Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003D0451

    Id-Deċiżjoni Nru 451/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2003 li temenda Deċiżjoni Nru 253/2000/KE li tistabbilixxi t-tieni fażi tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam ta' l-edukazzjoni Socrates

    ĠU L 69, 13.3.2003, p. 6–7 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/451(1)/oj

    32003D0451



    Official Journal L 069 , 13/03/2003 P. 0006 - 0007


    Id-Deċiżjoni Nru 451/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tas-27 ta' Frar 2003

    li temenda Deċiżjoni Nru 253/2000/KE li tistabbilixxi t-tieni fażi tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam ta' l-edukazzjoni "Socrates"

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikoli 149 u 150 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

    Wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

    Billi:

    (1) Taqsima IV, Punt B.2 ta' l-Anness mad-Deċiżjoni Nru 253/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [4] tistabbilixxi li għajnuna tal-Komunità lejn ir-realizzazzjoni ta' proġetti magħżula għal fondi skond il-programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam ta' l-edukazzjoni "Socrates" (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ il-"programm") ma taqbiżx normalment 75 % ta' l-ispejjeż totali tal-proġett, ħlief fil-każi ta' miżuri magħhom.

    (2) Deċiżjoni Nru 819/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Marzu 1995 tistabbilixxi l-programm ta' azzjoni tal-Komunità "Socrates" [5] ma stipulatx livell minimu ta' kofinanzjament.

    (3) Proġetti fl-azzjonijiet deċentralizzati tal-programm ma jistgħux iseħħu mingħajr kontribuzzjoni sinifikanti bħal ħin minn staff u appoġġ infrastrutturali mill-organizzazzjonijiet involuti fl-assoċċjazzjoni tal-proġett. L-assistenza tal-Komunità awtorizzata għal dawn il-proġetti ma tkoprix l-ispejjeż tal-kontribuzzjonijiet ta' dawn l-istaff, imma tista' tkopri sa' 100 % ta' spejjeż oħra li ntefqu fir-realizzazzjoni tal-proġett.

    (4) Il-grupp li hu mmirat għal dawn il-proġetti hu primarjament istituzzjonijiet żgħar bħal skejjel u istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għall-adulti, li ġeneralment għandhom riżorsi amministrattivi limitati.

    (5) Il-Komunità ma ħtiġitx qabel minn istituzzjonijiet li qed jipparteċipaw f'proġetti fl-azzjonijiet deċentralizzati tal-programm biex jipprovdu informazzjoni dwar l-ispiża tal-kontribuzzjoni ta' l-istaff li huma jimpjegaw biex jirrealizzaw dawn il-proġetti.

    (6) Is-somma awtorizzata bħala għajnuna mill-Komunità għal proġetti f'azzjonijiet deċentralizzati tal-programm hi żgħira, madwar EUR 3315 fl-2000.

    (7) Il-Parlament Ewropew fir-Resoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Frar 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-programm "Socrates" wera tħassib dwar il-proċeduri amministrattivi disproporzjonalment onerużi għall-benefiċjarji ta' konċessjonijiet żgħar, speċjalment skond l-azzjoni Comenius, u talab lill-Kummissjoni biex tipproponi kull tibdil leġislattiv neċessarju biex titneħħa l-ħtieġa ta' kofinanzjament għal dawk il-konċessjonijiet.

    (8) Il-Kummissjoni fil-"White Paper" tagħha - Parti II – Pjan t'Azzjoni ntitolat Riformi għall-Kummissjoni kkommettiet ruħha biex ittejjeb u tissimplifika l-proċeduri interni u esterni tagħha, sakemm jirrelataw ma' istituzzjonijiet oħra, Stati Membri u ċittadini.

    (9) M'hux konsistenti mal-prinċipji ta' simplifikazzjoni u proporzjonalità li tiġi applikata ħtieġa ġdida fuq l-istituzzjonijiet li qed jipparteċipaw fil-proġett fl-azzjonijiet deċentralizzati tal-programm biex tiġġustifika l-kontribuzzjoni lejn ir-realizzazzjoni tagħhom bl-għajnuna ta' l-istaff impjegati minn dawn l-istituzzjonijiet, biex jiġi muri biss li l-għajnuna tal-Komunità ma taqbiżx normalment 75 % ta' l-ispejjeż totali tal-proġett.

    (10) Hemm bżonn għalhekk li tiġi emendata d-disposizzjoni li hemm fl-ewwel paragrafu ta' Taqsima IV, Punt B.2 ta' l-Anness mad-Deċiżjoni Nru 253/2000/KE biex titħalla flessibiltà xierqa fl-applikazzjoni ta' dan il-ftehim ta' kofinanzjament,

    IDDEĊIDEW DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-ewwel paragrafu tat-Taqsima IV, Punt B.2 ta' l-Anness mad-Deċiżjoni Nru 253/2000/KE għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

    "Bħala regola ġenerali, l-għajnuna finanzjarja Komunitarja awtorizzata għal proġetti taħt dan il-programm hi maħsuba parzjalment biex tikkumpensa l-estimu ta' l-ispiża li hi neċessarja biex jitwettqu l-attivitajiet miftiehma u tista' tkopri perijodu massimu ta' tliet snin, bla ħsara għal reviżjoni perjodika tal-progress li jintlaħaq. Skond il-prinċipju ta' kofinanzjament, il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju tista' tkun bħala provvediment ta' persunal u/jew infrastruttura neċessarja għar-realizzazzjoni tal-proġett. Għajnuna tista' tiġi awtorizzata bil-quddiem biex ikunu jistgħu jseħħu żjarat preparatorji rigward il-proġetti msemmija."

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-20 ġurnata ta' wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussel, fis-27 ta' Frar 2003.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    P. Cox

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Chrisochoïdis

    [1] ĠUC 203 E, tas-27.8.2002, p. 133.

    [2] ĠU C 241, tas-7.10.2002, p. 97.

    [3] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Settembru 2002 (għadha m'hux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2003.

    [4] ĠU L 28, tat-3.2.2000, p. 1.

    [5] ĠU L 87, ta' l-20.4.1995, p. 10. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni Nru 68/2000/KE (ĠU L 10, ta' l-14.1.2000, p. 1).

    --------------------------------------------------

    Top