This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32003R2181
Council Regulation (EC, Euratom) No 2181/2003 of 8 December 2003 concerning transitional measures to be adopted for the reform of the Staff Regulations, in particular with regard to pay and pension
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2181/2003 tat-8 ta' Diċembru 2003 dwar miżuri transitorji li għandhom jiġu adottati għar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, b'mod partikolari fir-rigward tal-paga u tal-pensjoni
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2181/2003 tat-8 ta' Diċembru 2003 dwar miżuri transitorji li għandhom jiġu adottati għar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, b'mod partikolari fir-rigward tal-paga u tal-pensjoni
ĠU L 327, 16.12.2003, p. 1–2
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)
No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2004
Official Journal L 327 , 16/12/2003 P. 0001 - 0002
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2181/2003 tat-8 ta' Diċembru 2003 dwar miżuri transitorji li għandhom jiġu adottati għar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, b'mod partikolari fir-rigward tal-paga u tal-pensjoni IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 283 tiegħu, Wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni sottomessa wara li kisbet l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1]; Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri [3]; Billi: (1) Ir-reviżjoni totali tar-Regolamenti taL-Persunal kurrenti ta' uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej, li ġew oriġinarjament adottati fl-1962, wassal għal ħtieġa li ċerti miżuri ta' riforma jidħlu b'mod gradwali: l-aġġustament annwali ta' l-iskali tal-paga fuq il-bażi tal-metodi kurrenti, imposta speċjali ġdida u rata ta' kontribuzzjoni għall-pensjoni ġdida għandhom jidħlu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2004, bħala miżuri transitorji, fil-waqt li r-regolament revedut li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2004. (2) Fid-19 ta' Mejju 2003, il-Kunsill adotta linji gwida u fid-29 ta' Settembru 2003 huwa approva r-rapport tal-Kumitat Konsultattiv stabbilit bid-deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 1981. (3) L-imposta speċjali ġdida idaħħlet sabiex jiġu reflessi l-ispejjeż tal-politika soċjali, titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-iskejjel Ewropej. (4) L-Artikolu 83(4) tar-Regolamenti tal-Persunal jistipula li rata ġdida ta' kontribuzzjoni għandha tiġi stabbilita fejn stima attwali ta' l-iskema tal-pensjonijiet turi li l-kontribuzzjonijiet minn uffiċjali mhumiex biżżejjed sabiex jiffinanzjaw terz tal-benefiċċji mħallsa taħtha.. Stima bħal din uriet li l-kontribuzzjonijiet preżenti mhumiex biżżejjed biex jiffinanzjaw terz tal-benefiċċji pagabbli. (5) Skond l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill kull sena għandu jirrevedi, u jekk jixraq jaġġusta, ir-rimunerazzjoni ta' l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet. Skond il-proposta addottata mill-Kunsill, l-iskali tal-paga jiġu aġġustati fuq il-bażi tal-metodu kurrenti. Għal dan l-iskop, il-perjodu ta' validità ta' l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma baqax applikabbli fit-30 ta' Ġunju 2003, għandu għalhekk ikun estiż, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 L-Artikolu 66a(1) sa (5) tar-Regolamenti tal-Persunal huwa sostitwit b'dan li ġej: "1. Bħala deroga ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 260/68 [4], miżura temporanja dwar ir-remunerazzjoni mħallsa mill-Komunitajiet lill-persunal f'impieg attiv, li għandha tkun magħrufa bħala "imposta speċjali" għandha tkun applikata mill-1 ta' Jannar 2004. 2. Ir-rata ta' l-imposta speċjali, li għandha tiġi applikata għall-bażi definit fil-paragrafu 3, għandha tkun ta' 2.5 %. 3. (a) Il-bażi ta' l-imposta speċjali għandu jkun is-salarju bażiku tal-grad u tarġa użati sabiex jikkalkulaw ir-rimunerazzjoni, nieqes: - il-kontribuzzjonijiet għas-sigurta' soċjali u għall-pensjoni u t-taxxa, qabel l-imposta speċjali, pagabbli minn uffiċjal ta' l-istess grad u tarġa bla dipendenti fit-tifsira ta' l-Artikolu 2 ta' l-Anness VII, u - ammont daqs is-salarju bażiku ta' uffiċjal fil-grad D4, tarġa 1. (b) Il-komponenti użati sabiex jiġi stabbilit il-bażi għall-imposta speċjali għandhom ikunu espressi f'euro u b'ko-effiċjenti ta' 100. 4. L-imposta speċjali għandha titnaqqas kull xaħar fis-sors; il-ġbir għandu jiddaħħal bħala dħul fil-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropei." Artikolu 2 Mill-1 ta' Jannar 2004, ir-rata ta' kontribuzzjoni stabbilita fl-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tiġi fissata għal 9,25 %. Ir-rata massima għall-pagamenti skond l-Artikolu 42 tal-Kondizzjonijiet ta' l-Impieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej għandha tiġi fissata għal 18,5 %. Artikolu 3 1. Fl-Artikolu 15(1) ta' l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, id-data "30 ta' Ġunju 2003" għandha tiġi sostitwita bi "30 ta' Ġunju 2004". 2. Għall-2003, l-aġġustament tar-rimunerazzjoni prevista fl-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jidħol fis-seħħ, b'deroga mill-Artikolu 3(1) ta' l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, fl-1 ta' Jannar 2004. 3. Skond il-fatturi stabbiliti fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, il-valur ta' dan l-aġġustament għandu jkun ta' 3,4 %. Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Huwa għandu japplika mit-8 ta' Diċembru 2003 sad-data ta' applikabbilità tar-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej, propost mill-Kummissjoni fit-18 ta' Novembru 2003, imma mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 2004. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-8 ta' Diċembru 2003. Għall-Kunsill Il-President F. Frattini [1] Opinjoni mogħtija fl-4 ta' Diċembru 2003 (s'issa mhux ipubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) [2] Opinjoni mogħtija fil-5 ta' Novembru 2003 (s'issa mhux ipubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] Opinjoni mogħtija fis-27 ta' Novembru 2003 (s'issa mhux ipubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) [4] ĠU L 56, ta'l-4.3.1968, p. 3. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru. 1750/2002 (Ġu L 264, tat-2.10.2002. p. 15). --------------------------------------------------