Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0426

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 426/2011 tat- 2 ta’ Mejju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku

    ĠU L 113, 3.5.2011, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R1165

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/426/oj

    3.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 113/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 426/2011

    tat-2 ta’ Mejju 2011

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 28(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jistabbilixxi li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea (“logo organiku tal-UE”) huwa wieħed mill-indikazzjonijiet obbligatorji li għandu jintuża fir-rigward tal-ikel ippakkjat minn qabel li juri termini li jirreferu għall-metodu tal-produzzjoni organika kif imsemmi fl-Artikolu 23(1), filwaqt li l-użu tal-logo huwa fakultattiv għal dawk il-prodotti importati minn pajjiżi terzi. Il-konsumaturi għandhom jiġu assigurati li l-prodotti organiċi ġew prodotti b'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 834/2007 u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (2). Għal dik il-fini, it-traċċabbiltà ta' kull prodott li jkollu l-logo organiku tal-UE fl-istadji kollha tal-produzzjoni, il-preparazzjoni u d-distribuzzjoni hija fattur importanti.

    (2)

    Sabiex il-konsumaturi jingħataw l-opportunità li jinfurmaw lilhom infushom dwar l-operaturi u l-prodotti tagħhom li huma soġġetti għas-sistema ta' kontroll tal-biedja organika, l-Istati Membri għandhom, b'mod xieraq, jagħmlu disponibbli l-informazzjoni rilevanti dwar l-operaturi soġġetti għal din is-sistema, filwaqt li josservaw ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta personali kif stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (3).

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

    (4)

    Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat regolatorju dwar il-produzzjoni organika,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fil-kapitolu 8 tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu jiddaħħal l-Artikolu 92a li ġej:

    “Artikolu 92a

    Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, b'mod xieraq inkluż pubblikazzjoni fuq l-Internet, il-listi aġġornati msemmija fl-Artikolu 28(5) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 li fih evidenza bil-miktub aġġornata relatata ma' kull operatur, kif ipprovdut fl-Artikolu 29(1) ta' dak ir-Regolament u billi jintuża l-mudell stabbilit fl-Anness XII għal dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom josservaw kif suppost ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta personali kif stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Madankollu, l-Artikolu 1 għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2013.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Mejju 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1.

    (3)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.


    Top