EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0590

Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l- 1 ta' Settembru 2006 li temenda d-Deċiżjonijiet 94/360/KE u 2001/812/KE fir-rigward ta' kontrolli veterinarji fuq prodotti minn pajjiżi terzi (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 3868) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 240, 2.9.2006, p. 11–14 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 142M, 5.6.2007, p. 3–6 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R2129

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/590/oj

5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-1 ta' Settembru 2006

li temenda d-Deċiżjonijiet 94/360/KE u 2001/812/KE fir-rigward ta' kontrolli veterinarji fuq prodotti minn pajjiżi terzi

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 3868)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/590/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq il-prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (1) u b' mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/360/KE dwar il-frekwenza mnaqqsa ta' kontrolli fiżiċi fuq kunsinni ta' ċerti prodotti li għandhom jiġu importati minn pajjiżi terzi, taħt id-Direttiva tal-Kunsill 90/675/ŻEE (2) postijiet ta' spezzjonijiet fuq il-fruntiera huma mitluba li jżommu rekords ta' kontrolli fuq ċerti prodotti importati fil-Komunità.

(2)

Is-sistema kompjuterizzata veterinarja integrata (Traces) ġiet introdotta permezz tad-Deċiżjoni 2004/292/KE tat-30 ta' Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces u bl-emendar tad-Deċiżjoni 92/486/ŻEE (3) għar-reġistrazzjoni tad-data dwar l-importazzjonijiet kollha ta' annimali u ta' prodotti ta' l-annimali minn pajjiżi terzi u l-produzzjoni ta' dokumenti veterinarji komuni fil-postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntiera. Veterinarji uffiċjali u l-istaff tagħhom mhumiex mitluba aktar sabiex iżommmu reġistri jew rekords oħra fuq dawn l-importazzjonijiet. Id-Deċiżjoni 94/360/KE għandha tiġi emendata sabiex tevita d-duplikazzjoni ta' sforz f'dak li għandu x'jaqsam mar-reġistrar ta' ċerti data fil-postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntiera.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/309/KE, Euratom ta' l-4 ta' April 2002 dwar il-konklużjoni ta' seba' Ftehimiet mal-Konfederazzjoni Żvizzera (4) tapprova, fost ħwejjeġ oħra, Ftehim fuq il-kummerċ fil-prodotti agrikoli. Il-Frekwenzi tal-kontrolli ta' ċerti prodotti ta' l-annimali fil-postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntiera huma stipulati f-Appendiċi 10 ta' l-Anness 11 għal dan il-Ftehim. L-Anness II għad-Deċiżjoni 94/360/KE għandu jiġi aġġornat sabiex jagħmel referenza għal dawn id-dispożizzjonijiet.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/979/KE tat-18 ta' Novembru 2002 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika taċ-Ċili, min-naħa l-oħra (5) tapprova dan il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Il-Frekwenzi tal-kontrolli ta' ċerti prodotti ta' l-annimali fil-postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntiera huma stipulati fid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. L-Anness II għad-Deċiżjoni 94/360/KE għandu jiġi aġġornat sabiex jagħmel referenza għal dawn id-dispożizzjonijiet.

(5)

Id-Deċijoni tal-Kummissjoni 2001/812/KE tal-21 ta' Novembru 2001 li tistipula r-rekwiżiti għall-approvazzjoni ta' postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntiera responsabbli għal kontrolli veterinarji fuq prodotti introdotti fil-Komunità minn pajjiżi terzi (6) tipprevedi l-operat ta' postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntiera skond id-Direttiva 97/78/KE.

(6)

Fl-istess waqt jinħtieġu xi tibdiliet għat-test ta' 2001/812/KE fid-dawl ta' l-esperjenza ta' l-iffaċilitar tal-kummerċ f'ċerti prodotti sekondarji ta' l-annimali sabiex jippermetti flessibilità akbar fil-ġestjoni ta' prodotti li jaqgħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ottubru 2002 li jistipula r-regoli tas-saħħa li jikkonċernaw il-prodotti sekondarji ta' l-annimali li mhumiex maħsuba għal konsum mill-bniedem (7).

(7)

Kunsinni ta' ċerti volumi żgħar ta' demm u prodotti tad-demm li jmorru ta' oriġini ta' l-annimali ddestinati għal użi tekniċi jew farmaċewtiċi li huma ttrasportati ffriżati jew imkessħa f'kontenituri żgħar issiġillati ermetikament esternament f'temperaturi ambjentali għandhom jiġu ttrattati u kkontrollati fil-postijiet ta' spezzjoni fuq il-fruntiera b'faċilitajiet approvati għal ġestjoni ta' kunsinni li jsiru biss f'temperaturi ambjentali.

(8)

Attwalment hemm rekwiżit għal faċilitajiet addizzjonali f'post ta' spezzjoni tal-fruntieri jekk ir-rata ta' kunsinni taqbeż iċ-ċifra ta' 500 fis-sena, iżda din iċ-ċifra mhijiex ibbażata fuq riskju u dan il-punt assolut ta' intervent għandu jinbidel b'sistema aktar adattata bbażata fuq valutazzjoni mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru kkonċernat, tar-riskju assoċjat ma' l-ipproċessar ta' kategoriji differenti ta' prodott fl-istess faċilità fejn kategorija waħda jew aktar ta' prodott hija fil-fatt fiżikament ipproċessata u kkontollata f'okkażjonijiet rari.

(9)

Minkejja dan iċ-ċifra tal-kapaċità ta' pproċessar ta' 500 kunsinna kull sena ta' prodotti għandha tittieħed bħala ċifra indikattiva li kif tinqabeż se jinħtieġu faċilitajiet addizzjonali f'post ta' spezzjoni tal-fruntiera sakemm ma ssirx valutazzjoni oġġettiva mill-awtorità kompetenti tat-tipi differenti ta' prodott li huma pproċessati f'din il-lokazzjoni unika li turi li faċilitajiet addizzjonali mhumiex iġġustifikati fuq il-bażi ta' possibilità ta' intrakontaminazzjoni jew riskju għas-saħħa.

(10)

Il-valutazzjoni tar-riskju u l-bażi tal-ġustifikazzjoni għall-azzjoni meħuda mill-awtorità kompetenti fi kwalunkwe post relevanti ta' spezzjoni tal-fruntieri se jkunu nnotifikati lill-Kummissjoni.

(11)

Billi l-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 94/360/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Paragrafi 1 u 2 huma mħassra;

(b)

Il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tirrevedi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 97/78/KE l-frekwenzi stipulati fl-Annessi I jew II għal din id-Deċiżjoni fuq talba ta' Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, filwaqt li tieħu f'kunsiderazzjoni l-kriterji stipulati fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 97/78/KE kif ukoll il-prinċipju ta' reġjonalizzazzjoni u prinċipji veterinarji oħra tal-Komunità.”

(2)

L-Anness II jinbidel bit-test fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

(3)

L-Anness III huwa mħassar.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2001/812/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 4 huwa mibdul b'dan li ġej:

“4.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 3, semen u embrijuni ffriżati, prodotti sekondarji jew prodotti tad-demm ta' oriġini ta' l-annimali ttrasportati għal użu fi skopijiet tekniċi f'temperaturi ambjentali, f'pakketti jew kontenituri ssiġillati u li jirregolaw it-temperatura awtomatikament, jistgħu jiġu spezzjonati fil-postijiet ta' spezzjoni tal-fruntiera bil-faċilitajiet elenkati u approvati biss sabiex jipproċessaw prodotti ppakkettati li huma f'temperatura ambjentali.”

(2)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 5 huwa mibdul b'dan li ġej:

“5.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 4, fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju mill-awtorità kompetenti, postijiet ta' spezzjoni tal-fruntiera b'kapaċità ta' pproċessar limitata ta' kunsinni ta' kwalunkwe kategorija partikolari waħdanija, jew ta' prodotti għall-konsum mill-bniedem jew ta' prodotti li mhumiex għall-konsum mill-bniedem, jistgħu jużaw l-istess faċilitajiet ipprovduti għall-ħatt, l-ispezzjoni u l-ħażna għal prodotti kollha li għalihom huwa approvat il-post, sakemm tiġi implimentata separazzjoni taż-żmien tal-kunsinni, u li jitwettqu kif meħtieġ tindif u diżinfettar adattati bejn l-ipproċessar u l-kontrolli ta' kunsinni. Deroga ta' dan it-tip u l-valutazzjoni ta' riskju li hija bbażata fuqha għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni.”

(3)

Fil-frażi ta' introduzzjoni tat-taqsima 4 ta' l-Anness, il-kliem “Għandhom ukoll jinżammu r-reġistri li ġejjin:” jinbidel bil-kliem

“Ir-reġistri alternattivi li ġejjin għandhom jinżammu f'forma elettronika jew stampata meta d-data ma tiddaħħalx fi TRACES fil-post ta' spezzjoni tal-fruntiera:”

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar l-1 ta' Settembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1; verżjoni korretta fil-ĠU L 191, 28.5.2004, p. 1).

(2)  ĠU L 158, 25.6.1994, p. 41. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 237/2002 (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 40).

(3)  ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2005/515/KE (ĠU L 187, 19.7.2005, p. 29).

(4)  ĠU L 114. 30.4.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 352, 30.12.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 306, 23.11.2001, p. 28.

(7)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 208/2006 (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 25).


ANNESS

“ANNESS II

IL-LISTA TA' PAJJIŻI TERZI U L-FREKWENZI TAL-KONTROLLI FIŻIĊI

1.   New Zealand

Fil-każ ta' New Zealand, il-frekwenzi għandhom ikunu dawk previsti fil-Ftehim li kien approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/132/KE tas-17 ta' Diċembru 1996 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand dwar miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ ta' annimali ħajjin u prodotti ta' l-annimali (1).

2.   Il-Kanada

Fil-każ tal-Kanada, il-frekwenzi għandhom ikunu dawk previsti fl-Anness VIII għall-Ftehim li kien approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/201/KE tal-14 ta' Diċembru 1998 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar il-miżuri sanitarji għall-ħarsien tas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali dwar il-kummerċ fl-annimali ħajjin u fil-prodotti tal-annimali (2).

3.   Iċ-Ċili

Fil-każ taċ-Ċili, il-frekwenzi se jkunu dawk previsti fil-Ftehim fuq Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji applikabbli għal Kummerċ fl-Annimali u Prodotti ta' l-Annimali, il-Pjanti, il-Prodotti tal-Pjanti u Oġġetti oħra u l-Benesseri ta' l-Annimali stipualti fl-Anness IV għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li kien approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/979/KE tat-18 ta' Novembru 2002 dwar il-firma u l-applikazzjoni proviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika taċ-Ċili, min-naħa l-oħra (3).

4.   L-Iżvizzera

Fil-każ ta' l-Iżvizzera, il-frekwenzi għandhom ikunu dawk previsti fl-Appendiċi 10 ta' l-Anness 11 dwar is-saħħa ta' l-annimali u l-miżuri żootekniċi applikabbli għal kummerċ f'annimali ħajjin u fi prodotti ta' l-annimali tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar kummerċ fi prodotti agrikoli approvati bid-Deċiżjoni 2002/309/KE, Euratom ta' l-4 ta' April 2002 tal-Kunsill, u tal-Kummissjoni, f'dak li għandu x'jaqsam mal-Ftehim Fuq Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika, dwar il-konklużjoni ta' seba' Ftehimiet mal-Konfederazzjoni Żvizzera (4).


(1)  ĠU L 57, 26.2.1997, p. 4. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 1999/837/KE (ĠU L 332, 23.12.1999, p. 1).

(2)  ĠU L 71, 18.3.1999, p. 1.

(3)  ĠU L 352, 30.12.2002, p. 3.

(4)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 1.”


Top