Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R1293

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1293/2009 tat- 23 ta' Diċembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 32 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 347, 24.12.2009, p. 23–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1293/oj

    24.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 347/23


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1293/2009

    tat-23 ta' Diċembru 2009

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 32

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

    (2)

    Fit-8 ta’ Ottubru 2009, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) ppubblika emenda għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 32 Strumenti finanzjarji: preżentazzjoni – Klassifikazzjoni tal-Ħruġ ta' Drittijiet, minn issa 'l quddiem “l-emenda għall-IAS 32”. L-emenda għall-IAS 32 tiċċara kif jitqiesu ċerti drittijiet meta l-istrumenti maħruġa jkunu ddenominati f'munita differenti mill-munita funzjonali tal-emittent. Jekk dawn l-istrumenti jinħarġu pro rata lill-azzjonisti eżistenti tal-emittent għal ammont fiss ta' flus, dawn għandhom jiġu kklasifikati bħala ekwità anke jekk il-prezz tal-eżerċitar tagħhom ikun iddenominat f'munita differenti mill-munita funzjonali tal-emittent.

    (3)

    Il-konsultazzjoni mal-Grupp Tekniku ta’ Esperti (TEG) tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG) tikkonferma li l-emenda għall-IAS 32 tissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 505/2006 tal-14 ta' Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi fil-qasam tal-kontabilità biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtralità tal-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja (EFRAG) (3), il-Grupp Konsultattiv dwar ir-Reviżjoni tal-Istandards qies l-opinjoni tal-EFRAG dwar l-adozzjoni u ta' parir lill-Kummissjoni li din hija bbilanċata kif xieraq u oġġettiva.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (5)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008, l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 32 Strumenti finanzjarji: preżentazzjoni huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Kull kumpanija għandha tapplika l-emenda għall-IAS 32, kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament, mhux aktar tard, mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda wara l-31 ta’ Jannar 2010.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, it-23 ta’ Diċembru 2009.

    Għall-Kummissjoni

    José Manuel BARROSO

    Il-President


    (1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.

    (3)  ĠU L 199, 21.7.2006, p. 33.


    ANNESS

    STANDARDS INTERNAZZJONALI TAL-KONTABILITÀ

    IAS 32

    Emenda għall-IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni

    “Riproduzzjoni permessa fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti riżervati barra miż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' riproduzzjoni għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta' kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-IASB fuq www.iasb.org”

    KLASSIFIKAZZJONI TAL-ĦRUĠ TAL-ISHMA BI DRITT

    Emenda għall-IAS 32

    Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni

    Ġew emendati l-paragrafi 11 u 16. Żdied il-paragrafu 97E.

    DEFINIZZJONIJIET (ARA WKOLL IL-PARAGRAFI AG3–AG23)

    11

    It-termini li ġejjin jintużaw f'dan l-Istandard bit-tifsiriet speċifikati:

    Obbligazzjoni finanzjarja hija kwalunkwe obbligazzjoni li tkun:

    (a)

    (b)

    kuntratt li ser jew li jista' jissalda bl-istrumenti azzjonarji tal-entità stess u li huwa:

    (i)

    mhux derivat li għalih l-entità għandha jew jista' jkollha l-obbligu li tagħti għadd varjabbli tal-istrumenti azzjonarji tagħha stess; jew

    (ii)

    derivat li ser jew li jista' jissalda ħlief bl-iskambju ta' ammont fiss ta' flus jew assi finanzjarji oħra għal għadd fiss ta' strumenti azzjonarji tal-entità stess.Għall-finijiet ta' dan, id-drittijiet, l-għażliet jew iċ-ċertifikati sabiex jinkiseb għadd fiss ta' strumenti azzjonarji tal-entità stess għal ammont fiss ta' kwalunkwe kambju huma strumenti azzjonarji jekk l-entità toffri drittijiet, għażliet jew ċertifikati pro-rata lis-sidien eżistenti kollha li jinsabu fl-istess klassi tal-istrumenti azzjonarji mhux derivati tagħha.Ukoll għal dawn il-finijiet, l-istrumenti azzjonarji tal-entita' stess …

    PREŻENTAZZJONI

    Liabilities and equity (see also paragraphs AG13–AG14J and AG25–AG29A)

    16

    Meta l-emittent japplika d-definizzjonijiet fil-paragrafu 11 sabiex jiffissa jekk strument finanzjarju huwiex strument azzjonarju iktar milli responsabbiltà finanzjarja, l-istrument huwa strument azzjonarju jekk, u jekk biss, iż-żewġ kondizzjonijiet (a) u (b) li jinsabu hawn taħt ikunu ġew issodisfati.

    (a)

    (b)

    Jekk l-istrument ser jew jista' jissalda fl-istrumenti azzjonarji tal-emittent stess, huwa:

    (i)

    mhux derivat li ma jinkludi l-ebda obbligazzjoni kuntrattwali għall-emittent sabiex jagħti għadd varjabbli ta' strumenti azzjonarji tiegħu stess; jew

    (ii)

    derivat li ser jew li jista' jissalda biss billi l-emittent jagħmel skambju ta' ammont fiss ta' flus kontanti jew ta' assi finanzjarji oħra għal għadd fiss ta' strumenti azzjonarji tiegħu stess. Għall-finijiet ta' dan, id-drittijiet, l-għażliet jew iċ-ċertifikati sabiex jinkiseb għadd fiss ta' strumenti azzjonarji tal-entità stess għal ammont fiss ta' kwalunkwe kambju huma strumenti azzjonarji jekk l-entità toffri drittijiet, għażliet jew ċertifikati pro-rata lis-sidien eżistenti kollha li jinsabu fl-istess klassi tal-istrumenti azzjonarji mhux derivati. Ukoll, għal dawn il-finijiet, l-istrumenti azzjonarji tal-emittent stess ma jinkludux strumenti li għandhom il-fatturi kollha u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha deskritti fil-paragrafi 16A u 16B jew il-paragrafi 16C u 16D, jew l-istrumenti li huma kuntratti għall-għoti jew riċeviment fil-futur tal-istrumenti azzjonarji tal-emittent stess.

    Obbligu kuntrattwali …

    DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

    97E

    Il-paragrafi 11 u 16 ġew emendati permezz tal-Klassifikazzjoni tal-Ħruġ tal-Ishma bi Dritt maħruġa f'Ottubru 2009. Entità għandha tapplika dik l-emenda għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Frar 2010 jew wara. Applikazzjoni minn qabel hija permessa. Jekk entità tapplika l-emendi għal perjodu minn qabel, għandha tiżvela dan il-fatt.


    Top