This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32006R1925
Regulation (EC) No 1925/2006 of the European Parliament and of the Council of 20 December 2006 on the addition of vitamins and minerals and of certain other substances to foods
Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 20 ta' Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel
Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 20 ta' Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel
ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26–38
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/07/2024
30.12.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
26 |
REGOLAMENT (KE) Nru 1925/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
ta' l-20 ta' Diċembru 2006
dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
Hemm varjetà kbira ta' nutrijenti u ingredjenti oħra li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta' l-ikel, inklużi, imma mhux biss, vitamini, minerali inklużi elementi ta' traċċa, amino aċidi, aċidi mxaħħma essenzjali, fibra, diversi pjanti u estratti ta' ħxejjex. Iż-żieda tagħhom ma' l-ikel hija regolata fl-Istati Membri minn regoli nazzjonali differenti li jfixklu l-moviment liberu ta' dawn il-prodotti, joħolqu kondizzjonijiet ta' żbilanċ fil-kompetizzjoni u b'hekk ikollhom impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern. Huwa għalhekk meħtieġ li jkunu adottati regoli Komunitarji li jarmonizzaw id-disposizzjonijiet nazzjonali li jirrelataw maż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel. |
(2) |
Dan ir-Regolament għandu l-għan li jirregola ż-żieda ta' vitamini u minerali ma' l-ikel u l-użu ta' ċerti sustanzi jew ingredjenti oħra li fihom sustanzi oħra barra vitamini jew minerali li huma miżjuda ma' l-ikel jew użati fil-manifattura ta' ikel taħt kondizzjonijiet li jirriżultaw fl-inġestjoni ta' ammonti li jaqbżu b'ħafna dawk raġonevolment mistennija li jiġu inġestiti taħt kondizzjonijiet normali ta' konsum ta' dieta bilanċjata u varjata u/jew kieku jirrappreżentaw riskju identifikat għall-konsumaturi. Fin-nuqqas ta' regoli Komunitarji speċifiċi dwar projbizzjoni jew restrizzjoni ta' l-użu ta' sustanzi jew ingredjenti li fihom sustanzi li mhumiex vitamini jew minerali taħt dan ir-Regolament jew taħt disposizzjonijiet Komunitarji speċifiċi oħra, regoli nazzjonali rilevanti jistgħu japplikaw mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tat-Trattat. |
(3) |
Xi Stati Membri jeħtieġu ż-żieda obbligatorja ta' xi vitamini u minerali ma' ċertu ikel ordinarju, għal raġunijiet dettati minn konsiderazzjonijiet ta' saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet jistgħu jkunu rilevanti fuq livell nazzjonali u anke reġjonali, iżda preżentement ma jiġġustifikawx l-armonizzazzjoni taż-żieda obbligatorja ta' nutrijenti fil-Komunità kollha. Madankollu, jekk u meta dan isir xieraq, tali disposizzjonijiet jistgħu jiġu adottati fuq livell Komunitarju. Sadanittant, ikun utli li tinġabar informazzjoni dwar tali miżuri nazzjonali. |
(4) |
Vitamini u minerali jistgħu jiżdiedu ma' l-ikel volontarjament mill-manifatturi ta' l-ikel jew għandhom jiżdiedu bħala sustanzi nutrittivi kif previst mil-leġislazzjoni Komunitarja speċifika. Dawn jistgħu jiżdiedu ukoll għal skopijiet teknoloġiċi bħala addittivi, sustanzi koloranti, ħwawar jew tali użi oħra inklużi prattiċi u proċessi enoloġiċi awtorizzati previsti mil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti. Jeħtieġ li dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli Komunitarji speċifiċi dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali jew l-użu tagħhom fi prodotti jew gruppi ta' prodotti speċifiċi jew iż-żieda tagħhom għal skopijiet għajr dawk li huma koperti b'dan ir-Regolament. |
(5) |
Peress li ġew adottati regoli dettaljati dwar supplimenti ta' ikel li fihom vitamini u minerali permezz tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mas-supplimenti ta' ikel (3), id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament rigward vitamini u minerali m'għandhomx japplikaw għas-supplimenti ta' l-ikel. |
(6) |
Vitamini u minerali jiġu miżjuda ma' l-ikel mill-manifatturi għal numru ta' skopijiet inkluż għar-restawr tal-kontenut tagħhom fejn dan ikun ġie mnaqqas matul il-proċeduri ta' manifattura, ħażna jew trattament jew sabiex ikun provdut valur nutrittiv simili għal ikel li għalih huma maħsuba bħala alternattivi. |
(7) |
F'ċirkustanzi normali, dieta adegwata u varjata tista' tipprovdi n-nutrijenti kollha meħtieġa għall-iżvilupp u ż-żamma normali ta' ħajja b'saħħitha fi kwantitajiet bħal dawk stabbiliti u rakkomandati minn data xjentifika ġeneralment aċċettabbli. Madankollu, stħarriġ juri li din is-sitwazzjoni ideali mhix qed tintlaħaq la għall-vitamini u l-minerali kollha u lanqas mill-gruppi kollha tal-popolazzjoni fil-Komunità. L-ikel li ġie miżjud b'vitamini u minerali jidher li jagħmel kontribut apprezzabbli għall-inġestjoni ta' dawn in-nutrijenti u bħala tali jista' jitqies li jagħmel kontribut pożittiv fl-inġestjoni ġenerali. |
(8) |
Jista' jintwera li fil-preżent fil-Komunità jeżistu, għalkemm mhux b'mod frekwenti ħafna, xi nuqqasijiet ta' nutrijenti. Tibdil fis-sitwazzjoni soċjo-ekonomika prevalenti fil-Komunità u fl-istili ta' ħajja ta' gruppi differenti tal-popolazzjoni wasslu għal ħtiġiet nutrittivi differenti u għal tibdil fid-drawwiet li jikkonċernaw id-dieta. Dan imbagħad wassal għal tibdil fil-ħtiġiet ta' enerġija u nutrijenti ta' gruppi varji tal-popolazzjoni u għal inġestjoni ta' ċerti vitamini u minerali minn dawn il-gruppi li tkun inqas minn dik rakkomandata fl-Istati Membri differenti. Minbarra dan, progress fit-tagħrif xjentifiku jindika li l-inġestjoni ta' xi nutrijenti għaż-żamma ta' l-aħjar kondizzjoni ta' saħħa u tal-benessri tista' tkun ogħla minn dik rakkomandata fil-preżent. |
(9) |
Dawk il-vitamini u minerali biss li normalment jinstabu fid-dieta u li jiġu kkunsmati bħala parti minnha u li jitqiesu bħala nutrijenti essenzjali għandhom ikunu permessi li jiżdiedu ma' l-ikel, għalkemm dan ma jfissirx li ż-żieda tagħhom hi meħtieġa. Il-kontroversja, li potenzjalment tista' tqum, rigward l-identità ta' dawn in-nutrijenti essenzjali għandha tiġi evitata. Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita lista pożittiva ta' dawn il-vitamini u minerali. |
(10) |
Is-sustanzi kimiċi użati bħala sorsi ta' vitamini u minerali li jistgħu jiżdiedu ma' l-ikel għandhom ikunu mingħajr periklu u għandhom ikunu wkoll bio-disponibbli, jiġifieri disponibbli għall-użu mill-ġisem. Għal din ir-raġuni għandha tiġi stabbilita wkoll lista pożittiva ta' dawn is-sustanzi. Dawk is-sustanzi li ġew approvati mill-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel f'Opinjoni espressa fit-12 ta' Mejju 1999, abbażi tal-kriterji ta' sigurtà u ta' biodisponibbiltà msemmija hawn fuq, u li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta' l-ikel intenzjonat għat-trabi u t-tfal żgħar, ta' ikel ieħor għal użu nutrittiv partikolari jew ta' supplimenti ta' ikel għandhom jidhru f'din il-lista pożittiva. Għalkemm il-klorur tas-sodju (melħ komuni) ma jidhirx fost is-sustanzi f'din il-lista, jista' jibqa' jintuża bħala ingredjent fit-tħejjija ta' l-ikel. |
(11) |
Sabiex wieħed iżżomm ruħu aġġornat ma' l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi, huwa importanti li, meta jkun meħtieġ, il-listi msemmija hawn fuq jiġu riveduti mill-ewwel. Tali reviżjonijiet huma miżuri implimentattivi ta' natura teknika u l-adozzjoni tagħhom għandha tiġi fdata lill-Kummissjoni sabiex il-proċedura tiġi ssimplifikata u mħaffa. |
(12) |
L-ikel li jiżdiedu miegħu vitamini u minerali fin-numru l-kbir ta' każijiet jiġi promoss minn dawk li jimmanifatturawh u jista' jitqies mill-konsumaturi bħala prodott li għandu vantaġġ nutrittiv, fiżjoloġiku jew vantaġġ ieħor għas-saħħa fuq prodotti simili jew prodotti oħra li m'għandhomx tali nutrijenti miżjuda. Dan jista' jħajjar lill-konsumatur biex jagħmel għażliet li kieku jistgħu ma jkunux mixtieqa. Sabiex jiġi miġġieled dan l-effett potenzjali mhux mixtieq, hu meqjus xieraq li jiġu mposti xi restrizzjonijiet fuq il-prodotti li jistgħu jiżdiedu magħhom vitamini u minerali, minbarra dawk li jirriżultaw b'mod naturali minn konsiderazzjonijiet teknoloġiċi jew li jsiru meħtieġa għal raġunijiet ta' sigurtà meta jiġu stabbiliti l-livelli massimi ta' vitamini u minerali f'tali prodotti. Il-kontenut fil-prodott ta' ċerti sustanzi, bħall-alkoħol, ikun, f'dan il-kuntest, kriterju xieraq sabiex ma jiġix permess li jiżdiedu miegħu vitamini u minerali. Kwalunkwe deroga mill-projbizzjoni taż-żieda ta' vitamini u minerali ma' xorb alkoħoliku għandha tkun limitata għall-protezzjoni ta' riċetti ta' l-inbid tradizzjonali, filwaqt li l-prodotti rilevanti jkunu notifikati lill-Kummissjoni. M'għandha ssir l-ebda indikazzjoni dwar kwalunkwe benefiċċji nutrittivi jew għas-saħħa taż-żidiet. Barra dan sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni għall-konsumatur rigward il-valur nutrittiv naturali ta' ikel frisk, lanqas għandu jiġi permess li jiżdiedu miegħu vitamini u minerali. |
(13) |
Dan ir-Regolament mhuwiex maħsub li jkopri l-użu ta' vitamini u minerali fi kwantitajiet ta' traċċa bħala indikaturi ta' awtentiċità wżati bil-għan li tkun miġġielda l-frodi. |
(14) |
Inġestjoni eċċessiva ta' vitamini u minerali tista' tirriżulta f'effetti ħżiena għas-saħħa u għalhekk hu meħtieġ li jiġu stabbiliti ammonti massimi għalihom meta jkunu miżjuda ma' l-ikel, skond kif ikun il-każ. Dawn l-ammonti jridu jiżguraw li l-użu normali tal-prodotti, skond l-istruzzjonijiet għall-użu pprovduti mill-manifattur u fil-kuntest ta' dieta diversifikata, ikunu sikuri għall-konsumatur. Għalhekk dawk l-ammonti għandhom ikunu livelli massimi totali ta' sigurtà għall-vitamini u l-minerali preżenti fl-ikel b'mod naturali u/jew miżjuda ma' l-ikel għal kwalunkwe skop, inkluż għal użi teknoloġiċi. |
(15) |
Għal dik ir-raġuni dawk l-ammonti massimi u kwalunkwe kondizzjonijiet oħra li jirrestrinġu ż-żieda tagħhom ma' l-ikel, fejn ikun meħtieġ, għandhom ikunu adottati waqt li jitqiesu l-livelli massimi ta' sigurtà tagħhom stabbiliti b'valutazzjoni xjentifika tar-riskju bbażata fuq data xjentifika ġeneralment aċċettabbli u l-inġestjoni potenzjali tagħhom minn ikel ieħor. Għandha ukoll titqies b'mod xieraq l-inġestjoni ta' referenza ta' vitamini u minerali mill-popolazzjoni. Fejn hu meħtieġ, għal ċerti vitamini u minerali, li jkunu stabbiliti restrizzjonijiet dwar l-ikel li magħhom jistgħu jiżdiedu (eż. iż-żieda tal-jodju mal-melħ), għandha tingħata prijorità lill-għanijiet tar-restawr tal-kontenut tagħhom fejn dan ġie mnaqqas matul il-proċessi ta' manifattura, ħażna jew trattament u tal-forniment ta' valur nutrittiv simili għall-ikel li għalih huma maħsuba bħala alternattivi. |
(16) |
Il-vitamini u minerali miżjuda ma' l-ikel għandhom jirriżultaw f'ammont minimu li jkun preżenti fl-ikel. Inkella l-preżenza ta' ammonti żgħar wisq u insinifikanti f'dan l-ikel imsaħħaħ ma tkun toffri ebda benefiċċju għal konsumaturi u tkun qed tqarraq. L-istess prinċipju huwa l-bażi tal-ħtieġa li dawn in-nutrijenti għandhom ikunu preżenti f'ammont sinifikanti fl-ikel sabiex ikun permess li jiġu ddikjarati fit-tikkettar tan-nutrizzjoni. Għalhekk ikun xieraq li l-ammonti minimi ta' vitamini u minerali fl-ikel li miegħu żdiedu dawk l-vitamini u minerali għandhom ikunu l-istess bħal dawk l-ammonti sinifikanti li għandhom ikunu preżenti sabiex dawk in-nutrijenti jkunu ddikjarati fit-tikkettar tan-nutrizzjoni sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn derogi xierqa. |
(17) |
L-adozzjoni ta' ammonti massimi u ta' kwalunkwe kondizzjoni ta' użu bbażati fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji u l-kriterji stipulati f'dan ir-Regolament u l-adozzjoni ta' livelli minimi jkunu miżuri implimentattivi ta' natura teknika u l-adozzjoni tagħhom għandha tiġi fdata lill-Kummissjoni sabiex il-proċedura tiġi ssimplifikata u mħaffa. |
(18) |
Id-disposizzjonijiet u d-definizzjonijiet ġenerali dwar it-tikkettar jinsabu fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma't-tikkettar, preżentazzjoni u reklamar ta' oġġetti ta' l-ikel (4). Għalhekk dan ir-Regolament għandu jkun limitat għad-disposizzjonijiet addizzjonali meħtieġa. Dawk id-disposizzjonijiet addizzjonali għandhom japplikaw ukoll mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet ta' nutrizzjoni u saħħa magħmula fuq l-ikel (5). |
(19) |
Meta titqies l-importanza nutrittiva tal-prodotti li magħhom żdiedu vitamini u minerali u l-impatt potenzjali tagħhom fuq id-drawwiet li jikkonċernaw id-dieta u l-inġestjoni ġenerali ta' nutrijenti, il-konsumatur għandu jkun jista' jevalwa l-kwalità nutrittiva ġenerali ta' dawk il-prodotti. Għalhekk, b'deroga mill-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE ta' l-24 ta' Settembru 1990 dwar it-tikkettar tan-nutrizzjoni għall-oġġetti ta' l-ikel (6), it-tikkettar tan-nutrizzjoni għandu jkun obbligatorju. |
(20) |
Dieta normali u varjata fiha ħafna ingredjenti, li min-naħa tagħhom fihom ħafna sustanzi. L-inġestjoni ta' dawn is-sustanzi jew ingredjenti li tirriżulta mill-użu normali u tradizzjonali tagħhom fid-dieti attwali ma tikkawżax tħassib u m'hemmx bżonn li tkun regolata. Xi sustanzi barra mill-vitamini u minerali jew ingredjenti li dawn ikun fihom jiġu miżjuda ma' l-ikel bħala estratti jew konċentrati u jistgħu jirriżultaw f'inġestjoni li hija ogħla b'mod sinifikanti minn dawk li jistgħu jiġu inġeriti meta wieħed jiekol dieta adegwata u varjata. Is-sigurtà ta' tali prattiċi hija, f'ċerti każi, kontestata serjament u l-benefiċċji m'humiex ċari; għalhekk għandhom jiġu regolati. Huwa xieraq, f'tali każijiet, li l-operaturi ta' l-industrija ta' l-ikel, responsabbli mis-sigurtà ta' l-ikel li huma jqiegħdu fis-suq, jassumu l-piż tal-prova fir-rigward tas-sigurtà tagħhom. |
(21) |
Meta titqies in-natura partikolari ta' l-ikel li jiġi miżjud b'vitamini u minerali, għandhom ikunu disponibbli mezzi addizzjonali għal dawk li s-soltu jkunu disponibbli għall-korpi ta' monitoraġġ sabiex jiffaċilitaw il-monitoraġġ effiċjenti ta' dawk il-prodotti. |
(22) |
Billi l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jkun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern fir-rigward taż-żieda ta' vitamini u minerali u ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel filwaqt li jkun ipprovdut livell għoli ta' protezzjoni għal-konsumatur, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista' għaldaqstant jintlaħaq aħjar fuq livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' l-proporzjonalità, kif stabbilit f' dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan. |
(23) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati b'mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni (7), |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jarmonizza d-disposizzjonijiet imniżżla permezz ta' liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu maż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel, bil-għan li jkun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern, filwaqt li jkun provdut livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.
2. Id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar vitamini u minerali m'għandhomx japplikaw għal supplimenti ta' l-ikel koperti bid-Direttiva 2002/46/KE.
3. Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet speċifiċi mniżżla fil-leġislazzjoni Komunitarja dwar:
(a) |
ikel għal użi nutrittivi partikolari u, fin-nuqqas ta' disposizzjonijiet speċifiċi, rekwiżiti kompożizzjonali ta' tali prodotti magħmula neċessarji mill-ħtiġiet nutrittivi partikolari tal-persuni li għalihom huma maħsuba; |
(b) |
ikel ġdid u ingredjenti ta' l-ikel ġodda; |
(ċ) |
ikel modifikat ġenetikament; |
(d) |
additivi u ħwawar ta' l-ikel; |
(e) |
prattiċi u proċessi enoloġiċi awtorizzati. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:
(1) |
“Awtorità” tfisser l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u r-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-Ikel u jistabbilixxi proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (8); |
(2) |
“sustanza oħra” tfisser sustanza apparti minn vitamina jew minerali li għandha effett nutrittiv jew fiżjoloġiku. |
KAPITOLU II
ŻIEDA TA' VITAMINI U MINERALI
Artikolu 3
Rekwiżiti għaż-żieda ta' vitamini u minerali
1. Il-vitamini u/jew il-minerali elenkati fl-Anness I biss, fil-forom elenkati fl-Anness II, jistgħu jiġu miżjuda ma' l-ikel, skond ir-regoli mniżżla f'dan ir-Regolament.
2. Vitamini u minerali f'forma li hija bijodisponibbli għall-ġisem tal-bniedem jistgħu jiġu miżjuda ma' l-ikel, kemm jekk is-soltu jkun fih minnhom u kemm jekk le, sabiex jittieħed kont b'mod partikolari ta':
(a) |
defiċjenza ta' vitamina u/jew mineral wieħed jew aktar fil-popolazzjoni jew fi gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni li tista' tintwera permezz ta' evidenza klinika jew sub-klinika ta' defiċjenza jew indikata permezz ta' livelli baxxi stmati ta' inġestjoni ta' nutrijenti; jew |
(b) |
il-potenzjal li jittejjeb l-istatus nutrittiv tal-popolazzjoni jew ta' gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni u/jew jiġu korretti defiċjenzi possibbli fl-inġestjoni djetetika ta' vitamini jew minerali minħabba bidliet fid-drawwiet djetetiċi; jew |
(ċ) |
għarfien xjentifiku li qed jevolvi u li hu aċċettat b'mod ġenerali dwar ir-rwol tal-vitamini u l-minerali fin-nutrizzjoni u l-effetti fuq is-saħħa b'riżultat ta' dan. |
3. Il-modifiki għal-listi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), b'kont meħud ta' l-opinjoni ta' l-Awtorità.
Qabel ma tagħmel dawn il-modifiki, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet interessati, b'mod partikolari lill-operaturi ta' negozji ta' l-ikel u gruppi tal-konsumaturi.
Artikolu 4
Restrizzjonijiet fuq iż-żieda ta' vitamini u minerali
Vitamini u minerali ma jistgħux jiġu miżjuda ma':
(a) |
oġġetti ta' l-ikel mhux proċessati, inklużi, imma mhux biss, frott, ħaxix, laħam, laħam tat-tjur u ħut; |
(b) |
xorb li fih aktar minn 1,2 % b'volum ta' alkoħol, ħlief u b'deroga mill-Artikolu 3(2), għall-prodotti:
u kemm-il darba ma ssir l-ebda indikazzjoni nutrittiva jew ta' saħħa. |
Ikel jew kategoriji ta' ikel addizzjonali li magħhom ma jistgħux jiġu miżjuda vitamini u minerali partikulari jistgħu jiġu determinati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2) fid-dawl ta' evidenza xjentifika u b'kont meħud tal-valur nutrittiv tagħhom.
Artikolu 5
Kriterji ta' purità
1. Il-kriterji ta' purità għal formulazzjonijiet ta' vitamini u sustanzi ta' minerali elenkati fl-Anness II għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), ħlief fejn japplikaw skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.
2. Il-kriterji ta' purità għal formulazzjonijiet ta' vitamini u sustanzi ta' minerali elenkati fl-Anness II, speċifikati b'leġislazzjoni Komunitarja għall-użu tagħhom fil-manifattura ta' oġġetti ta' l-ikel għal finijiet għajr dawk koperti minn dan ir-Regolament, għandhom japplikaw.
3. Għal dawk il-formulazzjonijiet ta' vitamini u sustanzi ta' minerali elenkati fl-Anness II li għalihom il-kriterji ta' purità mhumiex speċifikati mil-leġislazzjoni Komunitarja, u sakemm tali speċifikazzjonijiet jiġu adottati, kriterji ta' purità aċċettati b'mod ġenerali rakkomandati minn korpi internazzjonali għandhom ikunu applikabbli u regoli nazzjonali li jistabbilixxu kriterji ta' purità aktar stretti jistgħu jinżammu.
Artikolu 6
Kondizzjonijiet għaż-żieda ta' vitamini u minerali
1. Meta xi vitamina jew mineral jiżdiedu ma' l-ikel, l-ammont totali tal-vitamina jew tal-mineral preżenti, ikun x'ikun il-għan, fl-ikel kif mibjugħ m'għandux jaqbeż l-ammonti massimi li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2). Il-Kummissjoni, għal dan il-għan, tista' tippreżenta proposti għall-ammonti massimisa tad-19 ta' Jannar 2009. Għal prodotti konċentrati u deidrati, l-ammonti massimi stabbiliti għandhom ikunu dawk preżenti fl-ikel meta mħejji għall-konsum skond l-istruzzjonijiet tal-manifatturi.
2. Kwalunkwe kondizzjonijiet li jimponu restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq iż-żieda ta' xi vitamina jew mineral speċifiċi ma' xi ikel jew kategorija ta' ikel għandha tkun adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).
3. L-ammonti massimi msemmija fil-paragrafu 1 u l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu stabbiliti b'kont meħud ta':
(a) |
livelli massimi ta' sigurtà ta' vitamini u minerali stabbiliti b'valutazzjoni tar-riskju xjentifika bbażata fuq data xjentifika aċċettabbli b'mod ġenerali, b'kont meħud, skond il-każ, tad-diversi livelli ta' sensittività ta' gruppi differenti ta' konsumaturi; u |
(b) |
inġestjoni ta' vitamini u minerali minn sorsi djetetiċi oħra. |
4. Meta jiġu stabbiliti l-ammonti massimi msemmija fil-paragrafu 1 u l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, għandu jittieħed kont dovut ta' l-inġestjoni ta' referenza ta' vitamini u minerali għall-popolazzjoni.
5. Meta l-ammonti massimi msemmija fil-paragrafu 1 u l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 huma stabbiliti għall-vitamini u l-minerali li l-inġestjoni ta' referenza tagħhom għall-popolazzjoni hija qrib il-livelli massimu ta' sigurtà, għandu jitqies ukoll dan li ġej, kif meħtieġ:
(a) |
il-kontribut ta' prodotti individwali għad-dieta globali tal-popolazzjoni in ġenerali jew ta' sub-gruppi tal-popolazzjoni; |
(b) |
il-profil nutrittiv tal-prodott stabbilit kif previst mir-Regolament (KE) Nru 1924/2006. |
6. Iż-żieda ta' vitamina jew mineral ma' xi ikel għandha tirriżulta fil-preżenza ta' dik il-vitamina jew mineral fl-ikel mill-inqas f'ammont sinifikanti fejn dan hu definit skond l-Anness għad-Direttiva 90/496/KEE. L-ammonti minimi, inkluż kwalunkwe ammont aktar baxx, b'deroga mill-ammonti sinifikattivi msemmija hawn fuq, għal ikel jew kategoriji ta' ikel speċifiċi għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).
Artikolu 7
Ittikettar, preżentazzjoni u reklamar
1. L-ittikettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta' ikel li miegħu ġew miżjuda vitamini u minerali m'għandhom jinkludu l-ebda tismija li tgħid jew li timplika li dieta bilanċjata u varjata ma tistax tipprovdi kwantitajiet addattati ta' nutrijenti. Fejn ikun il-każ tista' tiġi adottata deroga dwar nutrijent speċifiku skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).
2. L-ittikettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta' ikel li miegħu ġew miżjuda vitamini u minerali m'għandhomx jiggwidaw ħażin lill-konsumatur jew iqarrqu bih fir-rigward tal-mertu nutrittiv ta' xi ikel li jista' jirriżulta miż-żieda ta' dawn in-nutrijenti.
3. L-ittikettar nutrittiv ta' prodotti li magħhom ġew miżjuda vitamini u minerali u li huma koperti minn dan ir-Regolament għandu jkun obbligatorju. L-informazzjoni li għandha tkun provduta għandha tikkonsisti minn dik speċifikata fl-Artikolu 4(1), Grupp 2 tad-Direttiva 90/496/KEE u mill-ammonti totali preżenti tal-vitamini u l-minerali meta miżjuda ma' l-ikel.
4. L-ittikettar ta' prodotti li magħhom ġew miżjuda vitamini u minerali jista' jkollhom dikjarazzjoni li tindika tali żieda taħt il-kondizzjonijiet imniżżla fir-Regolament (KE) Nru 1924/2006.
5. Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet oħra ta' liġi dwar l-ikel applikabbli għal kategoriji speċifiċi ta' ikel.
6. Regoli għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu jistgħu jkunu speċifikati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).
KAPITOLU III
ŻIEDA TA' ĊERTI SUSTANZI OĦRA
Artikolu 8
Sustanzi projbiti, ristretti, jew taħt skrutinju Komunitarju
1. Il-proċedura prevista f'dan l-Artikolu għandha tkun segwita fejn sustanza li mhix vitamina jew mineral, jew ingredjent li fih sustanza li mhix vitamina jew mineral, ikunu miżjuda ma' l-ikel jew użati fil-manifattura ta' l-ikel taħt kundizzjonijiet li kieku jirriżultaw fl-inġestjoni ta' ammonti ta' din is-sustanza li jaqbżu sew dawk raġonevolment mistennija li jkunu inġeriti taħt kondizzjonijiet normali ta' konsum ta' dieta bilanċjata u varjata u/jew kieku jirrappreżentaw bi kwalunkwe mod ieħor riskju potenzjali għall-konsumaturi.
2. Fuq l-inizjattiva tagħha stess jew abbażi ta' informazzjoni provduta mill-Istati Membri, l-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni, f'kull każ wara valutazzjoni ta' l-informazzjoni disponibbli mill-Awtorità u skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), sabiex tinkludi, jekk ikun meħtieġ, is-sustanza jew l-ingredjent fl-Anness III. B'mod partikolari:
(a) |
jekk ġie identifikat effett dannuż għas-saħħa, is-sustanza u/jew l-ingredjent li fih is-sustanza għandhom:
|
(b) |
jekk tkun identifikata l-possibbiltà ta' effetti dannużi għas-saħħa imma tippersisti inċertezza xjentifika, is-sustanza għandha titqiegħed fil-Parti Ċ ta' l-Anness III. |
3. Id-disposizzjonijiet Komunitarji applikabbli għal ikel speċifikat jistgħu jistipulaw restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti sustanzi barra dawk imniżżla f'dan ir-Regolament.
4. Operaturi ta' l-industrija ta' l-ikel, jew kwalunkwe parti oħra interessata, jistgħu fi kwalunkwe mument jippreżentaw għal valutazzjoni lill-Awtorità fajl li jkun fih data xjentifika li turi s-sigurtà ta' sustanza elenkata fl-Anness III, Parti Ċ taħt il-kondizzjonijiet għall-użu tagħha f'ikel jew f'kategorija ta' ikel u jispjegaw l-għan ta' dak l-użu. L-Awtorità għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni dwar il-preżentazzjoni u għandha tqiegħed il-fajl għad-disposizzjoni tagħhom.
5. Fi żmien erba' snin mid-data li fiha sustanza tkun ġiet elenkata fl-Anness III, Parti Ċ, għandha tittieħed deċiżjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2) u b'kont meħud ta' l-opinjoni ta' l-Awtorità dwar kwalunkwe fajl ippreżentat għal valutazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, sabiex b'mod ġenerali jkun permess l-użu ta' sustanza elenkata fl-Anness III, Parti Ċ jew tiġi elenkata fl-Anness III, Parti A jew B, skond il-każ.
6. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), regoli ta' implimentazzjoni għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, inklużi regoli dwar il-preżentazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.
KAPITOLU IV
DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 9
Reġistru Komunitarju
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm Reġistru Komunitarju dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra ma' l-ikel, minn hawn 'l quddiem imsejjaħ “ir-Reġistru”.
2. Ir-Reġistru għandu jinkludi dan li ġej:
(a) |
il-vitamini u l-minerali li jistgħu jiġu miżjuda ma' l-ikel kif elenkat fl-Anness I; |
(b) |
il-formulazzjonijiet ta' vitamini u sustanzi minerali li jistgħu jiġu miżjuda ma' l-ikel kif elenkat fl-Anness II; |
(ċ) |
l-ammonti massimi u minimi ta' vitamini u minerali li jistgħu jiġu miżjuda ma' l-ikel u kwalunkwe kondizzjonijiet assoċjati stabbiliti skond l-Artikolu 6; |
(d) |
l-informazzjoni fir-rigward ta' disposizzjonijiet nazzjonali dwar iż-żieda obbligatorja ta' vitamini u minerali msemmija fl-Artikolu 11; |
(e) |
kwalunkwe restrizzjoni fuq iż-żieda ta' vitamini u minerali kif stabbilit fl-Artikolu 4; |
(f) |
is-sustanzi li għalihom ġew preżentati inkartamenti kif imsemmi fl-Artikolu 17(1)(b); |
(g) |
informazzjoni dwar is-sustanzi msemmija fl-Anness III u r-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom hemmhekk; |
(h) |
informazzjoni dwar is-sustanzi elenkati fl-Anness III, Parti Ċ, li l-użu tagħhom huwa ġeneralment permess kif imsemmi fl-Artikolu 8(5). |
3. Ir-Reġistru għandu jitqiegħed għad-disposizzjoni tal-pubbliku.
Artikolu 10
Moviment liberu ta' merkanzija
Mingħajr preġudizzju għat-Trattat, b'mod partikolari l-Artikoli 28 u 30 tiegħu, l-Istati Membri m' għandhomx joħolqu restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq il-kummerċ fl-ikel li huwa konformi ma' dan ir-Regolament u atti Komunitarji adottati għall-implimentazzjoni tiegħu bl-applikazzjoni ta' disposizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati li jirregolaw iż-żieda ta' vitamini u minerali ma' l-ikel.
Artikolu 11
Disposizzjonijiet nazzjonali
1. Sa tad-19 ta' Lulju 2007, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar disposizzjonijiet nazzjonali eżistenti dwar iż-żieda obbligatorja ta' vitamini u minerali u ta' prodotti koperti mid-deroga stipulata fl-Artikolu 4(b).
2. Jekk Stat Membru, fin-nuqqas ta' disposizzjonijiet Komunitarji, jikkunsidra li huwa meħtieġ li tiġi adottata leġislazzjoni ġdida:
(a) |
dwar iż-żieda obbligatorja ta' vitamini u minerali ma' ikel jew kategoriji ta' ikel speċifikati; jew |
(b) |
dwar il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni fuq l-użu ta' ċerti sustanzi oħra fil-manifattura ta' ikel speċifikat, |
hu għandu jinnotifika lill-Kummissjoni skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 12.
Artikolu 12
Proċedura ta' notifika
1. Jekk Stat Membru jikkonsidra li hu meħtieġ li tiġi adottata leġislazzjoni ġdida, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri maħsuba u jagħti r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.
2. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 14(1), jekk tikkunsidra li tali konsultazzjoni hija utli jew jekk Stat Membru jitlob hekk, u għandha tagħti opinjoni dwar il-miżuri maħsuba.
3. L-Istat Membru konċernat jista' jieħu l-miżuri maħsuba biss sitt xhur wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, u sakemm l-opinjoni tal-Kummissjoni ma tkunx waħda negattiva.
Jekk l-opinjoni tal-Kummissjoni tkun waħda negattiva, għandha tiddetermina, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2) u qabel l-iskadenza tal-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, jekk il-miżuri maħsuba jistgħux jiġu implimentati. Il-Kummissjoni tista' titlob li jsiru ċerti emendi għall-miżuri maħsuba.
Artikolu 13
Miżuri ta' salvagwardja
1. Meta Stat Membru għandu raġunijiet serji sabiex iqis li prodott iqiegħed f'periklu s-saħħa tal-bniedem għalkemm jikkonforma ma' dan ir-Regolament, dak l-Istat Membru jista' temporanjament jissospendi jew joħloq restrizzjonijiet fuq l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet in kwistjoni fit-territorju tiegħu.
Huwa għandu jinforma minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'dan u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.
2. Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), għandha tittieħed deċiżjoni, fejn xieraq wara li tinkiseb opinjoni mill-Awtorità.
Il-Kummissjoni tista' tibda din il-proċedura fuq inizjattiva tagħha stess.
3. L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 jista' jżomm is-sospensjoni jew ir-restrizzjoni sakemm id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 tkun ġiet notifikata lilu.
Artikolu 14
Proċedura ta' Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali stabbilit mill-Artikolu 58 (1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”.
2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jittieħed kont tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perjodu mniżżel fl-Artikolu 5(6) tad-Deċizjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.
3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.
Artikolu 15
Monitoraġġ
Sabiex ikun faċilitat il-monitoraġġ effiċjenti ta' ikel li miegħu ġew miżjuda vitamini u minerali, u ta' l-ikel li fih is-sustanzi elenkati fl-Anness III, Partijiet B u Ċ, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-manifattur jew il-persuna li jqiegħed tali ikel fuq is-suq fit-territorju tagħhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti b'dak it-tqegħid fuq is-suq billi jipprovdu mudell tat-tikketta użata għall-prodott. F'tali każijiet, tista' tkun meħtieġa wkoll informazzjoni dwar l-irtirar tal-prodott mis-suq.
Artikolu 16
Valutazzjoni
Sa ta' l-1 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-effetti ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-evoluzzjoni tas-suq fl-ikel li miegħu ġew miżjuda vitamini u minerali, il-konsum tagħhom, l-inġestjoni ta' sustanzi nutrittivi mill-popolazzjoni u t-tibdil fid-drawwiet ta' dieta, u ż-żieda ta ċerti sustanzi oħra, flimkien ma' kwalunkwe proposta għal emenda għal dan ir-Regolament li l-Kummissjoni tqis meħtieġa. F'dan il-kuntest l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti meħtieġa lill-Kummissjoni sa ta' l-1 ta' Lulju 2012. Regoli għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu speċifikati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).
Artikolu 17
Miżuri transitorji
1. B'deroga mill-Artikolu 3(1) u sa tad-19 ta' Jannar 2014, l-Istati Membri jistgħu jippermettu fit-territorju tagħhom l-użu ta' vitamini u minerali li mhumiex elenkati fl-Anness I, jew f'forom li mhumiex elenkati fl-Anness II, kemm-il darba:
(a) |
is-sustanza in kwistjoni hija wżata għal żieda ma' ikel kummerċjalizzat fil-Komunità fi tad-19 ta' Jannar 2007, u |
(b) |
l-Awtorità ma tatx opinjoni mhux favorevoli fir-rigward ta' l-użu ta' dik is-sustanza, jew l-użu tagħha f'dik il-forma, fil-manifattura ta' l-ikel, abbażi ta' inkartament li jsostni l-użu tas-sustanza in kwistjoni li għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Istat Membru sa mhux aktar tard minn tad-19 ta' Jannar 2010. |
2. Sa tad-19 ta' Jannar 2014, l-Istati Membri jistgħu, skond ir-regoli tat-Trattat, ikomplu japplikaw ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet nazzjonali eżistenti fuq il-kummerċ f'ikel li miegħu ġew miżjuda vitamini u minerali li mhumiex inklużi fil-lista fl-Anness I jew fil-forom mhux elenkati fl-Anness II.
3. L-Istati Membri jistgħu, bi qbil mar-regoli tat-Trattat, ikomplu japplikaw disposizzjonijiet nazzjonali eżistenti fuq ammonti massimi u minimi ta' vitamini u minerali elenkati fl-Anness I miżjuda ma' l-ikel u taħt il-kondizzjonijiet applikabbli għal din iż-żieda sakemm jiġu adottati l-miżuri Komunitarji korrispondenti skond l-Artikolu 6 jew taħt disposizzjonijiet Komunitarji speċifiċi oħra.
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika minn ta' l-1 ta' Lulju 2007.
Ikel imqiegħed fuq is-suq jew li ġie tikkettat qabel ta' l-1 ta' Lulju 2007 li ma jikkonformax ma' dan ir-Regolament jista' jiġi kummerċjalizzat sad-data ta' l-iskadenza tiegħu, iżda mhux aktar tard minn tal-31 ta' Diċembru 2009.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussel, fil-20 ta' Diċembru 2006
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
Għall-Kunsill
Il-President
J. KORKEAOJA
(1) ĠU C 112, 30.4.2004, p. 44.
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2005, (ĠU C 117 E, 18.5.2006, p. 206), posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2005 (ĠU C 80 E, 4.4.2006, p. 27 ) u posizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Mejju 2006 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tat-12 ta' Ottubru 2006.
(3) ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51. Direttiva kif emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/37/KE (ĠU L 94, 1.4.2006, p. 32).
(4) ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2003/89/KE (ĠU L 308, 25.11.2003, p. 15).
(5) Ara paġna 9 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(6) ĠU L 276, 6.10.1990, p. 40. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/120/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 333, 20.12.2003, p. 51).
(7) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(8) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).
(9) ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2165/2005 (ĠU L 345, 28.12.2005, p. 1).
ANNESS I
VITAMINI U MINERALI LI JISTGĦU JIĠU MIŻJUDA MA' L-IKEL
1. Vitamini
Vitamina A
Vitamina D
Vitamina E
Vitamina K
Vitamina B1
Vitamina B2
Niaċina
Aċidu Pantoteniku
Vitamina B6
Aċidu Foliku
Vitamina B12
Bijotina
Vitamina Ċ
2. Minerali
Kalċju
Manjesju
Ħadid
Ram
Jodju
Zingu
Manganiż
Sodju
Potassju
Silenju
Kromju
Molibdenu
Fluworidu
Klorur
Fosforu
ANNESS II
FORMULAZZJONIJIET TA' VITAMINI U SUSTANZI MINERALI LI JISTGĦU JIĠU MIŻJUDA MA' L-IKEL
1. Formulazzjonijiet ta' Vitamini
VITAMINA A
retinol
aċetat tar-retinil
palmitat tar-retinil
beta-karoten
VITAMINA D
kolekaċiferol
ergokalċiferol
VITAMINA E
D-alfa-tokoferol
DL-alfa-tokoferol
aċetat ta' D-alfa-tokoferil
aċetat ta' DL-alfa-tokoferil
suċċinat aċidu ta' D-alfa-tokoferil
VITAMINA K
fillokinona (fitomenadjona)
VITAMINA B1
idroklorur tat-tijamina
mononitrat tat-tijamina
VITAMINA B2
riboflavin
riboflavin 5'-fosfat, sodju
NIAĊINA
aċidu nikotiniku
nicotinamide
AĊIDU PANTOTENIKU
D-pantotenat, kalċju
D-pantotenat, sodju
dexpantenol
VITAMINA B6
idroklorur tal-piridossina
piridossina 5'-fosfat
dipalmitat tal-piridossina
AĊIDU FOLIKU
aċidu pterojlmonoglutamiku
VITAMINA B12
ċjanokobalamina
idrossokobalamina
BIJOTINA
D-bijotina
VITAMINA Ċ
aċidu L-assorbiku
L-assorbat tas-sodju
L-assorbat tal-kalċju
L-assorbat tal-potassju
L-assorbil 6-palmitat
2. SUSTANZI MINERALI
karbunat tal-kalċju
klorur tal-kalċju
melħ tal-kalċju ta' l-aċidu ċitriku
glukonat tal-kalċju
gliċerofosfat tal-kalċju
laktat tal-kalċju
melħ tal-kalċju ta' l-aċidu ortofosforiku
idrossidu tal-kalċju
ossidu tal-kalċju
sulfat tal-kalċju
aċetat tal-manjesju
karbunat tal-manjesju
klorur tal-manjesju
melħ tal-manjesju ta' l-aċidu ċitriku
glukonat tal-manjesju
gliċerofosfat tal-manjesju
melħ tal-manjesju ta' l-aċidu ortofosforiku
laktat tal-manjesju
idrossidu tal-manjesju
ossidu tal-manjesju
sulfat tal-manjesju
karbunat ferruż
ċitrat ferruż
ċitrat ferriku ta' l-ammonju
glukonat ferruż
fumarat ferruż
difosfat ferriku tas-sodju
laktat ferruż
sulfat ferruż
difosfat ferriku (pirofosfat ferriku)
sakkarat ferriku
ħadid elementari (karbonil+elettrolitiku+idroġenu mnaqqas)
karbunat tar-ram
ċitrat tar-ram
glukonat tar-ram
sulfat tar-ram
kumpless ram-lisin
jodur tas-sodju
jodat tas-sodju
jodur tal-potassju
jodat tal-potassju
aċetat taż-żingu
klorur taż-żingu
ċitrat taż-żingu
glukonat taż-żingu
laktat taż-żingu
ossidu taż-żingu
karbunat taż-żingu
sulfat taż-żingu
karbunat tal-manganiż
klorur tal-manganiż
ċitrat tal-manganiż
glukonat tal-manganiż
gliċerofosfat tal-manganiż
sulfat tal-manganiż
bikarbonat tas-sodju
karbonat tas-sodju
ċitrat tas-sodju
glukonat tas-sodju
laktat tas-sodju
idrossidu tas-sodju
melħ tas-sodju ta' l-aċidu ortofosforiku
selenat tas-sodju
idroġenu selenit tas-sodju
selenit tas-sodju
fluworidu tas-sodju
fluworidu tal-potassju
bikarbunat tal-potassju
karbunat tal-potassju
klorur tal-potassju
ċitrat tal-potassju
glukonat tal-potassju
gliċerofosfat tal-potassju
laktat tal-potassju
idrossidu tal-potassju
melħ tal-potassju ta' l-aċidu ortofosforiku
klorur tal-kromju (III) u l-eżaidrat tiegħu
sulfat tal-kromju (III) u l-eżaidrat tiegħu
molibdat ta' l-ammonju (molibdenu (VI))
molibdat tas-sodju (molibdenu (VI))
ANNESS III
SUSTANZI LI L-UŻU TAGĦHOM FL-IKEL HUWA PROJBIT, RISTRETT JEW TAĦT SKRUTINJU KOMUNITARJU
Parti A — Sustanzi projbiti
Parti B — Sustanzi ristretti
Parti Ċ — Sustanzi taħt skrutinju Komunitarju