Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0541

    2011/541/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat- 2 ta’ Settembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

    ĠU L 240, 16.9.2011, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/541/oj

    16.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 240/8


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-2 ta’ Settembru 2011

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

    (2011/541/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fuq talba tal-Portugall, il-Kunsill tah assistenza finanzjarja (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE (2)) b’appoġġ għal programm ta’ riforma ekonomika u finanzjarja b’saħħtu bil-għan li tinkiseb mill-ġdid il-fiduċja, u b’hekk l-ekonomija tkun tista’ tirritorna għat-tkabbir sostenibbli u tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall, fiż-żona tal-euro u fl-UE.

    (2)

    F’konformità mal-Artikolu 3(9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali (“FMI”) u f’kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”), wettqet l-ewwel analiżi tal-progress tal-awtoritajiet dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri mifthiema kif ukoll dwar l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom.

    (3)

    Skont it-tbassiriet attwali tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG (-0,7 % fl-2011, 0,0 % fl-2012, 2,5 % fl-2013 u 3,9 % fl-2014), il-perkors għall-aġġustament fiskali huwa konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill lill-Portugall tat-2 ta’ Diċembru 2009 bil-ħsieb li tinġieb fi tmiemha s-sitwazzjoni ta’ defiċit tal-gvern eċċessiv skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat u huwa konsistenti mal-perkors għal proporzjon ta’ dejn relatat mal-PDG ta’ 101,1 % fl-2011, 106,2 % fl-2012, 107,3 % fl-2013 u 106,4 % fl-2014. Għaldaqstant, il-proporzjon ta’ dejn relatat mal-PDG ikun stabbilizzat fl-2013 u, minn hemm ’il quddiem jaqbad it-triq lejn it-tnaqqis, dejjem jekk ikun hemm progress ulterjuri fit-tnaqqis tad-defiċit. Id-dinamiċi tad-dejn huma affetwati minn diversi operazzjonijiet barra mill-baġit, inkluż akkwiżizzjonijiet imdaqqsa ta’ assi finanzjarji, b’mod partikolari għar-rikapitalizzazzjoni bankarja u l-finanzjament possibbli lill-impriżi tal-istat (“SOEs”) u d-differenzi bejn il-pagamenti dovuti u dawk tal-imgħax fi flus kontanti.

    (4)

    Il-kriterju tal-prestazzjoni kwantitattiva ta’ kull tliet xhur fuq il-bilanċ ġenerali tal-gvern għall-ewwel tliet xhur tal-2011 intlaħaq. Madankollu, dejta reċenti rreferiet għal differenza bejn ix-xejriet fiskali u l-miri tad-defiċit tal-2011. L-infiq eċċessiv fl-ewwel nofs tas-sena, id-dħul mhux fiskali li mhux qed irendi kif suppost u l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ xi operazzjonijiet wasslu għan-nuqqas imbassar ta’ madwar 1,1 % tal-PDG fuq l-2011 kollha. L-ispejjeż netti relatati mal-bejgħ tal-Banco Português de Negócios (BPN) iżidu 0,2 % oħra tal-PDG mad-defiċit nominali. L-awtoritajiet irreaġixxew fil-pront: l-eżekuzzjoni tal-baġit saret aktar stretta, ġiet introdotta tariffa ta’ darba fuq it-taxxa fuq id-dħul personali, tressqu ’l quddiem mill-2012 żidiet fir-rati tal-VAT fuq il-gass naturali u l-elettriku u se jiżdied il-bejgħ tal-konċessjonijiet. L-awtoritajiet għandhom ifittxu wkoll li jadattaw miżuri oħra ta’ konsolidazzjoni ta’ natura permanenti u/jew jantiċipaw miżuri oħra ppjanati għas-sena d-dieħla. Il-proċess li għaddej bħalissa tat-trasferiment f’fażijiet tal-fondi tal-pensjonijiet mill-banek għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat għandu jipprovdi, f’dan il-każ eċċezzjonali, mezz li jwassal sabiex tintlaħaq il-mira għall-2011. L-assi miksuba ta’ dawn il-fondi tal-pensjonijiet ma għandhomx jintużaw b’mod li jagħmel ħsara lis-sostenibbiltà fiskali fit-tul. Il-gvern ma għandux joqgħod fuq trasferimenti ulterjuri ta’ fondi tal-pensjonijiet sabiex jilħaq il-miri għas-snin li ġejjin. Qed isir progress biex tissaħħaħ il-ġestjoni finanzjarja pubblika permezz ta’ rapportar u monitoraġġ imtejjeb u riforma tal-qafas baġitarju, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet mis-servizzi tal-Kummissjoni u l-persunal tal-FMI.

    (5)

    Il-banek qed jaħdmu sabiex jilħqu r-rekwiżiti kapitali ogħla kif mitlub mill-programm. Il-leġiżlazzjoni eżistenti qed tiġi emendata biex issaħħaħ il-faċilità miżjuda ta’ appoġġ għas-solvenza. Jibqa’ kritiku l-bżonn ta’ tnaqqis ibbilanċjat u ordnat tad-dejn tas-settur bankarju, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat kreditu adegwat għas-setturi dinamiċi sabiex jiġi xprunat it-tkabbir. Għalkemm il-ftehim għad jonqsu l-approvazzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, instab xerrej għall-BPN. Sar ukoll progress biex jissaħħaħ il-qafas superviżorju u regolatorju, inkluż permezz tal-assistenza teknika. Il-banek Portugiżi għaddew mit-testijiet tal-istress tal-Awtorità Bankarja Ewropea (‘ABE’) ta’ Lulju 2011 b’riżultati mħallta u b’hekk reġgħet qamet il-ħtieġa li jiġu implimentati r-riformi tal-programm biex jissaħħaħ is-settur.

    (6)

    Minkejja l-ewwel żborż relattivament kbir, il-pożizzjoni tal-likwidità tal-gvern tibqa’ taħt pressjoni. Dan jista’ jiġi spjegat biż-żieda tal-ħtiġijiet tal-finanzjament mill-impriżi statali (SOEs), żieda qawwija fil-fidi tal-unitajiet domestiċi tal-kotba tat-tfaddil, u pressjoni persistenti fuq is-suq finanzjarju.

    (7)

    Il-progress fir-riformi tas-swieq tax-xogħol u tal-prodotti huwa meħtieġ sabiex tinżamm il-kompetittività u jiżdied il-potenzjal tat-tkabbir. F’dan ir-rigward, tneħħew qabel iż-żmien skedat id-drittijiet speċjali tal-istat fil-kumpaniji privati. Il-programm tal-privatizzazzjoni qed jitgħaġġel u jitwessa’. Ir-ristrutturar qawwi u urġenti tal-SOEs jinsab fil-quċċata tal-aġenda tal-gvern. Qegħdin jiżdiedu r-riformi tas-suq tax-xogħol biex jitqarrbu l-protezzjoni u d-drittijiet tal-kuntratti fissi u indeterminati u biex jiġi stabbilit fond iffinanzjat minn min iħaddem sabiex jitħallas il-kumpens għas-sensji tal-ħaddiema. Qed isir progress fil-preparazzjoni għal dik li qed tissejjaħ żvalutazzjoni fiskali, li ma jkollhiex effett fuq il-baġit, u l-awtoritajiet jibqgħu marbuta li jieħdu l-ewwel pass kbir f’dan il-qasam tal-Baġit tal-2012. Tibdiliet strutturali għandhom jiġu implimentati b’mod deċiż u mmonitorjati mill-qrib.

    (8)

    Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE għandha tiġi emendata,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Portugall f’massimu ta’ 14-il ħlas parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’porzjon wieħed jew iktar. Il-maturitajiet tal-porzjonijiet taħt l-ewwel u t-tieni ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ porzjonijiet oħra għandhom jiġu ffissati sabiex il-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tinkiseb ladarba l-porzjonijiet kollha jkunu ngħataw.”.

    (2)

    L-Artikolu 3(5) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punti (a), (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    Il-Portugall għandu jimplimenta b’mod sħiħ il-miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali previsti fil-baġit tal-2011 li jammontaw għal madwar EUR 9 biljun u l-miżuri ta’ konsolidazzjoni addizzjonali li l-gvern kien ħabbar minn dakinhar. Biex jagħmel tajjeb għax-xejriet baġitarji avversi u r-riskji emerġenti fil-ksib tal-mira tad-defiċit tal-2011, il-Portugall għandu jissikka l-eżekuzzjoni baġitarja, jimplimenta t-tariffa ta’ darba approvata diġà fl-2011 fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul personali, jantiċipa ż-żieda fir-rata tal-VAT għall-gass naturali u l-elettriku mill-2012 għall-1 ta’ Ottubru 2011 u jżid il-bejgħ tal-konċessjonijiet. Il-gvern għandu jadotta wkoll miżuri oħra ta’ konsolidazzjoni ta’ natura permanenti u/jew jantiċipa miżuri oħra ppjanati għall-2012. Il-proċess kontinwu ta’ trasferiment f’fażijiet tal-fondi tal-pensjonijiet mill-banek għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat għandu jipprovdi, eċċezzjonalment, mezz li jwassal sabiex tintlaħaq il-mira għall-2011. L-assi miksuba ta’ dawn il-fondi tal-pensjonijiet ma għandhomx jintużaw b’mod li jagħmel ħsara lis-sostenibbiltà fiskali fit-tul.

    (b)

    Il-Portugall għandu jadotta miżuri biex jirrinforza l-ġestjoni finanzjarja pubblika. Il-Portugall għandu jimplimenta l-miżuri previsti fil-Liġi Baġitarja ta’ Qafas il-ġdida, inkluż l-istabbiliment ta’ qafas baġitarju fuq perjodu ta’ żmien medju, iħejji strateġija fiskali fuq perjodu ta’ żmien medju u jistabbilixxi Kunsill Fiskali indipendenti. Il-qafas baġitarju fil-livelli lokali u reġjonali għandu jissaħħaħ b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari billi l-liġijiet finanzjarji rispettivi jitqarrbu lejn ir-rekwiżiti tal-Liġi Baġitarja ta’ Qafas. Il-Portugall għandu jtejjeb ir-rapportar u l-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari l-arretrati; għandu jistabbilixxi strateġija għal-likwidazzjoni tal-arretrati, u jirrinforza r-regoli u l-proċeduri tal-eżekuzzjoni baġitarja. Il-Portugall għandu jibda l-analiżi sistematika u regolari ta’ riskji fiskali bħala parti mill-proċess tal-baġit, inklużi r-riskji li jirriżultaw minn Sħubijiiet Pubbliċi Privati (‘SPP’) u l-SOEs.

    (c)

    Il-Portugall għandu jkompli jsaħħaħ il-funzjonament tas-suq tax-xogħol, b’mod partikolari billi jieħu miżuri li jirriformaw il-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tal-impjieg, l-issettjar tal-pagi u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol.”;

    (b)

    il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    Il-Portugall għandu jkompli jiftaħ l-ekonomija għall-kompetizzjoni. Il-gvern għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-Istat Portugiż jew kwalunkwe entità pubblika ma jikkonkludux, fil-kapaċità ta’ azzjonist, ftehimiet tal-azzjonisti li jxekklu l-moviment ħieles tal-kapital jew jinfluwenzaw il-kontroll tal-ġestjoni tal-kumpaniji. Il-Liġi l-ġdida dwar il-Privatizzazzjoni għandha tirrispetta wkoll il-prinċipju tal-moviment ħieles u ma tagħtix jew ma tippermettix drittijiet speċjali lill-Istat. Għandha ssir reviżjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni li timmira li ttejjeb il-veloċità u l-effettività tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni.”;

    (c)

    jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(g)

    Il-Portugall għandu jadotta miżuri biex itejjeb l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-SOEs fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali. Il-Portugall għandu jipprepara dokument komprensiv ta’ strateġija tal-SOEs li janalizza l-istruttura tat-tariffi u l-provvista tas-servizz u pjan biex jissikka r-rekwiżiti tas-self mill-2012. Il-Portugall għandu jimplimenta l-pjanijiet kurrenti biex fl-SOEs tal-gvern ċentrali jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi b’mill-inqas 15 % bħala medja barra mis-settur tas-saħħa u jipprepara pjan ekwivalenti għall-SOEs tal-gvern reġjonali u lokali.

    (h)

    Il-Portugall għandu jimplimenta l-programm tal-privatizzazzjoni. B’mod partikolari, l-ishma tas-settur pubbliku fl-EDP, l-REN u l-GALP, u jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jippermettu, it-TAP, għandhom jinbiegħu fl-2011. Għandu jiġi ppreparat pjan strateġiku tal-privatizzazzjoni għall-Parpublica. Fl-2013, il-pjan tal-privatizzazzjoni għandu jkopri wkoll l-Aeroportos de Portugal, il-fergħa tal-merkanzija tas-CP, il-Correios de Portugal u l-Caixa Seguros, kif ukoll għadd ta’ kumpaniji żgħar.”.

    (3)

    Fl-Artikolu 3(6), il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    Il-baġit tal-2012 għandu jinkludi rikalibrazzjoni newtrali għall-baġit tas-sistema fiskali bil-għan li jonqos il-kost tax-xogħol u l-kompetittività tingħata spinta ’l quddiem. Ir-riforma għandha tiġi żviluppata b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI.

    (b)

    Il-miżuri, definiti fil-punti (c) u (d), li jammontaw għal mill-inqas EUR 5,1 biljun, għandhom jiddaħħlu fil-Baġit tal-2012. Għandhom jittieħdu iktar miżuri, l-iktar min-naħa tan-nefqa, biex jimlew id-differenza li nħolqot mill-iżviluppi baġitarji fl-2011. Il-gvern għandu jipprepara valutazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji fid-dawl tad-diskussjoni tal-Baġit mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI qabel l-approvazzjoni tiegħu mill-gvern.”.

    (4)

    l-Artikolu 3(8) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punti (a), (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    Iħeġġeġ lill-banek isaħħu l-ilqugħ kollaterali tagħhom u jimmonitorjaw il-ħruġ ta’ bonds bankarji ggarantiti mill-gvern, li ġie awtorizzat sa EUR 35 biljun f’konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE;

    (b)

    Isewgi mill-qrib il-pjanijiet ippreżentati mill-banek biex jintlaħaq proporzjon tal-ewwel livell (Tier 1) ta’ 9 % sa tmiem l-2011 u 10 % l-iktar tard sa tmiem l-2012. Jekk il-banek ma jkunux jistgħu jilħqu l-limiti tar-rekwiżit kapitali fil-ħin, jistgħu jitolbu b’mod temporanju provvista pubblika ta’ ekwità għall-banek privati permezz tal-faċilità stabbilita ta’ appoġġ għas-solvenza tal-banek ta’ EUR 12-il biljun;

    (c)

    Jiżguraw tnaqqis ibbilanċjat u ordnat fil-livell tad-dejn tas-settur bankarju, li jibqa’ kritiku għall-eliminazzjoni tal-iżbilanċi tal-finanzjament fuq bażi permanenti. Il-pjanijiet tal-finanzjament tal-banek jimmiraw li jkun hemm tnaqqis fil-proporzjon ta’ self għal depożitu ta’ madwar 120 % u tnaqqis tal-affidabbiltà fuq il-finanzjament tal-Eurosistema matul il-programm. Il-Bank tal-Portugall għandu jsaqsi lill-banek biex sa tmiem Settembru jirrevedu l-pjanijiet tal-finanzjament tagħhom. Dawn il-pjanijiet tal-finanzjament għandhom jiġu riveduti kull tliet xhur, u jibdew mit-tieni reviżjoni tal-programm. Il-Bank tal-Portugall għandu jieħu azzjoni xierqa f’każ ta’ devjazzjoni mill-pjanijiet tal-finanzjament tal-banek;”;

    (b)

    il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(e)

    Jiżgura li l-Caixa Geral de Depositos (CGD), proprjetà tal-istat, jiġi riorganizzat b’tali mod li jżid il-bażi kapitali tal-fergħa bankarja ewlenija tiegħu kif meħtieġ. Ir-riżorsi meħtieġa biex tiżdied il-bażi kapitali għandhom jiġu mill-grupp. Ilesti l-bejgħ tal-Banco Português de Negócios (BPN) wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-regoli tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat;”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Settembru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. DOWGIELEWICZ


    (1)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

    (2)  ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88.


    Top