Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0802

    2010/802/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 21 ta’ Diċembru 2010 li teżenta ċerti każijiet ta’ irregolarità li ġejjin minn operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 mir-rekwiżiti ta’ rappurtar speċjali stipulati mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 u mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/94 (notifikata bid-dokument numru C(2010) 9244)

    ĠU L 341, 23.12.2010, p. 49–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/802/oj

    23.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 341/49


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-21 ta’ Diċembru 2010

    li teżenta ċerti każijiet ta’ irregolarità li ġejjin minn operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 mir-rekwiżiti ta’ rappurtar speċjali stipulati mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 u mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/94

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 9244)

    (2010/802/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 70(3) u 105(1) tiegħu; u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (2), u partikolarment l-Artikolu 103(3) tiegħu; u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 74(4) u 92 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-qafas ġuridiku għall-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), it-Taqsima tal-Gwida, l-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd (minn hawn ‘il quddiem “il-Fondi Strutturali”) u għall-Fond ta’ Koeżjoni huwa fil-biċċa l-kbira stabbilit għalkemm kien suġġett għal aġġustamenti frekwenti. Il-programmazzjoni tinvolvi t-tħejjija tal-pjanijiet ta’ żvilupp multiannwali f’bosta stadji, b’kull stadju jikkostitwixxi perjodu ta’ seba’ snin. Kull perjodu ta’ programmazzjoni huwa rregolat minn sett ta’ Regolamenti individwali li jkunu bbażati fuq l-istess prinċipji ġenerali imma jintroduċu ċerti regoli ġodda maħsuba speċifikatament għall-perjodu ta’ programmazzjoni kkonċernat. Id-dispożizzjonijiet rilevanti li jirregolaw il-programm ta’ programmazzjoni 2007-2013 huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 tat-8 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (4), ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 u r-Regolament TAL-Kummissjoni (KE) Nru 498/2007 tas-26 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (5), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 tal-14 ta’ Diċembru 2006 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta’ somom ta’ flus imħallsa bi żball b’konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91 (6), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1975/2006 tas-7 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll kif ukoll il-konformità reċiproka rigward il-miżuri ta’ sostenn għall-iżvilupp rurali (7).

    (2)

    Id-dispożizzjonijiet rilevanti li jirregolaw il-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006 huma stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (8) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 tas-16 ta’ Mejju 1994 li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni (9). Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1681/94 tal-11 ta’ Lulju 1994 dwar irregolaritajiet u l-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa ħażin in konnessjoni mal-finanzjament tal-politika strutturali u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam (10) u r-Regolament tal-Kummissijoni (KE) Nru 1831/94 tas-26 ta’ Lulju 1994 dwar irregolaritajiet u l-irkupru ta’ flus imħallsa ħażin inkonnessjoni mal-iffinanzjar tal-Fond ta’ Koeżjoni u l-organizzazzjoni ta’ kull sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam (11) stabbilixxew regoli dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta’ somom imħallsa li ma kellhomx jitħallsu b’konnessjoni mal-finanzjament tal-politiki tal-Fondi, u li applikaw għal dak il-perjodu ta’ programmazzjoni. Dawk ir-Regolamenti stabbilixxew rekwiżiti ta’ rappurtar f’każ ta’ sejba ta’ irregolaritajiet. Dawk ir-rekwiżiti rriżultaw f’piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

    (3)

    Bis-saħħa tal-Artikolu 28(1) tal-Protokoll dwar il-kondizzjonijiet u l-arranġamenti għall-ammissjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija fl-Unjoni Ewropea (12), il-miżuri li dakinhar tal-adeżjoni kienu suġġetti għall-għajnuna skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1267/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi kull Strument għal Politika Strutturali għal Qabel l-adeżjoni (13) (ISPA) u li sa dakinhar kienu għadhom ma tlestewx jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 u d-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw l-implimentazzjoni tal-miżuri approvati skont ir-Regolament imsemmi l-aħħar japplikaw għal dawk il-miżuri. Rigward proġetti li kienu tal-ISPA, din id-Deċiżjoni għandha għalhekk tkun indirizzata wkoll lill-Bulgarija u r-Rumanija.

    (4)

    Għaldaqstant, sabiex jitnaqqas il-piż impost fuq l-Istati Membri u tittejjeb l-effiċjenza, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 kien emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2035/2005 (14) u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/94 kien emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2168/2005 (15) ħalli, għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006, l-Istati Membri ma jkollhomx bżonn jirrappurtaw każijiet fejn l-irregolarità tkun tikkonsisti unikament min-nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali jew totali ta’ operazzjoni kofinanzjata mill-baġit tal-Unjoni minħabba l-falliment tal-benefiċjarju aħħari jew ir-riċevitur aħħari u li ma jinvolvux irregolaritajiet oħra qabel il-falliment jew frodi ssuspettata (minn hawn ‘il quddiem “fallimenti sempliċi”).

    (5)

    Filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 1681/94 kif emendat u r-Regolament (KE) Nru 1831/94 kif emendat issemplifikaw is-sistema ta’ rappurtar eżistenti, is-semplifikazzjonijiet introdotti ma ġewx estiżi għar-rekwiżit li għandu x’jaqsam mat-tressiq tar-rapport speċjali msemmi fl-Artikolu 5(2) taż-żewġ Regolamenti. L-esperjenza miksuba fit-trattament ta’ irregolaritajiet irrappurtati, u l-eżami tar-rapporti speċjali mibgħuta, b’mod partikolari għall-perjodu ta’ programmazzjoni 1994-1999, uriet li l-piż amministrattiv għall-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) taż-żewġ Regolamenti għal fallimenti sempliċi huwa sproporzjonat, peress li huwa improbabbli ħafna li n-nuqqas ta’ rkupru f’dawn il-każijiet ikun it-tort tal-awtoritajiet tal-Istat Membru jew ġej minn negliġenza min-naħa tagħhom.

    (6)

    Għalhekk sabiex l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 kif emendat u r-Regolament (KE) Nru 1831/94 kif emendat jingħataw effett sħiħ, huwa xieraq li dik is-semplifikazzjoni tiġi estiża għar-rekwiżit li jintbagħat rapport speċjali skont l-Artikolu 5(2) taż-żewġ Regolamenti ħalli l-Istati Membri li qed jibbenefikaw mis-semplifikazzjoni stipulata fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dawk ir-Regolamenti jibbenefikaw ugwalment mis-semplifikazzjoni tar-rekwiżit tar-rapport skont l-Artikolu 5(2).

    (7)

    Filwaqt li l-qafas ġuridiku li jirregola l-Fondi Strutturali kif ukoll il-Fond ta’ Koeżjoni u l-użu irregolari tiegħu huwa identifikabbli b’mod ċar mill-perjodu ta’ programmazzjoni, l-identifikazzjoni ta’ rekwiżiti amministrattivi sproporzjonati fis-sistema ta’ rappurtar stabbilita hija possibbli biss mal-għeluq ta’ perjodu ta’ programmazzjoni partikolari. Għalhekk, sabiex tiġi effettivament ivvalutata u mtejba s-sistema ta’ rappurtar, kien hemm bżonn ta’ ċertu perjodu ta’ żmien.

    (8)

    Sforzi ulterjuri biex jiġu ssemplifikati l-obbligi ta’ rappurtar ġew introdotti mir-Regolament (KE) Nru 2035/2005 u mir-Regolament (KE) Nru 2168/2005 li jemenda rispettivament, ir-Regolament (KE) Nru 1681/94 u r-Regolament (KE) Nru 1831/94. B’mod partikolari, il-limitu ta’ rappurtar stipulat kemm fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 kif ukoll fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/94 tela’ minn EUR 4 000 għal EUR 10 000. Minħabba l-perjodu qasir taż-żmien bejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 2035/2005 u r-Regolament (KE) Nru 2168/2005 u tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006, madankollu, is-semplifikazzjoni maħsuba tas-sistema ta’ rappurtar ma setgħetx tintlaħaq kompletament għal dak il-perjodu ta’ programmazzjoni, u b’hekk jitlob l-eliminazzjoni tal-obbligi ta’ rappurtar għal każijiet li jinvolvu ammont ta’ inqas minn EUR 10 000 li kienu nnotifikati qabel it-28 ta’ Frar 2006.

    (9)

    Għal raġunijiet ta’ trattament indaqs, għalhekk, l-obbligi ta’ rappurtar kollha fir-rigward tal-użu irregolari tal-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għandu jibbenefika mil-limitu kif mgħolli u s-semplifikazzjoni maħsuba tas-sistema ta’ rappurtar introdotta mir-Regolament (KE) Nru 1681/94 kif emendat u r-Regolament (KE) Nru 1831/94 kif emendat.

    (10)

    Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-obbligu biex l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jirkupraw l-ammonti mħallsa b’mod mhux dovut u jagħtu rendikont lill-Kummissjoni għall-ammonti li ġew irkuprati.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Koordinament tal-Fondi, il-Kumitat għall-Fond tas-Sajd Ewropew u l-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fir-rigward tal-irregolaritajiet li jiġu mill-operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006, l-Istati Membri m’għandhomx ikollhom jibagħtu r-rapporti li ġejjin:

    (a)

    rapporti speċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 u r-Regolament (KE) Nru 1831/94 f’każijiet ta’ falliment sempliċi msemmi fl-ewwel inċiż tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dawk ir-Regolamenti sakemm ma jintalbux espressament mill-Kummissjoni;

    (b)

    rapporti skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1681/94 u r-Regolament (KE) Nru 1831/94 f’każijiet li jinvolvu ammont ta’ inqas minn EUR 10 000 sakemm ma jintalbux espressament mill-Kummissjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2010.

    Għall-Kummissjoni

    Johannes HAHN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

    (2)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

    (3)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

    (4)  ĠU L 371, 27.12.2006, p. 1.

    (5)  ĠU L 120, 10.5.2007, p. 1.

    (6)  ĠU L 355, 15.12.2006, p. 56.

    (7)  ĠU L 368, 23.12.2006, p. 74.

    (8)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1.

    (9)  ĠU L 130, 25.5.1994, p. 1.

    (10)  ĠU L 178, 12.7.1994, p. 43.

    (11)  ĠU L 191, 27.7.1994, p. 9.

    (12)  ĠU L 157, 21.6.2005, p. 29.

    (13)  ĠU L 161, 26.6.1999, p. 73.

    (14)  ĠU L 328, 15.12.2005, p. 8.

    (15)  ĠU L 345, 28.12.2005, p. 15.


    Top