A-C1B huma miżjuda.

    C1A

    Rapporti Finanzjarji Konsolidati, Arranġamenti Konġunti u Divulgazzjoni ta' Interessi f'Entitajiet Oħra: Gwida ta’ Tranżizzjoni (Emendi għall-IFRS 10, IFRS 11u IFRS 12), maħruġa f'Ġunju 2012, emendat il-paragrafi C2–C5, C7-C10 u C12 u żiedet il-paragrafi C1B u C12A–C12B. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2013 jew wara. Jekk entità tapplika l-IFRS 11 għal perjodu aktar kmieni, għandha tapplika dawk l-emendi għal dak il-perjodu aktar kmieni.

    Tranżizzjoni

    C1B

    Minkejja r-rekwiżiti tal-paragrafu 28 tal-IAS 8 Politiki ta’ Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta’ Kontabilità u Żbalji, meta dan l-IFRS jiġi applikat għall-ewwel darba, entità jeħtiġielha biss tippreżenta l-informazzjoni kwantitattiva meħtieġa mill-paragrafu 28(f) tal-IAS 8 għall-perjodu annwali immedjatament preċedenti l-ewwel prejodu annwali li għalih jiġi applikat l-IFRS 11 (il-‧perjodu immedjatament preċedenti‧). Entità tista’ wkoll tippreżenta din l-informazzjoni għall-perjodu attwali jew għal perjodi komparattiv aktar qabel, iżda mhix meħtieġa tagħmel hekk.

    Fl-Appendiċi C, il-paragrafi C2–C5, C7–C10 u C12 huma emendati.

    Impriżi konġunti—tranżizzjoni minn konsolidazzjoni proporzjonata għall-metodu tal-ekwità

    C2

    Meta taqleb minn konsolidazzjoni proporzjonata għall-metodu tal-ekwità, entità għandha tirrikonoxxi l-investiment tagħha fl-impriża konġunta kif kien fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti. Dak l-investiment inizjali għandu jitkejjel bħala t-total tal-ammonti riportati tal-assi u l-obbligazzjonijiet li l-entità kienet ikkonsolidat proporzjonalment qabel, inkluż kwalunkwe avvjament li jirriżulta mill-akkwiżizzjoni. Jekk l-avvjament qabel kien jappartjeni lil unità ġenetrattriċi tal-flus akbar, jew ta' grupp ta’ unitajiet ġeneraturi tal-flus, l-entità għandha talloka l-avvjament lill-impriża konġunta abbażi tal-ammonti riportati relattivi tal-impriża konġunta u l-unità ġeneratriċi tal-flus jew il-grupp ta’ unitajiet ġeneraturi tal-flus li kien jappartjeni lilhom.

    C3

    Il-bilanċ tal-ftuħ tal-investiment iddeterminat skont il-paragrafu C2 jitqies bħala l-kost preżunt tal-investiment mar-rikonoxximent inizjali. Entità għandha tapplika l-paragrafi 40-43 tal-IAS 28 (kif emendat fl-2011) mal-bilanċ tal-ftuħ tal-investiment biex tivvaluta jekk l-investiment huwiex indebolit u għandha tirrikonoxxi kwalunkwe telf minn indeboliment bħala aġġustament tal-qligħ imfaddal fil-bidu tal-aktar perjodu immedjatament preċedenti. L-eċċezzjoni tar-rikonoxximent inizjali fil-paragrafi 15 u 24 tal-IAS 12 Taxxi fuq l-Introjti ma tapplikax meta l-entità tirrikonoxxi investiment f’impriża konġunta li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta' tranżizzjoni għal impriżi konġunti li qabel kienu ġew konsolidati proporzjonalment.

    C4

    Jekk l-aggregat tal-assi u l-obbligazzjonijiet kollha li qabel kienu kkonsolidati proporzjonalment jirriżulta f’assi netti negattivi, entità għandha tivvaluta jekk ikollhiex obbligi ġuridiċi jew kostruttivi b’rabta mal-assi netti negattivi u, jekk iva, l-entità għandha tirrikonoxxi l-obbligazzjoni korrispondenti. Jekk l-entitià tikkonkludi li ma għandhiex obbligi ġuridiċi jew kostruttivi b’rabta mal-assi netti negattivi, hi ma għandhiex tirrikonoxxi l-obbligazzjoni korrispondenti iżda għandha taġġusta l-qligħ imfaddal fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti. L-entità għandha tiddivulga dan il-fatt, flimkien mas-sehem kumulattiv mhux rikonoxxut tagħha fit-telf tal-impriżi konġunti tagħha kif kienu fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti u fid-data li fiha jiġi applikat għall-ewwel darba dan l-IFRS.

    C5

    Entità għandha tiddivulga rendikont dettaljat tal-assi u l-obbligazzjonijiet li jkunu ġew aggregati fil-bilanċ tal-investiment fuq linja waħda kif kienu fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti. Dik id-divulgazzjoni għandha titħejja b'mod aggregat għall-impriżi konġunti kollha li għalihom entità tapplika r-rekwiżiti ta’ tranżizzjoni msemmija fil-paragrafi C2-C6.

    C6

    Operazzjonijiet konġunti—tranżizzjoni mill-metodu tal-ekwità għall-kontabilità għall-assi u l-obbligazzjonijiet

    C7

    Meta taqleb mill-metodu tal-ekwità għall-kontabilità għall-assi u l-obbligazzjonijiet fir-rigward tal-interess tagħha f'operazzjoni konġunta, entità għandha, fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti, tirtira r-rikonoxximent tal-investiment li qabel kontabilizzat bl-użu tal-metodu tal-ekwità u ta' kwalunkwe entrata oħra li kienet tagħmel parti mill-investiment nett tal-entità fl-arranġament skont il-paragrafu 38 tal-IAS 28 (kif emendat fl-2011) u tirrikonoxxi s-sehem tagħha f'kull wieħed mill-assi u l-obbligazzjonijiet fir-rigward tal-interess tagħha fl-operazzjoni konġunta, inkluż kwalunkwe avvjament li seta' għamel parti mill-ammont riportat tal-investiment.

    C8

    Entità għandha tiddetermina l-interess tagħha fl-assi u l-obbligazzjonijiet b’rabta mal-operazzjoni konġunta abbażi tad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tagħha fi proporzjon speċifikat skont l-arranġament kuntrattwali. Entità tkejjel l-ammonti riportati inizjali tal-assi u l-obbligazzjonijiet billi tiddiżaggregahom mill-ammont riportat tal-investiment fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti abbażi tal-informazzjoni użata mill-entità fl-applikazzjoni tal-metodu tal-ekwità.

    C9

    Kwalunkwe differenza li tirriżulta mill-investiment li qabel kien kontabilizzat bl-użu tal-metodu tal-ekwità flimkien ma’ kwalunkwe entrata oħra li kienet tagħmel parti mill-investiment nett tal-entità fl-arranġament skont il-paragrafu 38 tal-IAS 28 (kif emendat fl-2011), u l-ammont nett tal-assi u l-obbligazzjonijiet, inkluż kwalunkwe avvjament, rikonoxxuti għandhom jiġu:

    (a)

    paċuti ma' kwalunkwe avvjament marbut mal-investiment bi kwalunkwe differenza li tifdal tiġi aġġustata mal-qligħ imfaddal fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti, jekk l-ammont nett tal-assi u l-obbligazzjonijiet, inkluż kwalunkwe avvjament, rikonoxxut ikun ogħla mill-investiment (u kwalunkwe entrata oħra li kienet tagħmel parti mill-investiment nett tal-entità) li jiġi rtirat ir-rikonoxximent tiegħu.

    (b)

    aġġustati mal-qligħ imfaddal fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti, jekk l-ammont nett tal-assi u l-obbligazzjonijiet, inkluż kwalunkwe avvjament rikonoxxut ikun aktar baxx mill-investiment (u kwalunkwe entrata oħra li kienet tagħmel parti mill-investiment nett tal-entità) li jiġi rtirat ir-rikonoxximent tiegħu.

    C10

    Entità li taqleb mill-metodu tal-ekwità għall-kontabilità għall-assi u l-obbligazzjonijiet għandha tipprovdi rikonċiljazzjoni bejn l-investiment li jiġi rtirat ir-rikonoxximent tiegħu, u l-assi u l-obbligazzjonijiet rikonoxxuti, flimkien ma’ kwalunkwe differenza li jifdal aġġustata mal-qligħ imfaddal, fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti.

    C11

    Dispożizzjonijiet ta’ tranżizzjoni f’rapporti finanzjarji separati ta’ entità

    C12

    Entità li, skont il-paragrafu 10 tal-IAS 27, qabel kienet tikkontabilizza, fir-rapporti finanzjarji separati tagħha, l-interess tagħha f’operazzjoni konġunta bħala investiment skont il-kost jew skont l-IFRS 9 għandha:

    (a)

    tirtira r-rikonoxximent u tirrikonoxxi l-assi u l-obbligazzjonijiet fir-rigward tal-interess tagħha fl-operazzjoni konġunta bl-ammonti determinati skont il-paragrafi C7-C9.

    (b)

    tipprovdi rikonċiljazzjoni bejn l-investiment li ġie rtirat ir-rikonoxximent tiegħu u l-assi u l-obbligazzjonijiet rikonoxxuti, flimkien ma’ kwalunkwe differenza li tifdal aġġustata fi qligħ imfaddal, fil-bidu tal-perjodu immedjatament preċedenti.

    Fl-Appendiċi C, intestatura u l-paragrafi C12A–C12B huma miżjuda.

    Referenzi għal “il-perjodu immedjatament preċedenti”

    C12A

    Minkejja referenzi għal “il-perjodu immedjatament preċedenti” fil-paragrafi C2–C12, entità tista’ wkoll tippreżenta informazzjoni komparattiva aġġustata għal kwalunkwe perjodu preċedenti ppreżentat, iżda mhux meħtieġa tagħmel hekk. Jekk entità ma tippreżentax informazzjoni komparattiva aġġustata għal perjodi preċedenti, ir-referenzi kollha għal “il-perjodu immedjatament preċedenti” fil-paragrafi C2–C12 għandhom jinqraw bħala “l-aktar perjodu kmieni komparattiv aġġustat ippreżentat”.

    C12B

    Jekk entità tippreżenta informazzjoni komparattiva mhux aġġustata għal kwalunkwe perjodu preċedenti, għandha tidentifika b'mod ċar l-informazzjoni li ma ġietx aġġustata, tiddikjara li tħejjiet fuq bażi differenti, u tispjega dik il-bażi.

    Emendi għall-IFRS 11 Arranġamenti Konġunti

    Emendi konsegwenzjonali fl-IFRS 1 L-Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju

    Dan l-appendiċi jippreżenta emenda għall-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju li hija konsegwenza tal-ħruġ mill-Bord tal-emendi għall-IFRS 11 Arranġamenti Konġunti. Entità għandha tapplika dik l-emenda meta tapplika l-IFRS 1.

    IFRS 1 Adozzjoni għall-Ewwel Darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju

    Il-paragrafu 39S huwa miżjud.

    39S

    Rapporti Finanzjarji Konsolidati, Arranġamenti Konġunti u Divulgazzjoni ta' Interessi f'Entitajiet Oħra: Il-Gwida ta’ Tranżizzjoni (Emendi għall-IFRS 10, IFRS 11 u IFRS 12), maħruġa f'Ġunju 2012, emendat il-paragrafu D31. Entità għandha tapplika dik l-emenda meta tapplika l-IFRS 11 (kif emendat f'Ġunju 2012).

    Fl-Appendiċi D, il-paragrafu D31 huwa emendat.

    Arranġamenti konġunti

    D31

    Min jadotta għall-ewwel darba jista’ japplika d-dispożizzjonijiet ta’ tranżizzjoni tal-IFRS 11 bl-eċċezzjonijiet li ġejja.

    (a)

    Meta japplika d-dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni fl-IFRS 11, min jadotta għall-ewwel darba għandu japplika dawn id-dispożizzjonijiet fid-data ta' tranżizzjoni għall-IFRS.

    (b)

    Meta jaqleb minn konsolidazzjoni proporzjonata għall-metodu tal-ekwità, min jadotta għall-ewwel darba għandu jittestja l-investiment għall-indeboliment skont l-IAS 36 kif kien fid-data tat-tranżizzjoni għall-IFRS, irrispettivament jekk hemmx indikazzjoni li l-investiment jista’ jkun indebolit. Kwalunkwe indeboliment li jirriżulta għandu jiġi rikonoxxut bħala aġġustament fil-qligħ imfaddal fid-data tat-tranżizzjoni għall-IFRS.

    Emendi fl-IFRS 12 Divulgazzjoni ta’ Interessi f’Entitajiet Oħra

    Fl-Appendiċi C, il-paragrafi C1A u C2A–C2B huma miżjuda.

    C1A

    Rapporti Finanzjarji Konsolidati, Arranġamenti Konġunti u Divulgazzjoni ta' Interessi f'Entitajiet Oħra: Il-Gwida ta’ Tranżizzjoni (Emendi għall-IFRS 10, IFRS 11 u IFRS 12), maħruġa f'Ġunju 2012, żiedet il-paragrafi C2A–C2B. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2013 jew wara. Jekk entità tapplika l-IFRS 12 għal perjodu aktar kmieni, għandha tapplika dawk l-emendi għal dak il-perjodu aktar kmieni.

    C2

    C2A

    Ir-rekwiżiti tad-divulgazzjoni ta' dan l-IFRS ma għandhom għalfejn jiġu applikatI għall-ebda perjodu ppreżentat li jibda qabel il-perjodu annwali immedjatament preċedenti l-ewwel perjodu annwali li għalih jiġi applikat l-IFRS 12.

    C2B

    Ir-rekwiżiti tad-divulgazzjoni tal-paragrafi 24–31 u l-gwida korrispondenti fil-paragrafi B21–B26 ta’ dan l-IFRS ma għandhom għalfejn jiġu applikati għall-ebda perjodu ppreżentat li jibda qabel l-ewwel perjodu annwali li għalih ġie applikat l-IFRS 12.


    Top