This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010L0045
Council Directive 2010/45/EU of 13 July 2010 amending Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax as regards the rules on invoicing
Direttiva 2010/45/UE tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2010 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni
Direttiva 2010/45/UE tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2010 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni
ĠU L 189, 22.7.2010, p. 1–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
22.7.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 189/1 |
DIRETTIVA 2010/45/UE TAL-KUNSILL
tat-13 ta’ Lulju 2010
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu113 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) tistabbilixxi l-kondizzjonijiet u r-regoli dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem il-“VAT”) fir-rigward ta’ fatturi, sabiex tiżgura l-iffunzjonar adatt tas-suq intern. Skont l-Artikolu 237 ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni ppreżentat rapport li jidentifika, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, ċerti diffikultajiet dwar il-fatturazzjoni elettronika u li, barra minn hekk, jidentifika wkoll ċerti oqsma oħra li fihom ir-regoli tal-VAT għandhom ikunu simplifikati biex itejbu l-iffunzjonar tas-suq intern. |
(2) |
Peress li jeħtieġ li ż-żamma tad-dokumenti tkun suffiċjenti biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw il-merkanzija li tgħaddi temporanjament minn Stat Membru għall-ieħor, irid ikun ċar li ż-żamma tad-dokumenti għandha tinkludi d-dettalji tal-valutazzjonijiet tal-merkanzija li tgħaddi temporanjament bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, għal finijiet ta’ valutazzjoni, it-trasferiment ta’ merkanzija lejn Stat Membru ieħor m’għandux jitqies bħala provvista ta’ merkanzija għall-finijiet ta’ VAT. |
(3) |
Ir-regoli dwar il-ħlas tal-VAT fuq provvisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija u fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija għandhom ikunu kkjarifikati sabiex jiżguraw l-uniformità tal-informazzjoni li tiġi sottomessa fid-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi kif ukoll il-perijodu ta’ żmien għall-iskambju ta’ informazzjoni permezz ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet. Barra minn hekk huwa opportun li l-provvista kontinwa ta’ merkanzija minn Stat Membru għall-ieħor matul perijodu ta’ iktar minn xahar kalendarju wieħed għandha titqies bħala kompluta fi tmiem kull xahar kalendarju. |
(4) |
Biex ikunu megħjuna l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex iħallsu l-VAT lill-awtorità kompetenti qabel ma jkunu rċevew il-ħlas mill-klijenti tagħhom, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla biex jippermettu li l-VAT tinħadem permezz ta’ sistema bbażata fuq ħlasijiet, li tippermetti lill-fornitur biex iħallas il-VAT lill-awtorità kompetenti wara li dan jirċievi l-ħlas għal provvista u li tistabbilixxi d-dritt tiegħu għat-tnaqqis meta jħallas għal provvista. Dan għandu jippermetti lill-Istati Membri biex jintroduċu sistema bbażata fuq ħlasijiet fakultattivi li ma jkollhiex effett negattiv fuq il-bilanċ ta’ dħul ta’ flus relatat mal-irċevuti tal-VAT tagħhom. |
(5) |
Biex in-negozji jkollhom iċ-ċertezza legali rigward l-obbligi tagħhom għall-fatturazzjoni, l-Istat Membru li tiegħu japplikaw ir-regoli dwar il-fatturazzjoni għandu jkun iddikjarat b’mod ċar. |
(6) |
Bil-ħsieb tat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern, jeħtieġ li jiġi impost limitu ta’ żmien armonizzat għall-ħruġ ta’ fattura fir-rigward ta’ ċerti provvisti transkonfinali. |
(7) |
Ċerti rekwiżiti dwar l-informazzjoni li trid tiġi fornuta dwar il-fatturi għandhom ikunu emendati ħalli jippermettu kontroll fiskali aħjar, biex joħolqu trattament aktar uniformi bejn provvisti transkonfinali u lokali u biex jgħinu wkoll fil-promozzjoni tal-fatturazzjoni elettronika. |
(8) |
Peress li l-użu ta’ fatturazzjoni elettronika jista’ jgħin lin-negozji biex inaqqsu l-ispejjeż u jkunu aktar kompetittivi, ir-rekwiżiti attwali tal-VAT fuq il-fatturazzjoni elettronika għandhom jiġu riveduti biex jitneħħew il-piżijiet u l-ostakoli għall-użu. Il-fatturi fuq karta u l-fatturi elettroniċi għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali u l-piż amministrattiv għall-fatturazzjoni fuq karta m’għandux jiżdied. |
(9) |
Għandu japplika wkoll trattament ugwali fir-rigward tal-kompetenzi tal-awtoritajiet fiskali. Il-kompetenzi ta’ kontroll tagħhom u d-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni taxxabbli għandhom japplikaw b’mod ugwali sew jekk persuna taxxabbli tagħżel li toħroġ fatturi fuq karta sew jekk tagħżel li toħroġ fatturi elettroniċi. |
(10) |
Jeħtieġ li l-fatturi jirriflettu provvisti attwali u l-awtentiċità, l-integrità u l-leġġibilità tagħhom għalhekk għandhom jiġu żgurati. Il-kontrolli tan-negozju jistgħu jintużaw biex jiġu stabbiliti rekords affidabbli tal-verifika li jorbtu l-fatturi mal-provvisti, biex b’hekk jiġi żgurat li kwalunkwe fattura (sew jekk fil-forma ta’ karta sew jekk elettronika) tikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti. |
(11) |
L-awtentiċità u l-integrità ta’ fatturi elettroniċi jistgħu jiġu żgurati wkoll bl-użu ta’ ċerti teknoloġiji eżistenti, bħall-Iskambju Elettroniku ta’ Data (EDI) u firem elettroniċi avvanzati. Madankollu, peress li jeżistu teknoloġiji oħrajn, il-persuni taxxabbli m’għandhomx ikunu meħtieġa jużaw xi teknoloġija partikolari ta’ fatturazzjoni elettronika. |
(12) |
Għandu jkun iċċarat li meta persuna taxxabbli taħżen fatturi online li hija tkun ħarġet jew irċeviet, l-Istat Membru li fih tkun dovuta t-taxxa, barra mill-Istat Membru fejn il-persuna taxxabbli tkun stabbilita, għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess għal dawk il-fatturi għal finijiet ta’ kontroll. |
(13) |
Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva rigward is-simplifikazzjoni, l-immodernizzar u l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-fatturazzjoni tal-VAT ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, għalhekk, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi. |
(14) |
Skont il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (2), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess, li, sa fejn huwa possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi. |
(15) |
Għalhekk id-Direttiva 2006/112/KE għandha tkun emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE
Id-Direttiva 2006/112/KE qed tiġi emendata kif ġej:
(1) |
Fl-Artikolu 17(2), il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
(2) |
Fl-Artikolu 64, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Il-provvisti kontinwi ta’ merkanzija matul perijodu ta’ aktar minn xahar kalendarju li jintbagħtu jew jiġu ttrasportati lejn Stat Membru li mhux dak li fih jibda d-dispaċċ jew it-trasport ta’ dik il-merkanzija u li jiġu fornuti bħala eżentati mill-VAT jew li jiġu ttrasferiti bħala eżentati mill-VAT lejn Stat Membru ieħor minn persuna taxxabbli għall-finijiet tan-negozju tiegħu, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 138, għandhom jitqiesu bħala kompluti meta jiskadi kull xahar kalendarju sakemm il-provvista tasal fit-tmiem. Il-provvisti ta’ servizzi li għalihom trid titħallas il-VAT mill-klijent skont l-Artikolu 196, li jiġu fornuti kontinwament matul perijodu ta’ aktar minn sena u li ma jwasslux għal dikjarazzjonijiet ta’ kont jew għal ħlasijiet matul dak il-perijodu, għandhom jitqiesu bħala kompluti meta tiskadi kull sena kalendarja sakemm tintemm il-provvista tas-servizzi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, f’ċerti każijiet minbarra dawk imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-provvista kontinwa ta’ merkanzija jew servizzi matul perijodu ta’ żmien għandha titqies bħala kompluta ta’ mill-inqas f’intervalli ta’ sena.”; |
(3) |
Fl-Artikolu 66, l-ewwel paragrafu, il-punt (c) u t-tieni paragrafu huma sostitwiti b’dan li ġej:
|
(4) |
L-Artikolu 67 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 67 Fejn, f’konformità mal-kondizzjonijiet imniżżlin fl-Artikolu 138, merkanzija li tintbagħat jew tiġi ttrasportata lejn Stat Membru li mhuwiex dak li fih jibda d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija hija fornuta bħala eżentata mill-VAT jew fejn merkanzija hija ttrasferita bħala eżentata mill-VAT lejn Stat Membru ieħor minn persuna taxxabbli għall-finijiet tan-negozju tagħha, il-VAT għandha ssir dovuta mal-ħruġ tal-fattura, jew mal-iskadenza tal-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 222 jekk ma tkun inħarġet l-ebda fattura sa dak il-waqt. L-Artikolu 64(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 64(2) u l-Artikolu 65 m’għandhomx japplikaw fir-rigward tal-provvisti u t-trasferimenti ta’ merkanzija msemmijin fl-ewwel paragrafu.”; |
(5) |
L-Artikolu 69 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 69 Fil-każ tal-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, il-VAT għandha ssir dovuta mal-ħruġ tal-fattura, jew mal-iskadenza tal-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 222 jekk ma tkun inħarġet l-ebda fattura sa dik il-waqt.”; |
(6) |
Fl-Artikolu 91(2), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Minflok, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw l-użu tal-aħħar rata tal-kambju ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-waqt li fih issir dovuta t-taxxa. Il-konverżjoni bejn il-muniti barra mill-Euro għandha ssir bl-użu tar-rata tal-kambju mal-euro ta’ kull munita. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jiġu nnotifikati dwar l-eżerċizzju ta’ din l-għażla mill-persuna taxxabbli. Madakollu, għal xi transazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jew għal ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli, l-Istati Membri jistgħu jużaw ir-rata tal-kambju stabbilita f’konformità mad-dispożizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ li jirregolaw il-kalkolu tal-valur għal skopijiet ta’ dwana.”; |
(7) |
Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 167a L-Istati Membri jistgħu jipprovdu fi skema fakultattiva li d-dritt għat-tnaqqis ta’ persuna taxxabbli li l-VAT tagħha ssir dovuta unikament f’konformità mal-Artikolu 66 (b) għandu jiġi pospost sakemm il-VAT fuq il-merkanzija jew is-servizzi pprovduti titħallas lill-fornitur tagħha. L-Istati Membri li japplikaw l-iskema fakultattiva msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jistabbilixxu limitu massimu għall-persuni taxxabbli li jużaw l-iskema fit-territorju tagħhom, abbażi tal-fatturazzjoni annwali tal-persuna taxxabbli, skont l-Artikolu 288. Dak il-limitu massimu m’għandux ikun aktar minn EUR 500 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jżidu dak il-limitu massimu sa EUR 2 000 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali wara li jikkonsultaw lill-Kumitat tal-VAT. Madankollu, din il-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-VAT m’għandhiex tkun meħtieġa għall-Istati Membri li applikaw limitu massimu ogħla minn EUR 500 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali fil-31 ta’ Diċembru 2012. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kumitat tal-VAT dwar il-miżuri leġislattivi nazzjonali adottati skont l-ewwel paragrafu.”; |
(8) |
L-Artikolu 178 huwa emendat kif ġej:
|
(9) |
L-Artikolu 181 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 181 L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw persuna taxxabbli li m’għandhiex fattura mfassla skont it-Taqsimiet 3, sa 5 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI li tagħmel it-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 168(c) fir-rigward tal-akkwisti intra-Komunitarji tagħha ta’ merkanzija.”; |
(10) |
Fl-Artikolu 197(1), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
(11) |
L-Artikolu 217 jinbidel b’dan li ġej: “Artikolu 217 Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘fattura elettronika’ tfisser fattura li jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa f’din id-Direttiva, u li tkun ħarġet u ġiet riċevuta fi kwalunkwe format elettroniku.”; |
(12) |
Fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI, jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 219a Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 244 sa 248, għandu japplika dan li ġej:
|
(13) |
L-Artikolu 220 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 220 1. Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li, fir-rigward ta’ dan li ġej, tinħareġ fattura, jew minnha nfisha jew mill-klijent tagħha jew, f’isimha u għan-nom tagħha, minn parti terza:
2. B’deroga mill-paragrafu 1, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 221(2), il-ħruġ ta’ fattura m’għandux ikun meħtieġ fir-rigward ta’ provvisti ta’ servizzi eżentati skont il-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 135(1).”; |
(14) |
Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 220a 1. L-Istati Membri għandhom jippermettu li persuni taxxabbli joħorġu fattura simplifikata fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
2. L-Istati Membri m’għandhomx jippermettu lill-persuni taxxabbli joħorġu fattura simplifikata fejn ikun jeħtieġ li l-fatturi jinħarġu skont il-punti (2) u (3) tal-Artikolu 220(1) jew fejn il-provvista taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi ssir minn persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilita fl-Istat Membru li fih hija dovuta l-VAT, jew li l-istabbiliment tagħha f’dak l-Istat Membru ma jintervjenix fil-provvista fis-sens tal-Artikolu 192a, u l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT tkun dik il-persuna li lilha jiġu fornuti l-merkanzija jew is-servizzi.”; |
(15) |
L-Artikoli 221, 222, 223, 224 u 225 huma sostitwiti b’dan li ġej: “Artikolu 221 1. L-Istati Membri jistgħu jimponu fuq persuni taxxabbli obbligu li joħorġu fattura skont id-dettalji meħtieġa taħt l-Artikoli 226 jew 226b fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 220(1). 2. L-Istati Membri jistgħu jimponu fuq persuni taxxabbli li stabbilew in-negozju tagħhom fit-territorju tagħhom jew li għandhom stabbiliment fiss fit-territorju tagħhom li minnu ssir il-provvista, obbligu li joħorġu fattura skont id-dettalji meħtieġa fl-Artikoli 226 jew 226b fir-rigward ta’ provvisti ta’ servizzi eżentati taħt il-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 135(1) li dawk il-persuni taxxabbli jkunu għamlu fit-territorju tagħhom jew barra mill-Komunità. 3. L-Istati Membri jistgħu jeħilsu persuni taxxabbli mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 220(1) jew fl-Artikolu 220a li joħorġu fattura fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li jkunu għamlu fit-territorju tagħhom u li jkunu eżentati, bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti jew mingħajrha, skont l-Artikoli 110 u 111, l-Artikolu 125(1), l-Artikolu 127, l-Artikolu 128(1), l-Artikoli 132, il-punti (h) sa (l) tal-Artikolu135(1), l-Artikoli 136, 371, 375, 376 u 377, l-Artikolu 378(2), l-Artikolu 379(2) u l-Artikoli 380 sa 390b. Artikolu 222 Għal provvisti ta’ merkanzija mwettqa skont il-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 138 jew għal provvisti ta’ servizzi li għalihom il-VAT titħallas mill-klijent skont l-Artikolu 196, għandha tinħareġ fattura sa mhux aktar tard mill-ħmistax-il jum tax-xahar wara dak li fih iseħħ l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas. Għal provvisti oħrajn ta’ merkanzija jew servizzi l-Istati Membri jistgħu jimponu limiti ta’ żmien fuq persuni taxxabbli għall-ħruġ ta’ fatturi. Artikolu 223 L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni taxxabbli biex joħorġu fatturi fil-qosor li jiddettaljaw diversi provvisti separati ta’ merkanzija jew servizzi dment li l-VAT fuq il-provvisti msemmijin fil-fattura fil-qosor issir dovuta matul l-istess xahar kalendarju. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 222, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li fatturi fil-qosor jinkludu provvisti li fuqhom tkun saret dovuta l-VAT matul perijodu ta’ żmien itwal minn xahar kalendarju. Artikolu 224 Jistgħu jitfasslu fatturi mill-klijent fir-rigward tal-provvista li ssirlu, minn persuna taxxabbli, ta’ merkanzija jew servizzi, fejn ikun hemm ftehim minn qabel bejn iż-żewġ partijiet u dment li tkun teżisti proċedura għall-aċċettazzjoni ta’ kull fattura mill-persuna taxxabbli li tkun qed tipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi. Stat Membru jista’ jirrikjedi li tali fatturi jinħarġu f’isem u għan-nom tal-persuna taxxabbli. Artikolu 225 L-Istati Membri jistgħu jimponu kondizzjonijiet speċifiċi fuq persuni taxxabbli f’każijiet fejn il-parti terza, jew il-klijent, li toħroġ il-fatturi tkun stabbilita f’pajjiż li miegħu ma jkun jeżisti l-ebda strument legali relatat ma’ assistenza reċiproka simili fl-iskop għal dak previst fid-Direttiva 2010/24/UE (*) u r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 (**). (*) Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1)." (**) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 tas-7 ta’ Ottubru 2003 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 264, 15.10.2003, p. 1).”;" |
(16) |
L-Artikolu 226 huwa emendat kif ġej:
|
(17) |
Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin: “Artikolu 226a Fejn il-fattura tinħareġ minn persuna taxxabbli, li mhix stabbilita fl-Istat Membru fejn it-taxxa hi dovuta jew li l-istabbiliment tagħha f’dak l-Istat Membru ma jintervjenix fil-provvista fis-sens tal-Artikolu 192a, u li tkun qed twettaq provvista ta’merkanzija jew servizzi lil klijent li hu obbligat iħallas il-VAT, il-persuna taxxabbli tista’ tħalli barra d-dettalji msemmijin fil-punti (8), (9) u (10) tal-Artikolu 226 u minflok tindika, b’referenza għall-kwantità u l-limitu tal-merkanzija jew tas-servizzi pprovduti u n-natura tagħhom, l-ammont taxxabbli ta’ dik il-merkanzija jew servizzi. Artikolu 226b Fir-rigward ta’ fatturi simplifikati maħruġin skont l-Artikoli 220a u 221(1) u (2), l-Istati Membri għandhom mill-inqas jeħtieġu d-dettalji li ġejjin:
Huma ma jistgħux jeħtieġu dettalji dwar il-fatturi ħlief dawk imsemmijin fl-Artikoli 226, 227 u 230.”; |
(18) |
L-Artikolu 228 huwa mħassar; |
(19) |
L-Artikolu 230 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 230 L-ammonti li jidhru fuq il-fattura jistgħu jkunu espressi f’kwalunkwe munita, dment li l-ammont ta’ VAT li jrid jitħallas jew li jrid jiġi aġġustat ikun espress fil-munita nazzjonali tal-Istat Membru, bl-użu tal-mekkaniżmu ta’ rata ta’ konverżjoni previst fl-Artikolu 91.”; |
(20) |
L-Artikolu 231 huwa mħassar; |
(21) |
L-intestatura tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XIhija sostitwita b’dan li ġej: “ ”; |
(22) |
L-Artikoli 232 u 233 huma sostitwiti b’dan li ġej: “Artikolu 232 L-użu ta’ fattura elettronika għandu jkun soġġett għall-aċċettazzjoni mir-riċevitur. Artikolu 233 1. L-awtentiċità tal-oriġini, l-integrità tal-kontenut u l-leġġibilità ta’ fattura, sew jekk fuq karta sew jekk elettronika, għandhom jiġu żgurati mill-mument tal-ħruġ sat-tmiem tal-perijodu għall-ħżin tal-fattura. Kull persuna taxxabbli għandha tiddetermina l-mod biex tiġi żgurata l-awtentiċità tal-oriġini, l-integrità tal-kontenut u l-leġġibilità tal-fattura. Dan jista’ jinkiseb bi kwalunkwe kontroll tan-negozju li joħloq rekord affidabbli tal-verifika bejn fattura u provvista ta’ merkanzija jew servizzi. “Awtentiċità tal-oriġini” tfisser l-assigurazzjoni tal-identità tal-fornitur jew l-emittent tal-fattura. “Integrità tal-kontenut” tfisser li l-kontenut meħtieġ skont din id-Direttiva ma nbidilx. 2. Barra minn permezz tat-tip ta’ kontrolli tan-negozju deskritti fil-paragrafu 1, dawn li ġejjin huma eżempji tat-teknoloġiji li jiżguraw l-awtentiċità tal-oriġini u l-integrità tal-kontenut ta’ fattura elettronika:
|
(23) |
L-Artikolu 234 huwa mħassar; |
(24) |
L-Artikoli 235, 236 u 237 huma sostitwiti b’dan li ġej: “Artikolu 235 L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet speċifiċi għal fatturi maħruġa b’mezzi elettroniċi fir-rigward ta’ merkanzija jew servizzi pprovduti fit-territorju tagħhom minn pajjiż li miegħu ma jeżisti l-ebda strument legali relatat ma’ għajnuna reċiproka simili fl-ambitu għal dak previst fid-Direttiva 2010/24/UE u fir-Regolament (KE) Nru 1798/2003. Artikolu 236 Fejn lottijiet li jkun fihom diversi fatturi jintbagħtu jew isiru disponibbli għall-istess riċevitur, id-dettalji li jkunu komuni għall-fatturi individwali jistgħu jkunu msemmija darba biss fejn, għal kull fattura, l-informazzjoni kollha tkun aċċessibbli. Artikolu 237 Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ valutazzjoni ġenerali, abbażi ta’ studju ekonomiku indipendenti, dwar l-impatt tar-regoli applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2013 dwar il-fatturazzjoni u b’mod partikolari dwar sa fejn effettivament waslu biex inaqqsu l-piżijiet amminsitrattivi għan-negozji, flimkien ma’, fejn meħtieġ, proposta adatta biex jiġu emendati r-regoli rilevanti.”; |
(25) |
L-Artikolu 238 huwa emendat kif ġej:
|
(26) |
L-Artikolu 243 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 243 1. Kull persuna taxxabbli għandha żżomm reġistru tal-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata minnha, jew f’isimha, lejn destinazzjoni barra t-territorju tal-Istat Membru tat-tluq iżda fil-Komunità għall-finijiet ta’ transazzjonijiet li jikkonsistu f’valutazzjonijiet ta’ dik il-merkanzija jew xogħol fuqha jew fl-użu temporanju tagħha kif imsemmi fil-punti (f), (g) u (h) tal-Artikolu 17(2). 2. Kull persuna taxxabbli għandha żżomm kontijiet dettaljati biżżejjed biex tkun tista’ tiġi identifikata l-merkanzija mibgħuta lilha minn Stat Membru ieħor, minn jew f’isem persuna taxxabbli identifikata għal finijiet ta’ VAT f’dak l-Istat Membru l-ieħor, u użati għal servizzi li jikkonsistu f’valutazzjonijiet ta’ dik il-merkanzija jew xogħol fuq dik il-merkanzija.”; |
(27) |
L-Artikolu 246 huwa mħassar; |
(28) |
Fl-Artikolu 247, il-paragrafi 2 u 3 huma mibdulin b’dan li ġej: “2. Sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 233 jkunu sodisfatti, l-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jeħtieġ li l-fatturi jinħażnu fil-forma oriġinali li fiha jkunu ntbagħtu jew saru disponibbli, sew jekk tkun karta sew jekk elettronika. Barra minn hekk, fil-każ ta’ fatturi li jinħażnu b’mezzi elettroniċi, l-Istat Membru jista’ jeħtieġ li d-data li tiggarantixxi l-awtentiċità tal-oriġini tal-fatturi u l-integrità tal-kontenut tagħhom, kif previst fl-Artikolu 233, tinħażen ukoll b’mezzi elettroniċi. 3. L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jistabbilixxi kondizzjonijiet speċifiċi li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-ħażna ta’ fatturi f’pajjiż li miegħu ma jkun jeżisti l-ebda strument legali relatat ma’ għajnuna reċiproka simili fl-ambitu għal dak previst fid-Direttiva 2010/24/UE u fir–Regolament (KE) Nru 1798/2003, jew għad-dritt imsemmi fl-Artikolu 249 ta’ aċċess b’mezzi elettroniċi, ta’ download u ta’ użu.”; |
(29) |
Fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 4 tat-Titolu XI, jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 248a Għal finijiet ta’ kontroll, u fir-rigward ta’ fatturi ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi forniti fit-territorju tagħhom u fatturi riċevuti minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri jistgħu, għal ċerti persuni taxxabbli jew ċerti każijiet, jitolbu traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu rekwiżit ġenerali li l-fatturi jiġu tradotti.”; |
(30) |
L-Artikolu 249 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 249 Għall-finijiet ta’ kontroll, meta persuna taxxabbli taħżen, b’mezzi elettroniċi li jiggarantixxu l-aċċess online għad-data kkonċernata, il-fatturi li toħroġ jew tirċievi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih din tkun stabbilita u, fejn il-VAT tkun dovuta fi Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess, ta’ download u ta’ użu ta’ dawk il-fatturi.”; |
(31) |
Fl-Artikolu 272(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “L-Istati Membri m’għandhomx jeżentaw lill-persuni taxxabbli msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu mill-obbligi tal-fatturazzjoni stabbiliti fit-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 u t-Taqsima 3 tal-Kapitolu 4.”. |
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2013.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
D. REYNDERS
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.