Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0035

    Direttiva 2011/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ April 2011 dwar il-mergers ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (kodifikazzjoni) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 110, 29.4.2011, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/07/2017; Imħassar b' 32017L1132

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/35/oj

    29.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 110/1


    DIRETTIVA 2011/35/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-5 ta’ April 2011

    dwar il-mergers ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata

    (kodifikazzjoni)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) (g) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    It-tielet Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar l-għaqda ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata (3) ġiet emendata diversi drabi b’mod sostanzjali (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

    (2)

    Il-koordinazzjoni prevista fl-Artikolu 50(2)(g) tat-Trattat u fil-programm ġenerali għall-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment (5) kienet inbdiet bl-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (6).

    (3)

    Dik il-koordinazzjoni tkompliet fejn għandha x’taqsam il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi b’responnsabbiltà limitata u l-manteniment u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bit-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat-13 ta’ Diċembru 1976 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (7), u fejn għandhom x’jaqsmu l-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji, mar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (8).

    (4)

    Il-protezzjoni tal-interessi tal-membri u partijiet terzi tirrikjedi li l-liġijiet tal-Istati Membri li għandom x’jaqsmu ma’ mergers ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata jkunu koordinati u li għandha ssir dispożizzjoni għal mergers fil-liġijiet tal-Istati Membri kollha.

    (5)

    Fil-kuntest ta’ din il-koordinazzjoni huwa partikolarment importanti li l-azzjonisti tal-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger jibqgħu jiġu adegwatament infurmati bl-aktar mod oġġettiv possibbli u li d-drittijiet tagħhom ikunu protetti kif xieraq. Madankollu, m’hemmx għalfejn jintalab eżami tal-abbozz tal-klawsoli tal-merger minn espert independenti għall-azzjonisti jekk l-azzjonisti kollha jaqblu li m’hemmx bżonn li dan iseħħ.

    (6)

    Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferimenti ta’ intrapriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji hi fil-preżent regolata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardji tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (9).

    (7)

    Kredituri, flimkien ma’ detenturi ta’ obbligazzjonijiet, u persuni li għandhom pretensjonijiet fuq il-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger għandhom ikunu protetti sabiex il-merger ma’ teffettwax l-interessi tagħhom b’ mod negattiv.

    (8)

    Il-ħtiġijiet dwar żvelar fid-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (10) għandhom jiġu estiżi biex jinkludu mergers biex partijiet terzi jibqgħu jiġu adegwatament infurmati.

    (9)

    Is-salvagwardji għal membri u partijiet terzi fir-rigward ta’ mergers għandhom jiġu estiżi biex ikopru ċerti prattiki legali li f’xi aspetti importanti jixbħu il-mergers, biex wieħed ma jaħrabx mill-obbligu li tingħata din il-protezzjoni.

    (10)

    Sabiex tkun żgurata ċertezza fil-liġi fejn għandhom x’jaqsmu r-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji konċernati, bejnhom u partijiet terzi, u bejn il-membri, huwa meħtieġ li l-każijiet fejn jista’ jkun hemm annullament ikunu limitati billi ssir dispożizzjoni biex difetti jkunu rrimedjati kull meta possibbli u billi jkun ristrett il-perijodu li fih jistgħu jinbdew proċedimenti ta’ annullament.

    (11)

    Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-trażpożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    KAPITOLU I

    KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

    Artikolu 1

    1.   Il-miżuri ta’ koordinazzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrigwardaw it-tipi ta’ kumpanniji li ġejjin:

    Belġju:

    la société anonyme/de naamloze vennootschap;

    Bulgarija:

    акционерно дружество;

    Repubblika Ċeka:

    akciová společnost;

    Danimarka:

    aktieselskaber;

    Ġermanja:

    die Aktiengesellschaft;

    Estonja:

    aktsiaselts;

    Irlanda:

    public companies limited by shares, u public companies limited by guarantee having a share capital;

    Greċja:

    η ανώνυμη εταιρία;

    Spanja:

    la sociedad anónima;

    Franza:

    la société anonyme;

    Italja:

    la società per azioni;

    Ċipru:

    Δημόσιες εταιρείες περιορισμένης ευθύνης με μετοχές, δημόσιες εταιρείες περιορισμένης ευθύνης με εγγύηση που διαθέτουν μετοχικό κεφάλαιο;

    Latvja:

    akciju sabiedrība;

    Litwanja:

    akcinė bendrovė;

    Lussemburgu:

    la société anonyme;

    Ungerija:

    részvénytársaság;

    Malta:

    kumpannija pubblika/public limited liability company, kumpannija privata/private limited liability company;

    Pajjiżi l-Baxxi:

    de naamloze vennootschap;

    Awstrija:

    die Aktiengesellschaft;

    Polonja:

    spółka akcyjna;

    Portugall:

    a sociedade anónima;

    Rumanija:

    societate pe acțiuni;

    Slovenja:

    delniška družba;

    Slovakkja:

    akciová spoločnosť;

    Finlandja:

    julkinen osakeyhtiö/publikt aktiebolag;

    Svezja:

    aktiebolag;

    Renju Unit:

    public companies limited by shares, u public companies limited by guarantee having a share capital.

    2.   L-Istati Membri m’għandhomx għalfejn japplikaw din id-Direttiva għal kooperattivi inkorporati bħala wieħed mit-tipi ta’ kumpanniji elenkati fil-paragrafu 1. Sa fejn il-liġijiet tal-Istati Membri jagħmlu użu minn din l-għażla, huma għandhom jeħtieġu li dawn il-kumpanniji jinkludu l-kelma “kooperattiva” fid-dokumenti kollha msemmijin fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/101/KE.

    3.   L-Istati Membri m’għandhomx għalfejn japplikaw din id-Direttiva fil-każijiet fejn il-kumpannija jew kumpanniji li qed ikunu jiġu akkwistati jew li ser itemmu l-eżistenza tagħhom huma s-suġġett ta’ proċeduri ta’ falliment, proċeduri li għandom x’jaqsmu mal-istralċ ta’ kumpanniji falluti, arranġamenti ġudizzjali, komposizzjonijiet u proċedimenti analogi.

    KAPITOLU II

    REGOLAMENTAZZJONI TA’ MERGERS PERMEZZ TAL-AKKWIST TA’ KUMPANNIJA WAĦDA JEW AKTAR MINN KUMPANNIJA OĦRA U TA’ MERGERS PERMEZZ TAL-FORMAZZJONI TA’ KUMPANNIJA ĠDIDA

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom, fejn għandhom x’jaqsmu kumpanniji regolati bil-liġijiet nazzjonali tagħhom, jiddisponu għal regoli dwar il-mergers permezz tal-akkwist ta’ kumpannija waħda jew aktar minn kumpannija oħra u l-mergers permezz tal-formazzjoni ta’ kumpannija ġdida.

    Artikolu 3

    1.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, “merger permezz tal-akkwist” għandha tfisser l-operazzjoni li biha kumpannija waħda jew aktar jiġu stralċjati mingħajr ma’ jispiċċaw f’likwidazzjoni u jittrasferixxu lil xi oħra l-attiv u l-passiv kollu tagħhom bi skambju għall-ħruġ lill-azzjonisti tal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati ta’ ishma fil-kumpannija li qed takkwista u pagament fi flus, jekk ikun il-każ, li ma jeċċedix l-10 % tal-valur nominali tal-ishma hekk maħruġa jew, meta m’għandhomx valur nominali, tal-parità kontabbli tagħhom.

    2.   Il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddisponu li merger permezz tal-akkwist tista’ tkun effettwata wkoll meta kumpannija waħda jew aktar li qed jiġu akkwistati huma fi stat ta’ likwidazzjoni, dejjem jekk din l-għażla hi ristretta għal kumpanniji li għadhom ma’ bdewx jiddistribwixxu l-attiv tagħhom lill-azzjonisti.

    Artikolu 4

    1.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, “merger permezz tal-formazzjoni ta’ kumpannija ġdida” għandha tfisser l-operazzjoni li biha bosta kumpanniji huma stralċjati mingħajr ma jispiċċaw f’likwidazzjoni u jittrasferixxu lil xi kumpannija li jkunu ffurmaw l-attiv u l-passiv kollu tagħhom bi skambju għall-ħruġ lill-azzjonisti tagħhom ta’ ishma fil-kumpannija l-ġdida u pagament fi flus, jekk ikun il-każ, li ma jeċċedix l-10 % tal-valur nominali tal-ishma hekk maħruġa jew, meta m’għandhomx valur nominali, tal-valur tal-parità kontabbli tagħhom.

    2.   Il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddisponu li merger permezz tal-formazzjoni ta’ kumpannija ġdida tista’ tkun effettwata wkoll meta kumpannija waħda jew aktar li qed itemmu l-eżistenza tagħhom ikunu fi stat ta’ likwidazzjoni, dejjem jekk din l-għażla hi ristretta għal kumpanniji li għadhom ma bdewx jiddistribwixxu l-attiv tagħhom lill-azzjonisti.

    KAPITOLU III

    MERGER PERMEZZ TAL-AKKWIST

    Artikolu 5

    1.   Il-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija tal-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger għandhom ifasslu abbozz bil-miktub tat-termini tal-merger.

    2.   L-abbozz tat-termini tal-merger għandu jispeċifika għall-inqas:

    (a)

    it-tip, isem u uffiċċju reġistrat ta’ kull waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger;

    (b)

    il-proporzjon tal-iskambju tal-ishma u l-ammont ta’ kull pagament fi flus;

    (c)

    it-termini li għandhom x’jaqsmu mat-tqassim tal-ishma fil-kumpannija li qed takkwista;

    (d)

    id-data li minnha l-pussess ta’ dawn l-ishma jagħti d-dritt lid-detenturi li jipparteċipaw fil-profitti u kwalunkwe kondizzjoni speċjali li taffettwa dak id-dritt;

    (e)

    id-data li minnha t-transazzjonijiet tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata għandhom ikunu meqjusa għal skopijiet ta’ kontijiet bħala dawk tal-kumpannija li qed takkwista;

    (f)

    id-drittijiet mogħtija mill-kumpannija li qed takkwista lid-detenturi ta’ ishma li magħhom hemm drittijiet speċjali u lid-detenturi ta’ titoli barra ishma, jew il-miżuri proposti dwarhom;

    (g)

    kull vantaġġ speċjali mogħti lill-esperti msemmijin fl-Artikolu 10(1) u l-membri tal-korpi amministrattivi, ta’ tmexxija, ta’ sorveljanza jew ta’ kontroll tal-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger.

    Artikolu 6

    L-abbozz tat-termini ta’ merger għandu jkun pubblikat skont kif stabbilit fil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE, għal kull waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger, għall-inqas xahar qabel id-data ffissata għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar dan.

    Kwalunkwe waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tal-pubblikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE jekk, għal perijodu kontinwu ta’ żmien li jibda mill-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz ta’ termini tal-merger u li jispiċċa mhux qabel il-konklużjoni ta’ dik il-laqgħa, hija tagħmel disponibbli l-abbozz tat-termini ta’ din il-merger fuq il-websajt tagħha mingħajr ħlas għall-pubbliku. L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għal xi rekwiżiti jew restrizzjonijiet minbarra dawk li huma meħtieġa biex tkun żgurata s-sigurtà tal-websajt u l-awtentiċità tad-dokumenti, u jistgħu jimponu rekwiżiti jew restrizzjonijiet bħal dawn biss sal-punt li jkunu proporzjonati sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    B’deroga mit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-pubblikazzjoni ssir permezz tal-bażi elettronika ċentrali msemmija fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/101/KE. L-Istati Membri jistgħu b’mod alternattiv jeħtieġu li din il-pubblikazzjoni ssir fuq kwalunkwe websajt oħra magħżula minnhom għal dak il-għan. Meta l-Istati Membri jagħmlu użu minn waħda minn dawk il-possibilitajiet, huma għandhom jiżguraw li l-kumpanniji ma jintalbux tariffa speċifika għal din il-pubblikazzjoni.

    Meta tintuża websajt oħra minbarra l-bażi elettronika ċentrali, referenza li tagħti aċċess għal dik il-websajt għandha tiġi ppubblikata fuq il-bażi elettronika ċentrali mill-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgha ġenerali. Dik ir-referenza għandha tinkludi d-data tal-pubblikazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-merger fuq il-websajt u għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas. Il-kumpanniji m’għandhomx jintalbu tariffa speċifika għal din il-pubblikazzjoni.

    Il-projbizzjoni li teżenta lill-kumpanniji milli jħallsu tariffa speċifika għall-pubblikazzjoni, stabbilità fit-tielet u r-raba’ paragrafi, m’għandhiex taffettwa l-kapaċità tal-Istati Membri li jgħaddu lill-kumpanniji l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-bażi elettronika ċentrali.

    L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-kumpanniji jżommu l-informazzjoni għal perijodu speċifiku wara l-laqgħa ġenerali fil-websajt tagħhom jew, fejn ikun applikabbli, fil-bażi elettronika ċentrali jew il-websajt l-ieħor magħżul mill-Istat Membru konċernat. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-konsegwenzi ta’ interruzzjoni temporananja tal-aċċess għall-websajt jew għall-bażi elettronika ċentrali, ikkawżati minn fatturi tekniċi jew fatturi oħrajn.

    Artikolu 7

    1.   Merger għandha teħtieġ għall-anqas l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ kull waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger. Il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom jiddisponu li din id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għandha tkun teħtieġ maġġoranza ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-voti relatati jew mal-ishma jew mal-kapital rappreżentat sottoskritt.

    Il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu, iżda, jiddisponu li maġġoranza sempliċi tal-voti speċifikati fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu biżżejjed meta għall-anqas nofs il-kapital sottoskritt huwa rappreżentat. Barra hekk, fejn xieraq, ir-regoli dwar bidliet fil-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni għandhom japplikaw.

    2.   Meta jkun hemm aktar minn klassi waħda ta’ ishma, id-deċiżjoni dwar merger għandha tkun suġġetta għal vot separat ta’ għall-anqas kull klassi ta’ azzjonisti li d-drittijiet tagħhom huma effettwati bit-transazzjoni.

    3.   Id-deċiżjoni għandha tkopri kemm l-approvazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-merger u kemm kull bdil fil-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni li jkun meħtieġ bil-merger.

    Artikolu 8

    Il-liġijiet ta’ Stat Membru m’għandhomx għalfejn jeħtieġu l-approvazzjoni tal-merger mil-laqgħa ġenerali tal-kumpannija li qed takkwista jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu mħarsa:

    (a)

    il-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6 għandha tkun effettwata, għall-kumpannija li qed takkwista, għall-anqas xahar qabel id-data stabbilita għal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini tal-merger;

    (b)

    għall-anqas xahar qabel id-data speċifikata fil-punt (a), l-azzjonisti tal-kumpannija li qed takkwista għandu jkollhom id-dritt li jispezzjonaw id-dokumenti speċifikati fl-Artikolu 11(1) fl-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija li qed takkwista;

    (c)

    wieħed jew aktar mill-azzjonisti tal-kumpannija li qed takkwista u li għandha perċentwal minimu tal-kapital sottoskritt għandu jkollhom id-dritt jitolbu li laqgħa ġenerali tal-kumpannija li qed takkwista tkun imsejħa biex tiddeċiedi jekk għandhiex tapprova l-merger; dan il-perċentwal minimu ma jistax jiġi ffissat għal aktar minn 5 %. l-Istati Membri jistgħu, madankollu, jiddisponu għall-esklużjoni ta’ ishma bla vot minn din il-kalkolazzjoni.

    Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu, l-Artikolu 11(2), (3) u (4) għandu japplika.

    Artikolu 9

    1.   Il-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija ta’ kull waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger għandhom ifasslu rapport dettaljat bil-miktub li jispjega l-abbozz tat-termini tal-merger u jagħti r-raġunijiet legali u ekonomiċi tagħhom, b’ mod partikolari l-proporzjon tal-iskambju tal-ishma.

    Dak ir-rapport għandu jiddeskrivi wkoll kwalunkwe diffikultajiet speċjali ta’ valutazzjoni li jkunu nqalgħu.

    2.   Il-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija ta’ kull waħda mill-kumpanniji involuti għandhom jinfurmaw lil-laqgħa ġenerali tal-kumpannija tagħhom u lill-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija tal-kumpanniji l-oħra involuti biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jinfurmaw il-laqgħat ġenerali rispettivi tagħhom b’kwalunkwe bidla materjali fl-attiv u l-passiv bejn id-data ta’ preparazzjoni tal-abbozz ta’ termini tal-merger u d-data tal-laqgħat ġenerali li għandhom jiddeċiedu l-abbozz ta’ termini tal-merger.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 u/jew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 m’għandhomx ikunu meħtieġa kemm-il darba l-azzjonisti kollha u d-detenturi ta’ titoli oħra li jagħtu d-dritt tal-vot ta’ kull kumpannija involuta fil-merger hekk ftiehmu.

    Artikolu 10

    1.   Espert wieħed jew aktar, li jaġixxu f’isem kull waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger imma independentement minnhom, maħtura jew approvati minn awtorità ġudizzjali jew amministrattiva, għandhom jeżaminaw l-abbozz tat-termini ta’ merger u jħejju rapport bil-miktub lill-azzjonisti. Madankollu, l-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddisponu għall-ħatra ta’ espert wieħed jew aktar indipendenti għal kull waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger, jekk dik il-ħatra ssir minn awtorità ġudizzjali jew amministrattiva fuq talba konġunta ta’ dawk il-kumpanniji. Dawn l-esperti jistgħu, skont il-liġijiet ta’ kull Stat Membru, ikunu persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew kumpanniji jew ditti kummerċjali.

    2.   Fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 l-esperti għandhom fi kwalunkwe każ jgħidu jekk fl-opinjoni tagħhom il-proporzjon tal-iskambju tal-ishma huwiex ġust u raġonevoli. L-istqarrija tagħhom għandha tal-anqas:

    (a)

    tindika l-metodu jew metodi użati li jwasslu għall-proporzjon ta’ skambju tal-ishma propost;

    (b)

    tgħid jekk dan il-metodu jew metodi humiex adegwati fil-każ inkwistjoni, tindika l-valuri li wasslu għalihom bl-użu ta’ kull wieħed minn dawn il-metodi u tagħti opinjoni dwar l-importanza relattiva attribwita għal dawn il-metodi biex wasslu għall-valur li jkun ġie deċiż.

    Ir-rapport għandu jiddeskrivi wkoll kwalunkwe diffikultajiet speċjali ta’ valutazzjoni li jkunu nqalgħu.

    3.   Kull espert għandu jkollu d-dritt li jikseb mill-kumpanniji li jiġu inkorporati l-informazzjoni u d-dokumenti kollha rilevanti u biex iwettaq l-investigazzjonijiet kollha neċessarji.

    4.   M’għandu jintalab la eżami tal-abbozz tal-klawsoli tal-merger u lanqas rapport tal-esperti jekk l-azzjonisti kollha u d-detenturi tat-titoli l-oħra li jagħtu d-dritt għall-vot ta’ kull wieħed mill-kumpanniji involuti fil-merger jaqblu dwar dan.

    Artikolu 11

    1.   L-azzjonisti kollha għandu jkollhom id-dritt li jispezzjonaw għall-inqas id-dokumenti li ġejjin fl-uffiċċju reġistrat għall-inqas xahar qabel id-data fissata għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini tal-merger:

    (a)

    l-abbozz tat-termini tal-merger;

    (b)

    il-kontijiet annwali u r-rapport annwali tal-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger għat-tliet snin finanzjarji ta’ qabel;

    (c)

    fejn hu applikabbli, dikjarazzjoni ta’ kontijiet mfassla f’data li ma tistax tkun aktar kmieni mill-ewwel jum tat-tielet xahar li jippreċedi d-data tal-abbozz tat-termini tal-merger, jekk l-aħħar kontijiet annwali jirrelataw għal sena finanzjarja li tkun intemmet aktar minn sitt xhur qabel dik id-data;

    (d)

    fejn hu applikabbli, ir-rapporti tal-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija tal-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger previsti fl-Artikolu 9;

    (e)

    fejn applikabbli, ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 10(1).

    Għall-fini ta’ punt (c) tal-ewwel subparagrafu, dikjarazzjoni ta’ kontijiet m’għandhiex tkun meħtieġa kemm-il darba l-kumpannija tippubblika rapport finanzjarju ta’ kull sitt xhur skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat (11) u tagħmlu disponibbli għall-azzjonijsti b’konformità ma’ dan il-paragrafu. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li dikjarazzjoni ta’ kontijiet m’għandhiex tkun meħtieġa kemm-il darba l-azzjonisti kollha u d-detenturi ta’ titoli oħra li jagħtu d-dritt tal-vot ta’ kull waħda mill-kumpanniji involuti fil-merger ikunu qablu dwar dan.

    2.   Id-dikjarazzjoni tal-kontijiet prevista fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandha tkun imfassla billi jintużaw l-istess metodi u l-istess għamla kif hemm użati fl-aħħar karta tal-bilanċ annwali.

    Madankollu, il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddisponu li:

    (a)

    m’huwiex meħtieġ li jsir inventarju fiżiku ġdid;

    (b)

    il-valutazzjonijiet murija fl-aħħar karta tal-bilanċ għandhom jinbidlu biss biex jirriflettu annotazzjonijiet fil-kotba tal-kontijiet; dawn li ġejjin, madankollu, għandhom jiġu kkunsidrati:

    deprezzament u riżervi interim,

    tibdil materjali fil-valur attwali li ma jidhirx fil-kotba.

    3.   Kull azzjonist għandu jkun intitolat li jikseb, wara talba u bla ħlas, kopji sħaħ jew, jekk hekk ikun mixtieq, kopji parzjali tad-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1.

    Fejn azzjonista jkun ta l-kunsens tiegħu li tħalli lill-kumpannija tuża mezzi elettroniċi biex twassal l-informazzjoni, tali kopji ta’ din l-informazzjoni jistgħu jiġu fornuti permezz tal-posta elettronika.

    4.   Kumpannija għandha tkun eżentata mill-ħtieġa li tagħmel id-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1 disponibbli fl-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat tagħha kemm-il darba, għal perijodu kontinwu ta’ żmien li jibda mill-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini tal-merger u li jintemm mhux qabel il-konklużjoni ta’ dik il-laqgħa, tagħmilhom disponibbli fuq il-websajt tagħha. L-Istati Membri m’għandhom jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għall-ebda rekwiżit jew restrizzjoni minbarra dawk li huma meħtieġa biex tkun assigurata s-sigurtà tal-websajt u l-awtentiċità tad-dokumenti u jistgħu jimponu dawn ir-rekwiżiti jew ir-restrizzjonijiet biss sal-punt li jkunu proporzjonati sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

    Il-paragrafu 3 m’għandux japplika kemm-il darba l-websajt joffri lill-azzjonijisti l-possibbiltà, matul il-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li jniżżlu elettronikament u jistampaw id-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1. Madankollu, f’dak il-każ, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kumpannija għandha tagħmel dawn id-dokumenti disponibbli fl-uffiċċju reġistrat tagħha biex jiġu kkonsultati mill-azzjonisti.

    L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-kumpanniji jżommu l-informazzjoni fil-websajt tagħhom għal perijodu speċifiku wara l-laqgħa ġenerali. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-konsegwenzi ta’ interruzzjoni temporananja ta’ aċċess għall-websajt ikkawżata minn fatturi tekniċi jew fatturi oħrajn.

    Artikolu 12

    Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegati ta’ kull waħda mill-kumpanniji li qed jiġu inkorporati għandha tkun regolata skont id-Direttiva 2001/23/KE.

    Artikolu 13

    1.   Il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom jiddisponu għal sistema adegwata ta’ protezzjoni tal-interessi tal-kredituri tal-kumpanniji li qed jiġu inkorporati li l-pretensjonijiet tagħhom kienu saru qabel il-publikazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-merger u li ma’ kienux jagħlqu fil-ħin ta’ dik il-pubblikazzjoni.

    2.   Għal dak il-għan, il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom tal-anqas jipprevedu li dawn il-kredituri għandhom ikunu intitolati jiksbu salvagwardji adegwati meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger tagħmel din il-protezzjoni neċessarja u meta dawk il-kredituri m’għandhomx diġà dawn is-salvagwardji.

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-protezzjoni prevista fil-paragrafu 1 u fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri jkunu awtorizzati li japplikaw lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti għal salvagwardji adegwati bil-kondizzjoni li jkunu jistgħu juru b’mod kredibbli li minħabba fil-merger qed jiġu mhedda l-pretensjonijiet tagħhom u li ma nkisbu ebda salvagwardji adegwati mill-kumpannija.

    3.   Din il-protezzjoni tista’ tkun differenti għall-kredituri tal-kumpannija li qed takkwista u għal dawk tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata.

    Artikolu 14

    Bla ħsara għar-regoli dwar l-eżerċizzju kollettiv tad-drittijiet tagħhom, l-Artikolu 13 għandu japplika għad-detenturi ta’ obbligazzjonijiet tal-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger, ħlief fejn il-merger kienet approvata minn laqgħa tad-detenturi tal-obbligazzjonijiet, jekk laqgħa bħal din hemm dispożizzjoni għaliha fil-liġijiet nazzjonali, jew mid-detenturi tal-obbligazzjonijiet individwalment.

    Artikolu 15

    Id-detenturi ta’ titoli, għajr ishma, li għandhom magħhom drittijiet speċjali għandhom jkunu mogħtija drittijiet fil-kumpannija li qed takkwista tal-anqas ekwivalenti għal-dawk li kellhom fil-kumpannija li qed tiġi akkwistata, sakemm il-bidla ta’ dawk id-drittijiet ġiet approvata permezz ta’ laqgħa tad-detenturi ta’ dawk it-titoli, jekk laqgħa bħal din ikun hemm dispożizzjoni għaliha fil-liġijiet nazzjonali, jew mid-detenturi ta’ dawk it-titoli individwalment, jew sakemm id-detenturi jkollhom il-jedd għax-xiri mill-ġdid tat-titoli tagħhom mill-kumpannija li qed takkwista.

    Artikolu 16

    1.   Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru ma jiddisponux għal sorveljanza preventiva ġudizzjali jew amministrattiva tal-legalità ta’ mergers, jew meta din is-sorveljanza ma testendix ukoll għall-atti legali kollha meħtieġa għal merger, il-minuti tal-laqgħat ġenerali li jiddeċiedu dwar il-merger u, fejn xieraq, il-kuntratt tal-merger ta’ wara dawn il-laqgħat ġenerali għandhom jitħejjew u jiġu ċertifikati f’għamla legali kif suppost. F’każijiet meta merger m’ għandhiex għalfejn tkun approvata mill-laqgħat ġenerali tal-kumpanniji kollha li huma l-oġġett ta’ merger, l-abbozz tat-termini tal-merger għandu ikun imħejji u ċċertifikat f’għamla legali kif suppost.

    2.   In-nutar jew l-awtorità kompetenti biex tħejji u tiċċertifika d-dokument f’għamla legali kif suppost għandha tiċċekkja u tiċċertifika l-eżistenza u l-validità tal-atti legali u l-formalitajiet meħtieġa mil-kumpannija li għaliha n-nutar jew l-awtorità qed jaġixxu u tal-abbozz tat-termini tal-merger.

    Artikolu 17

    Il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom jiddeterminaw id-data li fiha merger tieħu effett.

    Artikolu 18

    1.   Merger għandha tingħata pubbliċità bil-mod stabbilit fil-liġijiet ta’ kull Stat Membru, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE, fir-rigward ta’ kull waħda mill-kumpanniji li qed jiġu inkorporati.

    2.   Il-kumpannija li qed takkwista tista’ hi nnifisha twettaq il-formalitajiet ta’ pubblikazzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati.

    Artikolu 19

    1.   Merger għandu jkollha l-konsegwenzi li ġejjin ipso jure u fl-istess ħin:

    (a)

    it-trasferiment, kemm bejn il-kumpannija li qed tiġi akkwistata u l-kumpannija li qed takkwista u fejn għandhom x’jaqsmu terzi persuni, lill-kumpannija li qed takkwista tal-attiv u l-passiv kollu tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata;

    (b)

    l-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata jsiru azzjonisti tal-kumpannija li qed takkwista;

    (c)

    il-kumpannija li qed tiġi akkwistata ma tibqax teżisti.

    2.   L-ebda ishma fil-kumpannija li qed takkwista m’għandhom jinbidlu ma’ ishma fil-kumpannija li qed tiġi akkwistata li jkunu jew:

    (a)

    f’idejn il-kumpannija li qed takkwista innifisha jew permezz ta’ persuna li taġixxi f’isimha iżda għan-nom tagħha; jew

    (b)

    mill-kumpannija stess li qed tiġi akkwistata jew permezz ta’ persuna li taġixxi f’isimha iżda għan-nom tagħha.

    3.   Dan ta’ hawn fuq m’għandux jaffettwa l-liġijiet ta’ Stati Membri li jeħtieġu l-kompletar ta’ formalitajiet speċjali għat-trasferiment ta’ ċerti assi, drittijiet u obbligazzjonijiet mill-kumpannija li qed tiġi akkwistata li jkunu effettivi kontra partijiet terzi. Il-kumpannija li qed takkwista tista’ twettaq dawn il-formalitajiet hi stess; iżda, il-liġijiet tal-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-kumpannija li qed tiġi akkwistata li tkompli twettaq dawn il-formalitajiet għal perijodu limitat li ma’ jistax, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, ikun iffissat għal aktar minn sitt xhur mid-data li fiha tieħu effett il-merger.

    Artikolu 20

    Il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom tal-anqas jistabbilixxu regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili lejn l-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata tal-membri tal-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija ta’ dik il-kumpannija dwar imġieba ħażina min-naħa tal-membri ta’ dawk il-korpi waqt il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-merger.

    Artikolu 21

    Il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom tal-anqas jistabbilixxu regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili lejn l-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata tal-esperti responsabbli għat-tħejjija f’isem dik il-kumpannija tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 10(1) dwar imġieba ħażina min-naħa ta’ dawk l-esperti fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

    Artikolu 22

    1.   Il-liġijiet tal-Istati Membri jistgħu jagħmlu regoli ta’ annullament ta’ mergers skont il-kondizzjonijiet li ġejjin biss:

    (a)

    annullament għandu ikun ordnat f’sentenza ta’ xi qorti;

    (b)

    mergers li ħadu effett skont l-Artikolu 17 jistgħu jiġu dikjarati nulli biss jekk ma kienx hemm sorveljanza preventiva ġudizzjali jew amministrattiva tal-legalità tagħhom, jew jekk ma ġewx imħejjija u ċertifikati fl-għamla legali kif suppost, jew jekk ikun jidher li d-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali hi invalida jew tista’ tkun invalidata taħt liġi nazzjonali;

    (c)

    proċedimenti ta’ annullament ma’ jistgħux jinbdew aktar minn sitt xhur wara d-data li fiha tkun seħħet il-merger kontra l-persuna li qed tallega annullament jew jekk is-sitwazzjoni ġiet irranġata;

    (d)

    meta jkun possibbli li jissewwa difett li tista’ tagħmel merger mhux valida, il-qorti kompetenti għandha tagħti lill-kumpanniji involuti perijodu ta’ żmien li fih tkun tista’ tiġi rranġata s-sitwazzjoni;

    (e)

    sentenza li tiddikjara merger mhux valida għandha tiġi pubblikata kif stabbilit fil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE;

    (f)

    meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu li parti terza tisfida sentenza bħal din, dik il-parti tista’ tagħmel hekk biss fi żmien sitt xhur mill-publikazzjoni tas-sentenza kif stabbilit fid-Direttiva 2009/101/KE;

    (g)

    sentenza li tiddikjara merger mhux valida m’għandhiex fiha nnifisha taffettwa l-validità ta’ obbligazzjonijiet dovuti minn, jew relatati ma’, l-kumpannija li qed takkwista u li kienu hemm qabel is-sentenza ġiet ippubblikata u wara d-data li fiha l-merger tieħu effett;

    (h)

    kumpanniji li kienu parti f’merger għandhom ikunu responsabbli in solidum fejn għandhom x’jaqsmu l-obligazzjonijiet tal-kumpannija li qed takkwista msemmija fil-punt (g).

    2.   B’deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 1, il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu ukoll jiddisponu biex annullament ta’ merger ikun ordnat minn awtorità amministrattiva jekk appell kontra deċiżjoni bħal din jiġi quddiem qorti. Il-punti (b) u l-punti (d) sa (h) tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw b’analoġija għall-awtorità amministrattiva. Proċedimenti ta’ annullament bħal dawn ma’ jistgħux jinbdew aktar min sitt xhur wara d-data li fiha l-merger tieħu effett.

    3.   Il-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-annullament ta’ merger dikjarat wara xi sorveljanza għajr sorveljanza preventiva ġudizzjali jew amministrattiva ta’ legalità m’għandhomx jiġu affettwati.

    KAPITOLU IV

    MERGER PERMEZZ TAL-FORMAZZJONI TA’ KUMPANNIJA ĠDIDA

    Artikolu 23

    1.   L-Artikoli 5, 6 u 7 u l-Artikolu 9 sa 22 ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw, bla ħsara għall-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2009/101/KE, għal merger permezz tal-formazzjoni ta’ kumpannija ġdida. Għal dan l-iskop, “kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger” u “kumpannija li qed tiġi akkwistata” għandhom ifissru l-kumpanniji li ma jibqgħux jeżistu iktar u “kumpannija li qed takkwista” għandha tfisser il-kumpannija l-ġdida.

    Il-punt (a) tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-Direttiva għandu japplika wkoll għall-kumpannija l-ġdida.

    2.   L-abbozz tat-termini tal-merger u, jekk dan ikun f’dokument separat, il-memorandum jew l-abbozz tal-memorandum ta’ assoċjazzjoni u l-artikoli jew l-abbozz tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija l-ġdida għandhom ikunu approvati f’laqgħa ġenerali ta’ kull waħda mill-kumpanniji li mhux se jibqgħu jeżistu.

    KAPITOLU V

    AKKWIST TA’ KUMPANNIJA WAĦDA MINN KUMPANNIJA OĦRA LI GĦANDHA 90 % JEW AKTAR MILL-ISHMA TAGĦHA

    Artikolu 24

    L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet, dwar kumpanniji regolati mil-liġijiet tagħhom, għall-operazzjoni li biha kumpannija waħda jew aktar jiġu stralċjati mingħajr ma jispiċċaw f’likwidazzjoni u jittrasferixxu l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lil kumpannija oħra li jkollha l-ishma u t-titoli l-oħra kollha tagħhom li jagħtu d-dritt tal-vot f’laqgħat ġenerali. Operazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III. Madanakollu, l-Istati Membri m’għandhomx jimponu r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 5(2), l-Artikoli 9 u 10, u l-punti (d) u (e) tal-Artikolu 11(1), il-punt (b) tal-Artikolu 19(1) u l-Artikoli 20 u 21.

    Artikolu 25

    L-Istati Membri m’għandhomx japplikaw l-Artikolu 7 għall-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24 kemm-il darba jiġu sodisfatti l-kondizzjoniet li ġejjin:

    (a)

    il-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6 għandha tkun effettwata, fir-rigward ta’ kull kumpannija involuta fl-operazzjoni, tal-anqas xahar qabel ma l-operazzjoni tieħu effett;

    (b)

    tal-anqas xahar qabel l-operazzjoni tieħu effett, l-azzjonisti kollha tal-kumpannija li qed takkwista għandu jkollhom il-jedd li jispezzjonaw id-dokumenti msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 11(1) fl-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija;

    (c)

    il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 għandu japplika.

    Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 11(2), (3) u (4) għandu japplika.

    Artikolu 26

    L-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikoli 24 u 25 għal operazzjonijiet li bihom kumpannija waħda jew aktar jiġu stralċjati mingħajr ma jispiċċaw f’likwidazzjoni u jittrasferixxu l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lil xi kumpannija oħra, jekk l-ishma u t-titoli l-oħra kollha speċifikati fl-Artikolu 24 tal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati ikunu tal-kumpannija li qed takkwista u/jew ta’ persuni li jżommu dawn l-ishma u titoli f’isimhom imma mhux għan-nom ta’ dik il-kumpannija.

    Artikolu 27

    Fejn issir merger b’akkwist minn kumpannija li jkollha 90 % jew aktar, iżda mhux it-total kollu, tal-ishma u titoli oħra li jagħtu d-dritt għall-vot fil-laqgħat ġenerali tal-kumpannija jew kumpanniji akkwistati, l-Istati Membri m’għandhomx jeħtieġu l-approvazzjoni tal-merger mil-laqgħa ġenerali tal-kumpannija akkwerenti jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6 għandha tkun effettwata, fejn għandha x’taqsam il-kumpannija li qed takkwista, tal-anqas xahar qabel id-data stabbilita għal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini tal-merger;

    (b)

    tal-anqas xahar qabel id-data speċifikata fil-punt (a), l-azzjonisti kollha tal-kumpannija li qed takkwista jridu jkunu intitolati li jispezzjonaw id-dokumenti speċifikati fil-punti (a), (b) u, fejn hu applikabbli, (c), (d) u (e) tal-Artikolu 11(1) fl-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija;

    (c)

    il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 għandu japplika.

    Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 11(2), (3) u (4) għandu japplika.

    Artikolu 28

    L-Istati Membri m’għandhomx jimponu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 9, 10 u 11 fil-każ ta’ merger fit-tifsira tal-Artikolu 27 kemm-il darba jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-azzjonijisti f’minoranza tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata għandu jkollhom id-dritt li jkollhom l-ishma tagħhom akkwistati mill-kumpannija li qed takkwista;

    (b)

    jekk jeżerċitaw dak id- dritt, għandu jkollhom id-dritt li jirċievu konsiderazzjoni li tikkorrispondi għall-valur tal-ishma tagħhom;

    (c)

    fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar din il-konsiderazzjoni, għandu jkun possibbli li l-valur tal-konsiderazzjoni ikun determinat minn qorti jew minn awtorità amministrattiva maħtura mill-Istat Membru għal dak il-għan.

    Stat Membru m’għandux għalfejn japplika l-ewwel paragrafu jekk il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru jintitolaw lill-kumpannija li qed takkwista, mingħajr offerta preċedenti ta’ akkwiżizzjoni pubblika, li teħtieġ li d-detenturi kollha tal-bqija tat-titoli tal-kumpannija jew kumpanniji li ser ikunu akkwistati jbigħulha dawk it-titoli qabel il-merger bi prezz ġust.

    Artikolu 29

    L-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikoli 27 u 28 għal operazzjonijiet li bihom kumpannija waħda jew aktar jkunu stralċjati mingħajr ma jispiċċaw f’likwidazzjoni u jittrasferixxu l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lil xi kumpannija oħra jekk 90 % jew iktar, iżda mhux it-total kollu, tal-ishma u t-titoli msemmijin fl-Artikolu 27 tal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati jkunu tal-kumpannija li qed takkwista u/jew minn persuni li għandhom dawn l-ishma u titoli f’isimhom imma mhux għan-nom tal-kumpannija.

    KAPITOLU VI

    OPERAZZJONIJIET OĦRA MEQJUSA BĦALA MERGERS

    Artikolu 30

    Meta fil-każ ta’ xi waħda mill-operazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 2 il-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu li pagament fi flus jeċċedi l-10 %, il-Kapitoli III u IV u l-Artikoli 27, 28 u 29 għandhom japplikaw.

    Artikolu 31

    Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu xi waħda mill-operazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 2, 24 u 30, mingħajr ma l-kumpanniji għaddejjin minn trasferiment ma jibqgħux jeżistu, il-Kapitolu III, ħlief għall-punt (c) tal-Artikolu 19(1), il-Kapitolu IV jew il-Kapitolu V għandhom japplikaw kif xieraq.

    KAPITOLU VII

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 32

    Id-Direttiva 78/855/KEE, kif emendata mill-atti mniżżla fl-Anness I, Parti A, hija b’dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B.

    Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

    Artikolu 33

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2011.

    Artikolu 34

    Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, il-5 ta’ April 2011.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    GYŐRI E.


    (1)  OJ C 51, 17.2.2011, p. 36.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Jannar 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Marzu 2011.

    (3)  ĠU L 295, 20.10.1978, p. 36.

    (4)  Ara l-Anness I, Parti A.

    (5)  ĠU 2, 15.1.1962, p. 36/62.

    (6)  ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8.

    (7)  ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1.

    (8)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

    (9)  GU L 82, 22.3.2001, p. 16.

    (10)  ĠU L 258, 1.10.2009, p. 11.

    (11)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.


    ANNESS I

    PARTI A

    Direttiva mħassra flimkien mal-lista tal-emendi suċċessivi tagħha

    (imsemmi fl-Artikolu 32)

    Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE

    (ĠU L 295, 20.10.1978, p. 36)

     

    Anness I, punt III.C, tal-Att ta’ Adeżjoni 1979

    (ĠU L 291, 19.11.1979, p. 89)

     

    Anness I, punt II. d), tal-Att ta’ Adeżjoni 1985

    (ĠU L 302, 15.11.1985, p. 157)

     

    Anness I, Punt XI.A.3., tal-Att ta’ Adeżjoni 1994

    (ĠU C 241, 29.8.1994, p. 194)

     

    Anness II, punt 4.A.3., tal-Att ta’ Adeżjoni 2003

    (ĠU L 236, 23.9.2003, p. 338)

     

    Direttiva tal-Kunsill 2006/99/KE

    (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 137)

    Kif jirrigwarda biss ir-referenza għad-Direttiva 78/855/KEE fl-Artikolu 1 ul- Anness, Taqsima A. 3.

    Direttiva 2007/63/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 300, 17.11.2007, p. 47)

    Artikolu 2 biss

    Direttiva 2009/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 259, 2.10.2009, p. 14)

    Artikolu 2 biss

    PARTI B

    Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

    (imsemmi fl-Artikolu 32)

    Direttiva

    Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

    78/855/KEE

    13 ta’ Ottubru 1981

    2006/99/KEE

    fl-1 ta’ Jannar 2007.

    2007/63/ΚΕΕ

    fil-31 ta’ Diċembru 2008.

    2009/109/ΚΕΕ

    fit-30 ta’ Ġunju 2011.


    ANNESS II

    Tabella ta’ Korrelazzjoni

    Directive 78/855/KEE

    Din id-Direttiva

    Artikolu 1

    Artikolu 1

    Artikoli 2 - 4

    Artikoli 2 - 4

    Artikoli 5 - 22

    Artikoli 5 - 22

    Artikolu 23(1)

    Artikolu 23(1), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 23(2)

    Artikolu 23(1), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 23(3)

    Artikolu 23(2)

    Artikoli 24 - 29

    Artikoli 24 - 29

    Artikoli 30 - 31

    Artikoli 30 - 31

    Artikolu 32

    Artikolu 32

    Artikolu 33

    Artikolu 33

    Artikolu 34

    Anness I

    Anness II


    Top