This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010R0271
Commission Regulation (EU) No 271/2010 of 24 March 2010 amending Regulation (EC) No 889/2008 laying down detailed rules for the implementation of Council Regulation (EC) No 834/2007, as regards the organic production logo of the European Union
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 271/2010 tal- 24 ta’ Marzu 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f’dak li għandu x’jaqsam mal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 271/2010 tal- 24 ta’ Marzu 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f’dak li għandu x’jaqsam mal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea
ĠU L 84, 31.3.2010, p. 19–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R1165
31.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 84/19 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 271/2010
tal-24 ta’ Marzu 2010
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f’dak li għandu x’jaqsam mal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(3), l-Artikolu 38(b), u l-Artikolu 40 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jistabbilixxi li l-logo Komunitarju huwa waħda mill-indikazzjonijiet obbligatorji li għandhom jintużaw fuq l-imballaġġ tal-prodotti li juri termini li jirreferu għall-metodu tal-produzzjoni organika kif imsemmi fl-Artikolu 23(1), u li l-użu ta’ dan il-logo huwa fakultattiv għal prodotti impurtati minn pajjiżi terzi. L-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jippermetti l-użu tal-logo Komunitarju fit-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti skont dak ir-Regolament. |
(2) |
L-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 tal-24 ta’ Ġunju 1991 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u l-indikazzjonijiet li jirreferu għalihom fil-prodotti agrikoli u fl-oġġetti tal-ikel (2), li nbidel bir-Regolament (KE) Nru 834/2007, uriet li l-logo Komunitarju li jista’ jintuża fuq bażi volontarja ma għadux jilħaq l-aspettattivi tal-operaturi fis-settur u lanqas tal-konsumaturi. |
(3) |
Ir-regoli l-ġodda li jikkonċernaw il-logo għandhom jiġu introdotti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (3). Dawk ir-regoli għandhom jippermettu li l-logo jkun adattat iktar għall-iżviluppi fis-settur, b’mod partikolari permezz ta’ identifikazzjoni aħjar mill-konsumaturi tal-prodotti organiċi li jaqgħu taħt ir-regolamenti tal-UE li jikkonċernaw il-produzzjoni organika. |
(4) |
Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, huwa xieraq li wieħed jirreferi għal-“logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea” minflok il-“logo Komunitarju tal-produzzjoni organika”. |
(5) |
Il-Kummissjoni organizzat kompetizzjoni fost l-istudenti tal-arti u d-disinn mill-Istati Membri, bl-għan li tiġbor il-proposti għal logo ġdid, u ġurija indipendenti għażlet u kklassifikat l-aħjar 10 proposti. Iktar skrutinju mil-lat tal-proprjetà intelletwali ppermetta li jiġu identifikati l-aqwa tliet disinji minn dak il-lat, li sussegwentement tressqu għal konsultazzjoni fuq l-Internet li kienet miftuħa bejn is-7 ta’ Diċembru 2009 u l-31 ta’ Jannar 2010. Il-logo propost magħżul mill-maġġoranza ta’ dawk li żaru l-websajt matul dak il-perjodu għandu jiġi adottat bħala l-logo l-ġdid tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea. |
(6) |
Il-bidla tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Lulju 2010 ma għandhiex toħloq diffikultajiet fis-suq, u b’mod partikolari l-prodotti organiċi li jkunu diġà tpoġġew fis-suq għandhom jitħallew jinbiegħu mingħajr l-indikazzjonijiet obbligatorji meħtieġa bl-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, sakemm il-prodotti inkwistjoni jikkonformaw mar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 jew mar Regolament (KE) Nru 834/2007. |
(7) |
Sabiex l-użu tal-logo ikun possibbli hekk kif isir obbligatorju skont il-leġiżlazzjoni tal-UE u biex ikun żgurat it-tħaddim effettiv tas-suq intern, biex tiġi garantita l-kompetizzjoni ġusta u biex jiġu mħarsal-interessi tal-konsumaturi, il-logo l-ġdid tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea ġie rreġistrat bħala Marka Kollettiva tal-Biedja Organika fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intelletwali u konsegwentement huwa fis-seħħ, jista’ jintuża u huwa protett. Il-logo se jiġi rreġistrat ukoll fir-Reġistri Komunitarji u Internazzjonali. |
(8) |
L-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 jistabbilixxxi li n-numru tal-kodiċi tal-entità jew l-awtorità ta’ kontroll għandu jitpoġġa immedjatament taħt il-logo Komunitarju mingħajr indikazzjoni speċifika dwar il-format u l-attribuzzjoni ta’ dawn il-kodiċijiet. Sabiex tiġi stabbilita applikazzjon armonizzata ta’ dawn in-numri tal-kodiċi, għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-format u l-attribuzzjoni ta’ dawn il-kodiċijiet. |
(9) |
Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan. |
(10) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat regolatorju għall-produzzjoni organika, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:
1) |
Fit-Titolu III, it-titolu tal-Kapitolu I għandu jinbidel b’dan li ġej:
“Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea” |
2) |
L-Artikolu 57 għandu jinbidel b’dan li ġej: “Artikolu 57 Il-logo organiku tal-UE Skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea (minn issa ‘l quddiem “Il-logo organiku tal-UE”) għandu jsegwi l-mudell stabbilit fil-Parti A tal-Anness XI għal dan ir-Regolament. Il-logo organiku tal-UE għandu jintuża biss jekk il-prodott konċernat jiġi manifatturat skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KEE) Nru 2092/91 u r-regolamenti tal-implimentazzjoni tiegħu jew ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 u r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.” |
3) |
Fl-Artikolu 58(1), il-punti (b), (c) u (d) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:
|
4) |
Fl-Artikolu 95, il-paragrafi 9 u 10 għandhom jinbidlu b’dan li ġej: “9. Il-ħażniet ta’ prodotti manifatturati, ippakkjati u ttikkettati qabel l-1 ta’ Lulju 2010 skont ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 jew ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u juru termini li jirreferu għall-produzzjoni organika sakemm jinħlew il-ħażniet. 10. Il-materjal tal-imballaġġ skont ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 jew ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 jista’ jibqa’ jintuża għal prodotti mqiegħda fis-suq li juru termini li jirreferu għall-produzzjoni organika sal-1 ta’ Lulju 2012, jekk mill-bqija l-prodott ikun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 834/2007.” |
5) |
L-Anness XI għandu jinbidel bit-test stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2010.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.
(2) ĠU L 198, 22.7.1991, p. 1.
(3) ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1.
ANNESS
“ANNESS XI
A. Il-logo organiku tal-UE, imsemmi fl-Artikolu 57
1. |
Il-logo organiku tal-UE għandu jikkonforma mal-mudell ta’ hawn taħt:
|
2. |
Il-kulur ta’ referenza fil-Pantone huwa Pantone Aħdar bin-numru 376 u Aħdar [50 % Cyan + 100 % Isfar], meta jintuża proċess ta’ erba’ kuluri. |
3. |
Il-logo organiku tal-UE jista’ jintuża wkoll bl-iswed u l-abjad kif muri, iżda biss meta ma jkunx prattiku li jiġi applikat bil-kulur:
|
4. |
Jekk il-kulur tal-isfond tal-imballaġġ jew tat-tikketta ikun skur, is-simboli jistgħu jintużaw fil-format negattiv, billi jintuża l-kulur tal-isfond tal-imballaġġ jew tat-tikketta. |
5. |
Jekk simbolu jintuża bil-kulur fuq sfond bil-kulur, li jagħmlu diffiċli biex jintgħaraf, għandu jintuża ċirku estern ta’ delinjazzjoni madwar is-simbolu sabiex jittejjeb il-kuntrast mal-kuluri tal-isfond. |
6. |
F’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi fejn ikun hemm indikazzjonijiet b’kulur wieħed fuq l-imballaġġ, il-logo organiku tal-UE jista’ jintuża bl-istess kulur. |
7. |
Il-logo organiku tal-UE għandu jkun mill-inqas 9 mm għoli u mill-inqas 13.5 mm wiesa’; il-proporzjon ta’ tul/wisa’ dejjem għandu jkun 1:1.5. Id-daqs minimu għandu eċċezzjonalment jitnaqqas għal tul ta’ 6 mm għal imballaġġ żgħir ħafna. |
8. |
Il-logo organiku tal-UE jista’ jiġi assoċjat ma’ elementi grafiċi jew testwali li jirreferu għall-biedja organika, bil-kundizzjoni li ma jimmodifikawx jew ma jbiddlux in-natura tal-logo organiku tal-UE, u lanqas l-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 58. Meta assoċjat ma’ logos nazzjonali jew privati li jużaw kulur aħdar differenti mill-kulur ta’ referenza msemmi fil-punt 2, il-logo organiku tal-UE jista’ jintuża dak li mhuwiex kulur ta’ referenza. |
9. |
L-użu tal-logo organiku tal-UE għandu jkun skont ir-regoli li jakkumpanjaw ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala Marka Kollettiva tal-Biedja Organika fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intelletwali u fir-Reġistri tal-Marki Kummerċjali Komunitarji u Internazzjonali. |
B. In-numri tal-kodiċi msemmija fl-Artikolu 58
Il-format ġenerali tan-numri tal-kodiċi huwa kif ġej:
AB-CDE-999
Fejn:
1. |
“AB” huwa l-kodiċi ISO kif speċifikat fl-Artikolu 58(1)(a) għall-pajjiż fejn il-kontrolli jsiru, u |
2. |
“CDE” huwa terminu, indikat bi tliet ittri li jiġu deċiżi mill-Kummissjoni jew minn kull Stat Membru, bħal “bio” jew “öko” jew “org” jew “eko” li jistabbilixxu rabta bejn il-metodu ta’ produzzjoni organika kif speċifikat fl-Artikolu 58(1)(b), u |
3. |
“999” huwa n-numru ta’ referenza, indikat b’massimu ta’ tliet karattri, li jista’ jiġi attribwit, kif speċifikat fl-Artikolu 58(1)(c):
|
Il-Kummissjoni għandha tagħmel in-numri tal-kodiċi disponibbli għall-pubbliku bi kwalunkwe mezz tekniku xieraq, inkluż il-pubblikazzjoni fuq l-Internet.