Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1177

Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 Test b’rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1177/oj

17.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 334/1


REGOLAMENT (UE) Nru 1177/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Novembru 2010

dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91(1) u 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-azzjoni mill-Unjoni fil-qasam tat-trasport bil-baħar u minn passaġġi fuq l-ilma interni għandha timmira, fost l-oħrajn, li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri li jkun komparabbli mal-modalitajiet l-oħra tat-trasport. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)

Ladarba l-passiġġier fuq il-baħar u f’passaġġi fuq l-ilma interni huwa l-aktar parti dgħajfa taħt kuntratt tat-trasport, il-passiġġieri kollha għandhom jingħataw livell minimu ta’ protezzjoni. Xejn m’għandu jostakola lit-trasportaturi milli joffru kondizzjonijiet kuntrattwali aktar favorevoli għall-passiġġieri mill-kondizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament. Fl-istess ħin, l-għan ta’ dan ir-Regolament mhux li jindaħal fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn in-negozji rigward it-trasport tal-merkanzija. B’mod partikolari, ftehimiet bejn kumpanija tat-trasport bit-trakkijiet u trasportatur m’għandhomx jitqiesu bħal kuntratti ta’ trasport għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għaldaqstant m’għandhomx jagħtu lill-kumpanija tat-trasport bit-trakkijiet jew lill-impjegati tagħha d-dritt għal kumpens taħt dan ir-Regolament fil-każ ta’ ttardjar.

(3)

Il-protezzjoni tal-passiġġieri għandha tkopri mhux biss is-servizzi tal-passiġġieri bejn portijiet li jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri, iżda wkoll servizzi tal-passiġġieri bejn tali portijiet u portijiet li jinsabu barra t-territorju tal-Istati Membri, filwaqt li jitqies ir-riskju tat-tfixkil ta’ kompetizzjoni fis-suq tat-trasport tal-passiġġieri. Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “trasportatur tal-Unjoni” għandu jkun interpretat b’mod wiesa’ kemm jista’ jkun, iżda mingħajr ma jaffetwa atti legali oħra tal-Unjoni, bħar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4056/86 tat-22 ta’ Diċembru 1986 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu (3) u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (4).

(4)

Is-suq intern tas-servizzi tal-passiġġieri fuq il-baħar u f’passaġġi fuq l-ilma interni għandu jkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini in ġenerali. Konsegwentement, persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa, kemm jekk ikkawżata minn diżabbiltà, età jew kwalunkwe fattur ieħor, għandhom ikollhom opportunitajiet li jużaw servizzi tal-passiġġieri u kruċieri li huma komparabbli ma’ dawk ta’ ċittadini oħra. Il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa għandhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini l-oħra kollha fir-rigward ta’ moviment ħieles, libertà tal-għażla u nondiskriminazzjoni.

(5)

L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-użu tat-trasport pubbliku u l-użu ta’ biljetti integrati sabiex jottimizzaw l-użu u l-interoperabbiltà tad-diversi modi u operaturi tat-trasport.

(6)

Fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u sabiex il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jingħataw opportunitajiet għall-ivvjaġġar fuq il-baħar u minn passaġġi fuq l-ilma interni li huma komparabbli għal dawk taċ-ċittadini l-oħra, għandhom jiġu stabbiliti regoli għan-nondiskriminazzjoni u għall-għajnuna matul il-vjaġġ tagħhom. Dawk il-persuni għandhom għalhekk jiġu aċċettati għat-trasport u mhux imċaħħda mit-trasport, ħlief għal raġunijiet li huma ġġustifikati minħabba s-sigurtà u stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti. Huma għandhom igawdu d-dritt għall-għajnuna fil-portijiet u abbord il-vapuri tal-passiġġieri. Fl-interessi tal-inklużjoni soċjali, il-persuni kkonċernati għandhom jirċievu din l-għajnuna mingħajr ħlas. It-trasportaturi għandhom jistabbilixxu kondizzjonijiet għall-aċċess, preferibbilment bl-użu tas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea.

(7)

Fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar it-tfassil ta’ portijiet u terminali ġodda, u bħala parti minn proġetti kbar ta’ rinnovament, il-korpi responsabbli għal dawk il-faċilitajiet għandhom jieħdu kont tal-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa, partikolarment fir-rigward tal-aċċessibbiltà u jagħtu attenzjoni partikolari lir-rekwiżiti ta’ “tfassil għal kulħadd”. It-trasportaturi għandhom iqisu dawn il-ħtiġijiet meta jkunu qed jiddeċiedu dwar it-tfassil ta’ vapuri tal-passiġġieri ġodda jew tar-rinnovar tagħhom skont id- Direttiva 2006/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni (5) u d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (6).

(8)

L-għajnuna li tingħata fil-portijiet li jinsabu fit-territorju ta’ xi Stat Membru għandha, fost affarijiet oħra, tagħmilha possibbli għal persuni b’diżabbiltà u għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa biex jipproċedu minn post tal-wasla stabbilit f’port sa vapur tal-passiġġieri u minn vapur tal-passiġġieri sal-post tat-tluq stabbilit f’port, inklużi l-imbark u l-iżbark.

(9)

Fl-organizzazzjoni tal-għajnuna lil persuni b’diżabbiltà u lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa, u t-taħriġ tal-persunal tagħhom, it-trasportaturi għandhom jikkoperaw mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa. F’din il-ħidma għandhom ukoll jieħdu kont tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni u l-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Istandards tat-Taħriġ, taċ-Ċertifikazzjoni u s-Servizz ta’ Għassa għall-Baħħara, kif ukoll tar-Rakomandazzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar it-tfassil u l-operat tal-vapuri tal-passiġġieri biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-persuni anzjani u b’diżabbiltà.

(10)

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-imbark ta’ persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa għandhom ikunu mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-imbark tal-passiġġieri stipulati mir-regoli internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali li jkunu fis-seħħ.

(11)

L-atti legali tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri għandhom iqisu l-ħtiġijiet tal-passiġġieri, partikolarment dawk tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, li jużaw modi differenti ta’ trasport u li jkollhom koinċidenzi bla xkiel bejn il-modi differenti, suġġetti għar-regolamenti applikabbli dwar is-sikurezza fl-operazzjoni tal-vapuri.

(12)

Il-passiġġieri għandhom jiġu infurmati b’mod adegwat fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ittardjar ta’ kwalunkwe servizz tal-passiġġieri jew kruċiera. Din l-informazzjoni għandha tgħin lill-passiġġieri biex jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa u jekk meħtieġ biex jiksbu informazzjoni dwar konnessjonijiet alternattivi.

(13)

L-inkonvenjenza li jgħaddu minnha l-passiġġieri minħabba l-kanċellazzjoni jew l-ittardjar fit-tul tal-vjaġġ tagħhom għandha titnaqqas. Għal dan il-għan għandu jittieħed ħsieb il-passiġġieri kif jistħoqq u għandhom ikunu jistgħu jikkanċellaw il-vjaġġ tagħhom u jiġu rimborżati tal-biljetti jew tinbidlilhom ir-rotta b’kondizzjonijiet sodisfaċenti. Akkomodazzjoni xierqa għall-passiġġieri mhijiex partikolarment meħtieġa li tkun tikkonsisti fi kmamar f’lukanda iżda tista’ wkoll tkun fi kwalunkwe akkomodazzjoni xierqa oħra li tkun disponibbli, skont, b’mod partikolari, iċ-ċirkostanzi relatati ma’ kull sitwazzjoni speċifika, il-vetturi tal-passiġġieri u l-karatteristiċi tal-vapur. F’dan ir-rigward u f’każijiet ġustifikati kif jistħoqq ta’ ċirkostanzi straordinarji u urġenti, it-trasportaturi għandhom ikunu jistgħu jgawdu b’mod sħiħ mill-faċilitajiet relevanti disponibbli, b’koperazzjoni mal-awtoritajiet ċivili.

(14)

It-trasportaturi għandhom jipprovdu għall-ħlas ta’ kumpens lill-passiġġieri f’każ ta’ kanċellazzjoni jew ittardjar ta’ servizz tal-passiġġieri abbażi ta’ perċentwali tal-prezz tal-biljett, minbarra meta l-kanċellazzjoni jew l-ittardjar iseħħu minħabba kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operazzjoni sikura tal-vapur jew minħabba ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk ittieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

(15)

Skont il-prinċipji ġeneralment aċċettati, it-trasportaturi għandhom ikollhom l-oneru tal-prova rigward il-fatt li l-kanċellazzjoni jew l-ittardjar kienu kkawżati mit-tali kondizzjonijiet tat-temp jew ċirkostanzi straordinarji.

(16)

Il-kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operazzjoni sikura tal-vapur għandhom jinkludu, iżda ma jkunux limitati għal, irjiħat qawwijin, baħar imqalleb, kurrent qawwi, kondizzjonijiet tas-silġ diffikultużi u livelli tal-ilma estremament għoljin jew baxxi, uragani, trombi tal-arja u għargħar.

(17)

Ċirkostanzi straordinarji għandhom jinkludu, iżda ma jkunux limitati għal, diżastri naturali bħal niriem u terremoti, attakki terroristiċi, gwerer u konflitti armati militari jew ċivili, irvellijiet, konfiska militari jew illegali, konflitti tax-xogħol, żbarkar ta’ kwalunkwe persuna marida, feruta jew mejta, operazzjonijiet ta’ tiftix jew salvataġġ fuq il-baħar jew f’passaġġi fuq l-ilma interni, miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-ambjent, deċiżjonijiet meħudin minn korpi tal-ġestjoni tat-traffiku jew minn awtoritajiet tal-port, jew deċiżjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-ordni u s-sigurtà pubblika kif ukoll biex ikopru ħtiġijiet urġenti tat-trasport.

(18)

Bl-involviment tal-partijiet interessati, assoċjazzjonijiet professjonali u assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, passiġġieri, persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa, it-trasportaturi għandhom jikoperaw sabiex jadottaw arranġamenti fil-livell nazzjonali jew Ewropew biex itejbu l-kura u l-għajnuna offruta lill-passiġġieri kull meta l-vjaġġ tagħhom jiġi interrott, partikolarment fil-każ ta’ ittardjar fit-tul jew kanċellazzjoni tal-vjaġġ. Il-korpi nazzjonali tal-infurzar għandhom ikunu mgħarrfa b’dawk l-arranġamenti.

(19)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea diġà ddeċidiet li l-problemi li jwasslu għal kanċellazzjonijiet jew ittardjar jistgħu jkunu koperti mill-kunċett ta’ ċirkostanzi straordinarji biss sa fejn jirriżultaw minn avvenimenti li mhumiex inerenti fl-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur ikkonċernat u ma jkunux jaqgħu fl-ambitu tal-kontroll effettiv tiegħu. Għandu jiġi nnutat jekk il-kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operat tal-vapur ikunux tabilħaqq lil hinn mill-kontroll tat-trasportatur.

(20)

Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa d-drittijiet tal-passiġġieri stabbiliti mid-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż, il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (7). Dan ir-Regolament m’għandux japplika f’każijiet fejn tour kollox kompriż huwa kkanċellat għal raġunijiet differenti mill-kanċellazzjoni tas-servizz tal-passiġġieri jew tal-kruċiera.

(21)

Il-passiġġieri għandhom jiġu informati bis-sħiħ, f’format aċċessibbli għal kulħadd, dwar id-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, biex b’hekk ikunu jistgħu jeżerċitaw dawk id-drittijiet effettivament. Id-drittijiet tal-passiġġieri għandhom jinkludu r-riċezzjoni ta’ informazzjoni rigward is-servizz tal-passiġġieri jew il-kruċiera qabel u wara l-vjaġġ. L-informazzjoni kollha essenzjali mogħtija lill-passiġġieri għandha wkoll tiġi pprovduta f’formati aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà u għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa u dawn il-formati aċċessibbli għandhom ikunu jippermettu lill-passiġġieri li jkollhom aċċess għall-istess informazzjoni bl-użu, pereżempju, ta’ formati ta’ test, Braille, awdjo, vidjo u/jew elettroniċi.

(22)

Il-passiġġieri għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz ta’ proċeduri xierqa u aċċessibbli għall-ilmenti implimentati mit-trasportaturi u mill-operaturi tat-terminali fi ħdan l-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom jew, skont il-każ, permezz tat-tressiq tal-ilmenti tagħhom lill-korp jew lill-korpi maħtura għal dak il-għan mill-Istat Membru kkonċernat. It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom jirrispondu għall-ilmenti mill-passiġġieri f’perijodu ta’ żmien stabbilit, filwaqt li jżommu f’moħħhom li n-nuqqas min-naħa tagħhom ta’ reazzjoni għal ilment magħmul jista’ jitqies kontrihom.

(23)

B’kont meħud tal-proċeduri stabbiliti minn Stat Membru biex jitressqu l-ilmenti, ilment li jirrigwarda l-għajnuna f’port jew abbord vapur għandu preferibbilment jiġi indirizzat lill-korp jew lill-korpi maħturin għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament fl-Istat Membru fejn jinsab il-port tal-imbark, u, għas-servizzi tal-passiġġieri minn pajjiż terz, fejn jinsab il-port tal-iżbark.

(24)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament u għandhom jaħtru entità jew entitajiet kompetenti biex iwettqu kompiti ta’ sorveljanza u ta’ infurzar. Dan ma jaffettwax id-drittijiet tal-passiġġieri li jfittxu rimedju legali mill-qrati skont il-liġi nazzjonali.

(25)

Il-korp jew korpi maħtura għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu indipendenti minn interessi kummerċjali. Kull Stat Membru għandu jaħtar mill-inqas korp wieħed li, fejn japplika, għandu jkollu s-setgħa u l-kapaċità li jinvestiga ilmenti individwali u jiffaċilita r-riżoluzzjoni tat-tilwim. Il-passiġġieri għandhom ikunu intitolati li jirċievu risposta sustanzjata mill-korp maħtur, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Minħabba l-importanza ta’ statistiki affidabbli għall-infurzar ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti madwar l-Unjoni kollha, ir-rapporti mħejjija minn dawk il-korpi għandhom jekk ikun possibbli jinkludu statistiki dwar l-ilmenti u r-riżultat aħħari tagħhom.

(26)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawk il-pieni jiġu applikati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(27)

Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni u għajnuna lill-passiġġieri fl-Istati Membri kollha u li l-aġenti ekonomiċi joperaw skont kondizzjonijiet armonizzati fis-suq intern, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(28)

L-infurzar ta’ dan ir-Regolament għandu jkun ibbażat fuq ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar koperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (8). Dak ir-Regolament għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(29)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (9) għandha tiġi rispettata u infurzata strettament sabiex ikun garantit ir-rispett għall-privatezza ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, u sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni u r-rapporti mitlubin iservu biss biex jitwettqu l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament u ma jintużawx għad-detriment ta’ tali persuni.

(30)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti partikolarment mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, imsemmija fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għat-trasport fuq il-baħar u fuq passiġġi fuq l-ilma interni fir-rigward ta’ dan li ġej:

(a)

nondiskriminazzjoni bejn il-passiġġieri fir-rigward tal-kondizzjonijiet tat-trasport offruti mit-trasportaturi;

(b)

nondiskriminazzjoni u għajnuna għal persuni b’diżabbiltà u għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa;

(c)

id-drittijiet tal-passiġġieri f’każijiet ta’ kanċellazzjoni jew ittardjar;

(d)

l-informazzjoni minima li għandha tingħata lill-passiġġieri;

(e)

it-trattament tal-ilmenti;

(f)

regoli ġenerali dwar l-infurzar.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika fir-rigward ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw:

(a)

fuq servizzi tal-passiġġieri fejn il-port tal-imbark jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru;

(b)

fuq servizzi tal-passiġġieri fejn il-port tal-imbark jinsab barra t-territorju ta’ Stat Membru u l-port tal-iżbark jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm is-servizz ikun operat minn trasportatur tal-Unjoni kif definit fl-Artikolu 3(e);

(c)

fuq kruċiera fejn il-port tal-imbark jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru. Madankollu, l-Artikoli 16(2), 18, 19 u 20(1) u (4) m’għandhomx japplikaw għal dawk il-passiġġieri.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika fir-rigward ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw:

(a)

fuq vapuri ċċertifikati biex iġorru sa 12-il passiġġier;

(b)

fuq vapuri li jkollhom ekwipaġġ responsabbli għall-operat tal-vapur magħmul minn mhux aktar minn tliet persuni jew fejn id-distanza tas-servizz globali tal-passiġġieri tkun inqas minn 500 metru, f’direzzjoni waħda;

(c)

fuq eskursjonijiet u tours turistiċi apparti l-kruċieri; jew

(d)

fuq vapuri li ma jimxux b’mezzi mekkaniċi kif ukoll vapuri tal-passiġġieri storiċi, oriġinali jew repliki individwali tagħhom, imfassla qabel l-1965, mibnija b’mod predominanti bil-materjali oriġinali, ċertifikati li jġorru sa 36 passiġġier.

3.   L-Istati Membri jistgħu, għal perijodu ta’ sentejn mit-18 ta’ Diċembru 2012, jeżentaw vapuri tat-tbaħħir ta’ inqas minn 300 tunnellata grossa mħaddmin fit-trasport domestiku mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sakemm id-drittijiet tal-passiġġieri skont dan ir-Regolament ikunu żgurati b’mod adegwat skont il-liġi nazzjonali.

4.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament servizzi tal-passiġġieri koperti mill-obbligi tas-servizz pubbliku, kuntratti tas-servizz pubbliku jew servizzi integrati, sakemm id-drittijiet tal-passiġġieri skont dan ir-Regolament ikunu ggarantiti b’mod kumparabbli skont il-liġi nazzjonali.

5.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2006/87/KE u għad-Direttiva 2009/45/KE, xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jinftiehem li jikkostitwixxi rekwiżiti tekniċi li jimponu obbligi fuq it-trasportaturi, operaturi tat-terminali jew entitajiet oħra li jimmodifikaw jew jissostitwixxu vapuri, infrastruttura, portijiet jew terminali tal-portijiet.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“persuna b'diżabbiltà” jew “persuni b’mobbiltà mnaqqsa” tfisser kwalunkwe persuna li l-mobbiltà tagħha meta jintuża t-trasport hija mnaqqsa minħabba kwalunkwe diżabbiltà fiżika (sensorjali jew lokomotorja, permanenti jew temporanja), diżabbiltà jew nuqqas intellettwali, jew kwalunkwe kawża oħra ta’ diżabbiltà, jew minħabba l-età, u li s-sitwazzjoni tagħha teħtieġ attenzjoni adegwata kif ukoll adattament għall-ħtiġijiet partikolari tagħha tas-servizz li jkun disponibbli għall-passiġġieri kollha;

(b)

“territorju ta’ Stat Membru” tfisser territorju li għalih jirreferi t-Trattat kif imsemmi fl-Artikolu 355 tiegħu, skont il-kondizzjonijiet fih stabbiliti;

(c)

“kondizzjonijiet tal-aċċess” tfisser standards, linji gwida u informazzjoni rilevanti dwar l-aċċessibbiltà tat-terminali tal-port u l-vapuri, inklużi l-faċilitajiet tagħhom għall-persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa;

(d)

“trasportatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, minbarra operatur turistiku, aġent tal-ivvjaġġar jew bejjiegħ tal-biljetti, li toffri trasport permezz ta’ servizzi tal-passiġġieri jew kruċieri lill-pubbliku ġenerali;

(e)

“trasportatur tal-Unjoni” tfisser trasportatur stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru jew li joffri trasport permezz ta’ servizzi tal-passiġġieri mħaddmin lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru;

(f)

“servizz tal-passiġġieri” tfisser servizz tat-trasport tal-passiġġieri kummerċjali fuq il-baħar jew f’passaġġi fuq l-ilma interni mħaddem skont skeda pubblikata;

(g)

“servizzi integrati” tfisser servizzi ta’ trasport interkonness f’żona ġeografika speċifika b’servizz singolu ta’ informazzjoni, skema ta’ ittikettjar u skeda;

(h)

“trasportatur adempjenti” tfisser persuna oħra, minbarra t-trasportatur, li fil-fatt iwettaq il-ġarr kollu jew parti minnu;

(i)

“passaġġi fuq l-ilma interni” tfisser medda ta’ ilmijiet interni naturali jew artifiċjali li jkunu navigabbli, jew sistema ta’ meded interkonnessi ta’ ilmijiet, użati għat-trasport, bħal għadajjar, xmajjar jew kanali jew kwalunkwe kombinazzjoni ta’ dawn;

(j)

“port” tfisser post jew żona ġeografika magħmulin minn tali ħidmiet u faċilitajiet għat-titjib, biex jippermettu l-akkoljenza ta’ vapuri, li minnhom il-passiġġieri regolarment jimbarkaw jew jiżbarkaw;

(k)

“terminal tal-port” tfisser terminal, imħaddem minn persunal tat-trasportatur jew ta’ operatur tat-terminali, f’port b’faċilitajiet, bħal banek taċ-check-in, banek tal-biljetti jew swali, u persunal għall-imbark jew l-iżbark ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw fuq servizzi tal-passiġġieri jew fuq kruċiera;

(l)

“vapur” tfisser bastiment użat għan-navigazzjoni fil-baħar jew f’passaġġi fuq l-ilma interni;

(m)

“kuntratt ta’ trasport” tfisser kuntratt ta’ ġarr bejn trasportatur u passiġġier għall-forniment ta’ servizz wieħed jew aktar tal-passiġġieri jew kruċieri;

(n)

“biljett” tfisser dokument validu jew evidenza oħra ta’ kuntratt ta’ trasport;

(o)

“bejjiegħ tal-biljetti” tfisser kwalunkwe bejjiegħ bl-imnut li jikkonkludi kuntratti ta’ trasport f’isem trasportatur;

(p)

“aġent tal-ivvjaġġar” tfisser kwalunkwe bejjiegħ bl-imnut li jaġixxi f’isem passiġġier jew operatur turistiku għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ trasport;

(q)

“operatur turistiku” tfisser organizzatur jew bejjiegħ bl-imnut, minbarra trasportatur, fit-tifsira tal-Artikolu 2(2) u (3) tad-Direttiva 90/314/KEE;

(r)

“prenotazzjoni” tfisser ibbukkjar ta’ tluq speċifiku ta’ servizz tal-passiġġieri jew kruċiera;

(s)

“operatur tat-terminali” tfisser korp privat jew pubbliku fit-territorju ta’ Stat Membru responsabbli għall-amministrazzjoni u l-ġestjoni ta’ terminal ta’ port;

(t)

“kruċiera” tfisser servizz ta’ trasport bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni, operat esklussivament għall-fini ta’ pjaċir u rikreazzjoni, supplimentat b’akkomodazzjoni u faċilitajiet oħra, ta’ aktar minn jumejn b’żewġt iljieli abbord;

(u)

“inċident marittimu” tfisser għarqien, qlib, ħbit jew inkaljar tal-vapur, splużjoni jew nar fil-vapur, jew difett fil-vapur.

Artikolu 4

Biljetti u kondizzjonijiet nondiskriminatorji fil-kuntratt

1.   It-trasportaturi għandhom jipprovdu biljett lill-passiġġier, sakemm skont il-liġi nazzjonali dokumenti oħra ma jagħtux intitolament għat-trasport. Biljett jista’ jinħareġ f’format elettroniku.

2.   Mingħajr preġudizzju għat-tariffi soċjali, il-kondizzjonijiet tal-kuntratt u t-tariffi applikati minn trasportaturi jew bejjiegħa tal-biljetti għandhom jiġu offruti lill-pubbliku ġenerali mingħajr ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità tal-konsumatur finali jew fuq il-post tal-istabbiliment tat-trasportaturi jew tal-bejjiegħa tal-biljetti fl-Unjoni.

Artikolu 5

Partijiet adempjenti oħra

1.   Fejn it-twettiq tal-obbligi taħt dan ir-Regolament ikun ġie fdat lil trasportatur adempjenti, bejjiegħ tal-biljetti jew kwalunkwe persuna oħra, it-trasportatur, l-aġent tal-ivvjaġġar, l-operatur turistiku u l-operatur tat-terminali li fada tali obbligi għandhom minkejja dan ikunu responsabbli għall-atti u l-ommissjonijiet ta’ dik il-parti adempjenti, li taġixxi fl-ambitu tal-impjieg ta’ dik il-parti.

2.   Addizzjonalment għall-paragrafu 1, il-parti li tkun ġiet fdata bit-twettiq ta’ obbligu mit-trasportatur, l-aġent tal-ivvjaġġar, l-operatur turistiku jew l-operatur tat-terminali għandha tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, inkluża d-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltajiet u d-difiżi, fir-rigward tal-obbligu fdat.

Artikolu 6

Esklużjoni tar-rinunzja

Id-drittijiet u l-obbligi taħt dan ir-Regolament m’għandhomx ikunu rinunzjati jew limitati, b’mod partikolari b’deroga jew klawsola restrittiva fil-kuntratt ta’ trasport.

KAPITOLU II

DRITTIJIET TAL-PERSUNI B’DIŻABBILTÀ U TAL-PERSUNI B’MOBBILTÀ MNAQQSA

Artikolu 7

Dritt għat-trasport

1.   It-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi m’għandhomx jirrifjutaw li jaċċettaw prenotazzjoni, joħorġu jew jipprovdu b’mod ieħor biljett jew jimbarkaw persuni minħabba diżabbiltà jew mobbiltà mnaqqsa bħala tali.

2.   Il-prenotazzjonijiet u biljetti għandhom jiġu offruti lil persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa mingħajr spejjeż żejda u bl-istess kondizzjonijiet applikabbli għall-passiġġieri l-oħra kollha.

Artikolu 8

Eċċezzjonijiet u kondizzjonijiet speċjali

1.   B’deroga mill-Artikolu 7(1), it-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw prenotazzjoni minn, jew li joħorġu jew jipprovdu b’mod ieħor biljett lil jew li jimbarkaw persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa:

(a)

sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti applikabbli tas-sigurtà stabbiliti mil-liġi internazzjonali, tal-Unjoni jew nazzjonali, jew sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ sikurezza stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti;

(b)

fejn it-tfassil tal-vapur tal-passiġġieri jew tal-infrastruttura u tat-tagħmir tal-port, inklużi t-terminali tal-port, jagħmluha impossibbli li jitwettaq l-imbark, l-iżbark jew il-ġarr tal-persuna msemmija b’mod sikur jew operattivament fattibbli.

2.   Fil-każ li jirrifjutaw li jaċċettaw prenotazzjoni jew li joħorġu jew jipprovdu b’mod ieħor biljett minħabba r-raġunijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, it-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu l-isforzi kollha raġonevoli biex jipproponu lill-persuna kkonċernata trasport alternattiv aċċettabbli fuq servizz tal-passiġġieri jew kruċiera mħaddmin mit-trasportatur.

3.   Fejn persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa, li jkollha prenotazzjonijew ikollha biljett u tkun ikkonformat mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 11(2), xorta waħda tiġi mċaħħda l-imbark fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament, dik il-persuna, u kwalunkwe persuna li takkumpanjaha msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, għandha tiġi offruta l-għażla bejn id-dritt għal rimborż u l-bdil fir-rotta kif previst fl-Anness I. Id-dritt għall-għażla ta’ vjaġġ ta’ ritorn jew għal bdil fir-rotta għandu jkun bil-kondizzjoni li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti kollha ta’ sikurezza.

4.   Fejn ikun strettament meħtieġ u taħt l-istess kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, it-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi jistgħu jesiġu li persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa tkun akkumpanjata minn persuna oħra li tkun kapaċi tagħti l-għajnuna meħtieġa mill-persuna b’diżabbiltà jew mill-persuna b’mobbiltà mnaqqsa. Fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri, tali persuna akkumpanjatriċi għandha tinġarr mingħajr ħlas.

5.   Meta t-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi jirrikorru għall-paragrafi 1 sa 4, huma għandhom jinformaw immedjatament lill-persuna b’diżabbiltà jew lill-persuna b’mobbiltà mnaqqsa bir-raġunijiet speċifiċi għalhekk. Fuq talba, dawn ir-raġunijiet għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub lill-persuna b’diżabbiltà jew lill-persuna b’mobbiltà mnaqqsa, mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ ħidma wara t-talba. F’każ ta’ rifjut taħt il-paragrafu 1(a), għandha ssir referenza għar-rekwiżiti ta’ sikurezza applikabbli.

Artikolu 9

Aċċessibbiltà u informazzjoni

1.   B’koperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet rappreżentanti ta’ persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa, it-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom, fejn meħtieġ permezz tal-organizzazzjonijiet tagħhom, jistabbilixxu, jew ikollhom fis-seħħ, kondizzjonijiet għall-aċċess nondiskriminatorji għat-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa u l-persuni li jakkumpanjawhom. Fuq talba, il-kondizzjonijiet għall-aċċess għandhom ikunu kkomunikati lill-korpi nazzjonali tal-infurzar.

2.   L-istandards ta’ kwalità previsti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mit-trasportaturi u mill-operaturi tat-terminali fiżikament jew fuq l-Internet, f’formati aċċessibbli fuq talba, u bl-istess lingwi bħal dawk li bihom l-informazzjoni ġeneralment tkun għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri kollha. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

3.   L-operaturi turistiċi għandhom jagħmlu disponibbli l-kondizzjonijiet għall-aċċess previsti fil-paragrafu 1 li japplikaw għall-vjaġġi inklużi fil-vjaġġi kollox kompriż, fil-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż li huma jorganizzaw, ibigħu jew joffru għall-bejgħ.

4.   It-trasportaturi, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha rilevanti, inklużi l-prenotazzjoni u l-informazzjoni online, dwar il-kondizzjonijiet tal-ġarr, l-informazzjoni dwar il-vjaġġ u l-kondizzjonijiet għall-aċċess hija disponibbli f’formati adatti u aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà u għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa. Persuni li jkunu jeħtieġu l-assistenza għandhom jirċievu konferma ta’ tali assistenza bi kwalunkwe mezz disponibbli, inklużi mezzi elettroniċi jew Servizz ta’ Messaġġi Qosra (SMS).

Artikolu 10

Dritt għall-għajnuna fil-portijiet u abbord il-vapuri

Suġġett għall-kondizzjonijiet għall-aċċess previsti fl-Artikolu 9(1), it-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, jagħtu għajnuna mingħajr ħlas lil persuni b’diżabbiltà jew lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa, kif speċifikat fl-Annessi II u III, fil-portijiet, inklużi matul l-imbark u l-iżbark, u abbord il-vapuri. L-assistenza għandha, jekk ikun possibbli, tkun adattata għall-ħtiġijiet individwali tal-persuna b’diżabbiltà jew tal-persuna b’mobbiltà mnaqqsa.

Artikolu 11

Kondizzjonijiet li taħthom tingħata l-għajnuna

1.   It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, jagħtu għajnuna lil persuni b’diżabbiltà u lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa kif stabbilit fl-Artikolu 10 kemm-il darba:

(a)

t-trasportatur jew l-operatur tat-terminali jiġi nnotifikat, bi kwalunkwe mezz possibbli, inklużi mezzi elettroniċi jew SMS, bil-ħtieġa tal-persuna għal tali għajnuna mhux aktara tard minn 48 siegħa qabel ma tkun meħtieġa l-għajnuna, ħlief jekk il-passiġġier u t-trasportatur jaqblu dwar perjodu iqsar; u

(b)

l-persuna b’diżabbiltà jew il-persuna b’mobbiltà mnaqqsa tippreżenta lilha nnifisha fil-port jew fil-punt speċifikat kif imsemmi fl-Artikolu 12(3):

(i)

f’ħin stipulat bil-miktub mit-trasportatur li m’għandux ikun aktar minn 60 minuta qabel il-ħin tal-imbark ippubblikat, jew

(ii)

jekk l-ebda ħin ma jkun stipulat, mhux aktar tard minn 60 minuta qabel il-ħin ippubblikat tat-tluq, ħlief jekk isir ftehim dwar perjodu iqsar bejn il-passiġġier u t-trasportatur jew l-operatur tat-terminali.

2.   Addizzjonalment għall-paragrafu 1, il-persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa għandhom jinnotifikaw lit-trasportatur, fil-mument tal-prenotazzjoni jew tax-xiri minn qabel tal-biljett, bil-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom tal-akkomodazzjoni, tal-postijiet fejn joqogħdu bil-qiegħda, ta’ servizzi meħtieġa jew tal-ħtieġa tagħhom li jġibu tagħmir mediku, sakemm il-ħtieġa tkun magħrufa dak iż-żmien.

3.   Notifika li ssir skont il-paragrafi 1(a) u 2 tista’ dejjem tiġi ppreżentata lill-aġent tal-ivvjaġġar jew lill-operatur turistiku li mingħandu jkun inxtara l-biljett. Fejn il-biljett jippermetti aktar minn vjaġġ wieħed, notifika waħda għandha tkun biżżejjed, kemm-il darba tingħata l-informazzjoni adegwata dwar il-ħin tal-vjaġġi sussegwenti. Il-passiġġier għandu jirċievi konferma li tgħid li l-ħtiġijiet għal għajnuna jkunu ġew innotifikati kif mitlub skont il-paragrafi 1(a) u 2.

4.   Fejn ma ssir l-ebda notifika skont il-paragrafi 1(a) u 2, it-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom madankollu jagħmlu l-isforzi kollha raġonevoli biex jiżguraw li l-għajnuna tingħata b’tali mod li l-persuna b’diżabbiltà jew il-persuna b’mobbiltà mnaqqsa tkun tista’ timbarka fuq il-vapur, tiżbarka minnu u tivvjaġġa fuqu.

5.   Meta persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa tkun akkumpanjata minn kelb ta’ għajnuna rikonoxxut, dak il-kelb għandu jiġi akkomodat flimkien ma’ dik il-persuna, kemm-il darba t-trasportatur, l-aġent tal-ivvjaġġar jew l-operatur turistiku jkunu nnotifikati skont ir-regoli nazzjonali applikabbli dwar il-ġarr tal-klieb ta’ għajnuna rrikonoxxuti abbord il-vapuri tal-passiġġieri, fejn dawn ir-regoli jeżistu.

Artikolu 12

Riċezzjoni ta’ notifiki u speċifikazzjoni ta’ postijiet ta’ lqigħ

1.   It-trasportaturi, l-operaturi tat-terminali, l-aġenti tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għat-talba għal notifiki, u għar-riċezzjoni ta’ notifiki magħmulin skont l-Artikolu 11(1)(a) u 11(2). Dak l-obbligu għandu japplika fil-punti tal-bejgħ kollha tagħhom, inkluż il-bejgħ bit-telefon u minn fuq l-Internet.

2.   Jekk l-aġenti tal-ivvjaġġar jew l-operaturi turistiċi jirċievu n-notifika msemmija fil-paragrafu 1 huma għandhom, fil-ħin normali tagħhom tal-uffiċċju, jibagħtu l-informazzjoni lit-trasportatur jew lill-operatur tat-terminali mingħajr dewmien.

3.   It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom jispeċifikaw post ġewwa jew barra t-terminali tal-portijiet fejn persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa jistgħu jħabbru l-wasla tagħhom u jitolbu għajnuna. Dan il-post għandu jkun immarkat b’mod ċar b’tabella u għandu joffri, f’formati aċċessibbli, informazzjoni bażika dwar it-terminal tal-port u l-għajnuna pprovduta.

Artikolu 13

Standards ta’ kwalità għall-għajnuna

1.   L-operaturi tat-terminali u t-trasportaturi li joperaw it-terminali tal-portijiet jew is-servizzi tal-passiġġieri b’total ta’ aktar minn 100 000 moviment tal-passiġġieri kummerċjali matul is-sena kalendarja preċedenti għandhom, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, jistipulaw standards ta’ kwalità għall-għajnuna speċifikata fl-Annessi II u III u għandhom, fejn hu xieraq permezz tal-organizzazzjonijiet tagħhom, jiddeterminaw rekwiżiti għar-riżorsi biex jilħqu dawk l-istandards, b’koperazzjoni mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

2.   Meta jiġu stabbiliti l-istandards tal-kwalità, għandhom jitqiesu bis-sħiħ il-politika internazzjonali rikonoxxuta u l-kodiċijiet tal-imġiba li jikkonċernaw il-faċilitazzjoni tat-trasport tal-persuni b’diżabbiltà jew tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, partikolarment ir-Rakkomandazzjonijiet tal-IMO dwar it-tfassil u l-operat tal-vapuri tal-passiġġieri biex iwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ persuni anzjani u b’diżabbiltà.

3.   L-istandards ta’ kwalità previsti fil-paragrafu 1 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mit-trasportaturi u mill-operaturi tat-terminali fiżikament jew fuq l-Internet f’formati aċċessibbli u bl-istess lingwi bħal dawk li bihom l-informazzjoni ġeneralment tkun għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri kollha.

Artikolu 14

Taħriġ u istruzzjonijiet

Mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni u l-Kodiċi Internazzjonali dwar l-Istandards tat-Taħriġ, taċ-Ċertifikazzjoni u s-Servizz ta’ Għassa għall-Baħħara u għar-regolamenti adottati skont il-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fir-Rhine u l-Konvenzjoni rigward ir-Reġim ta’ Navigazzjoni fid-Danubju, it-trasportaturi u, fejn adatt, l-operaturi tat-terminali għandhom jistabbilixxu proċeduri ta’ taħriġ relatati mad-diżabbiltajiet, inklużi istruzzjonijiet, u jiżguraw li:

(a)

il-persunal tagħhom, inkluż dak impjegat minn kwalunkwe parti adempjenti oħra, li jipprovdi għajnuna diretta lill-persuni b’diżabbiltà u lill-persuni b’mobbiltà mnaqqsa, ikun imħarreġ jew jingħata istruzzjonijiet kif deskritt fl-Anness IV, Partijiet A u B;

(b)

il-persunal tagħhom li jkun b’xi mod ieħor responsabbli għall-prenotazzjoni u l-bejgħ ta’ biljetti jew imbark jew żbark, inkluż dak impjegat minn kwalunkwe parti adempjenti oħra, ikun imħarreġ jew jingħata istruzzjonijiet kif deskritt fl-Anness IV, Parti A; u

(c)

il-kategoriji ta’ persunal msemmija fil-punti (a) u (b) iżommu l-kompetenzi tagħhom pereżempju permezz ta’ istruzzjonijiet jew korsijiet ta’ taħriġ ta’ aġġornament meta jkun meħtieġ.

Artikolu 15

Kumpens relatat ma’ tagħmir għall-mobbiltà jew tagħmir ieħor speċifiku

1.   It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom ikunu responsabbli għat-telf imġarrab minħabba telf ta’ jew ħsara fit-tagħmir għall-mobbiltà jew tagħmir ieħor speċifiku, użat minn persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa, jekk l-inċident li kkaġuna t-telf kien minħabba n-nuqqas jew in-negliġenza tat-trasportatur jew tal-operatur tat-terminali. In-nuqqas jew in-negliġenza tat-trasportatur għandhom ikunu preżunti għal telf ikkaġunat minn inċident marittimu.

2.   Il-kumpens imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jikkorrispondi għall-valur ta’ sostituzzjoni tat-tagħmir ikkonċernat jew, fejn applikabbli, għall-ispejjeż relatati mat-tiswijiet.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx japplikaw jekk ikun japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 392/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi ta’ passiġġieri bil-baħar fil-każ ta’ aċċidenti (10).

4.   Barra minn hekk, għandu jsir kull sforz sabiex it-tagħmir jiġi ssostitwit temporanjament u fi żmien qasir b’tagħmir li jkun alternattiva xierqa.

KAPITOLU III

OBBLIGI TAT-TRASPORTATURI U TAL-OPERATURI TAT-TERMINALI FIL-KAŻ TA’ VJAĠĠ INTERROTT

Artikolu 16

Informazzjoni fil-każ ta’ tluq ikkanċellat jew tluq tard

1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ittardjar fit-tluq ta’ servizzi tal-passiġġieri jew kruċiera, il-passiġġieri li jitilqu minn terminali tal-port jew, jekk ikun possibbli, passiġġieri li jitilqu mill-portijiet, għandhom jiġu informati mit-trasportatur jew, fejn meħtieġ, mill-operatur tat-terminali, bis-sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin tat-tluq skedat, u tal-ħin tat-tluq stmat u tal-ħin tal-wasla stmat, hekk kif dik l-informazzjoni tkun disponibbli.

2.   Jekk il-passiġġieri jitilfu servizz ta’ trasport konness minħabba kanċellazzjoni jew ittardjar, it-trasportatur u, fejn meħtieġ, l-operatur tat-terminali, għandu jagħmel sforzi raġonevoli biex jinforma lill-passiġġieri kkonċernati dwar konnessjonijiet alternattivi.

3.   It-trasportatur jew, fejn meħtieġ, l-operatur tat-terminali, għandu jiżgura li persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa jirċievu l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafi 1 u 2 f’formati aċċessibbli.

Artikolu 17

Għajnuna fil-każ ta’ ta’ tluq ikkanċellat jew tluq tard

1.   Fejn trasportatur raġonevolment jistenna li t-tluq ta’ servizz tal-passiġġieri jew kruċiera jiġi kkanċellat jew ittardjat għal aktar minn 90 minuta wara l-ħin skedat tat-tluq tiegħu, il-passiġġieri li jitilqu minn terminals tal-port għandhom jiġu offruti, mingħajr ħlas, ikliet ħfief, ikliet jew xorb b’mod raġonevoli skont it-tul ta’ ħin tal-istennija, kemm-il darba dawn ikunu disponibbli, jew ikunu jistgħu jiġu fornuti b’mod raġonevoli.

2.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ittardjar fit-tluq fejn isir meħtieġ li l-passiġġier joqgħod lejl wieħed jew aktar jew joqgħod għal iżjed żmien milli kien intenzjonat, fejn u meta fiżikament possibbli, it-trasportatur għandu joffri lill-passiġġieri li jkunu qed jitilqu mit-terminali tal-port, mingħajr ħlas, akkomodazzjoni adegwata abbord, jew fuq l-art, u trasport bejn it-terminal tal-port u l-post tal-akkomodazzjoni b’żieda mal-ikliet ħfief, l-ikliet jew ix-xorb previsti fil-paragrafu 1. Għal kull passiġġier, it-trasportatur jista’ jillimita l-ispiża totali tal-akkomodazzjoni fuq l-art għal EUR 80 għal kull lejl, għal massimu ta’ tliet iljieli, mingħajr ma jinkludi t-trasport lejn u mit-terminal tal-port u l-post tal-akkomodazzjoni.

3.   Fl-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, it-trasportatur għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà u tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa u ta’ kwalunkwe persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom.

Artikolu 18

Bdil tar-rotta u rimborż fil-każ ta’ tluq ikkanċellat jew tluq tard

1.   Fejn trasportatur ikun qiegħed raġonevolment jipprevedi li xi servizz tal-passiġġieri jkun ser jiġi kkanċellat jew ittardjat fit-tluq minn terminal ta’ port għal aktar minn 90 minuta, il-passiġġier għandu immedjatament jiġi offrut l-għażla bejn:

(a)

il-bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali, taħt kondizzjonijiet komparabbli, kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport, mal-ewwel opportunità u mingħajr ebda spiża addizzjonali;

(b)

ir-rimborż tal-prezz tal-biljett u, fejn rilevanti, servizz ta’ ritorn mingħajr ħlas lejn l-ewwel punt tat-tluq, kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport, mal-ewwel opportunità.

2.   Meta servizz tal-passiġġieri jiġi kkanċellat jew jittardja fit-tluq minn port għal aktar minn 90 minuta, il-passiġġieri għandhom ikollhom id-dritt għal tali bdil tar-rotta jew rimborż tal-prezz tal-biljett mit-trasportatur.

3.   Il-ħlas tar-rimborż previst fil-paragrafi 1(b) u 2 għandu jsir fi żmien sebat ijiem, imħallas f’kontanti, permezz ta’ trasferiment bankarju elettroniku, ordnijiet bankarji jew ċekkijiet bankarji, tal-ħlas kollu tal-biljett għall-prezz li bih inxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma sarux, u għall-parti jew il-partijiet li diġà saru fejn il-vjaġġ ma jkunx għad fadallu skop fir-rigward tal-pjan oriġinali tal-vjaġġ tal-passiġġier. Fejn il-passiġġier ikun jaqbel, ir-rimborż totali tal-biljett jista’ jsir ukoll permezz ta’ vawċers u/jew servizzi oħrajn li jammontaw daqs il-prezz tax-xiri tiegħu, kemm-il darba l-kondizzjonijiet ikunu flessibbli, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-perjodu ta’ validità u d-destinazzjoni.

Artikolu 19

Kumpens tal-prezz tal-biljett fil-każ ta’ ittardjar fil-wasla

1.   Mingħajr ma jitilfu d-dritt għat-trasport, il-passiġġieri jistgħu jitolbu kumpens mingħand it-trasportatur jekk ikunu qed jiffaċċaw ittardjar fil-wasla fid-destinazzjoni finali kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport. Il-livelli minimi ta’ kumpens għandhom ikunu 25 % tal-prezz tal-biljett f’każ ta’ ittardjar ta’ għall-inqas:

(a)

siegħa fil-każ ta’ vjaġġ skedat sa erba’ sigħat;

(b)

sagħtejn fil-każ ta’ vjaġġ skedat ta’ aktar minn erba’ sigħat, iżda li ma jeċċedix tmien sigħat;

(c)

tliet sigħat fil-każ ta’ vjaġġ skedat ta’ aktar minn tmien sigħat, iżda li ma jeċċedix l-24 siegħa; or

(d)

sitt sigħat fil-każ ta’ vjaġġ skedat ta’ aktar minn 24 siegħa.

Jekk l-ittardjar jeċċedi d-doppju tal-ħin stabbilit fil-punti (a) sa (d), il-kumpens għandu jkun 50 % tal-prezz tal-biljett.

2.   Il-passiġġieri li jkollhom pass tal-ivvjaġġar jew biljett staġunali u li jiffaċċaw ittardjar rikorrenti fil-wasla matul il-perijodu ta’ validità tagħhom jistgħu jitolbu kumpens adegwat skont l-arranġamenti ta’ kumpens tat-trasportatur. Dawn l-arranġamenti għandhom jistabbilixxu l-kriterji għad-determinazzjoni tal-ittardjar fil-wasla u għall-kalkolu tal-kumpens.

3.   Il-kumpens għandu jkun ikkalkulat f’relazzjoni mal-prezz li l-passiġġier ikun fil-fatt ħallas għas-servizz ittardjat tal-passiġġieri.

4.   Fejn it-trasport ikun għal vjaġġ bir-ritorn, il-kumpens għal ittardjar fil-wasla, kemm fil-vjaġġ tat-tluq kif ukoll tar-ritorn, għandu jkun ikkalkulat f’relazzjoni ma’ nofs il-prezz imħallas għat-trasport minn dak is-servizz tal-passiġġieri.

5.   Il-kumpens għandu jitħallas fi żmien xahar wara li tkun tressqet it-talba għall-kumpens. Il-kumpens jista’ jitħallas b’vawċers u/jew servizzi oħra, kemm-il darba l-kundizzjonijiet ikunu flessibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-perijodu tal-validità u d-destinazzjoni. Il-kumpens għandu jitħallas fi flus fuq talba tal-passiġġier.

6.   Il-kumpens tal-prezz tal-biljett m’għandux jitnaqqas permezz ta’ spejjeż ta’ transazzjonijiet finanzjarji bħal miżati, spejjeż tat-telefon jew bolol. It-trasportaturi jistgħu jintroduċu livell minimu li taħtu ma jsirux ħlasijiet ta’ kumpens. Dan il-livell ma jistax ikun aktar minn EUR 6.

Artikolu 20

Eżenzjonijiet

1.   Ħlief għall-passiġġieri li jkollhom pass tal-ivvjaġġar jew biljett staġunali, l-Artikoli 17, 18 u 19 m’għandhomx japplikaw għal passiġġieri b’biljetti miftuħin, sakemm il-ħin tat-tluq ma jkunx speċifikat.

2.   L-Artikoli 17 u 19 m’għandhomx japplikaw jekk il-passiġġier ikun informat bil-kanċellazzjoni jew bl-ittardjar qabel ix-xiri tal-biljett jew jekk il-kanċellazzjoni jew l-ittardjar ikun minħabba t-tort tal-passiġġier.

3.   L-Artikolu 17(2) m’għandux japplika meta t-trasportatur jista’ jagħti prova li l-kanċellazzjoni jew l-ittardjar jiġu kkawżati minn kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operazzjoni sigura tal-vapur.

4.   L-Artikolu 19 m’għandux japplika fejn t-trasportatur jagħti prova li l-kanċellazzjoni jew l-ittardjar jiġu kkawżati minn kondizzjonijiet tat-temp li jipperikolaw l-operazzjoni sigura tal-vapur jew minn ċirkostanzi eċċezzjonali li jfixklu t-twettiq tas-servizz tal-passiġġieri li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli.

Artikolu 21

Pretensjonijiet ulterjuri

Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jżomm lill-passiġġieri milli jipproċedu għall-indennizz skont il-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ telf li jirriżulta mill-kanċellazzjoni jew l-ittardjar tas-servizzi tat-trasport fil-qrati nazzjonali, inkluż taħt id-Direttiva 90/314/KEE.

KAPITOLU IV

REGOLI ĠENERALI DWAR INFORMAZZJONI U ILMENTI

Artikolu 22

Dritt għal informazzjoni dwar l-ivvjaġġar

It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom, fl-oqsma ta’ kompetanza rispettivi tagħhom, jipprovdu lill-passiġġieri b’informazzjoni adegwata matul il-vjaġġ tagħhom f’formati aċċessibbli għal kulħadd u bl-istess lingwi bħal dawk li bihom l-informazzjoni ġeneralment tkun għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri kollha. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

Artikolu 23

Informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri

1.   It-trasportaturi, l-operaturi tat-terminal u, fejn japplika, l-awtoritajiet tal-port, għandhom, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, jiżguraw li l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri skont dan ir-Regolament tkun pubblikament disponibbli abbord il-vapuri, fil-portijiet, jekk ikun possibbli, u fit-terminali tal-portijiet. L-informazzjoni għandha tingħata safejn hu possibbli, f’formati aċċessibbli u bl-istess lingwi bħal dawk li bihom l-informazzjoni ġeneralment tkun għad-dispożizzjoni tal-passiġġieri kollha. Meta tingħata dik l-informazzjoni, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa.

2.   Sabiex ikunu konformi mar-rekwiżit ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, it-trasportaturi, l-operaturi tat-terminali u, fejn japplika, l-awtoritajiet tal-port, jistgħu jużaw riassunt tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament imħejji mill-Kummissjoni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea u magħmul disponibbli għalihom.

3.   It-trasportaturi, l-operaturi tat-terminali u, fejn japplika, l-awtoritajiet tal-port għandhom jinformaw lill-passiġġieri b’mod xieraq abbord il-vapuri, fil-portijiet, jekk ikun possibbli, u fit-terminali tal-portijiet, bid-dettalji ta’ kuntatt tal-korp ta’ infurzar maħtur mill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 25(1).

Artikolu 24

Ilmenti

1.   It-trasportaturi u l-operaturi tat-terminali għandhom jistabbilixxu jew ikollhom fis-seħħ mekkaniżmu aċċessibbli għat-trattament tal-ilmenti għad-drittijiet u l-obbligi koperti minn dan ir-Regolament.

2.   Fejn passiġġier kopert minn dan ir-Regolament ikun irid iressaq ilment lit-trasportatur jew lill-operatur tat-terminali, għandu jagħmel dan fi żmien xahrejn mid-data li fiha twettaq is-servizz jew meta servizz kellu jitwettaq. Fi żmien xahar minn meta jirċievi l-ilment, it-trasportatur jew operatur tat-terminali għandu jinnotifika lill-passiġġier li l-ilment tiegħu ġie sostanzjat, miċħud jew għadu qed jiġi kkunsidrat. Iż-żmien li jittieħed biex tingħata t-tweġiba finali m’għandux ikun itwal minn xahrejn minn meta jiġi riċevut ilment.

KAPITOLU V

INFURZAR U L-KORPI NAZZJONALI TAL-INFURZAR

Artikolu 25

Korpi nazzjonali tal-infurzar

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar korp jew korpi ġodda jew eżistenti responsabbli għall-infurzar ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri u l-kruċieri minn portijiet li jinsabu fit-territorju tiegħu u servizzi tal-passiġġieri minn pajjiż terz għal tali portijiet. Kull korp għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

Kull entità għandha, fl-organizzazzjoni, fid-deċiżjonijet ta’ finanzjament, fl-istruttura legali u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, tkun indipendenti mill-interessi kummerċjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-korp jew il-korpi maħtura skont dan l-Artikolu.

3.   Kwalunkwe passiġġier jista’ jressaq ilment, skont il-liġi nazzjonali, lill-korp kompetenti maħtur skont il-paragrafu 1, jew lil kwalunkwe korp adatt ieħor maħtur minn Stat Membru, dwar ksur allegat ta’ dan ir-Regolament. Il-korp kompetenti għandu jipprovdi lill-passiġġieri b’risposta ssostanzjata għall-ilment taħghom f’perjodu taz-zmien raġonevoli.

Stat Membru jista’ jiddeċiedi:

(a)

li l-passiġġier bħala l-ewwel pass għandu jippreżenta l-ilment kopert minn dan ir-Regolament għat-trasportatur jew għall-operatur tat-terminal; u/jew

(b)

li l-korp nazzjonali ta’ infurzar jew kwalunkwe korp adatt ieħor maħtur mill-Istat Membru għandu jaġixxi bħala korp tal-appell għall-ilmenti li mhumiex riżolti taħt l-Artikolu 24.

4.   L-Istati Membri li jkunu għażlu li jeżentaw ċerti servizzi skont l-Artikolu 2(4) għandhom jiżguraw li jkun hemm mekkaniżmu komparabbli tal-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri.

Artikolu 26

Rapport dwar l-infurzar

Sal-1 ta’ Ġunju 2015 u kull sentejn wara din id-data, il-korpi tal-infurzar maħturin skont l-Artikolu 25 għandhom jippubblikaw rapport dwar l-attivitajiet tagħhom fis-sentejn kalendarji preċedenti, li jkun fih, partikolarment, deskrizzjoni tal-azzjonijiet meħudin sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, dettalji ta’ sanzjonijiet applikati u statistika dwar l-ilmenti u s-sanzjonijiet applikati.

Artikolu 27

Koperazzjoni bejn korpi tal-infurzar

Il-korpi nazzjonali tal-infurzar kif imsemmijin fl-Artikolu 25(1) għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar ħidmiethom u l-prinċipji u l-prattika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom sal-livell meħtieġ għall-implimentazzjoni koerenti ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tappoġġahom f’dak il-kompitu.

Artikolu 28

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diżwassivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u miżuri sat-18 ta’ Diċembru 2012 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29

Rapport

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sad-19 ta’ Diċembru 2015, dwar l-operat u l-effetti ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun akkompanjat, fejn meħtieġ bi proposti leġislattivi li jimplimentaw b’aktar dettall id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jew li jemendawh.

Artikolu 30

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004, għandu jiżdied il-punt li ġej:

“18.

Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw fuq il-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni (*).

Artikolu 31

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-18 ta’ Diċembru 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 89.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2009 (ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 293), Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-11 ta’ Marzu 2010 (ĠU C 122 E, 11.5.2010, p. 19), il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2010 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Ottubru 2010.

(3)  ĠU L 378, 31.12.1986, p. 4.

(4)  ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.

(5)  ĠU L 389, 30.12.2006, p. 1.

(6)  ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1.

(7)  . ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.

(8)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(9)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(10)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 24.


ANNESS I

DRITT GĦAR-RIMBORŻ JEW BDIL FIR-ROTTA GĦAL PERSUNI B’DIŻABBILTÀ U GĦAL PERSUNI B’MOBBILTÀ MNAQQSA, KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 8

1.   Meta ssir referenza għal dan l-Anness, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni b’mobbiltà mnaqqsa għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

(a)

rimborż fi żmien sebat ijiem, imħallas f’kontanti, permezz ta’ trasferiment bankarju elettroniku, ordni bankarju jew ċekk bankarju, tal-ħlas kollu tal-biljett għall-prezz li bih inxtara, għall-parti jew il-partijiet tal-vjaġġ li ma jkunux saru, u għall-parti jew il-partijiet li jkunu diġà saru jekk il-vjaġġ ma jkunx għad fadallu skop fir-rigward tal-pjan oriġinali tal-vjaġġ tal-passiġġier, flimkien ma’, fejn rilevanti,

servizz ta’ ritorn lejn l-ewwel punt tat-tluq, mal-ewwel opportunità; jew

(b)

il-bdil tar-rotta lejn id-destinazzjoni finali kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport, mingħajr ebda spiża addizzjonali u taħt kondizzjonijiet komparabbli, mal-ewwel opportunità; jew

(c)

bdil fir-rotta lejn id-destinazzjoni finali kif stabbilit fil-kuntratt ta’ trasport, taħt kondizzjonijiet tat-trasport komparabbli, f’data aktar tard skont il-konvenjenza tal-passiġġier, suġġett għad-disponibbiltà tal-biljetti.

2.   Il-paragrafu 1(a) għandu japplika wkoll għal passiġġieri li l-vjaġġi tagħhom jifformaw parti minn pakkett, ħlief għad-dritt għar-rimborż fejn dan id-dritt jirriżulta skont id-Direttiva 90/314/KEE.

3.   Meta, fil-każ fejn belt jew reġjun huwa moqdi minn diversi portijiet, trasportatur joffri lil passiġġier vjaġġ għal port alternattiv għal dak li għalih saret il-prenotazzjoni, it-trasportatur għandu jsostni l-ispiża tat-trasferiment tal-passiġġier minn dak il-port alternattiv jew għal dak li għalih saret il-prenotazzjoni, jew għal destinazzjoni oħra fil-qrib miftiehma mal-passiġġier.


ANNESS II

GĦAJNUNA FIL-PORTIJIET, INKLUŻI L-IMBARK U L-IŻBARK, KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLI 10 U 13

1.   L-għajnuna u l-arranġamenti meħtieġa biex jippermettu lil persuni b’diżabbiltà u lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa sabiex:

jikkomunikaw il-wasla tagħhom f’terminal ta’ port jew, jekk ikun possibbli, f’port, u t-talba tagħhom għall-għajnuna,

jiċċaqalqu minn punt tad-dħul għal bank taċ-check-in, jekk ikun hemm, jew għall-vapur,

jgħaddu mill-kontroll u jirreġistraw il-bagalji, jekk meħtieġ,

jipproċedu mill-bank taċ-check-in, jekk ikun hemm għall-vapur, permezz tal-punti tal-emigrazzjoni u tas-sigurtà,

jimbarkaw fuq il-vapur, permezz ta’ liftijiet, siġġijiet tar-roti jew għajnuna oħra meħtieġa, skont il-każ,

jipproċedu mill-bieb tal-vapur sas-siġġijiet/iż-żona tagħhom,

iqiegħdu u jieħdu lura l-bagalji fuq il-vapur,

jipproċedu mis-siġġijiet tagħhom sal-bieb tal-vapur,

jiżbarkaw minn fuq il-vapur, permezz ta’ lifts, siġġijiet tar-roti jew għajnuna oħra meħtieġa, skont il-każ,

jieħdu lura l-bagalji, jekk meħtieġ, u jipproċedu mill-punti tal-immigrazzjoni u tad-dwana,

jipproċedu mis-sala tal-bagalji jew mill-punt tal-iżbark għall-punt indikat tal-ħruġ,

jekk ikun meħtieġ, imorru sal-faċilitajiet sanitarji (jekk ikun hemm).

2.   Meta persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa tkun megħjuna minn persuna li takkumpanjaha, dik il-persuna għandha, jekk mitluba, titħalla tipprovdi l-għajnuna meħtieġa fil-port u waqt l-imbark u l-iżbark.

3.   Il-ġarr tat-tagħmir għall-mobbiltà kollu meħtieġ, inkluż tagħmir bħal siġġijiet tar-roti elettriċi.

4.   Il-bdil temporanju tat-tagħmir għall-mobbiltà li tkun ġratlu xi ħsara jew li jkun intilef b’tagħmir li jkun alternattiva xierqa.

5.   Ground handling ta’ klieb ta’ għajnuna rikonoxxuti, meta jkun rilevanti.

6.   Il-komunikazzjoni f’formati aċċessibbli tal-informazzjoni meħtieġa għall-imbark u l-iżbark.


ANNESS III

GĦAJNUNA ABBORD IL-VAPURI, KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLI 10 U 13

1.   Il-ġarr ta’ klieb tal-għajnuna rikonoxxuti abbord il-vapur, suġġett għar-regolamenti nazzjonali.

2.   Il-ġarr ta’ tagħmir mediku u tat-tagħmir għall-mobbiltà meħtieġ għall-persuna b’diżabbiltà jew għall-persuna b’mobbiltà mnaqqsa, inklużi siġġijiet tar-roti elettriċi.

3.   Il-komunikazzjoni tal-informazzjoni essenzjali li tikkonċerna rotta f’formati aċċessibbli.

4.   L-isforzi kollha raġonevoli li jsiru biex isir arranġament ta’ postijiet li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà mnaqqsa fuq talba u suġġett għar-rekwiżiti tas-sigurtà u d-disponibbiltà.

5.   Jekk ikun meħtieġ, l-għajnuna sal-faċilitajiet sanitarji (jekk ikun hemm).

6.   Meta persuna b’diżabbiltà jew persuna b’mobbiltà mnaqqsa tkun megħjuna minn persuna li takkumpanjaha, it-trasportatur għandu jagħmel l-isforzi kollha raġonevoli biex jagħti lil din il-persuna post jew kabina maġenb il-persuna b’diżabbiltà jew il-persuna b’mobbiltà mnaqqsa.


ANNESS IV

TAĦRIĠ RELATAT MAD-DIŻABBILTÀ, INKLUŻI L-ISTRUZZJONIJIET, KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 14

A.   Taħriġ relatat ma’ għarfien dwar id-diżabbiltà, inklużi struzzjonijiet

It-taħriġ relatat ma’ għarfien dwar id-diżabbiltà, inklużi struzzjonijiet, jinkludu:

għarfien u mġiba xierqa fir-rigward tal-passiġġieri b’diżabbiltajiet fiżiċi, sensorjali (smigħ u vista), diżabbiltajiet ma jidhrux jew intelletwali, inkluż kif tiddistingwi bejn l-abbiltajiet differenti ta’ persuni li l-mobbiltà, l-orjentazzjoni jew il-komunikazzjoni tagħhom tista’ tkun imnaqqsa;

xkiel iffaċċat minn persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa, inkluż xkiel ta’ attitudni, ambjentali/fiżiku u organizzattiv;

klieb tal-għajnuna rikonoxxuti, inklużi r-rwol u l-ħtiġijiet tal-kelb tal-għajnuna;

indirizzar tal-affarijiet li jiġru bla mistenni;

il-ħiliet interpersonali u l-metodi ta’ komunikazzjoni ma’ nies b’nuqqas ta’ smigħ, ma’ nies b’nuqqas ta’ dawl jew ma’ nies b’diffikultajiet fit-taħdit u ma’ nies b’diżabbiltà intelletwali;

għarfien ġenerali tal-linji gwida tal-IMO relatati mar-Rakkommandazzjoni għat-tfassil u l-operat tal-vapuri tal-passiġġieri biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-anzjani u ta’ persuni b’diżabbiltà.

B.   Taħriġ relatat mal-għajnuna lil persuni b’diżabbiltà, inklużi struzzjonijiet

It-taħriġ relatat mal-għajnuna lil persuni b’diżabbiltà, inklużi struzzjonijiet, jinkludu:

kif tgħin lil min juża siġġu tar-roti jpoġġi u jqum mis-siġġu tar-roti;

ħiliet biex tingħata għajnuna lil persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jkunu qed jivvjaġġaw b’kelb tal-għajnuna rikonoxxut, inklużi r-rwol u l-ħtiġijiet ta’ dawk il-klieb;

metodi tekniċi ta’ skorta għal passiġġieri b’nuqqasijiet fil-vista tagħhom u għat-trattament u l-ġarr ta’ klieb tal-għajnuna rikonoxxuti;

għarfien tat-tipi ta’ tagħmir li jista’ jgħin lil persuni b’diżabbiltà u lil persuni b’mobbiltà mnaqqsa u konoxxenza dwar kif tali apparat jiġi maneġġat b’attenzjoni;

l-użu ta’ tagħmir ta’ għajnuna għall-imbark u l-iżbark li jkun użat u konoxxenza tal-proċeduri xierqa għall-għajnuna waqt l-imbark u l-iżbark li jissalvagwardja s-sigurtà u d-dinjità ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa;

għarfien tal-ħtieġa tal-għajnuna affidabbli u professjonali. Għarfien ukoll tal-potenzjal ta’ ċerti persuni b’diżabbiltà u persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jesperjenzaw sensazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà matul il-vjaġġ minħabba d-dipendenza tagħhom fuq l-għajnuna pprovduta;

konoxxenza tal-ewwel għajnuna.


Top