Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1179

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1179/2012 tal- 10 ta’ Diċembru 2012 li jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta l-ħġieġ mormi ma jibqax jitqies bħala skart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    ĠU L 337, 11.12.2012, p. 31–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1179/oj

    11.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 337/31


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1179/2012

    tal-10 ta’ Diċembru 2012

    li jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta l-ħġieġ mormi ma jibqax jitqies bħala skart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Minn evalwazzjoni ta’ diversi flussi ta’ skart jirriżulta li s-swieq tar-riċiklaġġ għall-ħġieġ mormi għandhom jibbenefikaw mill-iżvilupp ta’ kriterji speċifiċi li jiddeterminaw meta l-ħġieġ mormi miksub mill-iskart ma jibqax jitqies bħala skart. Dawn il-kriterji għandhom jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien ambjentali. Għandhom ikunu mingħajr ħsara għall-klassifika tal-ħġieġ mormi bħala skart minn pajjiżi terzi.

    (2)

    Rapporti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea wrew li jeżistu kemm suq kif ukoll domanda għall-ħġieġ mormi biex jintużaw bħala materjal ta’ alimentazzjoni fl-industrija li tipproduċi l-ħġieġ. Il-ħġieġ mormi għandu għalhekk ikun suffiċjentament pur u għandu jissodisfa l-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti meħtieġa mill-industrija tal-produzzjoni tal-ħġieġ.

    (3)

    Il-kriterji li jiddeterminaw meta l-ħġieġ mormi ma jibqax jitqies bħala skart għandhom jiżguraw li l-ħġieġ li jirriżulta minn operazzjoni ta’ rkupru jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tal-industrija tal-produzzjoni tal-ħġieġ, ikun konformi mal-leġislazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti u ma jwassalx għal impatti kumplessivi avversi għall-ambjent jew għal saħħet il-bniedem. Ir-rapporti taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea wrew li l-kriterji proposti dwar l-iskart li jintuża bħala input fl-operazzjoni ta’ rkupru, dwar il-proċessi u t-tekniki ta’ trattament, kif ukoll dwar il-ħġieġ mormi li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru jissodisfaw dawk l-għanijiet peress li għandhom jirriżultaw fil-ġenerazzjoni ta’ ħġieġ mormi mingħajr proprjetajiet perikolużi u suffiċjentament ħieles minn komponenti mhux tal-ħġieġ.

    (4)

    Sabiex tkun żgurata l-konformità mal-kriterji, huwa xieraq li jkun ipprovdut li tinħareġ l-informazzjoni dwar il-ħġieġ mormi li ma baqax jitqies bħala skart u li tiġi implimentata sistema ta’ ġestjoni.

    (5)

    Sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw għall-kriterji li jiddeterminaw meta l-ħġieġ mormi ma jibqax jitqies bħala skart, huwa xieraq li jkun ipprovdut li jgħaddi perjodu ta’ żmien raġonevoli qabel ma’ dan ir-Regolament jibda japplika.

    (6)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta l-ħġieġ mormi intenzjonat għall-produzzjoni ta’ sustanzi jew oġġetti tal-ħġieġ fil-proċessi tat-tidwib mill-ġdid ma jibqax jitqies bħala skart.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2008/98/KE.

    Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    “ġieġ mormi” tfisser frak tal-ħġieġ iġġenerat mill-irkupru ta’ ħġieġ ta’ skart;

    2.

    “detentur” tfisser il-persuna fiżika jew legali li għandha fil-pussess tagħha l-ħġieġ mormi;

    3.

    “produttur” tfisser id-detentur li jittrasferixxi l-ħġieġ mormi lil detentur ieħor għall-ewwel darba bħala ħġieġ mormi li ma baqax jitqies bħala skart;

    4.

    “importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew legali stabbilita fl-Unjoni li tintroduċi ħġieġ mormi li ma baqax jitqies bħala skart fit-territorju doganali tal-Unjoni;

    5.

    “persunal ikkwalifikat” tfisser persunal li huwa kkwalifikat bl-esperjenza jew bit-taħriġ sabiex jimmonitorja u jivvaluta l-proprjetajiet tal-ħġieġ mormi;

    6.

    “spezzjoni viżwali” tfisser spezzjoni tal-ħġieġ mormi li tkopri l-partijiet kollha ta’ konsenja u li ssir permezz tas-sensi tal-bniedem jew kwalunkwe tagħmir mhux speċjalizzat;

    7.

    “konsenja” tfisser lott ta’ ħġieġ mormi li huwa maħsub sabiex jiġi kkonsenjat mingħand produttur lil detentur ieħor u li jista’ jinżamm f’unità tat-trasport waħda jew iktar, bħal kontenituri.

    Artikolu 3

    Kriterji għall-ħġieġ mormi

    Il-ħġieġ mormi ma għandux jibqa’ jitqies bħala skart fejn, mat-trasferiment mingħand il-produttur lil detentur ieħor, jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    1.

    il-ħġieġ mormi li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru huwa konformi mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness I;

    2.

    l-iskart użat bħala input għall-operazzjoni ta’ rkupru jkun konformi mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness I;

    3.

    l-iskart użat bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru ġie ttrattat skont il-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 3 tal-Anness I;

    4.

    il-produttur issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5;

    5.

    il-ħġieġ mormi huwa intenzjonat għall-produzzjoni ta’ sustanzi jew oġġetti tal-ħġieġ fil-proċessi tat-tidwib mill-ġdid.

    Artikolu 4

    Dikjarazzjoni tal-konformità

    1.   Il-produttur jew l-importatur għandu joħroġ, għal kull konsenja ta’ ħġieġ mormi, dikjarazzjoni tal-konformità li tkun konformi mal-mudell stabbilit fl-Anness II.

    2.   Il-produttur jew l-importatur għandu jittrażmetti d-dikjarazzjoni tal-konformità lid-detentur tal-konsenja ta’ ħġieġ mormi li jmiss. Il-produttur jew l-importatur għandhom iżommu kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità għal mill-inqas sena wara d-data tal-ħruġ tagħha u għandhom iqegħduha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti meta jintalbu jagħmlu dan.

    3.   Id-dikjarazzjoni tal-konformità tista’ tkun f’forma elettronika.

    Artikolu 5

    Sistema ta’ ġestjoni

    1.   Il-produttur għandu jimplimenta sistema ta’ ġestjoni adattata biex turi l-konformità mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 3.

    2.   Is-sistema ta’ ġestjoni għandu jkun fiha sett ta’ proċeduri dokumentati dwar kull wieħed mill-aspetti li ġejjin:

    (a)

    il-monitoraġġ tal-kwalità tal-ħġieġ mormi li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru kif stabbilit fit-Taqsima 1 tal-Anness I (inklużi t-teħid tal-kampjuni u l-analiżi);

    (b)

    l-aċċettazzjoni tal-kontroll tal-iskart li ntuża bħala input għall-operazzjoni ta’ rkupru kif stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Anness I;

    (c)

    il-monitoraġġ tal-proċessi u t-tekniki ta’ trattament deskritti fit-Taqsima 3 tal-Anness I;

    (d)

    ir-reazzjoni tal-konsumaturi dwar il-konformità mal-kwalità tal-ħġieġ mormi;

    (e)

    iż-żamma ta’ reġistri tar-riżultati tal-monitoraġġ imwettaq skont il-punti (a) sa (c);

    (f)

    ir-rieżami u t-titjib tas-sistema ta’ ġestjoni;

    (g)

    it-taħriġ tal-persunal.

    3.   Is-sistema ta’ ġestjoni għandha tippreskrivi wkoll ir-rekwiżiti speċifiċi għall-monitoraġġ stabbiliti fl-Anness I għal kull kriterju.

    4.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li kiseb akkreditazzjoni skont dak ir-Regolament, jew verifikatur ambjentali, kif definit fl-Artikolu 2(20)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li huwa akkreditat jew liċenzjat skont dak ir-Regolament, għandu jivverifika li s-sistema ta’ ġestjoni hija konformi mar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu. Il-verifika għandha titwettaq kull tliet snin. Dawk il-verifikaturi biss li għandhom l-ambiti ta’ akkreditazzjoni jew ta’ liċenzja bbażati fuq il-Kodiċijiet NACE li ġejjin kif speċifikat fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huma kkunsidrati li għandhom esperjenza speċifika suffiċjenti biex iwettqu l-verifika msemmija f’dan ir-Regolament:

    * Kodiċi NACE 38 (Ġbir ta’ skart, trattament u attivitajiet ta’ rimi; irkupru ta’ materjal), jew

    * Kodiċi NACE 23.1 (Manifattura tal-ħġieġ u prodotti tal-ħġieġ).

    5.   L-importatur għandu jesiġi li l-fornituri tiegħu jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni li tkun konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu u li tkun ġiet ivverifikata minn verifikatur estern indipendenti.

    Is-sistema ta’ ġestjoni tal-fornitur għandha tkun iċċertifikata minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità li huwa akkreditat minn korp ta’ akkreditazzjoni li jkun għadda b’suċċess minn evalwazzjoni minn pari għal din l-attività mill-korp rikonoxxut fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008; jew minn verifikatur ambjentali li huwa akkreditat jew liċenzjat minn korp ta’ akkreditazzjoni jew ta’ liċenzjar skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 li huwa wkoll suġġett għall-evalwazzjoni minn pari skont l-Artikolu 31 ta’ dak ir-Regolament, rispettivament.

    Il-verifikaturi li jridu joperaw f’pajjiżi terzi jridu jiksbu akkreditazzjoni jew liċenzja speċifika, skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2011/832/UE (5).

    6.   Il-produttur għandu jagħti aċċess għas-sistema ta’ ġestjoni lill-awtoritajiet kompetenti meta dawn jitolbuh.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-11 ta' Ġunju 2013.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

    (2)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

    (3)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1.

    (4)  ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.

    (5)  ĠU L 330, 14.12.2011, p. 25.


    ANNESS I

    Kriterji għall-ħġieġ mormi

    Kriterji

    Rekwiżiti ta’ awtomonitoraġġ

    Taqsima 1:   Kwalità tal-ħġieġ mormi li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru

    1.1.

    Il-ħġieġ mormi għandu jkun konformi ma’ speċifikazzjoni tal-konsumatur, speċifikazzjoni tal-industrija jew standard għall-użu dirett fil-produzzjoni ta’ sustanzi jew ta’ oġġetti tal-ħġieġ permezz ta’ tidwib mill-ġdid fil-faċilitajiet tal-manifattura tal-ħġieġ.

    Persunal ikkwalifikat għandu jivverifika li kull konsenja tkun konformi mal-ispeċifikazzjoni x-xierqa.

    1.2.

    Il-kontenut tal-komponenti mhux tal-ħġieġ li ġejjin għandhom ikunu:

    Metalli ferrużi: ≤ 50 ppm;

    Metalli mhux ferrużi: ≤ 60 ppm;

    Sustanzi inorganiċi mhux tal-ħġieġ mhux tal-metall:

    ≤ 100 ppm għall-ħġieġ mormi ta’ daqs > 1 mm;

    ≤ 1 500  ppm għall-ħġieġ mormi ta’ daqs ≤ 1 mm;

    Sustanzi organiċi: ≤ 2 000  ppm.

    Eżempji ta’ sustanzi inorganiċi mhux tal-ħġieġ mhux tal-metall huma: iċ-ċeramika, il-ġebel, il-porċellana, il-piroċeramika.

    Eżempji ta’ sustanzi organiċi huma: il-karta, il-gomma, il-plastiks, it-tessuti, l-injam.

    Persunal ikkwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull konsenja.

    F’intervalli xierqa u soġġett għal rieżami jekk isiru bidliet sinifikanti fil-proċess tal-operat, kampjuni rappreżentattivi tal-ħġieġ mormi għandhom jiġu analizzati gravimetrikament biex jitkejjel it-total tal-komponenti mhux tal-ħġieġ. Il-kontenut tal-komponent mhux tal-ħġieġ għandu jiġi analizzat billi jintiżen wara s-separazzjoni mekkanika jew manwali (kif xieraq) tal-materjali li jkunu taħt spezzjoni viżwali bir-reqqa.

    Il-frekwenzi xierqa tal-monitoraġġ bit-teħid tal-kampjuni għandhom ikunu stabbiliti billi jiġu kkunsidrati l-fatturi li ġejjin:

    It-tendenza mistennija tal-varjabbiltà (pereżempju kif murija mir-riżultati storiċi).

    Ir-riskju inerenti ta’ varjabbiltà fil-kwalità tal-ħġieġ ta’ skart li ntuża bħala input għall-operazzjoni ta’ rkupru u kwalunkwe pproċessar sussegwenti; Il-ħġieġ skartat qabel ma jasal għand il-konsumaturi b’kompożizzjoni prevedibbli ħafna, probabbilment jeħtieġ monitoraġġ inqas frekwenti. Ħġieġ skartat minn ġabra multimaterjali jista’ jeħtieġ monitoraġġ iktar frekwenti.

    Il-preċiżjoni inerenti tal-metodu ta’ monitoraġġ.

    Il-qrubija tar-riżultati tal-kontenut tal-komponent mhux tal-ħġieġ mal-limiti indikati hawn fuq.

    Il-proċess tad-determinazzjoni tal-frekwenzi tal-monitoraġġ għandu jkun dokumentat bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni u għandu jkun disponibbli għall-awditjar.

    1.3.

    Il-ħġieġ mormi ma għandu juri l-ebda waħda mill-proprjetajiet perikolużi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE. Il-ħġieġ mormi għandu jkun konformi mal-limiti ta’ konċentrazzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE (1) u ma għandux jaqbeż il-limiti ta’ konċentrazzjoni stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    Persunal ikkwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull konsenja. Fejn l-ispezzjoni viżwali tqajjem xi suspett ta’ possibbiltà ta’ proprjetajiet perikolużi, għandhom jittieħdu iktar miżuri xierqa ta’ monitoraġġ, bħal teħid ta’ kampjuni u ttestjar fejn ikun xieraq.

    Il-persunal għandu jitħarreġ dwar il-proprjetajiet perikolużi potenzjali li jistgħu jkunu assoċjati mal-ħġieġ mormi u dwar il-komponenti jew il-karatteristiċi tal-materjali li jippermettu r-rikonoxximent tal-karatteristiċi perikolużi.

    Il-proċedura għar-rikonoxximent tal-materjali perikolużi għandha tkun iddokumentata skont is-sistema ta’ ġestjoni.

    Taqsima 2:   Skart użat bħala input għall-operazzjoni ta’ rkupru

    2.1.

    Jista’ jintuża biss bħala input skart mill-ġabra tal-ħġieġ ta’ kontenituri rikuperabbli, ħġieġ ċatt jew oġġetti tal-ħġieġ użati bħala pożati għall-ikel li jkunu mingħajr ċomb. Il-ħġieġ skartat miġbur jista’, b’mod mhux intenzjonat, ikun fih ammonti żgħar ta’ tipi oħra ta’ ħġieġ.

    Il-kontroll tal-aċċettazzjoni tal-iskart kollu li fiħ il-ħġieġ riċevut (permezz ta’ spezzjoni viżwali) u tad-dokumentazzjoni li takkumpanjah għandu jitwettaq minn persunal ikkwalifikat li jkun ingħata taħriġ dwar kif jagħraf l-iskart li fih il-ħġieġ li ma jissodisfax il-kriterji stabbiliti f’din it-Taqsima.

    2.2.

    L-iskart li fih il-ħġieġ minn skart solidu muniċipali mħallat jew skart mit-taqsima tas-saħħa ma għandux jintuża bħala input.

    2.3.

    L-iskart perikoluż ma għandux jintuża bħala input.

    Taqsima 3:   Proċessi u tekniki ta’ trattament

    3.1.

    L-iskart li fih il-ħġieġ għandu jkun ġie miġbur, isseparat u pproċessat u minn dak il-mument għandu jkun inżamm separat permanentament minn kwalunkwe skart ieħor.

    3.2.

    It-trattamenti kollha bħal: tkissir, raggruppament, separazzjoni, jew tindif, meħtieġa għall-preparazzjoni tal-ħġieġ mormi għall-użu dirett (permezz tat-tidwib mill-ġdid) fil-produzzjoni ta’ sustanzi jew oġġetti tal-ħġieġ, għandhom ikunu tlestew.

     


    (1)  ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3.

    (2)  ĠU L 229, 30.4.2004, p. 1.


    ANNESS II

    Dikjarazzjoni ta’ Konformità mal-kriterji li jiddeterminaw meta l-iskart ma jibqax jitqies bħala tali, imsemmija fl-Artikolu 4(1)

    1.

    Produttur/importatur tal-ħġieġ mormi:

    Isem:

    Indirizz:

    Kuntatt:

    Telefown:

    Feks:

    Posta elettronika:

    2.

    (a)

    Isem jew kodiċi tal-kategorija tal-ħġieġ mormi, skont speċifikazzjoni jew standard tal-industrija:

    (b)

    Dispożizzjonijiet tekniċi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni jew standard tal-industrija, inkluż il-konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità tal-prodott meta dan ma jibqax jitiqes bħala skart (End of Waste - EoW) għall-komponenti mhux tal-ħġieġ, jiġifieri l-kontenut ta’ metalli ferrużi, metalli mhux ferrużi, sustanzi inorganiċi u organiċi mhux tal-ħġieġ/mhux tal-metall:

    3.

    Il-konsenja tal-ħġieġ mormi hija konformi mal-ispeċifikazzjoni jew mal-istandard tal-industrija msemmija fil-Punt 2.

    4.

    Kwantità tal-konsenja f’kg:

    5.

    Il-produttur tal-ħġieġ mormi japplika sistema ta’ ġestjoni li hija konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1179/2012, li ġiet ivverifikata minn korp ta’ valutazzjoni tal-konformità akkreditat jew minn verifikatur ambjentali jew, f’każ li l-ħġieġ mormi li ma baqax jitqies bħala skart jiġi impurtat fit-territorju doganali tal-Unjoni, minn verifikatur indipendenti estern.

    6.

    Il-konsenja tal-ħġieġ mormi tissodisfa l-kriterji msemmija fil-paragrafi minn 1 sa 3 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1179/2012.

    7.

    Il-materjal f’din il-konsenja huwa intenzjonat esklussivament għall-użu dirett fil-produzzjoni ta’ sustanzi jew oġġetti tal-ħġieġ fil-proċessi ta’ tidwib mill-ġdid.

    8.

    Dikjarazzjoni tal-produttur/importatur tal-ħġieġ mormi:

    Jiena niċċertifika li sa fejn naf jiena l-informazzjoni mogħtija hawn fuq hija kompluta u korretta:

    Isem:

    Data:

    Firma:


    Top