Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0510

Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO 2 minn vetturi ħfief Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019; Imħassar b' 32019R0631

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/510/oj

31.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/1


REGOLAMENT (UE) Nru 510/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Mejju 2011

li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/KE (3), tfittex li tistabbilizza l-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet b’effett serra fl-atmosfera għal livell li jipprevjeni l-interferenza antropoġenika perikoluża fis-sistema tal-klima. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, iż-żieda globali annwali fit-temperatura medja tal-wiċċ m’għandhiex taqbeż il-livelli pre-industrijali b’aktar minn 2 ° Celsius. Ir-raba’ Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp ta’ Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) juri li sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra għandhom jilħqu l-ogħla livelli tagħhom sas-sena 2020. Waqt il-laqgħa tiegħu tat-8-9 ta’ Marzu 2007, il-Kunsill Ewropew impenja ruħu bis-sħiħ li jnaqqas l-emissjonijiet ġenerali tal-gassijiet b’ effett serra fil-Komunità b’mill-inqas 20 % sas-sena 2020 meta mqabbla mal-emissjonijiet tal-1990 u bi 30 % dejjem jekk ikun hemm pajjiżi żviluppati oħrajn li jimpenjaw ruħhom fit-tnaqqis tal-emissjonijiet komparabbli u sakemm il-pajjiżi li ekonomikament huma l-aktar avvanzati fost dawk li qegħdin jiżviluppaw jimpenjaw ruħhom li jikkontribwixxu b’mod adegwat skont il-ħiliet rispettivi tagħhom.

(2)

Fl-2009, il-Kummissjoni temmet reviżjoni tal-Istrateġija ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Unjoni b’enfasi fuq il-problemi l-aktar urġenti għall-iżvilupp sostenibbli bħat-trasport, it-tibdil fil-klima, is-saħħa pubblika u l-konservazzjoni tal-enerġija.

(3)

Il-politika u l-miżuri għandhom jiġu implimentati fil-livell tal-Istati Membri u tal-Komunità fis-setturi kollha tal-ekonomija tal-Unjoni, u mhux biss fis-setturi tal-industrija u l-enerġija, bil-għan li jinkiseb it-tnaqqis meħtieġ fl-emissjonijiet. Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (4) tipprevedi għal tnaqqis medju ta’ 10 % meta mqabbel mal-livelli tal-2005 fis-setturi li mhumiex koperti mill-Iskema ta’ Negozjar għall-Emissjonijiet tal-UE, stabbilita mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (5), inkluż it-trasport bit-triq. It-trasport bit-triq huwa t-tieni l-akbar settur f’termini ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra fl-Unjoni, u l-emissjonijiet minn dan, inklużi dawk minn vetturi kummerċjali ħfief, qegħdin ikomplu jiżdiedu. Jekk l-emissjonijiet tat-trasport bit-triq ikomplu jiżdiedu, dawn sejrin jheddu b’mod sinifikanti t-tnaqqis li jagħmlu setturi oħra biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima.

(4)

Il-miri tal-Unjoni għall-vetturi tat-triq ġodda jipprovdu lill-manifatturi b’aktar ċertezza fl-ippjanar u aktar flessibbiltà biex jilħqu r-rekwiżiti għat-tnaqqis ta’ CO2 milli kieku permezz ta’ miri nazzjonali separati tat-tnaqqis. Fl-istabbiliment ta’ standards ta’ prestazzjoni għall-emissjonijiet, huwa importanti li jitqiesu l-implikazzjonijiet għas-swieq u l-kompetittività tal-manifatturi, l-ispejjeż diretti u indiretti imposti fuq in-negozju u l-benefiċċji li jakkumulaw f’dak li jirrigwarda l-istimulazzjoni tal-innovazzjoni u t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u fl-ispejjeż tal-karburant.

(5)

Sabiex tittejjeb il-kompetittività tal-industrija tal-karozzi Ewropea, skemi ta’ inċentivi bħall-kumpens għall-innovazzjonijiet ekoloġiċi u l-għoti ta’ superkrediti għandhom jintużaw.

(6)

Fil-Komunikazzjonijiet tagħha tas-7 ta’ Frar 2007 intitolati ‘Ir-riżultati tar-reviżjoni tal-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief’ u ‘Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21 (CARS21)’, il-Kummissjoni enfasizzat li l-għan tal-Komunità ta’ emissjonijiet medji ta’ 120 g CO2/km għall-flotta ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri mhuwiex sejjer jintlaħaq sas-sena 2012 jekk ma jittiħdux miżuri addizzjonali.

(7)

F’dawk il-Komunikazzjonijiet, ġie propost approċċ integrat bil-għan li tintlaħaq il-mira tal-Komunità ta’ emissjonijiet medji ta’ 120 g CO2/km minn karozzi ġodda tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief irreġistrati fil-Komunità sal-2012 billi jiffokaw fuq it-tnaqqis obbligatorju tal-emissjonijiet tas-CO2 biex jintlaħaq l-għan ta’ 130 g CO2/km għall-karozzi ġodda medji permezz ta’ titjib fit-teknoloġija tal-vetturi b’mutur u bi tnaqqis addizzjonali ta’ 10 g CO2/km, jew l-ekwivalenti jekk ikun teknikament meħtieġ, permezz ta’ titjib teknoloġiku ieħor, inkluż progress fil-konsum effiċjenti tal-karburant għall-vetturi kummerċjali ħfief.

(8)

Id-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-għan li jikkonċerna emissjonijiet minn vetturi kummerċjali ħfief għandhom ikunu konsistenti mal-qafas leġiżlattiv għall-implimentazzjoni tal-għanijiet li jikkonċernaw emissjonijiet mill-flotta ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief (6).

(9)

Il-qafas leġislattiv sabiex tintlaħaq il-mira ta’ emissjonijiet medji tal-flotta għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda għandu jiżgura li l-miri ta’ tnaqqis ikunu kompetittivament newtrali u soċjalment ġusti u sostenibbli u jqisu d-diversità tal-manifatturi tal-karozzi Ewropej u jevitaw kwalunkwe distorzjoni mhux ġustifikata tal-kompetizzjoni bejniethom. Il-qafas leġislattiv għandu jkun kompatibbli mal-għan globali li jintlaħqu l-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Unjoni u għandu jkun ikkumplimentat minn strumenti oħrajn aktar relatati mal-użu, bħal taxxi differenzjati tal-karozzi u l-enerġija jew miżuri li jillimitaw il-veloċità tal-vetturi kummerċjali ħfief.

(10)

Sabiex tinżamm id-diversità tas-suq tal-vetturi kummerċjali ħfief u l-kapaċità tiegħu li jindirizza l-ħtiġijiet differenti tal-konsumaturi, il-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi kummerċjali ħfief għandhom jiġu definiti skont l-utilità tal-vettura fuq bażi lineari. Il-massa hija parametru xieraq għad-deskrizzjoni ta’ din l-utilità billi tipprovdi korrelazzjoni mal-emissjonijiet preżenti u għalhekk tirriżulta f’miri aktar realistiċi u newtrali mil-lat ta’ kompetizzjoni. Barra minn hekk, id-data dwar il-massa hija aktar faċilment disponibbli. Għandha tinġabar id-data dwar il-parametri tal-utilità alternattiva bħad-“daqs tal-footprint” (wisa’ medja bejn rota u oħra mmoltiplikat bejn it-tul bejn rota u oħra) u dwar it-tagħbija li tinġarr sabiex jiġu ffaċilitati l-evalwazzjonijiet fuq perijodu itwal ta’ żmien tal-approċċ ibbażat fuq l-utilità.

(11)

Dan ir-Regolament jippromwovi attivament l-eko-innovazzjoni u jqis l-iżviluppi teknoloġiċi tal-ġejjieni li jistgħu jtejbu l-kompetittività tal-industrija tal-karozzi Ewropea fuq perijodu twil ta’ żmien u joħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità għolja. Bħala mezz biex jiġi vvalutat b’mod sistematiku t-titjib tal-emissjonijiet tal-eko-innovazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tqis il-possibbiltà li tinkludi miżuri ta’ eko-innovazzjoni fir-reviżjoni tal-proċeduri tat-testijiet skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (7), billi tqis l-impatti tekniċi u ekonomiċi tal-inklużjoni tagħhom.

(12)

Id-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 relatata mad-disponibilità ta’ tagħrif għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-karburanti u emissjonijiet tas-CO2 rigward il-marketing ta’ karozzi tal-passiġġieri ġodda (8) diġà jeżiġi li letteratura promozzjonali għall-karozzi tipprovdi lill-utent finali bid-data uffiċjali tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum uffiċjali tal-karburant tal-vettura. Il-Kummissjoni, fir-Rakkomandazzjoni 2003/217/KE tas-26 ta’ Marzu 2003 dwar l-applikazzjoni għal mezzi oħra tax-xandir tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/94/KE dwar il-letteratura promozzjonali (9), interpretat dan bħala l-inklużjoni tar-reklamar. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/94/KE għandu għalhekk jitwessa’ għall-vetturi kummerċjali ħfief, biex jiġi rikjest li r-riklamar għal kull vettura kummerċjali ħafifa jagħti lill-utenti aħħarin id-data uffiċjali dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum uffiċjali tal-karburant tal-vettura meta tkun żvelata informazzjoni dwar l-enerġija jew il-prezzijiet, sa mhux aktar tard mill-2014.

(13)

Bl-għarfien tal-ispejjeż għoljin ħafna għar-riċerka u l-iżvilupp u għall-produzzjoni għal kull unità ta’ ġenerazzjonijiet bikrija ta’ teknoloġiji tal-vetturi b’emissjonijiet baxxi ħafna tal-karbonju biex jiġu introdotti fis-suq wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, dan ir-Regolament jimmira li jaċċelera u jiffaċilita, fuq bażi temporanja, il-proċess tal-introduzzjoni fis-suq tal-Unjoni ta’ vetturi b’emissjonijiet tal-karbonju baxxi ferm fl-istadji bikrija tal-kummerċjalizzazzjoni.

(14)

L-użu ta’ ċerti karburanti alternattivi jista’ joffri tnaqqis sinifikanti ta’ CO2 mill-estrazzjoni sal-użu. Għalhekk dan ir-Regolament jinkorpora dispożizzjonijiet speċifiċi bil-għan li jippromwovu t-tqegħid ta’ ċerti vetturi b’karburant alternattiv fis-suq tal-Unjoni.

(15)

Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2012 u bl-għan li jittejjeb il-ġbir ta’ data dwar u l-kejl tal-konsum tal-karburant, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk temendax il-leġislazzjoni rilevanti sabiex jiġi inkluż obbligu għall-manifatturi li jitolbu l-approvazzjoni tat-tip għal vetturi tal-kategorija N1 kif definit fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (10) li jinkludu f’kull vettura strument li juri l-konsum tal-karburant.

(16)

Sabiex tiġi żgurata konsistenza mar-Regolament (KE) Nru 443/2009 u jiġu evitati l-abbużi, il-mira għandha tiġi applikata għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda li jiġu rreġistrati fl-Unjoni għall-ewwel darba u li ma jkunux ġew irreġistrati qabel barra mill-Unjoni għajr għal perijodu limitat.

(17)

Id-Direttiva 2007/46/KE tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u rekwiżiti tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L-entità responsabbli għall-konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tkun l-istess bħall-entità responsabbli għall-aspetti kollha tal-proċess tal-approvazzjoni tat-tip skont id-Direttiva 2007/46/KE u sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-produzzjoni.

(18)

Il-manifatturi għandu jkollhom il-flessibbiltà biex jiddeċiedu kif ser jilħqu l-miri tagħhom skont dan ir-Regolament u u għandhom jitħallew iqassmu l-emissjonijiet fuq il-flotta ġdida ta’ vetturi tagħhom aktar milli jkollhom jirrispettaw il-miri tal-emissjonijiet tas-CO2 għal kull vettura individwali. Il-manifatturi għalhekk għandhom ikunu meħtieġa jiżguraw li l-emissjoni speċifika medja għall-vetturi kummerċjali ħfief ġodda kollha li jiġu rreġistrati fl-Unjoni, li huma responsabbli għalihom ma teċċedix il-medja tal-miri tal-emissjonijiet għal dawk il-vetturi. Dan ir-rekwiżit għandu jiddaħħal gradwalment bejn l-2014 u l-2017 sabiex jiffaċilita l-introduzzjoni tiegħu. Dan huwa konsistenti maż-żmien għall-introduzzjoni gradwali meħtieġ u mat-tul taż-żmien għall-introduzzjoni gradwali stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 443/2009.

(19)

Sabiex jiġi żgurat li l-miri jirriflettu l-karatteristiċi tal-manifatturi żgħar u speċjalizzati u li huma konsistenti mal-potenzjal ta’ tnaqqis tal-manifattur, għandhom jiġu stabbiliti miri ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet alternattivi li jqisu l-potenzjal teknoloġiku tal-vetturi ta’ manifattur partikolari biex inaqqsu l-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 u li jkunu konsistenti mal-karatteristiċi tal-oqmsa tas-suq ikkonċernati. Din id-deroga għandha tkun koperta mir-reviżjoni tal-miri speċifiċi tal-emissjonijiet fl-Anness I, li għandha titlesta sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2013.

(20)

L-Istrateġija tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali ħfief stabbiliet approċċ integrat bil-għan li tintlaħaq il-mira tal-Unjoni ta’ 120 g CO2/km sas-sena 2012, filwaqt li ppreżentat ukoll viżjoni fuq perijodu itwal ta’ żmien ta’ tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet. Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 jissostanzja din l-opinjoni fuq perijodu itwal ta’ żmien billi jistabbilixxi mira ta’ 95 g CO2/km bħala emissjonijiet medji għall-flotta ta’ karozzi ġodda. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ dak l-approċċ u biex tingħata ċertezza fl-ippjanar għall-industrija, għandha tiġi stabbilita mira fit-tul għall-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief fl-2020.

(21)

Sabiex il-manifatturi tingħatalhom flessibbiltà biex ikunu jistgħu jilħqu l-miri tal-emissjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, il-manifatturi jistgħu jaqblu bejniethom biex jingħaqdu f’konsorzju miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju. Meta jiġi ffurmat konsorzju, il-miri tal-manifatturi individwali għandhom jiġu ssostitwiti b’mira konġunta għall-konsorzju li għandha tinkiseb b’mod kollettiv mill-membri tal-konsorzju.

(22)

L-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 ta’ vetturi kkompletati għandhom jiġu allokati lill-manifattur tal-vettura ta’ bażi.

(23)

Sabiex jiġi żgurat li l-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-effiċjenza tal-karburant tal-vetturi kkompletati jkunu rappreżentattivi, il-Kummissjoni għandha tipproponi proċedura speċifika u tikkunsidra, fejn ikun xieraq, reviżjoni tal-leġislazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip.

(24)

Huwa meħtieġ mekkaniżmu robust ta’ konformità sabiex jiġi żgurat li l-miri f’dan ir-Regolament jintlaħqu.

(25)

L-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda jitkejlu fuq bażi armonizzata fl-Unjoni skont il-metodoloġija stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 715/2007. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv tal-iskema, il-konformità għandha titkejjel permezz ta’ referenza għad-data dwar ir-reġistrazzjonijiet ta’ vetturi ġodda fl-Unjoni miġbura mill-Istati Membri u rrappurtata lill-Kummissjoni. Biex tiġi żgurata l-konsistenza tad-data li tintuża għall-valutazzjoni tal-konformità, ir-regoli għall-ġbir u r-rappurtar ta’ din id-data għandhom jiġu armonizzati kemm jista’ jkun.

(26)

Id-Direttiva 2007/46/KE tirrikjedi li l-manifatturi joħorġu ċertifikat ta’ konformità għal kull vettura kummerċjali ħafifa ġdida u li l-Istati Membri jippermettu r-reġistrazzjoni u d-dħul fis-servizz ta’ vettura kummerċjali ħafifa ġdida biss jekk din tkun akkumpanjata minn ċertifikat validu ta’ konformità. Id-data miġbura mill-Istati Membri għandha tkun konsistenti maċ-ċertifikat ta’ konformità maħruġ mill-manifattur tal-vettura kummerċjali ħafifa u għandha tkun ibbażata fuq dan id-dokument biss. Għandu jkun hemm database standard tal-Unjoni għal data dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-konformità. Din għandha tintuża bħala referenza unika li tippermetti li l-Istati Membri jżommu d-data ta’ reġistrazzjoni b’mod aktar faċli meta vetturi ġodda jiġu reġistrati.

(27)

Il-konformità tal-manifatturi mal-miri skont dan ir-Regolament għandha tiġi vvalutata fil-livell tal-Unjoni. Il-manifatturi li l-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 tagħhom jaqbżu dawk l-emissjonijiet permessi skont dan ir-Regolament, għandhom iħallsu primjum għall-emissjonijiet eċċessivi fir-rigward ta’ kull sena kalendarja mill-1 ta’ Jannar 2014. Il-primjum għandu jiġi mmodulat bħala funzjoni tal-firxa safejn il-manifatturi jonqsu milli jkunu konformi mal-mira tagħhom. Sabiex ikun żgurat li hemm konsistenza, il-mekkaniżmu tal-primjum għandu jkun simili għal dak stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 443/2009. L-ammonti tal-primjum għall-emissjonijiet eċċessivi għandhom jitqiesu bħala dħul għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

(28)

Kwalunkwe miżura nazzjonali li l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu skont l-Artikolu 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) m’għandhiex, b’konsiderazzjoni tal-għan ta’ u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament, timponi pieni addizzjonali jew aktar stretti fuq il-manifatturi li jonqsu milli jilħqu l-miri tagħhom skont dan ir-Regolament.

(29)

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni sħiħa tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni.

(30)

Għandhom jiġu kkunsidrati modalitajiet ġodda biex tintlaħaq il-mira fuq perijodu twil ta’ żmien, b’mod partikolari l-grad ta’ nżul tal-kurva, il-parametru ta’ utilità u l-iskema tal-primjum għall-eċċess ta’ emissjonijiet.

(31)

Il-veloċità tal-vetturi tat-triq għandha influwenza qawwija fuq il-konsum tal-karburant u l-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ limitazzjoni tal-veloċità li hija applikabbli għal vetturi kummerċjali ħfief, huwa possibbli li jkun hemm element ta’ kompetizzjoni fir-rigward tal-ogħla veloċità li tista’ twassal sabiex ikun hemm powertrains ta’ daqs eċċessiv fil-vetturi u ineffiċjenzi assoċjati f’kondizzjonijiet li joperaw aktar bil-mod. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi investigata l-fattibbiltà tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/6/KEE tal-10 ta’ Frar 1992 dwar l-istallazzjoni u l-użu ta’ apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti kategoriji ta’ vetturi tal-mutur fil-Komunità (11), bil-għan li jiġu inklużi vetturi kummerċjali ħfief koperti f’dan ir-Regolament.

(32)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari għall-adozzjoni ta’ regoli dettaljati għall-monitoraġġ u r-rappurtaġġ ta’ emissjonijiet medji, jiġifieri l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, il-presentazzjoni, it-trasmissjoni, il-kalkolu u l-komunikazzjoni tad-data dwar l-emissjonijiet medji, u l-applikazzjoni tar-rekwiżiti stipulati fl-Anness II, kif ukoll għall-adozzjoni ta’ arranġamenti dettaljati għall-ġbir tal-primjums għall-emissjonijiet eċċessivi u ta’ dispożizzjonijiet dettaljati għall-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi, għandhom jingħataw lill-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tal-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (12).

(33)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE biex temenda r-rekwiżiti tal-monitoraġġ u r-rappurtaġġ stipulati fl-Anness II fid-dawl tal-esperjenza tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, biex taġġusta ċ-ċifra ta’ M0 msemmija fl-Anness I għall-massa medja ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda fit-3 snin kalendarji preċedenti, biex tistabbilixxi regoli dwar l-interpretazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibilità għad-derogi, dwar il-kontenut tal-applikazzjonijiet għal deroga u dwar il-kontenut u l-valutazzjoni ta’ programmi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2, kif ukoll biex tadatta l-formulae stabbiliti fl-Anness I sabiex jirriflettu kull bidla fil-proċedura tat-test regolatorju għall-kejl ta’ emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, anke fil-livell ta’ esperti.

(34)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ rekwiżiti tar-rendiment tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u għanijiet

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tar-rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-emissjonijiet medji tas-CO2 għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda għal 175 g CO2/km, permezz ta’ titjib fit-teknoloġija tal-vetturi, kif imkejla skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u l-miżuri implimentattivi tiegħu, u t-teknoloġiji innovattivi.

2.   Mis-sena 2020, dan ir-Regolament jistabbilixxi mira ta’ 147 g CO2/km għall-emissjonijiet medji ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati fl-Unjoni soġġett għall-konferma tal-fattibilità tagħha, kif speċifikat fl-Artikolu 13(1).

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal vetturi b’mutur tal-kategorija N1 kif definit fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE b’massa ta’ referenza li ma teċċedix l-2 610 kg u għal vetturi tal-kategorija N1 li għalihom l-approvazzjoni tat-tip hija estiża f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 (“vetturi kummerċjali ħfief”) li jiġu rreġistrati fl-Unjoni għall-ewwel darba u li ma ġewx irreġistrati qabel barra l-Unjoni (“vetturi kummerċjali ħfief ġodda”).

2.   Reġistrazzjoni preċedenti barra l-Unjoni li tkun saret inqas minn tliet xhur qabel ir-reġistrazzjoni fl-Unjoni m’għandhiex tiġi kkunsidrata.

3.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal vetturi bi skopijiet speċjali kif definiti fil-punt 5 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2” tfisser, fir-rigward ta’ manifattur, il-medja tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 tal-vetturi kummerċjali ħfief kollha, prodotti minn dak il-manifattur;

(b)

“ċertifikat tal-konformità” tfisser iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2007/46/KE;

(c)

“vettura kompletata” tfisser vettura li tkun ingħatatilha l-approvazzjoni tat-tip wara li dan il-proċess jitwettaq f’aktar minn fażi waħda skont id-Direttiva 2007/46/KE;

(d)

“vettura kompluta” tfisser kwalunkwe vettura li m’għandhiex bżonn tiġi kkompletata biex tissodisfa r-rekwiżiti tekniċi rilevanti tad-Direttiva 2007/46/KE;

(e)

“vettura bażi” tfisser kwalunkwe vettura użata fl-istadju inizjali ta’ proċess ta’ approvazzjoni tat-tip f’diversi stadji;

(f)

“manifattur” tfisser il-persuna jew il-korp responsabbli lejn l-awtorità ta’ approvazzjoni għall-aspetti kollha tal-proċedura tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE taħt id-Direttiva 2007/46/KE u biex tiġi żgurata l-konformità tal-produzzjoni;

(g)

“massa” tfisser il-massa tal-vettura bil-karrozzerija fi stat tajjeb ta’ tħaddim kif iddikjarat fiċ-ċertifikat ta’ konformità u kif iddikjarat fit-Taqsima 2.6 tal-Anness I tad-Direttiva 2007/46/KE;

(h)

“emissjonijiet speċifiċi tas-CO2” tfisser l-emissjonijiet minn vettura kummerċjali ħafifa mkejla skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u speċifikati bħala l-massa tal-emissjonijiet tas-CO2 (ikkombinati) fiċ-ċertifikat ta’ konformità tal-vettura kompluta jew ikkompletata;

(i)

“mira ta’ emissjonijiet speċifiċi” tfisser, fir-rigward ta’ manifattur, il-medja ta’ emissjonijiet speċifiċi indikattivi tas-CO2 stabbiliti skont l-Anness I fir-rigward ta’ kull vettura kummerċjali ħafifa ġdida prodotta minn dak il-manifattur, jew, jekk il-manifattur jingħata deroga skont l-Artikolu 11, il-mira tal-emissjonijiet speċifiċi ddeterminata skont dik id-deroga;

(j)

“footprint” tfisser il-wisa’ medja bejn rota u oħra mmultiplikata bid-distanza bejn il-fusijiet ta’ quddiem u ta’ wara, skont iċ-ċertifikat ta’ konformità u kif iddefinit fit-Taqsimiet 2.1 u 2.3 tal-Anness I tad-Direttiva 2007/46/KE;

(k)

“piż tat-tagħbija” tfisser id-differenza bejn il-massa bit-tagħbija massima teknikament permissibbli f’konformità mal-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE u l-massa tal-vettura.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “grupp ta’ manifatturi relatati” tfisser manifattur u l-impriżi relatati miegħu. Fir-rigward ta’ manifattur, “impriżi relatati” tfisser:

(a)

impriżi li fihom il-manifattur ikollu, direttament jew indirettament:

(i)

is-setgħa li jeżerċita aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot; jew

(ii)

is-setgħa li jaħtar aktar minn nofs il-membri tal-bord superviżorju, tal-bord ta’ ġestjoni jew tal-korpi li jirrappreżentaw lill-impriża ġuridikament; jew

(iii)

id-dritt ta’ ġestjoni tal-affarijiet tal-impriża;

(b)

impriżi li direttament jew indirettament ikollhom, fuq il-manifattur, id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(c)

impriżi li fihom impriża msemmija fil-punt (b) ikollha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(d)

impriżi li fihom il-manifattur flimkien ma’ impriża waħda jew aktar imsemmija fil-punti (a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar mill-impriżi tal-aħħar, flimkien ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(e)

impriżi li fihom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) huma miżmumin flimkien mill-manifattur jew minn waħda jew aktar mill-impriżi relatati miegħu msemmija fil-punti (a) sa (d) u parti terza waħda jew aktar.

Artikolu 4

Miri għall-emissjonijiet speċifiċi

Għas-sena kalendarja li tibda fl-1 ta’ Jannar 2014 u għal kull sena kalendarja sussegwenti, kull manifattur ta’ vetturi kummerċjali ħfief għandu jiżgura li l-emissjonijiet speċifiċi medji tiegħu ta’ CO2 ma jaqbżux il-mira tiegħu ta’ emissjonijiet speċifiċi stabbiliti skont l-Anness I jew, fil-każ li manifattur jingħata deroga skont l-Artikolu 11, skont dik id-deroga.

Meta l-emissjonijiet speċifiċi tal-vettura kompletata ma jkunux disponibbli, il-manifattur tal-vettura bażi għandu juża l-emissjonijiet speċifiċi tal-vettura bażi biex jistabbilixxi l-emissjonijiet speċifiċi medji tagħha ta’ CO2.

Sabiex jiġu stabbiliti l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta’ kull manifattur, għandhom jitqiesu l-perċentwali li ġejjin tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda ta’ kull manifattur irreġistrati fis-sena rilevanti:

70 % fl-2014,

75 % fl-2015,

80 % fl-2016,

100 % mill-2017 ’il quddiem.

Artikolu 5

Super-krediti

Meta jiġu kkalkulati l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2, kull vettura kummerċjali ħafifa ġdida b’livell ta’ emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 inqas minn 50 g CO2/km għandha titqies bħala:

3,5 vetturi kummerċjali ħfief fl-2014,

3,5 vetturi kummerċjali ħfief fl-2015,

2,5 vetturi kummerċjali ħfief fl-2016,

1,5 vetturi kummerċjali ħfief fl-2017,

vettura kummerċjali ħafifa fl-2018.

Għat-tul kollu tal-iskema tas-super-krediti, l-għadd massimu ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda, b’emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 ta’ anqas minn 50 g CO2/km, li għanddu jitqies fl-applikazzjoni tal-multiplikaturi stabbiliti fl-ewwel paragrafu m’għandux jaqbeż il-25 000 vettura kummerċjali ħafifa għal kull manifattur.

Artikolu 6

Mira speċifika ta’ emissjonijiet għal vetturi kummerċjali ħfief li jaħdmu b’karburant alternattiv

Sabiex tiġi ddeterminata l-konformità ta’ manifattur mal-mira speċifika ta’ emissjonijiet tiegħu msemmija fl-Artikolu 4, l-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 ta’ kull vettura kummerċjali ħafifa li hija mfassla sabiex tkun tista’ taħdem b’taħlita ta’ petrol b’85 % bijoetanol (“E85”), u li tkun konformi mal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni jew l-istandards tekniċi Ewropej, għandhom jitnaqqsu b’5 % sal-31 ta’ Diċembru 2015 b’rikonoxximent tal-kapaċità teknoloġika akbar u taż-żieda fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-bijokarburanti. Dan it-tnaqqis għandu japplika biss fejn mill-inqas 30 % tal-pompi tal-karburant fl-Istat Membru li fih il-vettura kummerċjali ħafifa tkun irreġistrata jipprovdu dan it-tip ta’ karburant alternattiv li jikkonforma mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 7

Konsorzji

1.   Il-manifatturi ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda, minbarra l-manifatturi li ngħataw deroga taħt l-Artikolu 11, jistgħu jiffurmaw konsorzju bl-għan li jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 4.

2.   Ftehim dwar l-iffurmar ta’ konsorzju jista’ jirrigwarda sena kalendarja waħda jew aktar, dejjem jekk il-perijodu kumplessiv ta’ kull ftehim ma jaqbiżx il-5 snin kalendarji, u għandu jibda nhar jew qabel il-31 ta’ Diċembru tal-ewwel sena kalendarja li fiha jkunu ser jingħaqdu l-emissjonijiet. Il-manifatturi li jiffurmaw konsorzju għandhom jirreġistrawmal-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-manifatturi li ser ikunu inklużi fl-konsorzju;

(b)

il-manifattur li ġie nnominat bħala l-amministratur tal-konsorzju li ser ikun il-punt ta’ kuntatt għall-konsorzju u li ser ikun responsabbli għall-ħlas ta’ kwalunkwe primjum għal emissjonijiet eċċessivi li jiġi impost fuq l-konsorzju f’konformità mal-Artikolu 9;

(c)

evidenza li l-amministratur tal-konsorzju ser ikun kapaċi jissodisfa l-obbligi msemmijin fil-punt (b).

3.   Meta l-amministratur propost tal-konsorzju jonqos milli jissodisfa r-rekwiżit li jħallas kwalunkwe primjum għal emissjonijiet eċċessivi li jiġi impost fuq l-konsorzju f’konformità mal-Artikolu 9, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-manifatturi.

4.   Il-manifatturi inklużi f’konsorzju għandhom jinfurmaw flimkien lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla li ssir tal-amministratur tal-konsorzju jew tal-istatus finanzjarju tagħha, sal-punt li dan jaffettwa l-kapaċità tagħha li tissodisfa r-rekwiżit li tħallas kwalunkwe primjum għal emissjonijiet eċċessivi li jiġi impost fuq l-konsorzju f’konformità mal-Artikolu 9 u bi kwalunkwe bidliet fis-sħubija tal-konsorzju jew ix-xoljiment tal-konsorzju.

5.   Il-manifatturi jistgħu jidħlu għal arranġamenti ta’ konsorzju bil-kundizzjoni li l-ftehimiet jikkonformaw mal-Artikoli 101 u 102 TFUE u li jippermettu l-parteċipazzjoni miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja f’termini kummerċjalment raġonevoli minn kwalunkwe manifattur li jitlob li jsir membru tal-konsorzju. Mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà ġenerali tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għal konsorzji bħal dawn, il-membri kollha ta’ konsorzju għandhom jiżguraw b’mod partikolari li ma jsir l-ebda skambju ta’ data u lanqas ta’ informazzjoni fil-kuntest tal-arranġament tal-konsorzju tagħhom, għajr fir-rigward tal-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2;

(b)

il-mira għall-emissjonijiet speċifiċi;

(c)

l-għadd totali ta’ vetturi rreġistrati.

6.   Il-paragrafu 5 m’għandux japplika meta l-manifatturi kollha inklużi fl-konsorzju jkunu jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ manifatturi relatati.

7.   Ħlief meta tingħata n-notifika msemmija fil-paragrafu 3, il-manifatturi f’konsorzju li tiġi rreġistrata informazzjoni dwarha mal-Kummissjoni għandhom jitqiesu bħala manifattur wieħed għall-finijiet li jiġu sodisfatti l-obbligi tagħhom imsemmijin fl-Artikolu 4. L-informazzjoni dwar il-monitoraġġ u r-rappurtaġġ fir-rigward ta’ manifatturi individwali kif ukoll ta’ kwalunkwe konsorzju ser tiġi rreġistrata, irrappurtata u ssir disponibbli fir-reġistru ċentrali msemmi fl-Artikolu 8(4).

Artikolu 8

Monitoraġġ u rappurtaġġ tal-emissjonijiet medji

1.   Għas-sena kalendarja li tibda mill-1 ta’ Jannar 2012 u kull sena kalendarja sussegwenti, kull Stat Membru għandu jirreġistra informazzjoni għal kull vettura kummerċjali ħafifa ġdida li tiġi rreġistrata fit-territorju tiegħu skont il-Parti A tal-Anness II. Din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli lill-manifatturi u lill-importaturi jew rappreżentanti maħtura tagħhom f’kull Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-korpi tar-rappurtaġġ joperaw b’mod trasparenti.

2.   Sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena, li tibda fl-2013, kull Stat Membru għandu jiddetermina u jittrasmetti lill-Kummissjoni l-informazzjoni elenkata fil-Parti B tal-Anness II fir-rigward tas-sena kalendarja preċedenti. Id-data għandha tiġi trasmessa fil-format speċifikat fil-Parti C tal-Anness II.

3.   Fuq talba mill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu wkoll is-sett sħiħ ta’ data miġbura skont il-paragrafu 1.

4.   Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru ċentrali tad-data rrappurtata mill-Istati Membri taħt dan l-Artikolu u dan ir-reġistru għandu jkun disponibbli għall-pubbliku. Sat-30 ta’ Ġunju 2013 u f’kull sena sussegwenti, il-Kummissjoni għandha tikkalkula għal kull manifattur fuq bażi proviżorja:

(a)

l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 fis-sena kalendarja preċedenti;

(b)

il-mira għall-emissjonijiet speċifiċi fis-sena kalendarja preċedenti;

(c)

id-differenza bejn l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 fis-sena kalendarja preċedenti u l-mira għall-emissjonijiet speċifiċi tiegħu għal dik is-sena.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lil kull manifattur il-kalkolu proviżorju għal dak il-manifattur. In-notifika għandha tinkludi data għal kull Stat Membru dwar l-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati u l-emissjonijiet speċifiċi tagħhom ta’ CO2.

5.   Il-manifatturi jistgħu, fi żmien 3 xhur minn meta jiġu nnotifikati dwar il-kalkolu provviżorju skont il-paragrafu 4, jinnotifikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe żball fid-data, fejn jispeċifikaw l-Istat Membru li fih iqisu li jkun seħħ l-iżball.

6.   Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kwalunkwe notifika mill-manifatturi u għandha, sal-31 ta’ Ottubru, jew tikkonferma jew inkella temenda l-kalkoli proviżorji msemmijin fil-paragrafu 4.

7.   Fir-rigward tas-snin kalendarji 2012 u 2013 u fuq il-bażi tal-kalkoli mwettqa skont għall-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lil manifattur meta l-Kummissjoni jidhrilha li l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 tal-manifattur ikunu qabżu l-mira tagħha għall-emissjonijiet speċifiċi.

8.   F’kull Stat Membru, l-awtorità kompetenti għall-ġbir u l-komunikazzjoni tad-data dwar il-monitoraġġ skont dan ir-Regolament għandha tkun dik maħtura skont l-Artikolu 8(7) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

9.   Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati għall-monitoraġġ u r-rappurtaġġ tad-data msemmija f’dan l-Artikolu u għall-applikazzjoni tal-Anness II. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).

Sabiex titqies l-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ temenda l-Anness II permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 15, u soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 16 u 17.

10.   L-Istati Membri għandom ukoll jiġbru u jirrappurtaw data, skont dan l-Artikolu, dwar ir-reġistrazzjonijiet ta’ vetturi fil-kateogriji M2 u N2 kif imfisser fl-Anness II tad-Direttiva Nru 2007/46/KE b’massa ta’ referenza li ma taqbiżx il-2 610 kg u vetturi li l-approvazzjoni tat-tip għalihom tiġi estiża skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007.

Artikolu 9

Primjum għal emissjonijiet eċċessivi

1.   Fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2014 u kull sena kalendarja sussegwenti, il-Kummissjoni għandha timponi primjum għal emissjonijiet eċċessivi fuq manifattur jew amministratur ta’ konsorzju, skont il-każ, meta l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta’ manifattur jeċċedu l-mira għall-emissjonijiet speċifiċi tagħha.

2.   Il-primjum għall-emissjonijiet eċċessivi msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat bil-formulae li ġejjin:

(a)

mill-2014 sal-2018:

(i)

għal emissjonijiet eċċessivi ta’ aktar minn 3 g CO2/km:

((Emissjonijiet eċċessivi – 3 g CO2/km) × EUR 95 + EUR 45) × l-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda.

(ii)

għal emissjonijiet eċċessivi ta’ aktar minn 2 g CO2/km iżda mhux aktar minn 3 g CO2/km:

((Emissjonijiet eċċessivi – 2 g CO2/km) × EUR 25 + EUR 20) × l-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda.

(iii)

għal emissjonijiet eċċessivi ta’ aktar minn 1 g CO2/km iżda mhux aktar minn 2 g CO2/km:

((Emissjonijiet eċċessivi – 1 g CO2/km) × EUR 15 + EUR 5) × l-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda.

(iv)

għal emissjonijiet eċċessivi ta’ mhux aktar minn 1 g CO2/km:

(Emissjonijiet eċċessivi × EUR 5) × l-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda;

(b)

mill-2019:

(Emissjonijiet eċċessivi × EUR 95) × l-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

“emissjonijiet eċċessivi” tfisser il-valur pożittiv tan-numru ta’ grammi kull kilometru li bih l-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 tal-manifattur – b’kunsiderazzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 minħabba teknoloġiji innovattivi approvati skont l-Artikolu 12, ikunu qabżu l-mira tal-emissjonijiet speċifiċi fis-sena kalendarja jew f’parti minnha li għaliha japplika l-obbligu skont l-Artikolu 4, aġġustat għall-eqreb tliet punti deċimali; u

“l-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda” tfisser l-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda li huma prodotti mill-manifattur u li ġew irreġistrati f’dak il-perjodu skont il-kriterji tad-dħul gradwali stipulati fl-Artikolu 4.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta arranġamenti dettaljati għall-ġbir tal-primjums għall-emissjonijiet eċċessivi msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).

4.   L-ammonti tal-primjum għal emissjonijiet eċċessivi għandhom jitqiesu bħala dħul għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Pubblikazzjoni tar-rendiment tal-manifatturi

1.   Sal-31 ta’ Ottubru 2013 u l-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena sussegwenti, il-Kummissjoni għandha tippubblika lista li tindika għal kull manifattur:

(a)

il-mira tiegħu għall-emissjonijiet speċifiċi għas-sena kalendarja preċedenti;

(b)

l-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 fis-sena kalendarja preċedenti;

(c)

id-differenza bejn l-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 fis-sena kalendarja preċedenti u l-mira speċifika tal-emissjonijiet tiegħu għal dik is-sena;

(d)

l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 għall-vetturi kummerċjali ħfief ġodda kollha rreġistrati fl-Unjoni fis-sena kalendarja preċedenti; u

(e)

il-massa medja għall-vetturi kummerċjali ħfief ġodda kollha rreġistrati fl-Unjoni fis-sena kalendarja preċedenti.

2.   Mill-31 ta’ Ottubru 2015, il-lista ppubblikata skont il-paragrafu 1 għandha tindika wkoll jekk il-manifattur ikunx konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 fir-rigward tas-sena kalendarja preċedenti.

Artikolu 11

Derogi għal ċerti manifatturi

1.   Tista’ ssir applikazzjoni għal deroga mill-mira għall-emissjonijiet speċifiċi kkalkulata f’konformità mal-Anness I minn manifattur ta’ inqas minn 22 000 vettura kummerċjali ħafifa ġdida rreġistrata fl-Unjoni għal kull sena kalendarja fejn dak il-manifattur:

(a)

ma jagħmilx parti minn grupp ta’ manifatturi relatati; jew

(b)

jagħmel parti minn grupp ta’ manifatturi relatati li b’kollox huwa responsabbli għal inqas minn 22 000 vettura kummerċjali ħafifa ġdida rreġistrata fl-Unjoni kull sena kalendarja; jew

(c)

jagħmel parti minn grupp ta’ manifatturi relatati iżda jħaddem il-faċilitajiet ta’ produzzjoni u ċ-ċentru ta’ disinn tiegħu stess.

2.   Deroga li ssir applikazzjoni għaliha skont il-paragrafu 1 tista’ tingħata għal perijodu massimu ta’ 5 snin kalendarji. L-applikazzjoni għandha ssir lill-Kummissjoni u għandha tinkludi:

(a)

l-isem tal-manifattur u l-persuna tal-kuntatt għalih;

(b)

evidenza li l-manifattur huwa eliġibbli għal deroga msemmija fil-paragrafu 1;

(c)

dettalji tal-vetturi kummerċjali ħfief li huwa jimmanifattura inkluż il-massa u l-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 ta’ dawk il-vetturi kummerċjali ħfief; u

(d)

mira speċifika tal-emissjonijiet konsistenti mal-potenzjal tat-tnaqqis tiegħu, inkluż il-potenzjal teknoloġiku u ekonomiku biex jitnaqqsu l-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 u b’konsiderazzjoni għall-karatteristiċi tas-suq għat-tip ta’ vettura kummerċjali ħafifa mmanifatturata.

3.   Fejn il-Kummissjoni tqis li manifattur ikun eliġibbli għal deroga li għaliha saret applikazzjoni taħt il-paragrafu 1 u tkun sodisfatta li l-mira tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 proposta mill-manifattur hija konsistenti mal-potenzjal għat-tnaqqis tiegħu, li l-mira tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 proposta mill-manifattur hija konsistenti mal-potenzjal għat-tnaqqis tiegħu, inkluż il-potenzjal ekonomiku u teknoloġiku għat-tnaqqis tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 tiegħu u b’konsiderazzjoni għall-karatteristiċi tas-suq għat-tip ta’ vettura kummerċjali ħafifa manifatturata, il-Kummisjoni għandha tagħti deroga lill-manifattur. Id-deroga għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena wara d-data tal-għoti tad-deroga.

4.   Manifattur li jkun suġġett għal deroga taħt dan l-Artikolu għandu jinnotifika lill-Kummissjoni immedjatament dwar kwalunkwe tibdil li jaffettwa jew li jista’ jaffettwa l-eliġibbiltà tiegħu għal deroga.

5.   Meta l-Kummissjoni tqis, fuq il-bażi ta’ notifika msemmija fil-paragrafu 4 jew b’mod ieħor, li manifattur ma jkunx baqa’ eliġibbli għad-deroga, hija għandha tirrevoka d-deroga b’effett mill-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja ta’ wara u għandha tinnotifika lill-manifattur b’dan.

6.   Jekk il-manifattur ma jilħaqx il-mira tiegħu għall-emissjonijiet speċifiċi, il-Kummissjoni għandha timponi l-primjum għall-emissjonijiet eċċessivi fuq il-manifattur, kif speċifikat fl-Artikolu 9.

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli biex jissuplementaw il-paragrafi mill-1 sas-6 ta’ dan l-Artikolu, inter alia, dwar l-interpretazzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għad-derogi, dwar il-kontenut tal-applikazzjonijiet, u dwar il-kontenut u l-valutazzjoni ta’ programmi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 15, u soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 16 u 17.

8.   L-applikazzjonijiet għal deroga, inklużi l-informazzjoni ta’ sostenn, in-notifiki skont il-paragrafu 4, ir-revoki skont il-paragrafu 5 u kwalunkwe impożizzjoni ta’ primjum għall-emissjonijiet eċċessivi skont il-paragrafu 6 u l-atti adottati skont il-paragrafu 7, għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku, soġġett għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta’ Mejju 2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (13).

Artikolu 12

Eko-innovazzjoni

1.   Fuq applikazzjoni minn fornitur jew manifattur, għandu jiġi kkunsidrat l-iffrankar tas-CO2 miksub permezz tal-użu ta’ teknoloġiji innovattivi. Il-kontribut totali ta’ dawk it-teknoloġiji biex titnaqqas il-mira tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ manifattur jista’ jkun sa 7 g CO2/km.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta dispożizzjonijiet dettaljati għal proċedura biex jiġu approvati tali teknoloġiji innovattivi sal-31 ta’ Diċembru 2012. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-Regolament. Dawk id-dispożizzjonijiet dettaljati għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, u jkunu bbażati fuq il-kriterji li ġejjin għat-teknoloġiji innovattivi:

(a)

il-fornitur jew manifattur għandu jkun responsabbli għall-iffrankar tas-CO2 miksub permezz tal-użu ta’ teknoloġiji innovattivi;

(b)

it-teknoloġiji innovattivi għandhom jagħtu kontribut ivverifikat għat-tnaqqis ta’ CO2;

(c)

it-teknoloġiji innovattivi m’għandhomx ikunu koperti miċ-ċiklu standard ta’ testijiet għall-kejl ta’ CO2 jew mid-dispożizzjonijiet obbligatorji minħabba miżuri addizzjonali kumplimentari konformi mat-tnaqqis ta’ 10 g CO2/km imsemmijin fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 jew ikunu obbligatorji taħt id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni.

3.   Fornitur jew manifattur li japplika għall-approvazzjoni ta’ xi miżura bħala teknoloġija innovattiva għandu jressaq rapport lill-Kummissjoni, li jinkludi rapport ta’ verifika mwettaq minn entità indipendenti u ċertifikata. Fil-każ ta’ interazzjoni possibbli tal-miżura ma’ teknoloġija innovattiva oħra li tkun diġà approvata, ir-rapport għandu jirreferi għal dik l-interazzjoni u r-rapport ta’ verifika għandu jevalwa safejn dik l-interazzjoni timmodifika t-tnaqqis miksub minn kull miżura.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiċċertifika t-tnaqqis miksub fuq il-bażi tal-kriterji stipulati fil-paragrafu 2.

Artikolu 13

Reviżjoni u rapport

1.   Sal-1 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni għandha tlesti analiżi tal-miri għall-emissjonijiet speċifiċi fl-Anness I u tad-derogi fl-Artikolu 11, bl-għan li tiddefinixxi:

soġġett għall-konferma tal-fattibbiltà abbażi tar-riżultati aġġornati tal-valutazzjoni tal-impatt, il-modalitajiet biex, sas-sena 2020, tintlaħaq mira fit-tul ta’ 147 g CO2/km b’mod kost-effettiv; u

l-aspetti tal-implimentazzjoni tal-mira, inkluż il-primjum għall-emissjonijiet eċċessivi.

Abbażi ta’ din ir-reviżjoni u l-valutazzjoni tal-impatt tagħha, li tinkludi valutazzjoni ġenerali tal-impatt fuq l-industrija tal-karozzi u fuq l-industriji dipendenti minnha, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tressaq proposta għal emenda ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja, b’mod li jkun kemm jista’ jkun newtrali mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, u li jkun soċjalment ekwu u sostenibbli.

2.   Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tressaq proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-2014, biex tinkludi f’dan ir-Regolament vetturi fil-kateogrija N2 u M2 kif imfisser fl-Anness II tad-Direttiva Nru 2007/46/KE b’massa ta’ referenza li ma taqbiżx l-2 610 kg u vetturi li l-approvazzjoni tat-tip għalihom tiġi estiża skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, bil-għan li l-objettiv fit-tul jintlaħaq mill-2020.

3.   Il-Kummissjoni għandha, sal-2014, wara valutazzjoni tal-impatt, tippubblika rapport dwar id-disponibbiltà tad-data dwar il-footprint u l-piż tat-tagħbija u l-użu tagħhom bħala parametri ta’ utilità sabiex jiġu stabbiliti l-miri għall-emissjonijiet speċifiċi u, jekk ikun meħtieġ, tibgħat proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jemendaw l-Anness I f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja.

4.   Sal-31 ta’ Diċembru 2011 il-Kummissjoni għandha twaqqaf proċedura biex jinkisbu valuri rappreżentattivi tal-emissjonijiet ta’ CO2, tal-effiċjenzja tal-karburant u tal-massa ta’ vettturi kkompletati filwaqt li tiżgura li l-manifattur tal-vettura ta’ bażi jkollu aċċess f’waqtu għall-massa u għall-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 tal-vettura kkompletata.

5.   Sal-31 ta’ Ottubru 2016, u kull 3 snin wara dan, il-Kummissjoni għandha temenda l-Anness I permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikoli 15, u soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 16 u 17, biex tiġi aġġustata il-figura ta’ M0, imsemmija hemmhekk, għall-massa medja tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda fit-3 snin kalendarji preċedenti.

Dawk l-aġġustamenti għandhom isiru effettivi għall-ewwel darba fl-1 ta’ Jannar 2018 u kull tliet snin wara dan.

6.   Il-Kummissjoni għandha tinkludi vetturi kummerċjali ħfief fir-reviżjoni tal-proċeduri biex jitkejlu l-emissjonijiet tas-CO2 skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

Mid-data tal-applikazzjoni tal-proċedura riveduta biex jitkejlu l-emissjonijiet tas-CO2, it-teknoloġiji innovattivi m’għandhomx jibqgħu jiġu approvati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12.

Il-Kummissjoni għandha tinkludi l-vetturi kummerċjali ħfief fir-reviżjoni tad-Direttiva 2007/46/KE f’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

Sabiex tirrifletti kwalunkwe bidla fil-proċedura ta’ testijiet regolatorji għall-kejl tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2, il-Kummissjoni għandha tadatta l-formuli stipulati fl-Anness I permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 15, u suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 16 u 17.

Artikolu 14

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar il-Bdil tal-Klima stabbilit bl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-moniteraġġ l-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Komunità u biex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kyoto (14). Dak il-kumitat huwa kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 15

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa biex jiġu adottati l-atti delegati msemmijin fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(9), fl-Artikolu 11(7), fl-Artikolu 13(5) u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(6), għandhom jingħataw lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ 5 snin minn 3 ta’ Ġunju 2011. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tas-setgħa delegata mhux aktar tard minn 6 xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ 5 snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġġedded awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jirrevokaha f’konformità mal-Artikolu 16.

2.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 16 u 17.

Artikolu 16

Revoka tad-delega

1.   Id-delega tas-setgħa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(9), fl-Artikolu 11(7), fl-Artikolu 13(5) u fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(6) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.   L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex tiddeċiedi jekk tirrevokax delega tas-setgħa għandha tagħmel ħilitha biex tgħarraf lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, u tindika s-setgħa delegata li tista’ tkun suġġetta għal revoka u r-raġunijiet possibbli għal revoka.

3.   Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tieħu effett minnufih jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Hija għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17

Oġġezzjonijiet għal atti delegati

1.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistga’ joġġezzjona għal att delegat f’perijodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika.

Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn.

2.   Jekk, kif jintemm il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, l-att għandu jiġi pubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data ddikjarata fih.

L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn għarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jressqux oġġezzjonijiet.

3.   Jekk jew il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għall-att delegat fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni tagħha għall-att delegat.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Mejju 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

GYŐRI E.


(1)  ĠU C 44, 11.2.2011, p. 157.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Frar 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2011

(3)  ĠU L 33, 7.2.1994, p. 11.

(4)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136.

(5)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(6)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.

(7)  ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.

(8)  ĠU L 12, 18.1.2000, p. 16.

(9)  ĠU L 82, 29.3.2003, p. 33.

(10)  ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

(11)  ĠU L 57, 2.3.1992, p. 27.

(12)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(13)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(14)  ĠU L 49, 19.2.2004, p. 1.


ANNESS I

MIRI TAL-EMISSJONIIET SPEĊIFIĊI TAS-CO2

1.

L-emissjonijiet speċifiċi u indikattivi ta’ CO2 għal kull vettura kummerċjali ħafifa, imkejla fi grammi għal kull kilometru, għandhom jiġu stabbiliti skont il-formuli li ġejjin:

(a)

mill-2014 sal-2017:

Emissjonijiet speċifiċi indikattivi ta’ CO2 = 175 + a × (M – M0)

fejn:

M

=

massa tal-vettura f’kilogrammi (kg)

M0

=

1 706,0

a

=

0,093.

(b)

mill-2018:

Emissjonijiet speċifiċi u indikattivi ta’ CO2 = 175 + a × (M – M0)

fejn:

M

=

massa tal-vettura f’kilogrammi (kg)

M0

=

il-valur adottat skont l-Artikolu 13(5)

a

=

0,093.

2.

Il-mira għall-emissjonijiet speċifiċi għal manifattur f’sena kalendarja għandha tiġi kkalkulata bħala l-medja tal-emissjonijiet speċifiċi indikattivi ta’ CO2 ta’ kull vettura kummerċjali ħafifa ġdida mmanifatturata minnu rreġistrata f’dik is-sena kalendarja.


ANNESS II

MONITORAĠĠ U RAPPURTAĠĠ TAL-EMISSJONIJIET

A.   Ġbir ta’ data dwar vetturi kummerċjali ħfief u determinazzjoni tal-informazzjoni dwar il-monitoraġġ tas-CO2

1.

Għas-sena li tibda fl-1 ta’ Jannar 2012 u għal kull sena sussegwenti, l-Istati Membri għandhom jirreġistraw id-dettalji li ġejjin għal kull vettura kummerċjali ħafifa ġdida li tiġi rreġistrata fit-territorju tagħhom:

(a)

il-manifattur;

(b)

it-tip, il-varjant u l-verżjoni;

(c)

l-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 (g/km);

(d)

il-massa (kg);

(e)

it-tul bejn il-fusien (mm);

(f)

il-wisa’ bejn rota u oħra tal-fus tat-tidwir (f’mm) u ta’ fusien oħra (f’mm);

(g)

il-massa bit-tagħbija massima teknikament permissibbli (f’kg) skont l-Anness III tad-Direttiva 2007/46/KE.

2.

Id-dettalji msemmijin fil-punt 1 għandhom jittieħdu miċ-ċertifikat ta’ konformità għall-vettura kummerċjali ħafifa rilevanti. Meta ċ-ċertifikat ta’ konformità jispeċifika kemm il-massa minima kif ukoll il-massa massima għal vettura kummerċjali ħafifa, l-Istati Membri għandhom jużaw biss iċ-ċifra massima għall-iskop ta’ dan ir-Regolament. Fil-każ ta’ vetturi li jagħmlu użu minn żewġ tipi ta’ karburant (petrol/gass) li ċ-ċertifikati ta’ konformità tagħhom juru ċifri speċifiċi ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għaż-żewġ tipi ta’ karburant, l-Istati Membri għandhom jużaw biss iċ-ċifra mkejla għall-gass.

3.

Għas-sena kalendarja li tibda fl-1 ta’ Jannar 2012 u għal kull sena kalendarja sussegwenti, kull Stat Membru għandu jiddetermina, f’konformità mal-metodoloġija mfissra fil-Parti B ta’ dan l-Anness, għal kull manifattur:

(a)

l-għadd totali ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati fit-territorju tiegħu;

(b)

l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2, kif speċifikat fil-punt 2 tal-Parti B ta’ dan l-Anness;

(c)

il-massa medja, kif speċifikat fil-punt 3 tal-Parti B ta’ dan l-Anness;

(d)

għal kull verżjoni ta’ kullvarjant ta’ kull tip ta’ vettura kummerċjali ħafifa ġdida:

(i)

l-għadd totali ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati fit-territorju tiegħu, kif speċifikat fil-punt 4 tal-Parti B ta’ dan l-Anness;

(ii)

l-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2;

(iii)

il-massa;

(iv)

il-footprint tal-vettura, kif speċifikat fil-punt 5 tal-Parti B ta’ dan l-Anness;

(v)

il-piż tat-tagħbija.

B.   Il-metodoloġija biex tiġi ddeterminata l-informazzjoni dwar il-monitoraġġ tas-CO2 għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda

L-informazzjoni dwar il-monitoraġġ li l-Istati Membri huma marbuta li jiddeterminaw f’konformità mal-punt 3 tal-Parti A ta’ dan l-Anness għandha tiġi ddeterminata f’konformità mal-metodoloġija f’din il-Parti.

1.   L-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda li ġew irreġistrati (N)

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati fit-territorju tagħhom matul is-sena ta’ monitoraġġ rispettiva (N).

2.   L-emissjonijiet speċifiċi medji tas-CO2 tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda (Save )

L-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 għall-vetturi kummerċjali ħfief ġodda kollha rreġistrati għall-ewwel darba fit-territorju ta’ Stat Membru fis-sena ta’ monitoraġġ (Save) jiġu kkalkulati billi t-total tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 ta’ kull vettura individwali ġdida, S, jiġi diviż bl-għadd ta’ vetturi ġodda, N.

Save = (1/N) × Σ S

3.   Il-massa medja tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda

Il-massa medja tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda kollha rreġistrati fit-territorju ta’ Stat Membru fis-sena ta’ monitoraġġ (Mave) tiġi kkalkulata billi wieħed jiddividi t-total tal-massa ta’ kull vettura individwali ġdida, M, bl-għadd ta’ vetturi ġodda, N.

Mave = (1/N) × Σ M

4.   It-tqassim ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda skont il-verżjoni

Għal kull verżjoni ta’ kull varjant ta’ kull tip ta’ vettura kummerċjali ħafifa ġdida, għandu jitniżżel l-għadd ta’ karozzi rreġistrati għall-ewwel darba, il-massa tal-vetturi, l-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2, it-tul bejn il-fusien, il-wisa’ bejn ir-roti u l-massa bit-tagħbija massima teknikament permissibbli.

5.   Il-footprint

Il-footprint tal-vettura għandha tiġi kkalkulata billi wieħed jimmultiplika t-tul bejn il-fusien tal-vettura bil-wisa’ medja bejn ir-roti tal-vettura.

6.   Il-piż tat-tagħbija

Il-piż tat-tagħbija għandu jkun iddefinit bħala d-differenza bejn il-massa bit-tagħbija massima teknikament permissibbli f’konformità mal-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE u l-massa tal-vettura.

7.   Vetturi kkompletati

Fil-każ ta’ vetturi mibnija f’diversi stadji, l-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 ta’ vetturi kkompletati għandhom jiġu allokati lill-manifattur tal-vettura ta’ bażi.

Sabiex ikun żgurat li ċ-ċifri tal-emissjonijiet ta’ CO2, tal-effiċjenza tal-karburant u tal-massa tal-vetturi kkompletati jkunu rappreżentattivi, bla ma jitqiegħed piż eċċessiv fuq il-manifattur tal-vetttura ta’ bażi, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proċedura ta’ monitoraġġ speċifiku u għandha teżamina l-leġislazzjoni rilevanti dwar l-approvazzjoni tat-tip u tagħmel l-emendi meħtieġa sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011.

Meta tiddefinixxi proċedura bħal din, il-Kummissjoni, jekk ikun xieraq, għandha tiddetermina kif jiġu mmonitorjati l-valuri tal-massa u tas-CO2, abbażi ta’ tabella ta’ valuri ta’ CO2 li jikkorrispondu għal klassijiet differenti ta’ piż tal-inerzja finali jew abbażi ta’ valur wieħed ta’ CO2 derivat mill-massa tal-vettura ta’ bażi u massa speċifika miżjuda differenzjata mill-klassi N1. Fl-aħħar każ, din il-massa tittieħed ukoll għall-parti C ta’ dan l-Anness.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li l-manifattur tal-vettura ta’ bażi jkollu aċċess f’waqtu għall-massa u għall-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 tal-vettura kkompletata.

C.   Format għat-trasmissjoni tad-data

Għal kull manifattur, u għal kull sena, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-data deskritta fil-punt 3 tal-Parti A ta’ dan l-Anness fil-formati li ġejjin:

Taqsima 1 –   Data ta’ monitoraġġ aggregata

Stat Membru (1):

 

Sena:

 

Sors tad-data:

 


Manifattur

L-għadd totali ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati

L-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda li għandhom valur ta’ emissjonijiet

L-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda li għandhom valur ta’ massa

L-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda li għandhom valur ta’ tul bejn il-fusien

L-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda li għandhom valur ta’ wisa’ bejn rota u oħra tal-fus tat-tidwir

L-għadd ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda li għandhom valur ta’ wisa’ bejn rota u oħra ta’ fusien oħra

(Manifattur 1)

(Manifattur 2)

Total tal-manifatturi kollha

Taqsima 2 –   Data ta’ monitoraġġ dettaljata

Isem il-manifattur

Denominazzjoni standard tal-UE

Isem il-manifattur

Denominazzjoni standard nazzjonali

Isem il-manifattur

Denominazzjoni Reġistru Nazzjonali

Tip

Varjant

Verżjoni

Għamla

Isem kummerċjali

Kategorija tat-tip ta’ vettura approvata

Kategorija tal-vettura rreġistrata

L-għadd totali ta’ reġistrazzjonijiet ġodda

Emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2

(g/km)

Massa

(kg)

Massa bit-tagħbija massima (kg)

teknikament permissibbli

It-tul bejn rota u oħra

(mm)

Il-wisa’ bejn rota u oħra tal-fus tat-tidwir

(mm)

Il-wisa’ bejn rota u oħra ta’ fusien oħra

(mm)

Tip ta’ fjuwil

Modalita ta’ fjuwil

Kapaċità

(cm3)

Konsum ta’ enerġija elettrika

(Wh/km)

Kodiċi ta’ teknoloġija innovattiva jew ta’ grupp ta’ teknoloġiji innovattivi

Tnaqqis tal-emissjonijiet permezz ta’ teknoloġiji innovattivi

Manif. 1

Manif. 1

Manif. 1

Tip 1

Varjant 1

Verżjoni 1

 

Manif. 1

Manif. 1

Manif. 1

Tip 1

Varjant 1

Verżjoni 2

 

Manif. 1

Manif. 1

Manif. 1

Tip 1

Varjant 2

Verżjoni 1

 

Manif. 1

Manif. 1

Manif. 1

Tip 1

Varjant 2

Verżjoni 2

 

Manif. 1

Manif. 1

Manif. 1

Tip 2

Varjant 1

Verżjoni 1

 

Manif. 1

Manif. 1

Manif. 1

Tip 2

Varjant 1

Verżjoni 2

 

Manif. 1

Manif. 1

Manif. 1

Tip 2

Varjant 2

Verżjoni 1

 

Manif. 1

Manif. 1

Manif. 1

Tip 2

Varjant 2

Verżjoni 2

 

Manif. 1

Manif. 1

Manif. 1

 

Manif. 2

Manif. 2

Manif. 2

Tip 1

Varjant 1

Verżjoni 1

 

Manif. 2

Manif. 2

Manif. 2

Tip 1

Varjant 1

Verżjoni 2

 

Manif. 2

Manif. 2

Manif. 2

Tip 1

Varjant 2

Verżjoni 1

 

Manif. 2

Manif. 2

Manif. 2

Tip 1

Varjant 2

Verżjoni 2

 

Manif. 2

Manif. 2

Manif. 2

Tip 2

Varjant 1

Verżjoni 1

 

Manif. 2

Manif. 2

Manif. 2

Tip 2

Varjant 1

Verżjoni 2

 

Manif. 2

Manif. 2

Manif. 2

Tip 2

Varjant 2

Verżjoni 1

 

Manif. 2

Manif. 2

Manif. 2

Tip 2

Varjant 2

Verżjoni 2

 

Manif. 2

Manif. 2

Manif. 2

 


(1)  Kodiċijiet ISO 3166 alpha-2 bl-eċċezzjoni għall-Greċja u r-Renju Unit li għalihom il-kodiċijiet huma “EL” u “UK” rispettivament.


Top