Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0022

    Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (Verżjoni kodifikata) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/06/2023; Imħassar b' 32020L1828

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/22/oj

    1.5.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 110/30


    DIRETTIVA 2009/22/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-23 ta’ April 2009

    dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi

    (Verżjoni kodifikata)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Mixjin skont il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

    (2)

    Ċerti Direttivi, elenkati fl-iskeda tal-Aness I ma’ din id-Direttiva, jistipulaw regoli rigward il-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi.

    (3)

    Il-mekkaniżmi kurrenti disponibbli, li jintużaw biex jiżguraw il-konformità ma’ dawk id-Direttivi, sew fil-livell nazzjonali u sew f’dak tal-Komunità, mhux dejjem jippermettu li ksur ta’ liġijiet li jagħmlu l-ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi jitwaqqfu f’waqthom. L-interessi kollettivi jfissru interessi li ma jinkludux l-akkumulazzjoni ta’ interessi ta’ individwi li ġralhom xi ħsara minħabba ksur ta’ liġi. Din hija mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet individwali li jsiru minn individwi li ġralhom il-ħsara minħabba ksur ta’ liġi.

    (4)

    Safejn hu konċernat l-għan li jġib it-twaqqif ta’ prattiċi li huma kontra l-liġi fid-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, l-effettività ta’ miżuri nazzjonali li jieħdu post id-Direttivi ta’ hawn fuq li jinkludu miżuri protettivi li jmorru ’l hinn mill-livell meħtieġ minn dawk id-Direttivi, sakemm huma kompatibbli mat-Trattat u permessi minn dawk id-Direttivi, jistgħu ma jitħallewx isiru fejn dawk il-prattiċi jipproduċu effetti fi Stat Membru differenti minn dak li oriġinaw fih.

    (5)

    Dawk id-diffikultajiet jistgħu jfixklu l-ħidma tajba tas-suq intern, il-konsegwenza tagħhom tkun li huwa biżżejjed li s-sors ta’ prattika kontra l-liġi jitressaq għal pajjiż ieħor sabiex din titqiegħed ’il bogħod minn kull forma ta’ inforzament. Dan jikkostitwixxi tfixkil għall-kompetizzjoni.

    (6)

    Dawk id-diffikultajiet x’aktarx inaqqsu l-fiduċja tal-konsumatur fis-suq intern u jistgħu jillimitaw l-iskop għall-azzjoni minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi kollettivi tal-konsumaturi jew korpi pubbliċi indipendenti responsabbli biex jipproteġu l-interessi kollettivi tal-konsumaturi, li jkunu affetwati ħażin mill-prattiċi li jiksru l-liġi tal-Komunità.

    (7)

    Dawk il-prattiċi ħafna drabi jestendu lil hinn mill-fruntieri bejn l-Istati Membri. Hemm bżonn urġenti għal ċertu grad ta’ approssimazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ddisinjati sabiex jiġi ordnat it-twaqqif tal-prattiċi kontra l-liġi msemmijin hawn fuq irrispettivament mill-Istat Membru li fih il-prattika kontra l-liġi produċiet l-effetti tagħha. Rigward il-ġurisdizzjoni, l-azzjoni prevista hija mingħajr preġudizzju għar-regoli għad-dritt privat internazzjonali u l-Konvenzjonijiet fis-seħħ bejn l-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta l-obbligi ġenerali tal-Istati Membri li joħorġu mit-Trattat, b’mod partikolari dawk relatati mal-ħidma tajba tas-suq intern.

    (8)

    L-għanijiet tal-azzjoni prevista jistgħu jinkisbu biss mill-Komunità. Huwa b’hekk id-dmir tal-Komunità li taġixxi.

    (9)

    It-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tat-Trattat iqiegħed responsabbilita fuq il-Komunità li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet tat-Trattat. F’konformità ma’ dak l-Artikolu, il-fatturi speċifiċi tas-sistemi legali nazzjonali għandhom jiġu kkunsidrati safejn ikun possibbli, billi l-Istati Membri jitħallew ħielsa sabiex jagħżlu l-għażliet differenti li għandhom effett ekwivalenti. Il-qrati jew awtoritajiet amministrattivi kompetenti biex jirregolaw il-proċeduri li ssir riferenza għalihom f’din id-Direttiva għandhom ikollhom id-dritt li jeżaminaw l-effetti tad-deċiżjonijiet li ttieħdu qabel.

    (10)

    Għażla waħda għandha tikkonsisti fl-obbligu li korp pubbliku indipendenti jew aktar, responsabbli speċifikament għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, jeżerċita d-drittijiet ta’ azzjonijiet ippreżentati f’din id-Direttiva. Għażla oħra għandha tipprovdi għall-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet minn organizzazzjonijiet li l-għan tagħhom hu li jipproteġu l-interessi kollettivi tal-konsumatur, f’konformità mal-kriterji stipulati mil-liġi nazzjonali.

    (11)

    L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu bejn jew jikkombinaw dawn iż-żewġ għażliet meta jinnominaw il-korpi u/jew organizzazzjonjijiet ikkwalifikati għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva fil-livell nazzjonali.

    (12)

    Għall-għanijiet tal-ġlieda kontra l- ksur intrakomunitarju, il-prinċipju ta’ għarfien mutwali għandu japplika għal dawk il-korpi u/jew organizzazzjonijiet. L-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-entitajiet nazzjonali tagħhom, jibgħatu lill-Kummissjoni l-isem u l-għan tal-entitajiet nazzjonali tagħhom li huma kwalifikati li jieħdu azzjoni f’pajjiżhom stess skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

    (13)

    Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiżgura l-pubblikazzjoni ta’ lista ta’ dawn l-entitajiet kwalifikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sakemm tkun ippublikata stqarrija għall-kuntrarju, entità kwalifikata tkun preżunta li għandha kapaċità legali jekk isimha tidher f’dik il-lista.

    (14)

    L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeħtieġu li ssir konsultazzjoni minn qabel mill-parti li jkollha l-ħsieb li tressaq azzjoni għal inġunzjoni, sabiex jagħtu lill-akkużat opportunità li jwaqqaf il-ksur tal-liġi kontestat. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeħtieġu li din il-konsultazzjoni minn qabel issir flimkien ma’ korp pubbliku indipendenti maħtur minn dawk l-Istati Membri.

    (15)

    Meta l-Istati Membri jkunu stabbilew li għandu jkun hemm konsultazzjoni minn qabel, għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien ta’ ġimgħatejn wara li tkun riċevuta t-talba għall-konsultazzjoni, wara liema, jekk ma jinkisibx it-twaqqif tal-ksur tal-liġi, l-applikant għandu jkun intitolat li jġib azzjoni, mingħajr ebda dewmien żejjed, quddiem il-qorti jew awtorità amminstrattiva kompetenti.

    (16)

    Huwa xieraq li l-Kummissjoni tippreżenta rapport fuq il-ħidma ta’ din id-Direttiva u, b’mod partikolari, dwar l-ambitu u dwar l-ħidma tal-konsultazzjoni minn qabel tagħha.

    (17)

    L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni tar-regoli tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni.

    (18)

    Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-trażpożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness II, Parti B,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati ma’ azzjonijiet għal inġunzjoni li ssir riferenza għalihom fl-Artikolu 2 immirati lejn il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi inklużi fid-Direttivi elenkati fl-Anness I, bil-għan li tkun żgurata l-ħidma t-tajba tas-suq intern.

    2.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ksur għandu jfisser kull att kuntrarju tad-Direttivi elenkati fl-Anness I li jinbidlu bl-ordni legali interna tal-Istati Membri li jagħmlu l-ħsara lill-interessi kollettivi li saret riferenza għalihom fil-paragrafu 1.

    Artikolu 2

    Azzjonijiet għal inġunzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw il-qrati jew awtoritajiet amministrattivi kompetenti li jirregolaw l-proċeduri li jinbdew minn entitajiet kwalifikati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3 li jfittxu:

    (a)

    li jwaqqfu jew jimpedixxu kwalunkwe ksur, bil-ħeffa kollha meħtieġa, fejn xieraq permezz ta’ proċedura sommarja;

    (b)

    fejn ikun il-każ, li jiksbu miżuri bħalma huma l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, kollha kemm hi jew parti minnha, fit-tali forma li tinftiehem li hi adegwata u/jew il-pubblikazzjoni ta’ stqarrija korrettiva bil-għan li jiġu eleminati l-effetti kontinwi tal-ksur;

    (c)

    safejn tippermetti s-sistema legali tal-Istat Membru konċernat, li jikkundannaw lill-konvenut telliefi għall-ħlasijiet għal ġewwa l-erarju pubbliku jew għal kull benefikant nominat jew previst fil- jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali, fl-eventwalità ta’ nuqqas li jikkonforma mad-deċiżjoni f’limitu ta’ żmien speċifikat mill-qrati jew awtoritajiet amministrattivi, ta’ ammont fiss għal kull ġurnata ta’ dewmien jew kull ammont ieħor li hemm provdut għalih fil-leġislazzjoni nazzjonali bil-għan li tkun żgurata l-konformità mad-deċiżjonijiet.

    2.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli tad-dritt privat internazzjonali, b’rispett għal-liġi applikabbli, jiġifieri, normalment, jew il-liġi tal-Istat Membru fejn oriġina l-ksur jew tal-liġi tal-Istat Membru fejn il-ksur ikun ħalla l-effetti tiegħu.

    Artikolu 3

    Entitajiet kwalifikati sabiex jieħdu azzjoni

    Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, “entità kwalifikata” tfisser kull korp jew organizzazzjoni li, filwaqt li huwa debitament kostitwit skont il-liġi ta’ Stat Membru, għandu interess leġittimu li jiżgura li d-dispożizzjonijiet li saret riferenza għalihom fl-Artikolu 1 ikunu rrispettati, b’mod partikolari:

    (a)

    korp jew aktar indipendenti, speċifikament responsabbli biex jipproteġġi l-interessi li saret riferenza għalihom fl-Artikolu 1, fl-Istati Membri fejn jeżistu dawn il-korpi; u/jew

    (b)

    organizzazzjonijiet li l-għan tagħhom hu li jipproteġu l-interessi li saret riferenza għalihom fl-Artikolu 1, f’konformità mal-kriterji stipulati mill-liġi nazzjonali.

    Artikolu 4

    Ksur intra-Komunitarju

    1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li, fl-eventwalità ta’ ksur li joriġina f’dak l-Istat Membru, kull entità kwalifikata minn Stat Membru ieħor fejn l-interessi protetti minn dik l-entità kwalifikata huma effettwati mill-ksur, jista’ jġib quddiem il-qorti jew l-awtorità amministrattiva li saret riferenza għaliha fl-Artikolu 2, fuq preżentazzjoni tal-lista li hemm provdut għaliha fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi għandhom jaċċettaw din il-lista bħala prova tal-kapaċità legali tal-entità kwalifikata mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li jeżaminaw jekk l-għan tal-entità kwalifikata jiġġustifikax il-fatt li qed tieħu azzjoni f’każ speċifiku.

    2.   Għall-għanijiet tal-ksur ta’ liġi intra-Komunitarju, u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet mogħtija lill-entitajiet oħra fil-leġislazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri għandhom, fuq talba tal-entitajiet kwalifikati tagħhom, jikkommunikaw lill-Kummissjoni li dawn l-entitajiet huma kwalifikati li jieħdu azzjoni skont l-Artikolu 2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-isem u l-għan ta’ dawn l-entitajiet kwalifikati.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel lista tal-entitajiet kwalifikati li saret riferenza għalihom fil-paragrafu 2, bl-ispeċifikazzjoni tal-għan tagħhom. Din il-lista għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; tibdiliet lil din il-lista għandhom ikunu pubblikati mingħajr dewmien, u l-lista aġġornata għandha tkun ippubblikata kull sitt xhur.

    Artikolu 5

    Konsultazzjoni minn qabel

    1.   L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet li bihom il-parti li tixtieq tfittex inġunzjoni tista’ tibda din il-proċedura biss wara li tkun ipprovat tikseb il-waqfien tal-ksur f’konsultazzjoni jew mal-akkużat jew sew mal-akkużat kif ukoll ma’ entità kwalifikata skont it-tifsira tal-Artikolu 3(a) tal-Istat Membru li fih hija mfittxija l-inġunzjoni. Għandu jitħalla għall-Istati Membri li jiddeċidu jekk il-parti li qiegħdha tfittex l-inġunzjoni għandhiex tikkonsulta l-entità kwalifikata. Jekk il-waqfien tal-ksur ma jinkisibx fi żmien ġimgħatejn wara li tkun riċevuta t-talba għall-konsultazzjoni, il-parti konċernata tista’ ġġib azzjoni għall-inġunzjoni mingħajr aktar dewmien.

    2.   Ir-regoli li jirregolaw il-konsultazzjoni minn qabel adottati mill-Istati Membri għandhom ikunu innotifikati lill-Kummissjoni u għandhom ikunu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 6

    Rapporti

    1.   Kull tlett snin u għall-ewwel darba mhux aktar tard mit-2 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    2.   Fl-ewwel rapport tagħha l-Kummissjoni għandha teżamina b’mod partikolari:

    (a)

    l-iskop ta’ din id-Direttiva f’relazzjoni mal-protezzjoni tal-interessi kollettivi ta’ persuni li jeżerċitaw attività kummerċjali, industrijali, sengħa jew professjonali;

    (b)

    l-iskop ta’ din id-Direttiva kif inhu determinat mid-Direttivi elenkati fl-Anness I;

    (c)

    jekk il-konsultazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 5 ikkontribwixxietx għall-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi.

    Fejn xieraq, dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti bil-għan li tkun emendata din id-Direttiva.

    Artikolu 7

    Dispożizzjoni għal azzjoni aktar wiesgħa

    Din id-Direttiva m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iddisinjati li jagħtu lill-entitajiet kwalifikati jew kull persuna oħra konċernata aktar drittijiet estensivi biex iressqu l-azzjoni f’livell nazzjonali.

    Artikolu 8

    Implimentazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 9

    Tħassir

    Id-Direttiva 98/27/KE, kif emendata mid-Direttivi mniżżla fl-Anness II, Parti A, hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u applikazzjoni tad-Direttivi, mniżżla fl-Anness II, Parti B.

    Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-29 ta’ Diċembru 2009.

    Artikolu 11

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Strasburgu, 23 ta’ April 2009.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. NEČAS


    (1)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 39.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Ġunju 2007 (ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 73) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 2009.

    (3)  ĠU L 166, 11.6.1998, p. 51.

    (4)  Ara l-Anness II, Parti A.


    ANNESS I

    LISTA TAD-DIRETTIVI KOPERTI MILL-ARTIKOLU 1  (1)

    1.

    Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (ĠU L 372, 31.12.1985, p. 31).

    2.

    Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1986 għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU L 42, 12.2.1987, p. 48) (2).

    3.

    Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni: L-Artikoli 10 sa 21 (ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23).

    4.

    Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59).

    5.

    Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’ kuntratti mal- konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

    6.

    Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19).

    7.

    Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12).

    8.

    Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

    9.

    Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem: Artikoli 86 sa 100 (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67).

    10.

    Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji tal-konsumatur (ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16).

    11.

    Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

    12.

    Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

    13.

    Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju (ĠU L 33, 3.2.2009, p. 10).


    (1)  Direttivi Nri 5, 6, 9 u 11 jikkontjenu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar inġunzjonijiet.

    (2)  Id-Direttiva msemmija ġiet imħassra u sostitwita mid-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66) b’effett mit-12 ta’ Mejju 2010.


    ANNESS II

    PARTI A

    Direttiva mħassra flimkien mal-emendamenti suċċessivi tagħha

    (imsemmi fl-Artikolu 9)

    Direttiva 98/27/KE Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 51).

     

    Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12).

    biss fir-rigward tal-Artikolu 10 tagħha

    Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

    biss fir-rigward tal-Artikolu 18(2) tagħha

    Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16).

    biss fir-rigward tal-Artikolu 19 tagħha

    Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

    biss fir-rigward tal-Artikolu 16(1) tagħha

    Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

    biss fir-rigward tal-Artikolu 42 tagħha

    PARTI B

    Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u applikazzjoni

    (imsemmi fl-Artikolu 9)

    Direttiva

    Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

    Limitu ta’ żmien għat-applicazzjoni

    98/27/KE

    fl-1 ta’ Jannar 2001

    1999/44/KE

    fl-1 ta’ Jannar 2002

    2000/31/KE

    fis-16 ta’ Jannar 2002

    2002/65/KE

    fid-9 ta’ Ottubru 2004

    2005/29/KE

    fit-12 ta’ Ġunju 2007

    fit-12 ta’ Diċembru 2007

    2006/123/KE

    fit-28 ta’ Diċembru 2009


    ANNESS III

    TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

    Direttiva 98/27/EEK

    Din id-Direttiva

    Artikoli 1-5

    Artikoli 1-5

    Artikolu 6(1)

    Artikolu 6(1)

    Artikolu 6(2) l-ewwel sub-paragrafu, l-ewwel inċiż

    Artikolu 6(2) l-ewwel sub-paragrafu, il-punt (a)

    Artikolu 6(2) l-ewwel sub-paragrafu, it-tieni inċiż

    Artikolu 6(2) l-ewwel sub-paragrafu, il-punt (b)

    Artikolu 6(2) l-ewwel sub-paragrafu, it-tielet inċiż

    Artikolu 6(2) l-ewwel sub-paragrafu, il-punt (c)

    Artikolu 6(2) it-tieni sub-paragrafu

    Artikolu 6(2) it-tieni sub-paragrafu

    Artikolu 7

    Artikolu 7

    Artikolu 8(1)

    Artikolu 8(2)

    Artikolu 8

    Artikolu 9

    Artikolu 9

    Artikolu 10

    Artikolu 10

    Artikolu 11

    Anness

    Anness I

    Anness II

    Anness III


    Top