This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32002R0889
Regulation (EC) No 889/2002 of the European Parliament and of the Council of 13 May 2002 amending Council Regulation (EC) No 2027/97 on air carrier liability in the event of accidents (Text with EEA relevance)
Ir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2002 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta' trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta' inċidentiTest b'relevanza għaż-ŻEE.
Ir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2002 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta' trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta' inċidentiTest b'relevanza għaż-ŻEE.
ĠU L 140, 30.5.2002, p. 2–5
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force
Official Journal L 140 , 30/05/2002 P. 0002 - 0005
Ir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2002 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta' trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta' inċidenti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 80(2) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Wara konsultazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, Waqt li jaġixxu skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], Billi: (1) Fil-qafas tal-politika komuni dwar it-trasport huwa importanti li jiġi żgurat livell adegwat ta' kumpens lill-passiġġieri involuti f'inċidenti ta' l-ajru. (2) Konvenzjoni ġdida għall-Unifikazzjoni ta' Ċerti Regoli Relativi għat-trasport Internazzjonali bl-Ajru ġiet miftiehma f'Montreal fit-28 ta' Mejju 1999 li waqqfet regoli globali ġodda dwar ir-responsabbiltà fil-każta' inċidenti għat-trasport internazzjonali bl-ajru li jissostitwixxu lil dawk fil-Konvenzjoni ta' Varsavja ta' l-1929 u l-emendi sussegwenti tagħha [4]. (3) Il-Konvenzjoni ta' Varsavja tibqa' teżisti flimkien mal-Konvenzjoni ta' Montreal għal perjodu indefinit. (4) Il-Konvenzjoni ta' Montreal tipprovdi għal reġim ta' responsabbiltà illimitata fil-każta' mewt jew ta' korriment tal-passiġġieri bl-ajru. (5) Il-Komunità ffirmat il-Konvenzjoni ta' Montreal fil-waqt li indikat l-intenzjoni tagħha li ssir sħab fil-ftehim billi tirratifikah. (6) Huwa neċessarju li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 tad-9 ta' Ottubru 1997 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru fil-każta' inċidenti [5] sabiex jiġi allinjat mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Montreal, u hekk tiġi kreata sistema uniformi ta' responsabbiltà għat-trasport internazzjonali bl-ajru. (7) Dan ir-Regolament u l-Konvenzjoni ta' Montreal isaħħu l-protezzjoni tal-passiġġieri u tad-dipendenti tagħhom u ma jistgħux jiġu interpretati sabiex idgħajfu l-protezzjoni tagħhom fir-rigward tal-leġislazzjoni preżenti fid-data ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. (8) Fis-suq intern ta' l-avjazzjoni, id-distinzjoni bejn trasport nazzjonali u internazzjonali ġiet eliminata u huwa għalhekk xieraq li jkun hemm l-istess livell u natura ta' responsabbiltà fit-trasport internazzjonali u nazzjonali fil-Komunità. (9) F'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, azzjoni fuq livell Komunitarju hija mixtieqa sabiex jinħoloq sett wieħed ta' regoli għat-trasportaturi bl-ajru kollha tal-Komunità. (10) Sistema ta' responsabbiltà illimitata fil-każta' mewt jew ta' korriment tal-passiġġieri hija mixtieqa fil-kuntest ta' sistema ta' trasport bl-ajru sikura u moderna. (11) It-trasportatur bl-ajru Komunitarju m'għandux ikun jista' japprofitta ruħu mill-Artikolu 21(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal sakemm ma jippruvax li l-ħsara ma kinitx minħabba negliġenza jew xi att illeċitu jew ommissjoni oħra tat-trasportatur jew tad-dipendenti jew l-aġenti tiegħu. (12) Limiti uniformi ta' responsabbiltà għat-telf ta' ħsara jew qerda ta' bagalji u għall-ħsara kkaġunata minn dewmien li japplikaw għal kull vjaġġar bit-trasportaturi Komunitarji, jiżguraw regoli sempliċi u ċari kemm għall-passiġġieri kif ukoll għal-linji ta' l-ajru u jippermettu l-passiġġieri jistabilixxu meta assigurazzjoni addizzjonali tkun meħtieġa. (13) Ma jkunx prattiku għal trasportaturi bl-ajru Komunitarji u ta' konfużjoni għall-passiġġieri tagħhom jekk kieku kellhom japplikaw reġimi ta' responsabbiltà diversi fuq id-diversi rotot tul in-networks tagħhom. (14) Hu mixtieq li vittmi ta' inċidenti u d-dipendenti tagħhom jiġu meħlusa minn inkwiet finanzjarju għal qasir żmien fil-perjodu immedjatament wara inċident. (15) L-Artikolu 50 tal-Konvenzjoni ta' Montreal jeħtieġli l-partijiet jiżguraw li t-trasportaturi bl-ajru jkunu assigurati b'mod adegwat u jeħtieġu jieħdu kont ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar il-liċenzjar tat-trasportaturi bl-ajru [6] konformi ma' din id-dispożizzjoni. (16) Hu mixtieq li tiġi mogħtija informazzjoni bażika dwar ir-regoli ta' responsabbiltà applikabbli għal kull passiġġier sabiex huma jkunu jistgħu jagħmlu arranġamenti ta' assigurazzjoni addizzjonali qabel il-vjaġġ jekk ikun meħtieġ. (17) Ikun neċessarju li jiġu riveduti l-imposti finanzjarji previsti f'dan ir-Regolament sabiex jittieħed kont ta' l-inflazzjoni u ta' xi reviżjoni tal-limiti ta' responsabbiltà fil-Konvenzjoni ta' Montreal. (18) Safejn aktar regoli jkunu meħtieġa sabiex tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta' Montreal dwar punti li mhumiex koperti bir-Regolament (KE) Nru 2027/97, tkun ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri li jagħmlu dawn id-dispożizzjonijiet, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: L-Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 huwa emendat hekk kif ġej: 1. it-titolu jiġi mibdul b'dan li ġej: "Ir-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi bl-ajru fir-rigward tat-trasport ta' passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru." ; 2. L-Artikolu 1 jiġi mibdul b'dan li ġej: "L-Artikolu 1 Dan ir-Regolament jimplimenta d-dispożizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni ta' Montreal fir-rigward tat-trasport ta' passiġġieri u l-bagalji tagħhom bl-ajru u jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet supplimentari. Jestendi wkoll l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet għat-trasport bl-ajru fi ħdan Stat Membru wieħed."; 3. L-Artikolu 2 jiġi mibdul b'dan li ġej: "L-Artikolu 2 1. Għall-fini ta' dan ir-Regolament: (a) "trasportatur bl-ajru", tfisser impriża ta' trasport bl-ajru b'liċenzja valida għall-operat; (b) "Trasportatur bl-ajru Komunitarju", tfisser trasportatur bl-ajru b'liċenzja valida għall-eżerċizzju mogħtija minn Stat Membru skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2407/92; (ċ) "persuna intitolata għal kumpens", tfisser passiġġier jew kull persuna intitolata biex tagħmel talba għal dak il-passiġġier, skond il-liġi applikabbli; (d) "bagalji",, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, tfisser bagalji kemm reġistrati kemm mhux reġistrati skond it-tifsira ta' l-Artikolu 17(4) tal-Konvenzjoni ta' Montreal; (e) "SDR", tfisser dritt speċjali ta' ġbid kif definit mill-Fond Monetarju Internazzjonali; (f) "Il-Konvenzjoni ta' Varsavja", tfisser il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta' Ċerti Regoli Dwar it-trasport Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f'Varsavja nhar it-12 ta' Ottubru 1929, jew il-Konvenzjoni ta' Varsavja kif emendata fl-Aja fit-28 ta' Settembru 1955 u l-Konvenzjoni supplimentari għall-Konvenzjoni ta' Varsavja magħmula fi Guadalajara fit-18 ta' Settembru 1961; (g) "Il-Konvenzjoni ta' Montreal", tfisser "il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta' Ċerti Regoli dwar it-trasport Internazzjoni bl-Ajru",, iffirmata f'Montreal fit-28 ta' Mejju 1999. 2. Il-kunċetti misjuba f'dan ir-Regolament li mhumiex definiti fil-paragrafu 1 huma ekwivalenti għal dawk użati fil-Konvenzjoni ta' Montreal.", 4. L-Artikolu 3 jiġi mibdul b'dan li ġej: "L-Artikolu 3 1. Ir-responsabbiltà ta' trasportatur bl-ajru Komunitarju fir-rigward ta' passiġġieri u l-bagalji tagħhom tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta' Montreal pertinenti għal din ir-responsabbiltà. 2. L-obbligu ta' assigurazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 2407/92 safejn tirrelata għar-responsabbiltà għall-passiġġieri għandha tiftiehem bħala li teħtieġ li trasportatur bl-ajru Komunitarju jkun assigurat sa livell li hu adegwat sabiex jiżgura li l-persuni kollha ntitolati għal kumpens jirċievu l-ammont kollu li huma ntitolati għalih skond dan ir-Regolament."; 5. jiġi miżjud dan l-Artikolu li ġej: "L-Artikolu 3a Is-somma supplimentari li, skond l-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta' Montreal, tista' tintalab minn trasportatur bl-ajru Komunitarju meta xi passiġġier jagħmel dikjarazzjoni speċjali ta' interess fil-konsenja tal-bagalji tiegħu f'destinazzjoni, għandha tiġi bażata fuq tariffa relatata ma' l-ispejjez addizzjonali nvoluti fit-trasport u fl-assigurazzjoni tal-bagalji kkonċernati, fuq dawk għal bagalji valutati fil- jew taħt il-limitu ta' responsabbiltà. It-tariffa għandha tkun disponibbli għall-passiġġieri li jitolbuha."; 6. L-Artikolu 4 jiġi mħassar; 7. L-Artikolu 5 jiġi mibdul b'dan li ġej: "L-Artikolu 5 1. It-trasportatur bl-ajru Komunitarju għandu mingħajr dewmien, u f'kull każ sa mhux aktar tard minn ħmistax-il ġurnata wara li l-identità tal-persuna fiżika intitolata għal kumpens tkun ġiet stabbilita, jagħmel ħlasijiet bħal dawn bil-quddiem kif jista' jkun meħtieġsabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ekonomiċi immedjati fil-proporzjon tat-tbatija sofferta. 2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, ħlas bil-quddiem ma jistax ikun anqas mill-ekwivalenti f'euro ta' 16000 SDR għal kull passiġġier fil-każ ta' mewt. 3. Ħlas bil-quddiem ma jfissirx rikonoxximent ta' responsabbiltà u jista' jiġi paċut ma' xi somom sussegwenti mħallsa fuq bażi tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru Komunitarju, imma ma jistax jingħata lura, minbarra, fil-każijiet previsti fl-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta' Montreal jew meta l-persuna li tkun irċeviet il-ħlas bil-quddiem ma tkunx il-persuna intitolata għal kumpens."; 8. L-Artikolu 6 jiġi mibdul b'dan li ġej: "L-Artikolu 6 1. It-trasportaturi bl-ajru kollha għandhom, meta jbigħu trasport bl-ajru fil-Komunità, jiżguraw li sommarju tad-dispożizzjonijiet prinċipali li jirregolaw ir-responsabbiltà għall-passiġġieri u l-bagalji tagħhom, inklużi t-termini previsti għall-azzjoni għal kumpens u l-possibbiltà li jagħmlu dikjarazzjoni speċjali għal bagalji, ikun disponibbli għall-passiġġieri fil-postijiet ta' bejgħ kollha, inkluż bejgħ bit-telefon u permezz ta' l-Internet. Sabiex jikkonformaw ma' dan l-obbligu ta' informazzjoni, it-trasportaturi bl-ajru Komunitarji għandhom jużaw l-avviż misjub fl-Anness. Dan is-sommarju jew avviż ma jistax jintuża bħala bażi għal talba għal kumpens, lanqas biex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew tal-Konvenzjoni ta' Montreal. 2. B'żieda ma' l-obbligu ta' l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, it-trasportaturi bl-ajru kollha għandhom, fir-rigward ta' trasport bl-ajru fornit jew mixtri fil-Komunità, jipprovdu lil kull passiġġier indikazzjoni bil-miktub ta': - il-limitu applikabbli għal dik it-titjira dwar ir-responsabbiltà tat-trasportatur fir-rigward ta' mewt jew ta' korriment, jekk limitu bħal dan jeżisti, - il-limitu applikabbli għal dik it-titjira dwar ir-responsabbiltà tat-trasportatur fir-rigward ta' distruzzjoni, telf jew ħsara lil bagalji u twissija li bagalji ta' valur akbar minn din il-figura għandhom jiġu dikjarati lill-linja ta' l-ajru fiċ-check in jew assigurati kompletament mill-passiġġier qabel il-vjaġġ; - il-limitu applikabbli għal dik it-titjira dwar ir-responsabbiltà tat-trasportatur għal ħsara kkaġunata minn dewmien. 3. Fil-każ tat-trasport kollu magħmul mit-trasportaturi bl-ajru Komunitarji, il-limiti indikati skond l-obbligi ta' informazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu dawk stabbiliti minn dan ir-Regolament sakemm it-trasportatur bl-ajru Komunitarji ma japplikax volontarjament limiti ogħla. Fil-każ tat-trasport kollu magħmul minn trasportaturi bl-ajru mhumiex Komunitarji, il-paragrafi 1 u 2 japplikaw biss fir-rigward ta' trasport lejn, minn jew fil-Komunità."; 9. L-Artikolu 7 jiġi mibdul b'dan li ġej: "L-Artikolu 7 Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data li fiha r-Regolament (KE) Nru 889/2002 [7] jibda jseħħ, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Partikolarment, il-Kummissjoni għandha teżamina l-bżonn li tirrevedi l-imposti msemmija fl-Artikoli relativi tal-Konvenzjoni ta' Montreal fid-dawl ta' żviluppi ekonomiċi u n-notifikazzjonijiet tad-Depożitarju ta' l-ICAO."; 10. jiġi miżjud l-Anness li ġej: L-ANNESS Responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru għall-passiġġieri u l-bagalji tagħhom Dan l-avviż ta' informazzjoni jġib fil-qosor ir-regoli ta' responsabbiltà applikati mit-trasportaturi bl-ajru Komunitarji kif meħtieġ mid-dritt Komunitarju u mill-Konvenzjoni ta' Montreal. Kumpens fil-każ ta' mewt jew korriment M'hemmx limiti finanzjarji għar-responsabbiltà f'każta' korriment jew mewt tal-passiġġieri. Għal ħsarat sa 100000 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali) it-trasportatur bl-ajru ma jistax jikkontesta t-talbiet għal kumpens. Għal ammont akbar minn dak, it-trasportatur bl-ajru jista' jiddefendi ruħu kontra talba billi jipprova li ma kienx negliġenti jew inkella b'mod ieħor bi ħtija. Pagamenti bil-quddiem Jekk passiġġier imut jew ikorri, it-trasportatur bl-ajru għandu jagħmel pagament bil-quddiem, biex ikopri l-bżonnijiet ekonomiċi immedjati, fi żmien 15-il ġurnata mill-identifikazzjoni tal-persuna ntitolata għal kumpens. Fil-każ ta' mewt, dan il-pagament bil-quddiem m'għandux ikun anqas minn 16000 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali). Dewmien lill-passiġġier Fil-każ ta' dewmien lill-passiġġier, it-trasportatur bl-ajru huwa responsabbli għall-ħsara sakemm ma jkunx ħa l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jevita l-ħsara jew kien impossibbli jieħu tali miżuri. Ir-responsabbiltà għad-dewmien lill-passiġġieri hi limitata għal 4150 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali). Dewmien tal-bagalji Fil-każ ta' dewmien tal-bagalji, it-trasportatur bl-ajru hu responsabbli għall-ħsara sakemm ma jkunx ħa l-miżuri raġonevoli kollha sabiex jevita l-ħsara jew kien impossibbli li jieħu tali miżuri. Ir-responsabbiltà għad-dewmien tal-bagalji hi limitata għal 1000 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali). Qerda, telf jew ħsara tal-bagalji It-trasportatur bl-ajru hu responsabbli għall-qerda, telf jew ħsara tal-bagalji sa 1000 SDR (ammont approssimattiv f'munita lokali). Fil-każ ta' bagalji reġistrati, hu responsabbli anki jekk ma jkollux ħtija, sakemm il-bagalji ma jkunux difettużi. Fil-każ ta' bagalji mhux reġistrati, it-trasportatur ikun responsabbli biss jekk ikollu ħtija. Limiti ogħla għall-bagalji Passiġġier jista' jibbenefika minn limitu ta' responsabbiltà ogħla billi jagħmel dikjarazzjoni speċjali mhux aktar tard miċ-checkin u jħallas dritt supplementari. Ilmenti fuq bagalji F'każ ta' ħsara, dewmien, telf jew qerda tal-bagalji, il-passiġġier għandu jilmenta bil-miktub mal-linja ta' l-ajru malajr kemm jista' jkun. Fil-każ ta' ħsara f'bagalji reġistrati, il-passiġġier għandu jilmenta bil-miktub fi żmien sebat ijiem, u fil-każ ta' dewmien fi żmien 21 ġurnata, fiż-żewġ każijiet mid-data li fiha l-bagalji jiġu mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-passiġġier. Responsabbilità tat-trasportaturi kontraenti u dawk effettivi Jekk it-trasportatur bl-ajru li fil-fatt jagħmel it-titjira ma jkunx it-trasportatur bl-ajru kontraenti, il-passiġġier ikollu d-dritt jindirizza l-ilment jew jagħmel it-talba għal ħsarat kontra kull wieħed minnhom. Jekk l-isem jew il-kodiċi ta' trasportatur bl-ajru jkun indikat fuq il-biljett, dak it-trasportatur bl-ajru jkun it-trasportatur bl-ajru kontraenti. Żmien limitu għall-azzjoni Kull azzjoni bil-qorti għad-danni għandha tiġi magħmula fi żmien sentejn mid-data tal-wasla ta' l-ajruplan, jew mid-data li fiha l-ajruplan kellu jasal. Bażi ta' l-informazzjoni Il-bażi tar-regoli imsemmija hawn fuq hija l-Konvenzjoni ta' Montreal tat-28 ta' Mejju 1999, li ġiet implimentata mill-Komunità bir-Regolament (KE) Nru 2027/97 (kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 889/2002) u mil-leġislazzjoni nazzjonali tal-Pajjiżi Membri. L-Artikolu 2 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Japplika mid-data tad-dħul fis-seħħtiegħu jew mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta' Montreal għall-Komunità, liema minnhom tiġi l-aħħar. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-13 ta' Mejju 2002. Għall-Parlament Ewropew Il-President P. Cox Għall-Kunsill Il-President J. Piqué I Camps [1] ĠU C 337 E, tat-28.11.2000, p. 68 u ĠU C 213 E, tal-31.7.2001, p. 298. [2] ĠU C 123, tal-25.4.2001, p. 47. [3] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2001 (ĠU C 21, ta' l-24.1.2002, p. 256) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2001 (ĠU C 58 E, tal-5.3.2002, p. 8) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2002. [4] ĠU L 194, tat-18.7.2001, p. 38. [5] ĠU L 285, tas-17.10.1997, p. 1. [6] ĠU L 240, ta' l-24.8.1992, p. 1. [7] ĠU L 140, tat-30.5.2002, p. 2. --------------------------------------------------