EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007R0378
Council Regulation (EC) No 378/2007 of 27 March 2007 laying down rules for voluntary modulation of direct payments provided for in Regulation (EC) No 1782/2003 establishing common rules for direct support schemes under the common agricultural policy and establishing certain support schemes for farmers, and amending Regulation (EC) No 1290/2005
378/2007/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 tas- 27 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi regoli għal modulazzjoni volontarja ta' pagamenti diretti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall- bdiewa, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005
378/2007/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 tas- 27 ta’ Marzu 2007 li jistabbilixxi regoli għal modulazzjoni volontarja ta' pagamenti diretti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall- bdiewa, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005
ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 325–328
(MT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
ĠU L 95, 5.4.2007, p. 1–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
8.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
325 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 378/2007
tas-27 ta’ Marzu 2007
li jistabbilixxi regoli għal modulazzjoni volontarja ta' pagamenti diretti previsti fir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall- bdiewa, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
Ċerti Stati Membri qed jiffaċċjaw diffikultajiet partikolari fil-finanzjament tal-programmi tagħhom għall-iżvilupp rurali skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar appoġġ għall-żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (1) Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-politika tagħhom għall-iżvilupp rurali, dawn l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibiltà li japplikaw sistema ta' modulazzjoni volontarja. Din il-possibbiltà għandha tiġi offruta lil dawk l-Istati Membri fejn il-modulazzjoni volontarja hija diġà applikata skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1655/2004 tat-22 ta' Settembru 2004 li jistabbilixxi r-regoli għat-tranżizzjoni mis-sistema fakultattiva ta' modulazzjoni stabbilita bl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1259/1999 għas-sistema manadatorja ta' modulazzjoni stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (2) jew li ngħataw deroga skond l-Artikolu 70(4a) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 mill-ħtieġa li jikkofinanzjaw l-appoġġ Komunitarju. Il-modulazzjoni volontarja għandha tieħu l-forma ta' tnaqqis ta' pagamenti diretti fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (3), bl-użu tal-fondi li jikkorrispondu għal dak it-tnaqqis għall-finanzjament ta' programmi għall-iżvilupp rurali skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Tnaqqis fil-pagamenti diretti applikat fir-rigward ta' modulazzjoni volontarja għandu jkun addizzjonali għal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. |
(2) |
Sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni amministrattiva tagħha, ir-regoli applikabbli għal modulazzjoni volontarja għandhom ikunu konformi ma dawk applikabbli għal modulazzjoni obbligatorja taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, inkluż il-bażi tal-kalkolu. |
(3) |
Sabiex jittieħed kont tas-sitwazzjoni partikolari ta' bdiewa żgħar, ammont addizzjonali ta' għajnuna għandha tingħata fil-każ ta' applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja kif inhu l-każ għal modulazzjoni obbligatorja. Dak l-ammont addizzjonali għandu jkun ugwali għall-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja għall-ewwel EUR 5 000 ta' pagamenti diretti, fi ħdan il-limiti li jridu jiġu ffissati mill-Kummissjoni. |
(4) |
Fir-rigward ta' Stati Membri fejn il-modulazzjoni volontarja hija diġà użata, l-arranġamenti l-ġodda ta' modulazzjoni volontarja stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom, sa fejn hu possibbli, jevitaw li jiddevjaw mill-mekkaniżmu eżistenti sabiex jevitaw li jingħata bidu għal piż amministrattiv mhux meħtieġ, indħil fl-arraġamenti ta' implimentazzjoni li ilhom fis-seħħ għal ħafna snin u li l-bdiewa adattaw fil-prattika u f'termini ekonomiċi. Għaldaqstant, jidher xieraq li Stati Membri li jkunu qed japplikaw il-modulazzjoni volontarja mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jingħataw id-dritt li jżommu ċerti xejriet stabbiliti sew tas-sistema attwali tagħhomwaqt li jevitaw trattament mhux ġustifikat u mhux ugwali fost il-bdiewa. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li l-arranġamenti l-ġodda jkunu konsistenti max-xejriet ta' implimentazzjoni ta' l-iskema ta' pagament uniku, l-applikazzjoni tar-rati ta' modulazzjoni volontarji u reġjonalment differenzjati għandha tkun disponibbli biss għal Stati Membri li japplikaw l-iskema ta' pagament uniku fil-livell reġjonali kif hu previst fl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. |
(5) |
L-użu tal-fondi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja ma jistax ikun soġġett għal-limiti tal-kontribut tal-FAEŻR skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Għandha għaldaqstant tiġi prevista deroga minn dak ir-Regolament. Il-ftehim ta' prefinanzjament applikabbli għall-FAEŻR skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (4) ma għandhomx japplikaw għal dawk il-fondi. |
(6) |
Sabiex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja, l-Istati Membri għandhom jagħmlu valutazzjonijiet bir-reqqa ta' l-impatt potenzjali ta' tali modulazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika tal-bdiewa soġġetti għal tali modulazzjoni u l-effett tal-pożizzjoni komparattiva tagħhom fis-settur agrikolu. L-impatt ta' l-implimentazzjoni tal-modulazzjoni volontarja għandu jkunu monitorjat mill-qrib mill-Istati Membri li jkunu qed japplikaw il-modulazzjoni volontarja. Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni ta' l-impatt u l-monitoraġġ bil-ħsieb għal kwalunkwe politika ulterjuri ta' żvilupp. |
(7) |
Il-modulazzjoni volontarja għandha titqies fil-kuntest usà tal-finanzjament Komunitarju għall-iżvilupp rurali. Il-kontribut tagħha għandu jkun analizzat fost oħrajn fid-dawl tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt ta' l-Istati Membri. Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kummissjoni ser tissottometti qabel it-tmiem ta' l-2008 rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jippreżenta l-esperjenza li nkisbet s'issa bl-implimentazzjoni tagħha. |
(8) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (5). |
(9) |
L-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni volontarja għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni meta jkun qed jiġi definit il-limitu annwali għall-ispiża ffinanzjata mill-Fond Ewropew ta' Garanzija Agrikolu u l-possibiltà li jiġu adottati regoli dettaljati b'mod partikolari rigward il-modulazzjoni volontarja għandhom jiġu nklużi fir-Regolament (KE) Nru 1290/2005. |
(10) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif meħtieġ, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
MODULAZZJONI VOLONTARJA
Artikolu 1
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, l-Istati Membri
(a) |
fejn mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament is-sistema tat-tnaqqis addizzjonali ta' pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1655/2004 tiġi applikata, jew |
(b) |
li ngħataw deroga bis-saħħa ta' l-Artikolu 70(4a) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 mill-ħtieġa ta' ko-fianazjament ta' l-appoġġ Komunitarju, |
jistgħu japplikaw tnaqqis, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “modulazzjoni volontarja”, għall-ammonti kollha ta' pagamenti diretti skond it-tifsira ta' l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li tingħata fit-territorju tagħhom f'sena kalendarja mogħtija fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(e) ta' dak ir-Regolament, matul il-perijodu 2007-2012.
2. L-ammonti netti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja għandhom ikunu disponibbli fl-Istat Membru fejn kienu ġenerati bħala appoġġ Komunitarju għal miżuri taħt l-ipprogrammar ta' żvilupp rurali ffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali skond ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.
3. It-tnaqqis taħt modulazzjoni volontarja għandu jsir fuq l-istess bażi ta' kalkolu bħal dak applikabbli għal modulazzjoni skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Ammonti addizzjonali mogħtija lil bdiewa taħt l-Artikolu 12 ta' dak ir-Regolament ma għandhomx ikunu soġġetti għal tali tnaqqis.
Fil-każ ta' applikazzjoni ta' tnaqqis taħt il-modulazzjoni volontarja, il-bdiewa li jirċievu pagamenti diretti taħt ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandhom jingħataw ammont ta' għajnuna addizzjonali li għandu jkun ugwali għall-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-persentaġġ tat-tnaqqis għall-ewwel EUR 5 000 jew inqas ta' pagamenti diretti. Dak l-ammont addizzjonali ma għandux ikun soġġett għat-tnaqqis taħt modulazzjoni volontarja jew modulazzjoni skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.
It-total ta' l-ammonti addizzjonali ta' għajnuna li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu li jistgħu jingħataw fi Stat Membru f'sena kalendarja ma għandhomx ikunu ogħla mil-limiti iffissati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jipproċedu għal aġġustament ta' perċentwali linearji ta' ammonti addizzjonali ta' għajnuna sabiex jiġu rispettati dawk il-limiti.
4. Kull Stat Membru għandu japplika rata unika ta' modulazzjoni volontarja għal kull sena kalendarja. Ir-rata tista tkun soġġetta għal modifikazzjonijiet progressivi skond passi stabbiliti minn qabel. Ir-rata massima ta' tnaqqis għandha tkun ta' 20 %.
Artikolu 2
1. Fi żmien xahrejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar u jikkomunikaw lill-Kummissjoni r-rata annwali ta' modulazzjoni volontarja li tapplika għall-perijodu 2007-2012.
2. L-Istati Membri li bi ħsiebhom japplikaw modulazzjoni volontarja għandhom jagħmlu valutazzjoni sabiex jikkalkulaw l-impatt ta' l-applikazzjoni tal-modulazzjoni volontarja, b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-bdiewa kkonċernati, waqt li jieħdu kont tal-ħtieġa li jiġi evitat trattament mhux ġustifikat u mhux ugwali bejn il-bdiewa.
L-Istati Membri li bi ħsiebhom japplikaw rati li huma differenzjati reġjonalment skond l-Artikolu 3(1) għandhom ikejlu wkoll l-impatt ta' tali rati differenzjati, waqt li jieħdu kont tal-ħtieġa li jiġi evitat trattament mhux ġustifikat u mhux ugwali bejn il-bdiewa.
L-Istati Membri kkonċernati għandhom jittrasmettu l-evalwazzjonijiet ta' impatt tagħhom lill-Kummissjoni flimkien mal-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 3
1. Kwalunkwe Stat Membru fejn mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament hija applikata s-sistema ta' tnaqqis addizzjonali ta' pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1655/2004 hija applikata u l-iskema ta' pagament uniku hija applikata fil-livell reġjonali kif previst fl-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, jista', għall-perijodu 2007 sa 2012 jagħżel:
(a) |
b'deroga mill-Artikolu 1(3) li ma japplikax id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta' dak il-paragrafu, u/jew |
(b) |
b'deroga mill-Artikolu 1(4), li japplika rati li huma differenzjati reġjonalment skond il-kriterji oġġettivi. Ir-rata massima għal kwalunkwe mir-reġjuni ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha tkun ta' 20 %. |
2. B'deroga mill-Artikolu 2(1), kwalunkwe Stat Membru li japplika rati reġjonali differenzjati ta' modulazzjoni volontarja kif previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jissottometti lill-Kummissjoni, fi żmien xagħrejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, għall-perijodu 2007-2012, l-informazzjoni li ġejja soġġetta għal eżaminazzjoni mill-Kummissjoni:
(a) |
ir-rati annwali ta' modulazzjoni volontarja għal kull reġjun u għat-territorju kollu; |
(b) |
l-ammonti annwali totali li għandhom jitnaqqsu taħt modulazzjoni volontarja; |
(ċ) |
fejn xieraq, l-ammonti addizzjonali annwali totali meħtieġa biex ikun kopert l-ammont addizzjonali ta' għajnuna msemmi fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(3); |
(d) |
data statistika u oħra ta' appoġġ użata biex jiġu stabbiliti l-ammonti msemmija fil-punti (b) u (ċ). |
3. Jekk meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni aġġornament ta' l-ammonti msemmijin fil-paragrafi 2(b) u (ċ). Id-data aġġornata għandha tintbagħat lill-Kummissjoni qabel il-31 ta' Diċembru tas-sena li tippreċedi s-sena kalendarja li għaliha jirreferu l-ammonti fit-tifsira ta' l-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.
4. Jekk ikunu meħtieġa mill-Kummissjoni kjarifiki dwar id-data sottomessa skond il-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri għandhom iwieġbu għal din it-talba fi żmien xahar.
Artikolu 4
1. L-ammonti netti li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja għandhom ikunu fissi mill-Kummissjoni abbażi ta':
(a) |
kalkolu fil-każ ta' rata unika nazzjonali ta' modulazzjoni volontarja; |
(b) |
fil-każ ta' Stati Membri li japplikaw rati differenzjati reġjonalment, l-ammonti komunikati mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tagħhom kif previst fl-Artikolu 3(2) jew l-ammonti aġġornati kif previst fl-Artikolu 3(3). |
Dawk l-ammonti netti għandhom jiżdiedu mat-tqassim annwali mill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 69(4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.
2. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-limiti msemmija fl-Artikolu 70(3) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għall-ammonti netti miżjuda mat-tqassim annwali mill-Istati Membri skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
L-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 ma għandux japplika għall-ammonti netti miżjuda mat-tqassim annwali mill-Istati Membri skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 5
L-Istati Membri li japplikaw modulazzjoni volontarja u l-Kummissjoni għandhom jissorveljaw mill-qrib l-impatt ta' l-implimentazzjoni tal-modulazzjoni volontarja, b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta' l-ażjendi, waqt li jieħdu kont tal-ħtieġa li jiġi evitat trattament mhux ġustifikat u mhux ugwali bejn il-bdiewa. Għal dan il-għan, dawk l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni sat-30 ta' Settembru 2008.
Artikolu 6
Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan il-Kapitolu għandhom jiġu adottati skond:
(a) |
il-proċedura msemmija fl-Artikolu 90(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, li għandu jkopri, partikolarment, dispożizzjonijiet għall-integrazzjoni ta' modulazzjoni volontarja fil-programmar ta' żvilupp rurali, jew, kif xieraq, |
(b) |
il-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005, li għandu jkopri, partikolarment, dispożizzjonijiet għall-amministrazzjoni finanzjarja ta' modulazzjoni volontarja u l-inkorporazzjoni tas-sistema ta' tnaqqis addizzjonali ta' pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1655/2004 fl-iskema prevista b'dan ir-Regolament. |
Artikolu 7
Qabel il-31 ta' Diċembru 2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta' modulazzjoni volontarja, flimkien ma', jekk meħtieġ, proposti xierqa.
KAPITOLU II
EMENDA GĦAR-REGOLAMENT (KE) Nru 1290/2005 U DISPOŻIZZJONI FINALI
Artikolu 8
Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005 hu emendat kif ġej:
1) |
Fl-Artikolu 12, il-paragrafu 2 hu sostitwit b'li ġej: “2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammonti li, skond l-Artikoli 10(2), 143d u 143e tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 378/2007 (*), huma disponibbli għall-FAEŻR. |
2) |
Fit-termini tal-bidu ta' l-Artikolu 42 it-tieni sentenza hi sostitwita b'dan li ġej: “B’mod partikolari dawk ir-regoli għandhom jinkludu:” |
Artikolu 9
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Marzu 2007.
Għall-Kunsill
Il-President
P. STEINBRÜCK
(1) ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2012/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 8).
(3) ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2013/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 13).
(4) ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 320/2006 (ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42).
(5) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).