Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31997R1466

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika

    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1–5 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/04/2024; Imħassar b' 32024R1263

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1466/oj

    31997R1466



    Official Journal L 209 , 02/08/1997 P. 0001 - 0005


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97

    tas-7 Lulju 1997

    dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 103(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Huwa u jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [2],

    (1) Billi l-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir huwa msejjes fuq l-objettiv ta' finanzi governattivi sodi bħala mezz biex jissaħħu l-kondizzjonijiet għal prezzjiet stabbli u għal tkabbir sostenibbli b'saħħtu sabiex iwassal għall-ħolqien ta' l-impjiegi;

    (2) Billi l-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir jikkonsisti f'dan ir-Regolament li jimmira li jsaħħaħ is-sorveljanza tal-pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomiċi, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 [3] li jimmira li jagħti spinta biex iħaffef u jiċċara l-implimentazzjoni ta' proċeduri dwar sbilanċi eċċessivi u tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 Ġunju 1997 dwar il-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir [4], li fihom, skond l-Artikolu D tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, linji-gwida politiċi sodi huma maħruġa sabiex jimplimentaw il-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir f'manjiera stretta u f'waqtha u partikolarment biex iżommu ma' l-għanijiet ta' termini ta' żmien medji tal-pożizzjoniet ta' budget li jkunu qrib il-bilanċ jew b'bilanċ favorevoli, li għalihom l-Istati Membri kollha huma kommessi, u biex tittieħed l-azzjoni korrettiva fil-budget li jidhrilhom meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-istabbiltà u l-programmi ta' konverġenza tagħhom, kull meta jkollhom tagħrif li jindika diverġenza sinifikanti attwali jew preżunti mill-għani tat-terminu fi żmien medju ta' budget;

    (3) Billi fit-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) l-Istati Membri huma, skond l-Artikolu 104ċ tat-Trattat, taħt obbligu ċar li joħroġ mit-Trattat li jevitaw sbilanċi eċċessivi ġenerali tal-gvern; billi skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll (No 11) dwar ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat li għandhom x'jaqsmu mar-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta' Fuq, l-Artikolu 104ċ(1) ma japplikax għar-Renju Unit sakemm ma jimxix għat-tielet stadju; billi l-obbligu skond l-Artikolu 109e(4) fejn l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz biex jevitaw sbilanċi eċċessivi għandu jissokta jgħodd għar-Renju Unit;

    (4) Billi l-konformita ma' l-objettiv ta' terminu fi żmien medju fil-pożizzjonijiet ta' budget qrib il-bilanċ jew b'bilanċ favorevoli jħallu lill-Istati Membri jittrattaw oxxillazzjonijiet ċikliċi normali fil-waqt li jżommu l-iżbilanċ tal-gvern fil-limitu tal-valur ta' riferenza ta' 3 % tal-GDP;

    (5) Billi huwa xieraq li tiġi kumplimentata l-proċedura dwar is-sorveljanza multilaterali ta' l-Artikolu 103(3) u (4) b'sistema ta' twissija bikrija, li fuqha l-Kunsill jiġbed l-attenzjoni ta' Stat Membru sa minn kmieni għall-ħtieġa li jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa fil-budget sabiex jipprevjieni milli żbilanċ tal-gvern isir eċċessiv;

    (6) Billi l-proċedura ta' sorveljanza multilaterali fl-Artikolu 103(3) u (4) għandha barra minn hekk tissokta li timmonitorja l-firxa kollha ta' l-iżviluppi ekonomiċi f'kull wieħed mill-Istati Membri u fil-Komunit kif ukoll il-konsistenza ta' politki ekonomiċi mal-linji-gwida ekonomiċi wiesgħa msemmija fl-Artikolu 103(2); billi biex jiġu monitorjati dawn l-iżviluppi, hija xierqa l-preżentazzjoni ta' tagħrif fil-forma ta' programmi ta' stabbilità u konverġenza;

    (7) Billi hemm il-ħtieġa li tibqa' tinbena fuq l-esperjenza utli miksuba matul l-ewwel żewġ stadji ta' l-unjoni ekonomika u monetarja bi programmi ta' konverġenza;

    (8) Billi l-Istati Membri li jadottaw munita unika, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjħa "l-Istati Membri parteċipanti", irridu, skond l-Artikolu 109j, ikunu kisbu grad għoli ta' konverġenza sostenibbli u partikolarment pożizzjoni finanzjarja governattiva sostenibbli; billi ż-żamma ta' pożizzjonijiet sodi fl-estimi ta' dawn l-Istati Membri hija meħtieġa biex tappoġġa l-istabbilità tal-prezzijiet u ssaħħaħ il-kondizzjonijiet għat-tkabbir sostenut tal-produzzjoni u ta' l-impjiegi; billi huwa meħtieġ li l-Istati Membri parteċipanti jissottomettu programmi fuq temini ta' żmien medji, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa "programmi ta' stabbilità"; billi huwa meħtieġ li jiġi definit il-kontenut prinċipali ta' dawk il-programmi;

    (9) Billi l-Istati Membri li ma jadottawx il-munita unika, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa "Stati Membri mhux parteċipanti", ikunu jeħtieġu li jsegwu politki mmirati lejn grad għoli ta' konverġenza sostenibbli; billi huwa meħtieġ li dawn l-Istati Membri jissottomettu programmi fuq termini ta' żmien medji, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa "programmi ta' konverġenza"; billi huwa meħtieġ li jiġi definit il-kontenut prinċipali ta' dawn il-programmi ta' konverġenza;

    (10) Billi fir-Riżoluzzjoni tagħha tas-16 Ġunju 1997 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu għar-rata tal-kambju fit-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill Ewropew kien ħareġ linji-gwida politiċi sodi li skond dawn ġie stabbilit mekkaniżmu ta' rata tal-kambju għat-tielet stadju ta' l-EUM, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "ERM2"; billi l-muniti ta' Stati Membri mhux parteċipanti li jidħlu fl-ERM2 irid ikollhom skala ċentrali vis-a-vis l-euro, li b'hekk jipprovdu punt ta' riferenza biex jiġġudikaw l-adegwatezza tal-politki tagħhom; billi l-ERM2 sejjer ukoll ikun ta' għajnuna biex jipproteġi lilhom u lill-Istati Membri li jadottaw l-ewro minn pressjonijiet mhux mixtieqa fis-swieq tal-kambju barranin; billi, biex tkun tista' ssir sorveljanza xierqa fil-Kunsill, Stati Membri mhux parteċipanti li ma jingħaqdux fl-ERM2 iridu madankollu jippreżentaw politki fil-programmi tagħhom ta' konverġenza orjentati lejn l-istabbilità biex b'hekk jevitaw allinjamenti ħżiena mar-rata reali tal-kambju u oxxilazzjonijiet eċċessivi fir-rata nominali tal-kambju;

    (11) Billi konverġanza dejjiema ta' prinċipji bażiċi ekonomiċi hija prerekwiżit għal stabbilità fir-rata sostenibbli tal-kambju;

    (12) Billi huwa meħtieġ li jiġi preskritt limitu ta' żmien għas-sottomissjoni ta' programmi ta' stabbilità u programmi ta' konverġenza u ta' l-aġġornamenti tagħhom;

    (13) Billi fl-interess tat-trasparenza u ta' dibattitu meqjus pubbliku huwa meħtieġ li l-Istati Membri jiftħu għall-pubbliku l-programmi ta' stabbilità u l-programmi ta' konverġenza tagħhom;

    (14) Billi l-Kunsill, meta jeżamina u jimmonitorja l-programmi ta' stabbiltià u l-programmi ta' konverġenza u partikolarment l-objettiv fuq terminu medju ta' żmien ta' l-budget u l-aġġustament immirat biex jintlaħaq dan l-objettiv, għandu jqis il-karatteristiċi rilevanti ċikliċi u strutturali ta' l-ekonomija ta' kull Stat Membru;

    (15) Billi f'dan il-kuntest attenzjoni partikolari għandha tingħata lil diverġenzi sinifikanti fil-posizzjonijiet ta' budget mill-objettivi ta' budget li huma dawk li jkunu qrib il-bilanċ jew f'bilanċ favorevoli; billi huwa xieraq li l-Kunsill jagħti twissija bikrija biex jipprevjieni milli sbilanċ tal-gvern ta' l-Istati Membri jsir eċċessiv; billi fil-każ ta' żelqien persistenti ta' budget ikun xieraq illi l-Kunsill isaħħaħ mill-ġdid ir-rakkomandazzjoni tiegħu u jippubblikaha; billi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-Kunsill jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-azzjoni li għandha tittieħed biex jitwettqu l-programmi tagħhom ta' konverġenza;

    (16) Billi kemm il-programmi ta' konverġenza kif ukoll il-programmi ta' stabbilità jwasslu għat-twettiq tal-kundizzjonijiet ta' konverġenza ekonomika msemmija fl-Artikolu 104ċ,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    TAQSIMA 1

    GĦAN U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Dan ir-Regolament jippreskrivi r-regoli li jkopru l-kontenut, is-sottomissjoni u l-immonitorjar ta' programmi ta' stabbilità u programmi ta' konverġenza bħala parti mis-sorveljanza multilaterali mill-Kunsill sabiex jipprevjieni, fi stadju bikri, l-okkorrenza ta' sbilanċi eċċessivi tal-gvern ġenerali u sabiex jippromwovi s-sorveljanza u l-koordinament ta' politka ekonomika.

    Artikolu 2

    Għall-għan ta' dan ir-Regolament, "Stati Membri parteċipanti" għandha tfisser dawk l-Istati Membri li jadottaw il-munita unika skond it-Trattat u "Stati Membri mhux parteċipanti" għandha tfisser dawk li ma jadottawx il-munita unika.

    TAQSIMA 2

    PROGRAMMI TA' STABBILITÀ

    Artikolu 3

    1. Kull Stat Membru parteċipanti għandu jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni t-tagħrif meħtieġ għall-għan ta' sorveljanza multilaterali f'intervalli regolari skond l-Artikolu 103 tat-Trattat fil-forma ta' programm ta' stabbilità, li jipprovdi bażi essenzjali għall-istabbilità tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien ta' l-impiegi.

    2. Programm ta' stabbilità għandu jippresenta t-tagħrif li ġej:

    (a) l-objettiv fuq terminu medju ta' żmien tal-pożizzjoni ta' l-estimi qrib il-bilanċ jew f'bilanċ favorevoli u tat-triq ta' aġġustament lejn dan l-objettiv għal bilanċ favorevoli/sbilanċ tal-gvern ġenerali u għat-triq mistennija tal-proporzjon ta' dejn tal-gvern ġenerali;

    (b) l-assunzjonijiet prinċipali dwar żviluppi ekonomiċi mistennija u fatturi varjabbli ekonomiċi importanti li huma rilevanti għar-realizzazzjoni tal-programm ta' stabbilità bħalma huma nfiq f'investimenti mill-gvern, tkabbir fil-prodott gross domestiku reali (PGD), l-impjiegi u l-inflazzjoni;

    (ċ) deskrizzjoni tal-miżuri fil-budget jew politki ekonomiċi oħra li jkunu mittieħda u/jew proposti biex jinkisbu l-objettivi tal-programm, u, fil-każ tal-miżuri prinċipali tal-budget, stima ta' l-effetti kwantitattivi fuq il-budget;

    (d) analiżi dwar kif tibdil fis-assunzjonijiet prinċipali ekonomiċi jaffettwaw il-pożizzjoni tad-dejn fil-budget.

    3. It-tagħrif dwar it-toroq għall-proporzjoni ta' bilanċ favorevoli/sbilanċ tal-gvern ġenerali u l-iskala tad-dejn u l-assunzjonijet ekonomiċi prinċipali msemmija fil-paragrafu 2 (a) u (b) għandhom ikunu fuq bażi annwi u għandhom ikopru, flimkien mas-sena kurrenti u dik ta' qabel, għall-inqas it-tliet snin li jiġu wara.

    Artikolu 4

    1. Programmi ta' stabbilità għandhom jingħataw qabel l-1 Marzu 1999. Wara din id-data, programmi aġġornati għandhom jingħataw kull sena. Stat Membru li jadotta l-munita unika fi stadju aktar tard għandu jagħti l-programm tiegħu ta' stabbilità fi żmien sitt xhur mid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fil-munita unika.

    2. L-Istati Membri kollha għandhom jippubblikaw il-programmi tagħhom ta' stabbilità kif ukoll programmi aġġornati.

    Artikolu 5

    1. Fil-waqt li jibbaża ruħu fuq l-istimi tal-Kummissjoni u tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 109ċ tat-Trattat, il-Kunsill għandu, fil-qafas ta' sorveljanza multilaterali skond l-Artikolu 103, jeżamina jekk l-objettiv fuq terminu medju ta' żmien ta' budget fil-programm ta' stabbilità jipprovdix għal marġini ta' sigurezza sabiex jiżgura li jiġi evitat sbilanċ eċċessiv, jekk l-asssunzjonijiet ekonomiċi li fuqhom il-programm huwa bbażat humiex realistiċi u jekk il-miżuri li jkunu qegħdin jittieħdu u/jew dawk proposti humiex biżżejjed biex tinkiseb it-triq ta' aġġustament lejn l-objettiv fuq terminu medju ta' żmien ta' l-estimi.

    Il-Kunsill għandu barra minn hekk jeżamina wkoll jekk il-kontenut tal-programm ta' stabbilità jħaffifx il-koordinament iktar mill-qrib tal-politki ekonomiċi u jekk il-politki ekonomiċi ta' l-Istati Membri interessati humiex konsistenti mal-linji-gwida tal-politka ekonomika ġenerali.

    2. Il-Kunsill għandu jwettaq eżami tal-programm ta' stabbilità imsemmi fil-paragrafu 1 fi żmien ta' mhux aktar minn xahrejn mis-sottomissjoni tal-programm. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 109ċ, għandu jagħti opinjoni dwar il-programm. Fejn il-Kunsill, skond l-Artikolu 103, jikkunsidra li l-objettivi u l-kontenut ta' programm għandhom jiġu msaħħa, il-Kunsill għandu, fl-opinjoni tiegħu, jistieden lill-Istat Membru interessat biex jaġġusta l-programm tiegħu.

    3. Programmi aġġornati ta' stabbilità għandhom jiġu eżaminati mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 109ċ fuq il-bażi ta' stimi mill-Kummissjoni; jekk ikun meħtieġ, programmi aġġornati jistgħu jiġu eżaminati wkoll mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilità fil-paragrafi 1 and 2 ta' dan l-Artikolu.

    Artikolu 6

    1. Bħala parti mis-sorveljanza multilaterali skond l-Artikolu 103(3), il-Kunsill għandu jimmonitorja l-implimentazzjoni ta' programmi ta' stabbilità, fuq il-bażi tat-tagħrif mogħti mill-Istati Membri parteċipanti u ta' stimi mill-Kummissjoni u mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 109ċ, partikolarment bil-ħsieb li jidentifika diverġenzi sinifikanti attwali jew mistennija fil-pożizzjoni ta' budget mill-objettiv fuq terminu medju ta' żmien ta' budget, jew it-triq ta' aġġustmanet lejh, kif imniżżel fil-programm ta' bilanċ favorevoli/sbilanċ tal-gvern.

    2. Fil-każ li l-Kunsill isib diverġenza sinifikanti fil-pożizzjoni ta' budget mill-objettiv fuq terminu medju ta' żmien ta' budget, jew fit-triq ta' aġġustament lejh, għandu, bil-ħsieb li jagħti twissija bikrija sabiex jipprevjeni l-okkorrenza ta' sbilanċ eċċessiv, jindirizza, skond l-Artikolu 103(4), rakkomandazzjoni lill-Istat Membru konċernat biex jieħdu l-miżuri meħtieġa ta' aġġustament.

    3. Fil-każ li l-Kunsill fil-monitoraġġ tiegħu li jiġi wara jiġġudika illi d-diverġenza fil-pożizzjoni ta' budget jew tal-pożizzjoni ta' budget mill-objettiv fuq terminu medju ta' żmien ta' budget, jew tat-triq ta' aġġustament lejh, tibqa' tippersisti jew teħżien, il-Kunsill għandu, skond l-Artikolu 103(4), jagħmel rakkomandazzjoni lill-Istat Membru konċernat biex jieħu miżuri korrettivi mill-iktar fis u jista', kif jipprovdi dan l-Artikolu, jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu pubblika.

    TAQSIMA 3

    PROGRAMMI TA' KONVERĠENZA

    Artikolu 7

    1. Kull Stat Membru mhux parteċipanti għandu jibgħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tagħrif meħtieġ għall-għan ta' sorveljanza multilaterali f'intervalli regolari skond l-Artikolu 103 fil-forma ta' programm ta' konverġenza, li jipprovdi bażi essenzjali għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien ta' l-impjiegi.

    2. Programm ta' konverġenza għandu jagħti t-tagħrif li ġej partikolarment dwar fatturi varjabbli li għandhom x'jaqsmu mal-konverġenza:

    (a) l-objettiv fuq terminu medju ta' żmien tal-pożizzjoni tal-budget qrib il-bilanċ jew b'bilanċ favorevoli u tat-triq ta' l-aġġustament lejn dan l-objettiv għall-bilanċ favorevoli/sbilanċ tal-gvern ġenerali; it-triq mistennija tal-proporzjon ta' dejn tal-gvern ġenerali; l-objettivi tal-politika monetarja fuq terminu medju ta' żmien; ir-relazzjonijiet ta' dawn l-objettivi ma' l-istabbiltà tal-prezzijiet u tar-rata tal-kambju;

    (b) l-assunzjonijiet prinċipali dwar żviluppi ekonomiċi mistennija u dwar fatturi varjabbli ekonomiċi importanti li huma rilevanti għar-realizzazzjoni tal-programm ta' konverġenza, bħalma huma l-infiq mill-gvern f'investimenti, tkabbir reali tal-PGD, l-impjiegi u l-inflazzjoni;

    (ċ) deskrizzjoni tal-miżuri fil-budget jew politki ekonomiċi oħra li jkunu mittieħda u/jew proposti biex jinkisbu l-objettivi tal-programm, u, fil-każ tal-miżuri prinċipali tl-budget, stima ta' l-effetti kwantitattivi fuq il-budget;

    (d) analiżi dwar kif tibdil fis-assunzjonijiet prinċipali ekonomiċi jaffettwaw il-pożizzjoni tad-dejn fil-budget.

    3. It-tagħrif dwar it-toroq biex il-bilanċ favorevoli/sbilanċ tal-gvern ġenerali, l-proporzjon tad-dejn u l-assunzjonijiet prinċipali ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2 (a) and (b) għandu jkun fuq bażi annwali u għandu jkopri, flimkien mas-sena kurrenti u s-sena ta' qabel, mill-inqas it-tliet snin li jiġu wara.

    Artikolu 8

    1. Programmi ta' konverġenza għandhom jingħataw qabel l-1 Marzu 1999. Wara din is-sena, programmi aġġornati għandhom jingħataw kull sena.

    2. L-Istati Membri kollha għandhom jippubblikaw il-programmi ta' konverġenza u l-programmi ta' aġġornament tagħhom.

    Artikolu 9

    1. Filwaqt li jibbaża ruħu fuq stimi mill-Kummissjoni u mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 109ċ tat-Trattat, il-Kunsill għandu, fil-qafas ta' sorveljanza multilaterali skond l-Artikolu 103, jeżamina jekk l-objettiv fuq terminu medju ta' żmien ta' budget fil-programm ta' konverġenza jipprovdix għal marġini ta' sigurezza sabiex jiżgura li jiġi evitat sbilanċ eċċessiv, jekk l-assunzjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikun ibbażat il-programm humiex realistiċi u jekk il-miżuri li jkunu qegħdin jittieħdu u/jew il-proposti humiex biżżejjed biex tinkiseb it-triq ta' aġġustament sabiex jintlaħaq l-objettiv fuq terminu medju ta' żmien u biex tinkiseb konverġenza sostnuta.

    Il-Kunsill għandu, barra min hekk, jeżamina jekk il-kontenut tal-programm ta' konverġenza jħaffifx il-koordinamwent iktar mill-qrib tal-politki ekonomiċi u jekk il-politki ekonomiċi ta' l-Istati Membri interessati humiex konsistenti mal-linji gwida tal-politka ekonomika ġenerali.

    2. Il-Kunsill għandu jwettaq eżami tal-programm ta' konverġenza msemmi fil-paragrafu 1 mhux aktar tard minn xahrejn mis-sottomissjoni tal-programm. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 109ċ, għandu jagħti opinjoni dwar il-programm. Fejn il-Kunsill, skond l-Artikolu 103, jikkunsidra li l-objettivi u l-kontenut ta' programm għandhom jiġu msaħħa, il-Kunsill għandu, fl-opinjoni tiegħu, jistieden lill-Istat Membru interessat biex jaġġusta l-programm tiegħu.

    3. Programmi aġġornati ta' konverġenza għandhom jiġu eżaminati mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 109ċ fuq il-bażi ta' stimi mill-Kummissjoni; jekk jinħtieġ, programmi aġġornati jistgħu wkoll jiġu eżaminati mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilità fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

    Artikolu 10

    1. Bħala parti mis-sorveljanza multilaterali skond l-Artikolu 103(3), il-Kunsill għandu jimmonitorja l-implimentazzjoni ta' programmi ta' konverġenza fuq il-bażi tat-tagħrif mogħti mill-Istati Membri mhux parteċipanti skond l-Artikolu 7(2)(a) ta' dan ir-Regolament u ta' stimi mill-Kummissjoni u mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 109ċ tat-Trattat, partikolarment bil-ħsieb li jidentifikaw diverġenzi sinifikanti attwali jew mistennija fil-pożizzjoni ta' l-estimi mill-objettiv fuq terminu medju ta' żmien ta' budget, jew fit-triq ta' aġġustament lejha, kif stabbilit għall-programm ta' bilanċ favorevili/sbilanċ tal-gvern.

    Barra minn dan, il-Kunsill għandu jimmonitorja l-politki ekonomiċi ta' l-Istati Membri mhux parteċipanti fid-dawl ta' l-objettivi ta' programmi ta' konverġenza bil-ħsieb li jiżgura li l-politki tagħhom jadattaw irwieħhom għall-istabbiltà u b'hekk jevitaw miżallinjamenti fir-rati reali tal-kambju u oxxillazzjonijiet eċċessivi fir-rati nominali tal-kambju.

    2. Fil-każ li l-Kunsill jidentifika xi diverġenza sinifikanti fil-pożizzjoni tal-budget mill-objettiv fuq terminu medju ta' żmien tal-budget, jew fit-triq ta' aġġustament lejh, għandu, bil-ħsieb li jagħti twissija bikrija biex jipprevjieni l-okkorrrenza ta' sbilanċ eċċessiv, jindirizza skond l-Artikolu 103(4), rakkomandazzjoni lill-Istati Membri konċernati biex jieħdu l-miżuri meħtieġa ta' aġġustament.

    3. Fil-każ li l-Kunsill fil-monitoraġġ aħħari tiegħu jiġġudika li d-diverġenza fil-pożizzjoni tal-budget mill-objettiv ta' terminu medju ta' żmien tal-budget, jew tat-triq ta' aġġustament lejh, tibqa' tippersisti jew teħżien, il-Kunsill għandu, skond l-Artikolu 103(4), jagħmel rakkomandazzjoni lill-Istati Membri konċernati biex jieħdu miżuri korrettivi mill-iktar fis u jista', kif imniżżel f'dan l-Artikolu, jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu pubblika.

    TAQSIMA 4

    DISPOSIZZJONIJIET KOMUNI

    Artikolu 11

    Bħala parti mis-sorveljanza multilaterali kif deskritta f' dan ir-Regolament, il-Kunsill għandu jwettaq l-istima totali deskritta fl-Artikolu 103(3).

    Artikolu 12

    Skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 103(4) il-President tal-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iżidu mar-rapport tagħhom lill-Parlament Ewropew ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali mwettqa skond dan ir-Regolament.

    Artikolu 13

    Ez a rendelet 1998. július 1-jén lép hatályba.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fis-7 ta' Lulju 1997.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J.-C. Juncker

    [1] ĠU C 368, tas-6.12.1996, p. 9.

    [2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 Novembru 1996 (ĠU C 380, tas-16.12.1996, p. 28), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-14 April 1997 (ĠU C 146, tat-30.5. 997, p. 26) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Mejju 1997 (ĠU C 182, tas-16.6.1997).

    [3] Ara p. 6 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    [4] ĠU C 236, tat-2.8.1997, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top