This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32000L0036
Directive 2000/36/EC of the European Parliament and of the Council of 23 June 2000 relating to cocoa and chocolate products intended for human consumption
Id-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' ġunju 2000 rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem
Id-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' ġunju 2000 rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem
ĠU L 197, 3.8.2000, p. 19–25
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 18/11/2013
Official Journal L 197 , 03/08/2000 P. 0019 - 0025
Id-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' ġunju 2000 rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], Billi: (1) Ċerti Direttivi vertikali li għandhom x'jaqsmu ma' l-oġġetti ta' l-ikel għandhom jiġu ssimplifikati sabiex iqisu mhux biss il-ħtiġiet essenzjali li jridu jintlaħqu mill-prodotti li jkopru sabiex dawn il-prodotti jkunu jistgħu jimxu bil-libertà kollha fis-suq intern, skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew imlaqqa' f'Edinburgu fil-11 u t-12 ta' Diċembru 1992, ikkonfermati bil-konklużjonjiet tal-Kunsill Ewropew fi Brussel fil-10 u l-11 ta' Diċembru 1993. (2) Id-Direttiva tal-Kunsill 73/241/KEE ta' l-24 ta' Lulju 1973 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fejn għandhom x'jaqsmu l-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem [4] ġiet iggarantita mill-fatt illi d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar numru ta' kwalitajiet tal-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata setgħu jfixklu l-moviment liberu ta' dan il-prodott, u b'hekk ikollhom effett dirett fuq kif huwa stabbilit u kif jiffunzjona s-suq komuni. (3) Id-Direttiva msemmija hawn fuq kienet konsegwentement imfassla sabiex tistabbilixxi d-definizzjonijiet u r-regoli komuni rigward il-komposizzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tal-fabbrikazzjoni, il-pakkeġġjar u t-tikkettjar tal-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tagħhom ġewwa l-Komunità. (4) Dawn id-definizzjonijiet u regoli għandhom jiġu emendati sabiex iqisu l-progress teknoloġiku u l-bidliet fil-għażla tat-togħmiet tal-konsumaturi, u għandhom jinġiebu f'linja waħda mal-leġislazzjoni Komunitarja ġenerali dwar l-oġġetti ta' l-ikel, it-taħwir, is-solventi ta' l-estrazzjoni u l-metodi ta' l-analiżi. (5) Hija permessa f'ċerti Stati Membri ż-żieda tax-xaħmijiet mill-ħxejjex ta' l-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw mal-prodotti miċ-ċikkulata sa massimu ta' 5 %. (6) Iż-żieda ta' ċerti xaħmijiet mill-ħxejjex ta' l-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw mal-prodotti miċ-ċikkulata għandha tiġi permessa fl-Istati Membri kollha sa massimu ta' 5 %; dawn ix-xaħmijiet mill-ħxejjex ta' l-ikel għandhom ikunu l-ekwivalenti tax-xaħam tal-butir u għalhekk għandhom jiġu ddefiniti skond kriterji tekniċi u xjentifiċi. (7) Sabiex tiġi ggarantita n-natura waħdiena tas-suq intern, il-prodotti kollha miċ-ċikkulata koperti b'din id-Direttiva jridu jkunu kapaċi jimxu ġewwa l-Komunità bl-ismijiet tal-bejgħ iddikjarati fid-disposizzjonijiet ta' l-Anness I ma' din id-Direttiva. (8) Skond ir-regoli ġenerali dwar it-tikkettjar iddikjarati fid-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta' Diċembru 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fejn għandhom x'jaqsmu t-tikkettjar, il-preżentazzjoni u l-pubbliċità ta' l-oġġetti ta' l-ikel [5], huwa għalhekk obbligatorju li jiġu elenkati l-ingredjenti skond l-Artikolu 6 tagħha; din id-Direttiva tagħmel illi d-Direttiva 79/112/KEE tapplika għall-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata sabiex tipprovdi lill-konsumaturi b'tagħrif korrett. (9) Fil-każ tal-prodotti miċ-ċikkulata li magħhom ikunu ġew miżjuda xaħmijiet mill-ħxejjex ta' l-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, il-konsumaturi għandhom jiġu ggarantiti tagħrif korrett, newtrali u oġġettiv b'żieda mal-lista ta' l-ingredjenti. (10) Mill-banda l-oħra, id-Direttiva 79/112/KEE ma tipprekludix it-tikkettjar tal-prodotti miċ-ċikkulata milli jindika illi jkunu ġew miżjuda xaħmijiet mill-ħxejjex ta' l-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, sakemm it-tagħrif ikun korrett, newtrali, oġġettiv u ma jqarraqx bil-konsumatur. (11) Ċerti ismijiet tal-bejgħ li huma rriservati b'din id-Direttiva huma fil-fatt użati fl-ismijiet komposti tal-bejgħ li huma rrikonoxxuti f'ċerti Stati Membri għalbiex jiddeskrivu prodotti hekk li ma jistgħux jiġu mħawda ma' dawk iddefiniti f'din id-Direttiva; għalhekk, dawn l-ismijiet għandhom jissoktaw. Madankollu, l-użu ta' dawn l-ismijiet għandu jikkonforma mad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 79/112/KEE u, b'mod partikolari, ma' l-Artikolu 5 tagħha. (12) L-iżvilupp tas-suq intern minn mindu ġiet adottata d-Direttiva 73/241/KEE jgħin liċ-"ċikkulata ta' bla ħalib" li tiġi ttrattata fuq l-istess bażi bħala "ċikkulata". (13) Id-deroga provduta fid-Direttiva 73/241/KEE li tippermetti lir-Renju Unit u lill-Irlanda li jawtorizzaw l-użu fit-territorju tagħhom ta' l-isem "milk chocolate" ("ċikkulata tal-ħalib") biex tfisser "milk chocolate with high milk content" ("ċikkulata tal-ħalib b'kontenut qawwi tal-ħalib") għandha tissokta; madankollu l-isem bl-Ingliż ta' "milk chocolate with high milk content" ("ċikkulata tal-ħalib b'kontenut qawwi ta' ħalib") għandu jinbidel fl-isem ta' "family milk chocolate" ("ċikkulata tal-ħalib għall-familja"). (14) Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, din id-Direttiva tirrestrinġi ruħha għal dak li hu meħtieġ sabiex tikseb l-għan immedjat tat-Trattat, skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 5 tiegħu. (15) Il-kawkaw, il-butir tal-kawkaw u serje ta' xaħmijiet oħra mill-ħxejjex ta' l-ikel użati fil-fabbrikazzjoni taċ-ċikkulata jiġu fil-biċċa l-kbira tagħhom prodotti f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Huwa fl-interess tal-popli li jgħixu fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw illi għandhom jiġu konklużi ftehimijiet fuq skundijiet kemm jista' jkun fit-tul. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tikkunsidra kif il-Komunità tista' tappoġġja dan fil-każ tal-butir tal-kawkaw u x-xaħmijiet l-oħra mill-ħxejjex ta' l-ikel (per eżempju, billi tmexxi 'l quddiem il-"kummerċ ġust"). (16) Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri konferiti lill-Kummissjoni [6]. (17) Sabiex jevitaw li joħolqu xkilijiet ġodda għaċ-ċirkolazzjoni libera, l-Istati Membri għandhom iżommu lura milli jadottaw, għall-prodotti fil-kwistjoni, disposizzjonijiet nazzjonali mhux ipprovduti f'din id-Direttiva, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem, kif iddefiniti fl-Anness I. Artikolu 2 1. Jistgħu jiżdiedu xaħmijiet mill-ħxejjex ta' l-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw kif iddefiniti fl-Anness II u elenkati fih ma' dawk il-prodotti miċ-ċikkulata ddefiniti fl-Anness I(A)(3), (4), (5), (6), (8) u (9). Din iż-żieda ma għandhiex taqbeż il-5 % tal-prodott imlesti, wara li jitnaqqas il-piż totali ta' kull materja oħra li tittiekel użata skond l-Anness I(B), mingħajr ma jitnaqqas il-kontenut minimu tal-butir tal-kawkaw jew it-total tas-solidi niexfa tal-kawkaw. 2. Il-prodotti miċ-ċikkulata li, skond il-paragrafu 1, ikun fihom xaħmijiet oħra mill-ħxejjex ta' l-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw jistgħu jinbigħu fis-suq fl-Istati Membri kollha, sakemm it-tikkettjar tagħhom, kif ipprovdut fl-Artikolu 3, jiġi ssupplimentat bid-dikjarazzjoni prominenti u li tinqara biċ-ċar ta': "fih xaħmijiet mill-ħxejjex ta' l-ikel b'żieda mal-butir tal-kawkaw". Din id-dikjarazzjoni għandha tkun fl-istess firxa tal-vista bħal-lista ta' l-ingredjenti, separata biċ-ċar minn din il-lista, f'ittri għall-inqas kbar u ħoxnin daqshom u bl-isem tal-bejgħ maġenbhom; minkejja din il-ħtieġa, l-isem tal-bejgħ jista' jidher post ieħor ukoll. 3. Kull emenda għall-Anness II għandha ssir skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 95 tat-Trattat. 4. L-iktar tard sat-3 ta' Frar 2006 il-Kummissjoni għandha, skond l-Artikolu 95 tat-Trattat, tissottometti, jekk jinħtieġ u billi tqis ir-riżultati ta' studju xieraq dwar l-impatt ta' din id-Direttiva fuq l-ekonomiji ta' dawk il-pajjiżi li jipproduċu l-kawkaw u x-xaħmijiet mill-ħxejjex ta' l-ikel għajr għall-butir tal-kawkaw, proposta maħsuba għalbiex temenda l-lista fl-Anness II. Artikolu 3 Id-Direttiva 79/112/KEE għandha tapplika għall-prodotti ddefiniti fl-Anness I, bla ħsara għall-kundizzjonijiet li ġejjin: 1. L-ismijiet tal-bejgħ elenkati fl-Anness I għandhom japplikaw biss għall-prodotti rriferiti fih u jridu jiġu wżati fil-kummerċ sabiex jiddenominawhom. Madankollu, dawn l-ismijiet tal-bejgħ jistgħu jiġu wżati wkoll b'żieda u skond id-disposizzjonijiet jew l-użanzi li japplikw fl-Istat Membru li fih jinbigħ il-prodott lill-aħħar konsumatur, biex jagħtu isem lil prodotti oħra li ma jistgħux jitħawdu ma' dawk iddefiniti fl-Anness I. 2. Fejn il-prodotti ddefiniti fl-Anness I(A)(3), (4), (5), (6), (7) u (10) jinbigħu f'assortimenti, l-ismijiet tal-bejgħ jistgħu jiġu mibdula fi "ċikkulati/ni assortiti" jew "ċikkulati/ni assortiti mimlija minn ġewwa" jew ismijiet bħal dawn. F'dan il-każ, jista' jkun hemm lista waħda ta' ingredjenti għall-prodotti kollha fl-assortiment. 3. It-tikkettjar tal-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata ddefiniti fl-Anness I(A)(2)(c), (2)(d), (3), (4), (5), (8) u (9) iridu jindikaw il-kontenut totali tas-solidi niexfa tal-kawkaw billi jinkludi l-kelmiet: "solidi tal-kawkaw: minimu ta'…%". 4. Għall-prodotti riferiti fl-Anness I(A)(2)(b) u (2)(d) (it-tieni parti tas-sentenza), it-tikketta trid tindika l-kontenut tal-butir tal-kawkaw. 5. L-ismijiet tal-bejgħ "ċikkulata", "ċikkulata tal-ħalib" u "ċikkulata għall-kisi" speċifikati fl-Anness I jistgħu jiġu ssupplimentati b'tagħrif jew deskrizzjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mal-kriterji tal-kwalità, sakemm il-prodotti jkun fihom: - fil-każ taċ-ċikkulata, mhux inqas minn total ta' 43 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw, li jinkludi mhux inqas minn 26 % ta' butir tal-kawkaw, - fil-każ taċ-ċikkulata tal-ħalib, total ta' mhux inqas minn 30 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw u mhux inqas minn 18 % ta' solidi niexfa tal-ħalib miksuba bid-deidrazzjoni parzjali jew totali tal-ħalib naturali, il-ħalib xkumat jew nofsu xkumat, jew minn krema, butir jew grass tal-ħalib iddeidrati parzjalment jew totalment, li jinkludu mhux inqas minn 4,5 % ta' grass tal-ħalib, - fil-każ taċ-ċikkulata għall-kisi, mhux inqas minn 16 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw mingħajr xaħam. Artikolu 4 Għall-prodotti ddefiniti fl-Anness I, l-Istati Membri ma għandhomx jadottaw disposizzjonijiet nazzjonali mhux ipprovduti f'din id-Direttiva. Artikolu 5 1. Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva li għandhom x'jaqsmu mal-materjali riferiti hawn taħt għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja riferita fl-Artikolu 6(2): - li ġġib lil din id-Direttiva f'linja waħda mad-disposizzjonijiet ġenerali Komunitarji li japplikaw għall-oġġetti ta' l-ikel, - li taddatta d-disposizzjonijiet fl-Anness I(B)(2), (Ċ) u (D) għall-progress tekniku. 2. L-iktar tard sat-3 ta' Awissu 2003, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(3), il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jeżaminaw mill-ġdid, fuq proposta mill-Kummissjoni, it-tieni inċiż tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, bil-ħsieb li jekk jista' jkun tiġi estiża l-proċedura ta' addattament għall-progress tekniku u xjentifiku. Artikolu 6 1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat Permanenti ta' l-Oġġetti ta' l-Ikel, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 69/414/KEE [7], minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat". 2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha. Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli tiegħu ta' Proċedura. Artikolu 7 Id-Direttiva tal-Kunsill 73/241/KEE hija hawnhekk imħassra b'effett mit-3 ta' Awissu 2003. Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Direttiva. Artikolu 8 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel it-3 ta' Awissu 2003. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih. 2. Dawn il-miżuri għandhom jiġu applikati sabiex: - jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq tal-prodotti ddefiniti fl-Anness I jekk iħarsu d-definizzjonijiet u r-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva, b'effett mit-3 ta' Awissu 2003, - jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tal-prodotti li jonqsu milli jħarsu din id-Direttiva, b'effett mit-3 ta' Awissu 2003. Madankollu, għandu jkun permess it-tqegħid fis-suq tal-prodotti li jonqsu milli jħarsu din id-Direttiva imma li jkunu ġew ittikkettjati qabel it-3 ta' Awissu 2003 skond id-Direttiva tal-Kunsill 73/241/KEE sakemm jispiċċaw il-ħażniet. 3. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew inkella għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. Artikolu 9 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 10 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fil-Lussemburgu, fit-23 ta' Ġunju 2000. Għall-Parlament Ewropew Il-President N. Fontaine Għall-Kunsill Il-President J. Sócrates [1] ĠU C 231, tad-9.8.1996, p. 1 u ĠU C 118, tas-17.4.1998, p. 10. [2] ĠU C 56, ta' l-24.02.1997, p. 20. [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 1997 (ĠU C 339, ta' l-10.11.1997, p. 128), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-28 ta' Ottubru 1999 (ĠU C 10, tat-13.1.2000, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 2000. [4] ĠU L 228, tas-16.8.1973, p. 23. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/344/KEE (ĠU L 142, tal-25.5.1989, p. 19). [5] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata mill-Parlament Ewropew u d-Direttiva tal-Kunsill 97/4/KE (ĠU L 43, ta' l-14.2.1997, p. 21). [6] ĠU L 184, tas-17.07.1999, p. 23. [7] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9. -------------------------------------------------- ANNESS I L-ISMIJIET TAL-BEJGĦ, ID-DEFINIZZJONIJIET U L-KARATTERISTIĊI TAL-PRODOTTI A. L-ISMIJIET TAL-BEJGĦ U D-DEFINIZZJONIJIET 1. Il-butir tal-kawkaw jagħti l-isem lix-xaħam miksub miż-żerriegħa tal-kawkaw jew minn partijiet taż-żerriegħa tal-kawkaw bil-karatteristiċi li ġejjin: — kontenut ta' aċidu xaħmi ħieles(espress bħala aċidu olejku): | mhux iktar minn 1,75 % | — materjal li ma jissaponifikax(stabbilit bl-użu l-etere tal-petroleum): | mhux iktar minn 0,5 %, għajr fil-każ tal-butir tal-kawkaw bil-pressa, fejn ma għandux ikun iktar minn 0,35 % | 2. (a) It-Trab tal-kawkaw, il-kawkaw jagħtu l-isem lill-prodott miksub bil-bdil fi trab taż-żerriegħa tal-kawkaw li tkun ġiet imnaddfa, imneħħija mill-qoxra u nkaljata, u li jkun fiha mhux inqas minn 20 % ta' butir tal-kawkaw, ikkalkolati skond l-użin tal-materjal niexef, u mhux iktar minn 9 % ilma; (b) Il-kakaw bix-xaħam imnaqqas, it-trab tal-kawkaw bix-xaħam imnaqqas jagħtu l-isem lit-trab tal-kawkaw li jkun fih inqas minn 20 % butir tal-kawkaw, ikkalkolati skond l-użin tal-materjal niexef; (ċ) It-trab taċ-ċikkulata, iċ-ċikkulata fi trab jagħtu l-isem lill-prodott li jikkonsisti minn taħlita ta' trab tal-kawkaw ma' tipi ta' zokkor, u li jkun fihom inqas minn 32 % ta' trab tal-kawkaw (kokotina); (d) Iċ-ċikkulata tax-xorb, il-kawkaw ħelu, it-trab ħelu tal-kawkaw jagħtu l-isem lill-prodott li jkun fih taħlita ta' trab tal-kawkaw ma' tipi ta' zokkor, li jkun fiha mhux inqas minn 25 % ta' trab tal-kawkaw (kokotina); dawn l-ismijiet għandhom iġorru magħhom it-termimu "bix-xaħam imnaqqas" fil-każ fejn il-prodott ikun tnaqqaslu x-xaħam kif iddefinit fil-(b). 3. Iċ-ċikkulata (a) tagħti l-isem lill prodott miksub mill-prodotti mill-kawkaw u tipi ta' zokkor li, bla ħsara għall-(b), ikun fih mhux inqas minn total ta' 35 % solidi niexfa tal-kawkaw, inkluż mhux inqas minn 18 % ta' butir tal-kawkaw u mhux inqas minn 14 % ta' solidi niexfa mhux xaħmin; (b) madankollu, fejn dan l-isem ikun issupplimentat bil-kliem: - "vermicelli" jew "taqxir": il-prodott ippreżentat fil-għamla ta' granuli jew taqxir irid ikun fih mhux inqas minn total ta' 32 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw, inklużi mhux inqas minn 12 % ta' butir tal-kawkaw u mhux inqas minn 14 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw mingħajr xaħam; - "għall-kisi" ("couverture"): il-prodott irid ikun fih mhux inqas minn total ta' 35 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw, inklużi mhux inqas minn 31 % ta' butir tal-kawkaw u mhux inqas minn 2,5 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw mingħajr xaħam; - - Iċ-ċikkulata tal-ġewża tal-"gianduja" (jew waħda mid-derivati tal-kelma "gianduja"): il-prodott irid jinkiseb l-ewwelnett miċ-ċikkulata li jkollha kontenut totali minimu ta' 32 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw inkluż kontenut minimu ta' 8 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw mingħajr xaħam, u mbagħad il-ġellewż mitħun fin fil-kwantitajiet illi 100 g tal-prodott ikun fih mhux inqas minn 20 g u mhux iktar minn 40 g tal-ġellewż. Jistgħu jiġu miżjuda dawn li ġejjin: (a) il-ħalib u/jew is-solidi niexfa tal-ħalib miksuba bl-evaporazzjoni, fil-proporzjonijiet hekk illi l-prodott imlesti ma jkunx fih iktar minn 5 % ta' solidi niexfa tal-ħalib; (b) il-lewż, il-ġellewż jew il-varjetajiet l-oħra tal-ġewż, jew sħaħ jew imfarrka, fil-kwantitajiet illi, flimkien mal-ġellewż mitħun, ma jaqbżux it-total ta' 60 % ta' l-użin tal-prodott. 4. Iċ-ċikkulata tal-ħalib (a) tagħti l-isem lill-prodott miksub minn prodotti mill-kawkaw, tipi ta' zokkor u l-ħalib jew il-prodotti mill-ħalib, li, bla ħsara għall-(b), ikun fih: - mhux inqas minn total ta' 25 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw, - mhux inqas minn 14 % ta' solidi niexfa tal-ħalib miksuba bid-deidrazzjoni parzjali jew totali tal-ħalib naturali, il-ħalib xkumat jew nofsu xkumat, il-krema, jew mill-krema, mill-butir jew mill-grass tal-ħalib iddeidrati parzjalment jew totalment, - mhux inqas minn 2,5 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw mingħajr xaħam, - mhux inqas minn 3,5 % ta' grass tal-ħalib, - mhux inqas minn total ta' 25 % ta' xaħam (xaħam tal-kawkaw jew grass tal-ħalib). (b) Madankollu, fejn dan l-isem ikun issupplimentat bil-kelmiet: - "vermicelli" jew "taqxir": il-prodott ippreżentat fil-għamla ta' granuli jew taqxir irid ikun fih mhux inqas minn total ta' 20 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw, mhux inqas minn 12 % ta' solidi niexfa tal-ħalib miksuba bid-deidrazzjoni parzjali jew totali tal-ħalib naturali, tal-ħalib xkumat jew nofsu xkumat, tal-krema, jew mill-krema, mix-xaħam tal-butir jew mill-grass tal-ħalib iddeidrati parzjalment jew totalment, u mhux inqas minn total ta' 12 % ta' xaħam (butir tal-kawkaw u grass tal-ħalib), - "għall-kisi" (couverture): il-prodott irid ikollu total minimu ta' 31 % ta' xaħam (butir tal-kawkaw u grass tal-ħalib), - Ċikkulata tal-ħalib bil-ġewża tal-"gianduja" (jew waħda mid-derivati tal-kelma "gianduja"): il-prodott irid jinkiseb l-ewwelnett miċ-ċikkulata tal-ħalib li jkun fiha kontenut minimu ta' 10 % ta' solidi niexfa tal-ħalib, miksuba bid-deidrazzjoni parzjali jew totali tal-ħalib naturali, tal-ħalib xkumat jew nofsu xkumat, tal-krema jew mill-krema, mill-butir jew mill-grass tal-ħalib iddeidrati parzjament jew totalment, u t-tieninett mill-ġellewż mitħun fin, fil-kwantitajiet illi 100 g tal-prodott ikun fih mhux inqas minn 15 g u mhux iktar minn 40 g tal-ġellewż. Jistgħu jiġu miżjuda l-lewż, il-ġellewż u varjetajiet oħra ta' ġewż, jew sħaħ jew imfarrka, fil-kwantitajiet illi, flimkien mal-ġellewż mithun, ma jaqbżux it-total ta' 60 % ta' l-użin tal-prodott. (ċ) Fejn f'dan l-isem il-kelma "ħalib" tiġi mibdula bi: - "krema": il-prodott irid ikollu kontenut minimu ta' 5,5 % ta' grass tal-ħalib, - "ħalib xkumat": il-prodott irid ikollu kontenut ta' mhux iktar minn 1 % ta' grass tal-ħalib. (d) Ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jawtorizzaw l-użu fit-territorju tagħhom ta' l-isem "milk chocolate" ("ċikkulata tal-ħalib") biex jagħtu l-isem lill-prodotti riferiti fil-punt 5, bil-kundizzjoni illi t-terminu jġorr miegħu fiż-żewġ każi indikazzjoni ta' l-ammont tas-solidi niexfa tal-ħalib stabbilit għal kull wieħed miż-żewġ prodotti, fil-għamla ta' "minimu ta'.…% solidi tal-ħalib". 5. Iċ-ċikkulata tal-ħalib għall-familja tagħti l-isem lill-prodott miksub mill-prodotti mill-kawkaw, minn tipi ta' zokkor u mill-ħalib jew mill-prodotti mill-ħalib u li jkun fih: - mhux inqas minn total ta' 20 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw, - mhux inqas minn 20 % ta' solidi niexfa tal-ħalib miksuba bid-deidrazzjoni parzjali jew totali tal-ħalib naturali, il-ħalib xkumat jew nofs xkumat, il-krema, jew mill-krema, mill-butir jew mix-grass tal-ħalib iddeidrati parzjalment jew totalment, - mhux inqas minn 2,5 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw mingħajr xaħam, - mhux inqas minn 5 % ta' grass tal-ħalib, - mhux inqas minn total ta' 25 % ta' xaħam (butir tal-kawkaw u grass tal-ħalib). 6. Iċ-ċikkulata bajda tagħti l-isem lill-prodott miksub mill-butir tal-kawkaw, mill-ħalib jew mill-prodotti mill-ħalib u minn tipi taz-zokkor u li jkun fih mhux inqas minn 20 % ta' butir tal-kawkaw u mhux inqas minn 14 % ta' solidi niexfa tal-ħalib miksuba mid-deidrazzjoni parzjali jew totali tal-ħalib naturali, tal-ħalib xkumat jew nofsu xkumat, tal-krema jew mill-krema, mill-butir jew mill-grass tal-ħalib iddeidrati parzjalment jew totalment, li mhux inqas minn 3,5 % minnhom huwa grass tal-ħalib. 7. Ċikkulata mimlija, ċikkulata mimlija bi …, ċikkulata bi … minn ġewwa jagħtu l-isem lill-prodott mimli, bil-parti ta' barra tikkonsisti minn waħda mill-prodotti ddefiniti fit-3, il-4, il-5 jew is-6. Id-denominazzjonijiet ma japplikawx għall-prodotti, fejn il-ġewwieni tagħhom jikkonsisti minn prodotti tal-ħwienet tal-ħobż, tal-pastiċċiera, tal-gallettini jew tas-silġ għall-konsum mill-bniedem. Il-porzjon ta' fuq barra taċ-ċikkulata tal-prodotti li jġibu wieħed minn dawn l-ismijiet għandu jikkostitwixxi mhux inqas minn 25 % ta' l-użin totali tal-prodott. 8. Iċ-ċikkkulata a la taza tagħti l-isem lill-prodott miksub mill-prodotti mill-kawkaw, minn tipi ta' zokkor u mid-dqiq jew il-lamtu tal-qamħ, tar-ross jew tal-qamħ ir-rum, li jkun fih mhux inqas minn total ta' 35 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw, inklużi mhux inqas minn 18 % ta' butir tal-kawkaw u mhux inqas minn 14 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw mingħajr xaħam, u mhux iktar minn 8 % ta' dqiq jew lamtu. 9. Iċ-ċikkulata familiar a la taza tagħti l-isem lill-prodott miksub mill-prodotti mill-kawkaw, tipi ta' zokkor u d-dqiq jew il-lamtu mill-qamħ, mir-ross jew mill-qamħ ir-rum, li jkun fih total ta' mhux inqas minn 18 % ta' butir tal-kawkaw u mhux inqas minn 12 % ta' solidi niexfa tal-kawkaw mingħajr xaħam, u mhux iktar minn 18 % ta' dqiq jew lamtu. 10. Ċikkulatina jew pralina jagħtu l-isem lill-prodott tad-daqs ta' gidma, li jikkonsti fi: - ċikkulata mimlija, jew - biċċa ċikkulata waħedha jew għaqda jew taħlita ta' ċikkulata fit-tifsira tad-definizzjonijiet mogħtija fit-3, il-4, il-5 jew is-6 jew ta' sustanzi oħra li jittieklu, sakemm iċ-ċikkulata tikkostitwixxi mhux inqas minn total ta' 25 % ta' l-użin tal-prodott. B. L-INGREDJENTI B'GĦAŻLA AWTORIZZATI Iż-żidiet tas-sustanzi li jittieklu 1. Mingħajr preġudizzju għal-Artikolu 2 u għat-Taqsima B(2), jistgħu jiġu miżjuda sustanzi oħra li jittieklu mal-prodotti miċ-ċikkulata ddefiniti fit-Taqsima A(3), (4), (5), (6), (8) u (9). Madankollu, iż-żieda ta': - ix-xaħmijiet mill-annimali u t-tħejjijiet tagħhom mhux idderivati mill-ħalib biss għandha tiġu pprojbita, - id-dqiq, il-lamtu fil-għamla ta' granuli jew magħmul trab, għandha tiġi awtorizzata biss fejn iż-żieda tkun skond id-definizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima A(8) u (9). Il-kwantità ta' dawn is-sustanzi li jittieklu miżjuda ma tistax taqbeż il-40 % ta' l-użin totali tal-prodott lest. 2. Jista' jiġi miżjud biss dak it-taħwir li ma jkunx taparsi togħma taċ-ċikkulata jew tal-grass tal-ħalib mal-prodotti ddefiniti fit-Taqsima A(2), (3), (4), (5), (6), (8) u (9). Ċ. IL-KALKOLU TAL-PERĊENTWALI Il-kontenuti minimi tal-prodotti ddikjarati fit-Taqsima A(3), (4), (5), (6), (8) u (9) għandhom jiġu kkalkolati wara li jitnaqqas il-piż ta' l-ingredjenti pprovduti fit-Taqsima B. Fil-każ tal-prodotti fit-Taqsima A(7) u (10), il-kontenuti minimi għandhom jiġu kkalkolati wara li jitnaqqas il-piż ta' l-ingredjenti pprovduti fit-Taqsima B, kif ukoll il-piż tal-mili. Il-kontenuti taċ-ċikkulata fil-prodotti ddefiniti fit-Taqsima A(7) u A(10) għandhom jiġu kkalkolati f'relazzjoni mal-piż totali tal-prodott imlesti, inkluż il-mili ta' ġo fihom. D. IZ-ZOKKOR It-tipi ta' zokkor riferiti f'din id-Direttiva mhumiex limitati biss għal dawk it-tipi taz-zokkor koperti bid-Direttiva tal-Kunsill 73/437/KEE tal-11 ta' Diċembru 1973 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fejn jirrigwardaw ċerti tipi ta' zokkor maħsuba għall-konsum mill-bniedem [1]. [1] ĠU L 356, tas-27.12.1973, p. 71. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1985. -------------------------------------------------- ANNESS II IX-XAĦMIJIET MILL-ĦXEJJEX TA' L-IKEL RIFERITI FL-ARTIKOLU 2(1) Ix-xaħmijiet mill-ħxejjex ta' l-ikel riferiti fl-Artikolu 2(1) huma, għal rashom jew f'għaqda, l-ekwivalenti tal-butir tal-kawkaw u għandhom jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin: (a) huma xaħmijiet mill-ħxejjex ta' l-ikel iżda mhux mir-rand, li huma sinjuri fit-trigliċeridi mono-mhux-saturati tat-tip POP, POSt u StOSt [1]; (b) jistgħu jitħalltu f'kull proporzjon mal-butir tal-kawkaw, u huma kompatibbli mal-prorjetajiet fiżiċi tiegħu (fit-temperatura tal-waqt ta' meta jinħall u ta' meta jikkristallizza, ir-rata ta' kif jinħall, il-ħtieġa ta' fażi għat-tempra); (ċ) jinkisbu biss bil-proċessi tar-raffinazzjoni u/jew tal-frazzjonalizzazzjoni, li jeskudu l-modifika ta' l-enżimi tal-binja trigliċerida. Skond il-kriterji ta' hawn fuq, jistgħu jintużaw ix-xaħmijiet mill-ħxejjex ta l-ikel li ġejjin, miksuba mill-pjanti elenkati hawn taħt: L-isem tas-soltu tal-xaħam mill-ħxejjex | L-isem xjentifiku tal-pjanti li minnhom jistgħu jinkisbu x-xaħmijiet | 1. L-illipe, ix-xaħam ta' dam tal-Borneo jew it-tengkawang | Shorea spp. | 2. Iż-żejt tal-palm | Elaeis guineensis Elaeis olifera | 3. Is-sal | Shorea robusta | 4. Ix-xea1 | Butyrospermum parkii | 5. Il-kokum gurgi | Garcinia indica | 6. Il-qalba tal-mango | Mangifera indica | Barra minn hekk, bħala eċċezzjoni għal ta' hawn fuq, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-użu taż-żejt tal-ġewż ta' l-Indi bil-għan li ġej: fiċ-ċikkulata wżata għall-fabbrikazzjoni tal-ġelat u ta' prodotti simili ffriżati. [1] P (aċidu palmitiku), O (aċidu olejku), St (aċidu stearku). --------------------------------------------------