Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007L0025

    Direttiva tal-Kummissjoni 2007/25/KE tat- 23 ta’ April 2007 li emenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi dimethoate, dimethomorph, glufosinate, metribuzin, phosmet u propamocarb bħala sustanzi attivi Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 106, 24.4.2007, p. 34–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 326–334 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/06/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/25/oj

    29.2.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    326


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2007/25/KE

    tat-23 ta’ April 2007

    li emenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi dimethoate, dimethomorph, glufosinate, metribuzin, phosmet u propamocarb bħala sustanzi attivi

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 703/2001 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta' sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati, bil-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi dimethoate, dimethomorph, glufosinate, metribuzin, phosmet u propamocarb.

    (2)

    Għal dawn is-sustanzi attivi l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew ivvalutati skond id-dispożizzjonijiet stipulati mir-Regolament (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 703/2001 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawn ir-Regolamenti jinnominaw lill-Istati Membri rapporteur li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà Alimentari (European Food Safety Authority — EFSA) skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 451/2000. Għad-dimethoate, l-Istat Membru rapporteur kien ir-Renju Unit u kull informazzjoni rilevanti tressqet fid-4 ta’ Awwissu 2004. Għad-dimethomorph u l-metribuzin, l-Istat Membru rapporteur kien il-Ġermanja u kull informazzjoni rilevanti tressqet fil-11 ta' Ġunju 2004 u t-23 ta' Awwissu 2004 rispettivament. Għall-glufosinate l-Istat Membru rapporteur kien l-Iżvezja u kull informazzjoni rilevanti tressqet fit-3 ta’ Jannar 2003. Għall-phosmet l-Istat Membru rapporteur kien Spanja u kull informazzjoni rilevanti tressqet fit-23 ta’ Awwissu 2004. Għall-propamocarb l-Istat Membru rapporteur kien l-Irlanda u kull informazzjoni rilevanti tressqet fil-5 ta’ Ottubru 2004.

    (3)

    Ir-rapporti ta’ valutazzjoni kienu riveduti mill-Istati Membri u l-EFSA u ppreżentati lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Marzu 2005 għall-glufosinate, fit-12 ta' Mejju 2006 għall-phosmet u l-propamocarb, fit-23 ta' Ġunju 2006 għad-dimethoate u d-dimethomorph, fit-28 ta' Lulju 2006 għall-metribuzin, kollha fil-format tar-Rapporti Xjentifiċi ta’ l-EFSA (4). Dawn ir-rapporti ġew riveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali u ġew iffinalizzati fis-24 ta’ Novembru 2006 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għad-dimethoate, dimethomorph, glufosinate, metribuzin, phosmet u propamocarb.

    (4)

    Minn eżamijiet varji li saru deher li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom id-dimethoate, dimethomorph, glufosinate, metribuzin, phosmet u propamocarb jistgħu jintalbu li jissodisfaw, b'mod ġenerali, ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, partikolarment fir-rigward ta' l-użi li kienu eżaminati u ddettaljati fir-rapporti ta' reviżjoni tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk xieraq li dawn is-sustanzi attivi jiġu inklużi fl-Anness I, sabiex jiġi żgurat illi fl-Istati Membri kollha jistgħu jiġu konċessi l-awtorizzazzjonijiet lill-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom dawn is-sustanzi attivi skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

    (5)

    Mingħajr preġudizzju għal din il-konklużjoni, huwa xieraq li jinkiseb aktar tagħrif dwar ċerti punti speċifiċi li jikkonċernaw id-dimethoate, glufosinate, metribuzin u phosmet. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414/KE jistipula li l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tista’ tiġi soġġetta għal kundizzjonijiet. Għalhekk huwa xieraq li bħala rekwiżit id-dimethoate, glufosinate, metribuzin u phosmet jiġu soġġetti għal aktar ittestjar għall-konferma tal-valutazzjoni tar-riskju għal ċerti kwistjonijiet u li studji bħal dawn għandhom jitressqu min-notifikanti.

    (6)

    Għandu jitħalla jgħaddi perjodu ta’ żmien raġonevoli qabel ma s-sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex l-Istati Membri u l-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju ruħhom ħalli jissodisfaw r-rekwiżiti l-ġodda li se jirriżultaw mill-inklużjoni.

    (7)

    Mingħajr ħsara għall-obbligi ddefiniti mid-Direttiva 91/414/KEE bħala konsegwenza ta’ l-inklużjoni tas-sustanzi attivi fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-inklużjoni biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom id-dimethoate, dimethomorph, glufosinate, metribuzin, phosmet u propamocarb sabiex jiżguraw li r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fl-Artikolu 13 tagħha u l-kundizzjonijiet rilevanti stipulati fl-Anness I, jiġu sodisfatti. L-Istati Membri għandhom ivarjaw, ibiddlu jew jirtiraw, kif xieraq, awtorizzazzjonijiet eżistenti, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. B’deroga ta’ l-iskadenza stabbilita hawn fuq, għandu jiġi pprovdut perjodu itwal għall-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tad-dossier komplut ta’ l-Anness III ta’ kull prodott għall-ħarsien tal-pjanti għal kull użu intenzjonat skond il-prinċipji uniformi stipulati fid-Direttiva 91/414/KEE.

    (8)

    L-esperjenza miksuba minn inklużjonijiet preċedenti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ta' sustanzi attivi vvalutati fil-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92 (5) uriet li jistgħu jinqalgħu xi diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dmirijiet tad-detenturi ta' l-awtorizzazzjonijiet eżistenti dwar l-aċċess għad-data. Għalhekk, sabiex jiġu evitati iżjed diffikultajiet, jidher li huwa meħtieġ li d-dmirijiet ta’ l-Istati Membri jiġu ċċarati, speċjalment id-dmir li jivverifikaw li d-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni juri li għandu aċċess għal dossier li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Madankollu, din il-kjarifika ma timponi ebda obbligi ġodda fuq l-Istati Membri jew id-detenturi ta' l-awtorizzazzjonijiet meta mqabbla mad-direttivi li ġew adottati sa issa li jemendaw l-Anness I.

    (9)

    Huwa għalhekk xieraq li tkun emendata d-Direttiva 91/414/KEE skond dan.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jaddottaw u jippubblikaw sa mhux iktar tard mill-31 ta' Marzu 2008 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ April 2008.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din meta dawn jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha issir referenza bħal din.

    Artikolu 3

    1.   L-Istati Membri, fejn meħtieġ, skond id-Direttiva 91/414/KEE, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet attwali għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom id-dimethoate, dimethomorph, glufosinate, metribuzin, phosmet u propamocarb bħala sustanzi attivi sal-31 ta' Marzu 2008.

    Sa din id-data huma għandhom b’mod partikolari jivverifikaw li jintlaħqu l-kundizzjonijiet fl-Anness I tad-Direttiva relatati mad-dimethoate, dimethomorph, glufosinate, metribuzin, phosmet u propamocarb, bl-eċċezzjoni ta’ dawk identifikati fil-parti B ta’ l-annotazzjoni relatata ma’ dik is-sustanza attiva, u li d-detentur ta’ l-awtorizzazzjoni jkollu f’idejh, jew ikollu aċċess għal, dossier li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Anness II ta’ dik id-Direttiva skond il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva.

    2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, għal kull prodott awtorizzat għall-ħarsien tal-pjanti li fih id-dimethoate, dimethomorph, glufosinate, metribuzin, phosmet u propamocarb bħala jew l-unika sustanza attiva inkella bħala waħda minn diversi sustanzi attivi li kollha kemm huma ġew elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2007, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw mill-ġdid il-prodott skond il-prinċipji uniformi previsti fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta' dossier li jissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Anness III ta' din id-Direttiva u billi titqies il-parti B ta' l-annotazzjoni fl-Anness I għat-tali Direttiva dwar id-dimethoate, dimethomorph, glufosinate, metribuzin, phosmet u propamocarb rispettivament. Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, huma għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE.

    Wara li jiddeterminaw dan, l-Istati Membri għandhom:

    (a)

    fil-każ ta' prodott li jkun fih id-dimethoate, dimethomorph, glufosinate, metribuzin, phosmet u propamocarb bħala l-unika sustanza attiva, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2011; jew

    (b)

    fil-każ ta' prodott li fih id-dimethoate, dimethomorph, glufosinate, metribuzin, phosmet u propamocarb bħala wieħed minn bosta sustanzi attivi, fejn hu meħtieġ, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sat-30 ta' Settembru 2011 jew sad-data stabbilita, għat-tali emenda jew irtirar fid-Direttiva jew Direttivi rispettivi li kien żiedu s-sustanza jew is-sustanzi rilevanti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, skond liema waħda minnhom tkun l-iktar reċenti.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2007.

    Artikolu 5

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 23 ta’ April 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/21/KE (ĠU L 97, 12.4.2007, p. 42).

    (2)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1044/2003 (ĠU L 151, 19.6.2003, p. 32).

    (3)  ĠU L 98, 7.4.2001, p. 6.

    (4)  EFSA Scientific Report (2005) 27, 1-81, Conclusion regarding the Peer review of the pesticide risk assessment of the active substance glufosinate (finalised:14 March 2005).

    EFSA Scientific Report (2006) 75, 1-72, Conclusion regarding the Peer review of the pesticide risk assessment of the active substance phosmet (finalised: 12 May 2006).

    EFSA Scientific Report (2006) 78, 1-72, Conclusion regarding the Peer review of the pesticide risk assessment of the active substance propamocarb (finalised: 12 May 2006).

    EFSA Scientific Report (2006) 84, 1-102, Conclusions on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance dimethoate (finalised: 23 June 2006).

    EFSA Scientific Report (2006) 82, 1-69, Conclusions on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance dimethomorph (finalised: 23 June 2006).

    EFSA Scientific Report (2006) 88, 1-74, Conclusions on the peer review of the pesticide risk assessment of the active substance metribuzin (finalised: 28 July 2006).

    (5)  ĠU L 366, 15.12.1992, p. 10. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2266/2000 (ĠU L 259, 13.10.2000, p. 27).


    ANNESS

    Din it-tabella li ġejja għandha tiġi miżjuda fl-aħħar ta' l-Anness I tad-Direttiva 91/414/KE:

    Nru

    L-isem Komuni, In-numri ta’ Identifikazzjoni

    Isem IUPAC

    Purità (1)

    Id-dħul fis-seħħ

    L-iskadenza ta' l-inklużjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “155

    Dimethoate

    Nru CAS 60-51-5

    Nru CIPAC 59

    O,O-Dimethyl-S-(N-methylcarbamoylmethyl) phosphorodithioate; 2-Dimethoxy-phosphinothioylthio-N-methylacetamide

    ≥ 950 g/kg

    Impuritajiet:

    omethoate: Mhux iktar minn 2 g/kg

    isodimethoate: Mhux iktar minn 3 g/kg

    1 ta’ Ottubru 2007

    30 ta' Settembru 2017

    Parti A

    Huma biss użi bħala insettiċidi li jistgħu jiġu awtorizzati.

    Parti B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta’ l-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar id-dimethoate b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali fl-24 ta’ Novembru 2006.

    F’din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri:

    iridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħarsien ta’ għasafar, mammiferi, organiżmi akkwatiċi u artropodi oħra li mhumiex fil-mira. Il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju, fejn xieraq, bħal żoni ta' salvagwardja u tnaqqis tal-flussi ta' tifwir u ta' dranaġġ għal ġo l-ilma tal-wiċċ,

    iridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-espożizzjoni tad-dieta tal-konsumaturi;

    għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għas-sikurezza ta’ l-operaturi u jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ l-użu jippreskrivu tagħmir ta’ ħarsien personali xieraq.

    L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu l-preżentazzjoni ta' studji ulterjuri sabiex jikkonfermaw il-valutazzjoni tar-riskju għall-għasafar, il-mammiferi u l-antropodi mhux fil-mira, kif ukoll kif ukoll sabiex jikkonfermaw il-valutazzjoni tossoloġika fuq metaboliti potenzjalment preżenti fl-uċuħ.

    Huma għandhom jiżguraw li n-notifikant, li fuq talba tiegħu ġie inkluż id-dimethoate f’dan l-Anness, jipprovdi studji bħal dawn lill-Kummissjoni fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    156

    Dimethomorph

    Nru CAS 110488-70-5

    Nru CIPAC 483

    (E,Z) 4-[3-(4-chlorophenyl)-3-(3,4-dimethoxyphenyl)acryloyl]morpholine

    ≥ 965 g/kg

    1 ta’ Ottubru 2007

    30 ta' Settembru 2017

    Parti A

    L-użi bħala funġiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

    Parti B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta’ l-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar id-dimethomorph b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali fl-24 ta’ Novembru 2006.

    F’din il-valutazzjoni globali l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-:

    ħarsien ta' l-operaturi u l-ħaddiema. Kundizzjonijiet awtorizzati ta' użu jridu jippreskrivu l-applikazzjoni ta' tagħmir protettiv personali adattat;

    ħarsien ta' għasafar, mammiferi u organiżmi akkwatiċi.

    Il-kundizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju, fejn ikun xieraq.

    157

    Glufosinate

    Nru CAS 77182-82-2

    Nru CIPAC 437.007

    ammonium(DL)-homoalanin-4-yl(methyl)phosphinate

    950  g/kg

    1 ta’ Ottubru 2007

    30 ta' Settembru 2017

    Parti A

    Użi bħala erbiċida biss jistgħu jiġu awtorizzati.

    Parti B

    Waqt il-valutazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-glufosinate għall-użi għajr dawk fil-ġonna tat-tuffieħ, partikolarment fir-rigward ta' l-espożizzjoni ta' l-operatur u l-konsumatur, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-kriterji fl-Artikolu 4(1)(b), u għandhom jiżguraw li tiġi pprovduta kwalunkwe data jew informazzjoni meħtieġa qabel ma tingħata awtorizzazzjoni bħal din.

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta’ l-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-glufosinate b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali fl-24 ta’ Novembru 2006. F’din il-valutazzjoni globali l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari:

    għas-sigurtà ta' l-operaturi, il-ħaddiema u terzi li jkunu għaddejjin mill-qrib. Il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri ta’ ħarsien, fejn huma xierqa.

    Il-possibilità ta' kontaminazzjoni ta' l-ilma tal-pjan, meta s-sustanza attiva tiġi applikata f'reġjuni b'kundizzjonjiet vulnerabbli tal-ħamrija u/jew il-klima;

    il-ħarsien tal-mammiferi, artropodi mhux fil-mira u pjanti mhux fil-mira.

    Il-kundizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju, fejn ikun xieraq.

    L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu l-preżentazzjoni ta’ studji ulterjuri sabiex jikkonfermaw il-valutazzjoni tar-riskju għall-mammiferi u antropodi mhux fil-mira fil-ġonna tat-tuffieħ. Huma għandhom jiżguraw li n-notifikant li fuq talba tiegħu ġie inkluż il-glufosinate f’dan l-Anness, jipprovdi studji bħal dawn lill-Kummissjoni fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    158

    Metribuzin

    Nru CAS 21087-64-9

    Nru CIPAC 283

    4-amino-6-tert-butyl-3-methylthio-1,2,4-triazin-5(4H)-one

    ≥ 910 g/kg

    1 ta’ Ottubru 2007

    30 ta' Settembru 2017

    Parti A

    Użi bħala erbiċida biss jistgħu jiġu awtorizzati.

    Parti B

    Waqt il-valutazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-metribuzin għall-użi għajr dawk bħala erbiċida selettiv ta' wara l-emerġenza għall-patata l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għall-kriterji fl-Artikolu 4(1)(b), u għandhom jiżguraw li tiġi pprovduta kull data jew informazzjoni meħtieġa qabel ma tingħata awtorizzazzjoni bħal din.

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta’ l-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-metribuzin b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali fl-24 ta’ Novembru 2006.

    F'din il-valutazzjoni globali l-Istati Membri:

    għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħarsien ta' l-algae, pjanti akkwatiċi, pjanti mhux fil-mira li jinsabu barra mill-għalqa ttrattata u għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni jinkludu, fejn xieraq, miżuri tat-tnaqqis tar-riskju.

    għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għas-sikurezza ta’ l-operaturi u jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ l-użu jippreskrivu tagħmir ta’ ħarsien personali xieraq.

    L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu l-preżentazzjoni ta’ data ulterjuri sabiex jikkonfermaw il-valutazzjoni tar-riskju għall-ilma tal-pjan. Huma għandhom jiżguraw li n-notifikanti li fuq talba tagħhom il-metribuzin ġie inkluż f’dan l-Anness jipprovdu tali studji lill-Kummissjoni fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    159

    Phosmet

    Nru CAS 732-11-6

    Nru CIPAC 318

    O,O-dimethyl S-phthalimidomethyl phosphorodithioate; N-(dimethoxyphosphinothioylthiomethyl)phatalimide

    ≥ 950 g/kg

    Impuritajiet:

    phosmet oxon: Mhux iktar minn 0,8 g/kg

    iso phosmet: Mhux iktar minn 0,4 g/kg

    1 ta’ Ottubru 2007

    30 ta' Settembru 2017

    Parti A

    L-użi bħala insettiċidi u akariċidi biss jistgħu jiġu awtorizzati.

    Parti B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta’ l-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-phosmet b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali fl-24 ta’ Novembru 2006.

    F'din il-valutazzjoni globali l-Istati Membri:

    iridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħarsien ta’ għasafar, mammiferi, organiżmi akkwatiċi, naħal u artropodi oħra mhux fil-mira. Il-kundizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri għat-tnaqqis tar-riskju, fejn xieraq, bħal żoni ta' salvagwardja u t-tnaqqis tal-flussi ta' tifwir u ta' dranaġġ għal ġo l-ilma tal-wiċċ,

    jistgħu jagħtu attenzjoni partikolari għas-sigurtà ta’ l-operaturi u jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ l-użu jippreskrivu tagħmir ta’ ħarsien personali u apparat portettiv għan-nifs xieraq.

    L-Istati Membri kkonċernati għandhom jitolbu l-preżentazzjoni ta’ studji ulterjuri sabiex jikkonfermaw il-valutazzjoni tar-riskju għall-għasafar (riskju qawwi) u mammiferi erbivori (riskju fit-tul). Huma għandhom jiżguraw li n-notifikant li fuq talba tiegħu ġie inkluż il-phosmet f’dan l-Anness, jipprovdi studji bħal dawn lill-Kummissjoni fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    160

    Propamocarb

    Nru CAS 24579-73-5

    Nru CIPAC 399

    Propyl 3-(dimethylamino)propylcarbamate

    ≥ 920 g/kg

    1 ta’ Ottubru 2007

    30 ta' Settembru 2017

    Parti A

    L-użi bħala funġiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

    Parti B

    Waqt il-valutazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-propamocarb għall-użi għajr dawk għall-applikazzjonijiet tal-weraq, l-Istati Membri għandhom joqogħdu partikolarment attenti għall-kriterji fl-Artikolu 4(1)(b), fir-rigward ta' l-espożizzjoni tal-ħaddiema u għandhom jassiguraw li tiġi pprovduta kull data jew informazzjoni meħtieġa qabel ma tingħata awtorizzazzjoni bħal din.

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta’ l-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-propamocarb b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali fl-24 ta’ Novembru 2006.

    F’din il-valutazzjoni globali l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-:

    ħarsien ta' l-operaturi u l-ħaddiema. Il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri ta’ ħarsien, fejn huma xierqa.

    It-trasferiment ta' reżidwi ta' ħamrija għal uċuħ bin-newba u uċuħ suċċessivi;

    Il-ħarsien ta' l-ilmijiet tal-wiċċ u tal-pjan f'żoni vulnerabbli;

    ħarsien ta' għasafar, mammiferi u organiżmi akkwatiċi. Kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri għat-tnaqqis tar-riskju, fejn huma xierqa.”


    (1)  Dettalji ulterjuri dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanża attiva huma pprovduti fir-rapport ta' reviżjoni.


    Top