EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0718

2010/718/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad- 29 ta’ Ottubru 2010 li timmodifika l-istatus tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea

ĠU L 325, 9.12.2010, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/718/oj

9.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 325/4


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW

tad-29 ta’ Ottubru 2010

li timmodifika l-istatus tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea

(2010/718/UE)

IL-KUNSILL EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 355(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Franċiża,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti lill-Kunsill Ewropew, fuq l-inizjattiva tal-Istat Membru kkonċernat, li jadotta, b’unanimità u wara li jikkonsulta mal-Kummissjoni, deċiżjoni li timmodifika l-istatus fir-rigward tal-Unjoni, ta’ pajjiż jew territorju Daniż, Franċiż jew Olandiż imsemmi fl-Artikolu 355(1) u (2).

(2)

Permezz ta’ ittra mill-President tagħha bid-data tat-30 ta’ Ġunju 2010, ir-Repubblika Franċiża (minn hawn ’il quddiem imsejħa “Franza”) talbet lill-Kunsill Ewropew biex jieħu din id-deċiżjoni fir-rigward tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy li hija msemmija fl-Artikolu 355(1) tat-TFUE. Franza titlob li l-istatus ta’ din il-gżira jinbidel minn dak ta’ reġjun l-aktar ’il bogħod, kopert mill-Artikolu 349 tat-TFUE, għal dak ta’ pajjiż u territorju extra-Ewropew, previst fil-Parti IV tat-TFUE.

(3)

It-talba ta’ Franza tirrifletti r-rieda li ntweriet mir-rappreżentanti eletti tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy, li hija kollettività extra-Ewropea fi ħdan ir-Repubblika Franċiża, irregolata mill-Artikolu 74 tal-Kostituzzjoni Franċiża u awtonoma, li jinkiseb status fir-rigward tal-Unjoni li jkun aktar adatt għal dak li hija għandha permezz tal-liġi interna, b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni fiżikament imbiegħda tagħha mill-metropoli, tal-ekonomija insulari u ċkejkna tagħha, orjentata biss lejn it-turiżmu u ffaċċjata b’diffikultajiet konkreti ta’ forniment ta’ provvisti li jikkawżaw diffikultajiet fl-applikazzjoni ta’ xi wħud mill-istandards tal-Unjoni.

(4)

Franza ħadet l-impenn biex tikkonkludi l-ftehimiet meħtieġa dment li fl-okkażjoni ta’ tali evoluzzjoni l-interessi tal-Unjoni jiġu ppreżervati. Tali ftehimiet għandhom jikkonċernaw, min-naħa waħda, il-kwistjoni monetarja, dment li Franza għandha l-intenzjoni li tikkonserva kemm l-euro kif ukoll il-munita unika ta’ Saint-Barthélemy u li jkun adatt li jkun żgurat li tinżamm l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-oqsma essenzjali tal-funzjonament tajjeb tal-Unjoni ekonomika u monetarja. Huma għandhom jikkonċernaw, min-naħa l-oħra, il-fiskalità u jimmiraw li jiggarantixxu li l-mekkaniżmi tad-Direttiva 77/799/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni ta’ premiums tal-assigurazzjoni (1) u d-Direttiva 2003/48/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta’ riżervi fuq id-dħul fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (2), immirati b’mod partikolari lejn il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali transkonfinali, ser jiġu applikati wkoll fil-futur fit-territorju ta’ Saint-Barthélemy. Iċ-ċittadini ta’ Saint-Barthélemy għandhom jibqgħu ċittadini tal-Unjoni u jgawdu l-istess drittijiet u libertajiet fl-Unjoni bħaċ-ċittadini Franċiżi oħrajn, hekk kif iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandhom ikomplu jibbenefikaw mill-istess drittijiet u libertajiet f’Saint-Barthélemy bħal ma jagħmlu attwalment.

(5)

Għalhekk, il-bidla fl-istatus fir-rigward tal-Unjoni tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy, bħar-rispons għal talba espressa demokratikament mir-rappreżentanti eletti tagħha, ma għandhiex timmina l-interessi tal-Unjoni u għandha tikkostitwixxi pass konsistenti mal-aċċess tal-gżira għal status awtonomu skont il-liġi nazzjonali,

ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Mill-1 ta’ Jannar 2012, il-gżira ta’ Saint-Barthélemy ma għandhiex tibqa’ reġjun l-aktar ’il bogħod tal-Unjoni u għandu jkollha l-istatus ta’ pajjiż u territorju extra-Ewropew assoċjat previst fil-Parti IV tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Artikolu 2

Konsegwentement, it-TFUE huwa modifikat kif ġej:

1.

fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 349, għandhom jitħassru l-kliem “ta’ Saint-Barthélemy”;

2.

fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 355, għandhom jitħassru l-kliem “għal Saint-Barthélemy”;

3.

fl-Anness II, għandu jiddaħħal inċiż, bejn dak li jikkonċerna lil Saint Pierre u Miquelon u dak li jikkonċerna lill-Aruba, u għandu jaqra kif ġej:

“—

Saint-Barthélemy,”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Magħmul fi, Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kunsill Ewropew

Il-President

H. VAN ROMPUY


(1)  ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15.

(2)  ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38.


Top