Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1100

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1100/2012 tas- 26 ta' Novembru 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 101/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija

ĠU L 327, 27.11.2012, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1100/oj

27.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 327/16


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1100/2012

tas-26 ta' Novembru 2012

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 101/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK tal-31 ta' Jannar 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2011/72/PESK.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/724/PESK (3) tipprevedi l-emendar tad-Deċiżjoni 2011/72/PESK sabiex ikun permess ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati fejn dawn ikunu meħtieġa biex tiġi sodisfatta deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fi Stat Membru.

(3)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 101/2011 jikkonċerna l-informazzjoni li trid tingħata minn persuni, entitajiet u korpi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li għandha tintbagħat lill-Kummissjoni, sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità ma' dak ir-Regolament. F'konformità mal-Artikolu 9(2), kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew riċevuta għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet ipprovduta jew riċevuta. Madankollu, dan ma għandux iwaqqaf lill-Istati Membri milli jiskambjaw tali informazzjoni, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, mal-awtoritajiet rilevanti tat-Tuneżija u ta' Stati Membri oħra fejn ikun meħtieġ bil-fini li jassistu l-irkupru ta' assi misapproprjati.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 101/2011 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 101/2011 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 5

1.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikat fis-siti elettroniċi elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi fl-Artikolu 2 ġie elenkat fl-Anness I, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament sabiex jiġu ssodisfatti l-pretensjonijiet ggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni mhijiex għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu.".

(2)

L-Artikolu 6(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għaż-żieda fil-kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

ħlasijiet dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi fl-Artikolu 2 ġie elenkat fl-Anness I; jew

(c)

ħlasijiet dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fl-Unjoni jew infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat,

dment li tali imgħax, dħul ieħor u ħlasijiet jiġu ffriżati f'konformità mal-Artikolu 2(1).”.

(3)

Fl-Artikolu 9 jiżdied il-paragrafu li ġej:

"3.   Il-Paragrafu 2 ma għandux iwaqqaf lil Stati Membri milli jiskambjaw dik l-informazzjoni, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, mal-awtoritajiet rilevanti tat- Tuneżija u ta' Stati Membri oħra fejn ikun meħtieġ bil-fini li jassistu l-irkupru ta' assi misapproprjati.".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DEMOSTHENOUS


(1)  ĠU L 28, 2.2.2011, p. 62.

(2)  ĠU L 31, 5.2.2011, p. 1.

(3)  Ara paġna 45 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top