Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0845

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/845/ĠAI tas- 6 ta’ Diċembru 2007 dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi ta’ l-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha

    ĠU L 332, 18.12.2007, p. 103–105 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/845/oj

    18.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 332/103


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2007/845/ĠAI

    tas-6 ta’ Diċembru 2007

    dwar il-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi ta’ l-Istati Membri fil-qasam tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, jew proprjetà oħra relatata magħha

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 30(1)(a) u (b) u 34(2)(ċ) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika ta’ l-Awstrija u tar-Repubblika tal-Finlandja,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Il-motiv ewlieni tal-kriminalità organizzata transkonfini huwa l-qligħ finanzjarju. Dan il-qligħ finanzjarju huwa stimolu għat-twettiq ta’ aktar reati sabiex jinkiseb saħansitra aktar profitt. Għaldaqstant, is-servizzi ta’ l-infurzar tal-liġi għandu jkollhom il-kompetenzi meħtieġa biex jinvestigaw u janalizzaw it-traċċi finanzjarji ta’ attività kriminali. Sabiex il-kriminalità organizzata tiġi miġġielda b’mod effettiv, informazzjoni li tista’ twassal għar-rintraċċar u l-qbid ta’ rikavati mill-kriminalità u proprjetà oħra li tappartjeni lill-kriminali għandha tiġi skambjata b’mod rapidu bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

    (2)

    Il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni Kwadru 2003/577/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar l-eżekuzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ordnijiet ta’ ffriżar ta’ proprjetà jew evidenza (2) u d-Deċiżjoni Kwadru 2005/212/ĠAI ta’ l-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Strumentalitajiet u Proprjetà Relatati mal-Kriminalità (3), li jittrattaw ċerti aspetti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali fil-qasam ta’ l-iffriżar u l-konfiska ta’ rikavati mill-kriminalità, strumentalitajiet tagħha, u proprjetà oħra relatata magħha.

    (3)

    Jeħtieġ li sseħħ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet rilevanti ta’ l-Istati Membri involuti fir-rintraċċar ta’ rikavati illeċiti u proprjetà oħra li tista’ tkun soġġetta għall-konfiska u li ssir disposizzjoni li tippermetti komunikazzjoni diretta bejn dawk l-awtoritajiet.

    (4)

    Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandu jkollhom Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi nazzjonali b’kompetenzi f’dawn l-oqsma u għandhom jiżguraw li dawn l-uffiċċji jkunu jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni b’mod rapidu.

    (5)

    In-Network ta’ l-Inter-Aġenziji Camden għall-Irkupru ta’ l-Assi (CARIN) stabbilit fl-Aja fit-22-23 ta’ Settembru 2004 mill-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Olanda u r-Renju Unit diġà jikkostitwixxi network globali ta’ prattikanti u esperti bl-intenzjoni li jittejjeb l-għarfien reċiproku ta’ metodi u tekniki fil-qasam ta’ l-identifikazzjoni, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska transkonfini tar-rikavati mill-kriminalità, u proprjetà oħra relatata magħha. Din id-Deċiżjoni għandha tikkompleta l-CARIN billi tipprovdi bażi legali għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi ta’ l-Istati Membri kollha.

    (6)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew – “Il-Programm ta’ l-Aja: Għaxar Prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin”, il-Kummissjoni kienet favur it-tisħiħ ta’ l-għodod li jindirizzaw l-aspetti finanzjarji tal-kriminalità organizzata inter alia bil-promozzjoni ta’ l-istabbiliment ta’ unitajiet ta’ intelligence dwar assi kriminali fl-Istati Membri.

    (7)

    Kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi u bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi u awtoritajiet oħra bil-kariga li jiffaċilitaw ir-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati tal-kriminalità għandha ssir abbażi tal-proċeduri u l-limiti ta’ żmien previsti fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (4), inklużi r-raġunijiet għal rifjut li hemm fiha.

    (8)

    Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti ta’ kooperazzjoni kif definiti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/642/ĠAI tas-17 ta’ Ottubru 2000 dwar l-arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-unitajiet ta’ intelligence finanzjarja ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni (5) u ma’ arranġamenti eżistenti għal kooperazzjoni tal-pulizija.

    IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi

    1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jinnomina Uffiċċju għall-Irkupru ta’ l-Assi nazzjonali, sabiex jiffaċilita r-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati tal-kriminalità u proprjetà oħra relatata magħha li jistgħu jsiru l-oġġett ta’ ordni magħmula minn awtorità ġudizzjarja kompetenti għall-iffriżar jew il-qbid jew għall-konfiska tul proċedimenti kriminali jew, sa fejn hu possibbli taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, proċedimenti ċivili.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, Stat Membru jista’, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jistabbilixxi jew jinnomina żewġ Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi. Fejn Stat Membru għandu aktar minn żewġ awtoritajiet bil-kariga li jiffaċilitaw ir-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati tal-kriminalità, għandu jinnomina massimu ta’ tnejn mill-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi bħala punt(i) ta’ kuntatt.

    3.   L-Istat Membri għandhom jindikaw l-awtoritajiet li huma l-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi nazzjonali fi ħdan is-sens ta’ dan l-Artikolu. Huma għandhom jinnotifikaw din l-informazzjoni u kwalunkwe tibdil sussegwenti lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bil-miktub. Din in-notifika m’għandhiex tipprekludi awtoritajiet oħrajn bil-kariga li jiffaċilitaw ir-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati tal-kriminalità milli jiskambjaw informazzjoni taħt l-Artikoli 3 u 4 ma’ Uffiċċju għall-Irkupru ta’ l-Assi ta’ Stat Membru ieħor.

    Artikolu 2

    Kooperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi tagħhom jikkooperaw ma’ xulxin għall-finijiet imniżżlin fl-Artikolu 1(1), billi jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki, kemm fuq talba kif ukoll spontanjament.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din il-kooperazzjoni ma tkunx imfixkla mill-istatus ta’ l-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi skond il-liġi nazzjonali, irrispettivament jekk huma jkunux jifformaw parti minn awtorità amministrattiva, awtorità ta’ l-infurzar tal-liġi jew awtorità ġudizzjarja.

    Artikolu 3

    Skambju ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi fuq talba

    1.   Uffiċċju għall-Irkupru ta’ l-Assi ta’ Stat Membru jew awtoritajiet oħrajn fi Stat Membru inkarigati bil-faċilitazzjoni tar-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati tal-kriminalità jistgħu jagħmlu talba lil Uffiċċju għall-Irkupru ta’ l-Assi ta’ Stat Membru ieħor għal informazzjoni għall-finijiet imniżżlin fl-Artikolu 1(1). Għal dak il-għan hija għandha toqgħod fuq id-Deċiżjoni Kwadru 2006/960/ĠAI u fuq ir-regoli adottati fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tagħha.

    2.   Meta jkun qed jimla l-formola prevista taħt id-Deċiżjoni Kwadru 2006/960/ĠAI, l-Uffiċċju għall-Irkupru ta’ l-Assi li jkun qed jagħmel it-talba għandu jispeċifika l-oġġett tagħha, u r-raġunijet għat-talba u n-natura tal-proċedimenti. Għandu wkoll jipprovdi dettalji dwar il-proprjetà mmirata jew imfittxija (kontijiet bankarji, beni immobiljari, karrozzi, jottijiet u oġġetti oħra ta’ valur għoli) u/jew il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi preżunti li huma involuti (eż. ismijiet, indirizzi, dati u postijiet tat-twelid, data tar-reġistrazzjoni, azzjonisti, kwartieri ġenerali). Tali dettalji għandhom ikunu preċiżi kemm jista’ jkun.

    Artikolu 4

    Skambju spontanju ta’ informazzjoni bejn Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi

    1.   L-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi jew awtoritajiet oħrajn inkarigati li jiffaċilitaw ir-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati tal-kriminalità jistgħu, fil-limiti tal-liġi nazzjonali applikabbli u mingħajr talba għal dak l-effett, jiskambjaw informazzjoni li huma jikkunsidraw meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-kompiti ta’ Uffiċċju għall-Irkupru ta’ l-Assi ieħor biex jintlaħqu l-finijiet kif imniżżlin fl-Artikolu 1 (1).

    2.   L-Artikolu 3 għandu japplika fir-rigward ta’ informazzjoni taħt dan l-Artikolu mutatis mutandis.

    Artikolu 5

    Protezzjoni ta’ data

    1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li r-regoli stabbiliti dwar il-protezzjoni tad-data jiġu applikati wkoll fi ħdan il-proċedura dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence prevista minn din id-Deċiżjoni.

    2.   L-użu ta’ informazzjoni li tkun ġiet skambjata direttament jew b’mod bilaterali taħt din id-Deċiżjoni għandu jkun soġġett għad-disposizzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data ta’ l-Istat Membru destinatarju, fejn l-informazzjoni għandha tkun soġġetta għall-istess regoli dwar il-protezzjoni tad-data, bħallikieku din tkun inġabret fl-Istat Membru destinatarju. Id-data personali pproċessata fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tkun protetta skond il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward ta’ l-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali, u, għal dawk l-Istati Membri li rratifikawh, il-Protokoll Addizzjonali tat-8 ta’ Novembru 2001 għal dik il-Konvenzjoni, rigward l-Awtoritajiet Superviżorji u l-Flussi Traskonfini ta’ Data. Il-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni Nru R(87) 15 tal-Kunsill ta’ l-Ewropa li Tirregola l-Użu ta’ Data Personali fis-Settur tal-Pulizija għandhom ukoll jiġu kkunsidrati meta l-awtoritajiet ta’ l-infurzar tal-liġi jittrattaw data personali miksuba taħt din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 6

    Skambju ta’ l-aħjar prattiki

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Uffiċċji għall-Irkupru ta’ l-Assi għandhom jiskambjaw l-aħjar prattiki rigward modi biex tittejjeb l-effikaċja ta’ l-isforzi ta’ l-Istati Membri fir-rintraċċar u l-identifikazzjoni ta’ rikavati mill-kriminalità, u proprjetà oħra relatata magħha, li jistgħu jsiru l-oġġett ta’ ordni ta’ ffriżar, qbid jew konfiska minn awtorità ġudizzjarja kompetenti.

    Artikolu 7

    Relazzjoni ma’ arranġamenti eżistenti għal kooperazzjoni

    Id-Deċiżjoni preżenti għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn strumenti ta’ l-Unjoni Ewropea dwar assistenza legali reċiproka jew dwar rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet rigward kwistjonijiet kriminali, u minn ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi dwar assistenza legali reċiproka, u mid-Deċiżjoni 2000/642/ĠAI u mid-Deċiżjoni Kwadru 2006/960/ĠAI.

    Artikolu 8

    Implimentazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma jistgħu jikkooperaw bis-sħiħ skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni sat-18 ta’ Diċembru 2008. Sa l-istess data l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test ta’ kawlunkwe disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tagħhom li jippermettulhom jikkonformaw ma’ l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni.

    2.   Sakemm l-Istati Membri jkunu għadhom ma implimentawx id-Deċiżjoni Kwadru 2006/960/ĠAI, referenzi għad-Deċiżjoni Kwadru f’din id-Deċiżjoni preżenti għandhom jinqraw bħala referenzi għall-istrumenti applikabbli dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija bejn l-Istati Membri.

    3.   Sat-18 ta’ Diċembru 2010 il-Kunsill għandu jivvaluta l-konformità ta’ l-Istati Membri ma’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapport magħmul mill-Kummissjoni.

    Artikolu 9

    Applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effet mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 6 ta’ Diċembru 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. COSTA


    (1)  Opinjoni tat-12 ta’ Diċembru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45.

    (3)  ĠU L 68, 15.3.2005, p. 49.

    (4)  ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89.

    (5)  ĠU L 271, 24.10.2000, p. 4.


    Top