Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1160

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1160/2012 tas- 7 ta’ Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 206/2010 fir-rigward tal-mudell taċ-ċertifikat veterinarju għall-annimali bovini domestiċi maħsubin għat-tranżitu mir-reġjuni ta’ Kaliningrad lejn reġjuni oħra tar-Russja mit-territorju tal-Litwanja Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 336, 8.12.2012, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0692

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/1160/oj

    8.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 336/9


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1160/2012

    tas-7 ta’ Diċembru 2012

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 206/2010 fir-rigward tal-mudell taċ-ċertifikat veterinarju għall-annimali bovini domestiċi maħsubin għat-tranżitu mir-reġjuni ta’ Kaliningrad lejn reġjuni oħra tar-Russja mit-territorju tal-Litwanja

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE tas-26 ta’ April 2004 li tistabbilixxi r-regoli tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni lejn u t-transitu matul il-Komunità għal ċerti annimali ungulati ħajjin, u temenda d-Direttivi 90/426/KEE u 92/65/KEE u tħassar id-Direttiva 72/462/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(e) u l-Artikolu 13(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2004/68/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għat-tranżitu mill-Unjoni tal-ungulati ħajjin. Hija tipprevedi li jistgħu jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi, inklużi mudelli taċ-ċertifikati veterinarji, għat-tranżitu fl-Unjoni ta’ ungulati ħajjin minn pajjiżi terzi awtorizzati, sakemm annimali bħal dawn jgħaddu mit-territorju tal-Unjoni b’approvazzjoni doganali u veterinarja uffiċjali u sorveljanza permezz ta’ postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntiera approvati u mingħajr l-ebda waqfa fit-territorju tal-Unjoni ħlief dawk meħtieġa għall-ġid tal-annimali.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti kunsinni ta’ annimali ħajjin, inklużi l-ungulati.L-Anness I ma’ dak ir-Regolament jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom minn fejn dawn il-kunsinni jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni, flimkien ma’ mudelli ta’ ċertifikati veterinarji li jakkumpanjaw dawk il-kunsinni.

    (3)

    Ir-rekwiżiti għat-tranżitu tal-annimali bovini ħajjin għat-tgħammir u l-produzzjoni mir-reġjun ta’ Kaliningrad (Kaliningradskaya oblast) mit-territorju tal-Litwanja, lejn reġjuni oħra tar-Russja, attwalment jipprevedu ċ-ċertifikazzjoni, inter alia, li qabel ma jiċċaqilqu l-annimali jkunu qagħdu fit-territorju ta’ Kaliningrad sa mit-twelid tagħhom jew tal-anqas għal sitt xhur qabel id-data li fiha jintbagħtu mill-Unjoni u mingħajr kuntatt ma’ annimali tal-ifrat impurtati fl-aħħar 30 jum.

    (4)

    Ir-Russja talbet li ssir reviżjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti, sabiex ikun jista’ jsir it-tranżitu mit-territorju tal-Litwanja ta’ annimali bovini ħajjin għat-tgħammir u l-produzzjoni li joriġinaw fl-Unjoni iżda li kienu ddaħħlu fir-reġjun ta’ Kaliningrad, mingħajr ir-rekwiżit li jirrikjedi li l-annimali jkunu nżammu għal perjodu minimu f’dak ir-reġjun.

    (5)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni favorevoli tas-saħħa tal-annimali fl-Unjoni, huwa xieraq li jiġi previst rekwiżit għal ċertifikazzjoni alternattiva għat-tranżitu ta’ annimali bħal dawn minn Kaliningrad mit-territorju tal-Litwanja, lejn partijiet oħra tat-territorju tar-Russja, permezz ta’ vetturi tat-triq. Madankollu, sabiex jiġi salvagwardjat l-istatus tas-saħħa tal-annimali tal-Unjoni, tranżitu bħal dan għandu jiġi permess biss meta tintwera ċertifikazzjoni xierqa li turi li, wara l-introduzzjoni tagħhom f’Kaliningrad, l-annimali nżammu f’faċilitajiet fejn jinżammu biss annimali tal-Unjoni.

    (6)

    Il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju “BOV-X-TRANSIT-RU”, stabbilit fil-Parti 2 tal-Anness I mar-Regolament (UE) Nru 206/2010 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (8)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fil-Parti 2 tal-Anness I mar-Regolament (UE) Nru 206/2010, il-mudell taċ-ċertifikat veterinarju BOV-X-TRANSIT-RU huwa sostitwit mit-test fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 321.

    (2)  ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1.


    ANNESS

    Il-Mudell BOV-X-TRANSIT-RU

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Top