Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0598

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 598/2008 ta’ l- 24 ta’ Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 589/2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f’dak li għandu x’jaqsam ma' l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd

    ĠU L 164, 25.6.2008, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/11/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R2465

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/598/oj

    25.6.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 164/14


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 598/2008

    ta’ l-24 ta’ Ġunju 2008

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 589/2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f’dak li għandu x’jaqsam ma' l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 121(d) flimkien ma’ l-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Wara li ġew issimplifikati l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd, l-Istati Membri għandhom jagħtu eżenzjonijiet mir-rekwiżit ta' l-immarkar fuq talba ta' l-operaturi biss. Madanakollu, sabiex l-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw ir-regoli l-ġodda, ġie stabbilit perjodu transitorju raġonevoli ta’ sena, mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008, fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 557/2007 tat-23 ta’ Mejju 2007 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1028/2006 dwar standards għall-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd (2), f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-immarkar tal-bajd li jkun prodott fil-Komunità jew f’pajjiżi terzi għall-ipproċessar.

    (2)

    Mill-1 ta’ Lulju 2008, il-bajd prodott fil-Komunità għall-ipproċessar jista’ jingħata eżenzjoni mir-rekwiżit ta' l-immarkar mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri. Miżuri simili ma ġewx previsti għall-prodott importat minn pajjiżi terzi. F’konformità mal-prinċipju tat-Trattament Nazzjonali, stabbilit fl-Artikolu 2.1 tal-Ftehim dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ, dawn l-eżenzjonijiet possibbli mill-immarkar għandhom japplikaw ukoll għall-prodott importat minn pajjiżi terzi mingħajr ebda diskriminazzjoni.

    (3)

    Meta tingħata din it-tip ta’ eżenzjoni mill-immarkar, għandhom jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġi vverifikat il-post tal-wasla finali reali ta’ dan it-tip ta’ bajd għall-industrija ta’ l-ikel li ma jkunx immarkat.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 589/2008 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

    (5)

    Sabiex il-bajd prodott fil-Komunità ma jiġix ittrattat b'mod differenti mill-bajd impurtat wara li jintemm il-perjodu transitorju, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2008.

    (6)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 589/2008 huwa mibdul b'dan li ġej:

    “Artikolu 11

    L-immarkar tal-bajd li jitwassal direttament lill-industrija ta’ l-ikel

    1.   Ħlief fejn hemm dispożizzjoni mod ieħor fil-leġislazzjoni sanitarja, l-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet lill-operaturi mill-obbligi ta' l-immarkar li dwarhom hemm dispożizzjoni fl-Anness XIV, A, III, (1) u fl-Anness XIV, A, IV (3) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, fuq talba tagħhom stess, f’każ li l-bajd jitwassal direttament mill-post tal-produzzjoni għal għand l-industrija ta’ l-ikel.

    2.   Fil-każijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu:

    (a)

    L-Istati Membri fejn ikun stabbilit il-post tal-produzzjoni għandhom jinfurmaw b’mod xieraq lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati dwar l-għotja tad-deroga dwar l-immarkar qabel ma titwettaq kwalunkwe kunsinna;

    (b)

    meta d-deroga tkun tikkonċerna fornitur stabbilit f’pajjiż terz, il-bajd għandu jitwassal lill-industrija bil-kundizzjoni li l-post tal-wasla finali tiegħu għall-ipproċessar jiġi vverifikat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jkun qed jagħti l-eżenzjoni;

    (ċ)

    il-kunsinna għandha tkun parti mir-responsabbiltà sħiħa ta' l-operatur ta' l-industrija ta' l-ikel, li jaċċetta li juża l-bajd biss għall-ipproċessar kif xieraq.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Għandu jibda japplika mill-1 ta' Lulju 2008.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Ġunju 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 510/2008 (ĠU L 149, 7.6.2008, p. 61).

    (2)  ĠU L 132, 24.5.2007, p. 5. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1336/2007 (ĠU L 298, 16.11.2007, p. 3). Ir-Regolament (KE) Nru 557/2007 ser jiġi sostitwit bir-Regolament (KE) Nru 589/2008 (ĠU L 163, 24.6.2008, p. 6) mill-1 ta’ Lulju 2008.


    Top