Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0342

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 342/2011 tat- 8 ta’ April 2011 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 96, 9.4.2011, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0692

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/342/oj

    9.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 96/10


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 342/2011

    tat-8 ta’ April 2011

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-frażi introduttorja tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 8(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 (2) li jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni veterinarji għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti kunsinni ta’ annimali ħajjin jew laħam frisk. Jistabbilixxi wkoll il-listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom, li minnhom jistgħu jiġu introdotti dawk il-kunsinni fl-Unjoni.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 206/2010 jipprovdi li kunsinni ta’ laħam frisk maħsubin għall-konsum mill-bniedem għandhom jiġu importati fl-Unjoni biss jekk ikunu ġejjin mill-pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom elenkati f’Parti 1 tal-Anness II għal dak ir-Regolament li għalih hemm mudell ta’ ċertifikat veterinarju li jikkorrispondi għall-kunsinna kkonċernata elenkata f’dik il-Parti.

    (3)

    Fil-25 ta’ Frar 2011, l-Afrika ta’ Isfel innotifikat lill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) dwar tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer. Fin-nuqqas ta’ sinjali kliniċi, it-tifqigħat ġew ikkonfermati fil-11 ta’ Frar 2011 abbażi tas-seroloġija.

    (4)

    Skont in-notifika, it-tifqigħat ġew senjalati f’żewġ distretti ġirien fil-grigal tal-provinċja ta’ KwaZulu-Natal. Dawn id-distretti huma parti mit-territorji tal-Afrika ta’ Isfel li minnhom hija awtorizzata l-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ laħam frisk u staġjunat bla għadam mill-ungulati. Dawk it-territorji huma stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010.

    (5)

    Minħabba r-riskju tal-introduzzjoni tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer permezz tal-importazzjoni fl-Unjoni ta’ laħam frisk minn speċijiet suxxettibbli għal din il-marda u fin-nuqqas ta’ garanziji li jipprovdu għar-reġjonalizzazzjoni tal-Afrika ta’ Isfel, l-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta’ dan il-laħam frisk lejn l-Unjoni ma għandhiex aktar tapplika. L-annotazzjoni għall-Afrika ta’ Isfel fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 għandha tiġi emendata skont dan.

    (6)

    L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fil-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010, l-annotazzjoni għall-Afrika ta’ Isfel tinbidel b’dan li ġej:

    “ZA – l-Afrika ta' Isfel

    ZA-0

    Il-pajjiż kollu

    EQU, EQW

     

     

     

     

    ZA-1

    Il-pajjiż kollu ħlief:

    il-parti taż-żona ta’ kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li tinsab fir-reġjuni veterinarji ta’ Mpumalanga u l-provinċji tat-Tramuntana, fid-distrett ta’ Ingwavuma tar-reġjun veterinarju ta’ Natal u fiż-żona tal-fruntiera mal-Lvant ta’ Botswana ta’ lonġitudni 28°, u

    id-distrett ta’ Camperdown, fil-provinċja ta’ KwaZulu-Natal

    BOV, OVI, RUF, RUW

    F

    1

    Il-11 ta’ Frar 2011”

     

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ April 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

    (2)  ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1.


    Top