Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31982D0043

    Id–Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 1982 rigward l-istabbiliment ta' Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u l-Irġiel

    ĠU L 20, 28.1.1982, p. 35–37 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/06/2008; Imħassar b' 32008D0590

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1982/43/oj

    31982D0043



    Official Journal L 020 , 28/01/1982 P. 0035 - 0037
    Finnish special edition: Chapter 5 Volume 2 P. 0164
    Spanish special edition: Chapter 05 Volume 3 P. 0003
    Swedish special edition: Chapter 5 Volume 2 P. 0164
    Portuguese special edition Chapter 05 Volume 3 P. 0003


    Id–Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tad-9 ta' Diċembru 1982

    rigward l-istabbiliment ta' Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u l-Irġiel

    (82/43/KEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

    Billi fil-prattika l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għan-nisa u l-irġiel għandu jitħeġġeġ permezz ta' kooperazzjoni mtejba u skambju ta' opinjonijiet u esperjenzi bejn dawk il-korpi fl-Istati Membri li għandhom responsabbiltà speċjali biex iġibu 'l quddiem l-ugwaljanza ta' l-opportunitajiet, u l-Kummissjoni;

    Billi l-implimentazzjoni kompleta fil-prattika tad-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE ta' l-10 ta' Frar 1975 dwar it-taqrib tal-liġijiet ta' l-Istati Membri konnessi ma' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-irġiel u n-nisa [1], 76/207/KEE tad-9 ta' Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament l-istess għall-irġiel u n-nisa f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjonijiet, il-kondizzjonijiet tax-xogħol [2] u 79/7/KEE tad-19 ta' Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament l-istess għall-irġiel u n-nisa fejn tidħol is-sigurtà soċjali [3] tkun imħeffa sew bħala riżultat ta' l-għajnuna ta' korpi nazzjonali li jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom xibka ta' informazzjoni speċjalizzata;

    Waqt li tkun ikkonsidrata d-Direttiva 72/161/KEE tas-17 ta' April 1972 dwar il-provvediment ta' tmexxija soċjo-ekonomika għal u l-kisba ta' kapaċitajiet tax-xogħol minn persuni ingaġġati fl-agrikoltura [4];

    Billi it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Komunità dwar l-impjegar tan-nisa, it-titjib tal-qagħda tan-nisa li jaħdmu għal rashom u dawk imqabbda biex jaħdmu fl-agrikoltura, u t-tmexxija 'l quddiem ta' l-opportunitajiet ugwali jeħtieġu kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi speċjalizzati fl-Istati Membri;

    Billi, għalhekk, għandu jitwaqqaf qafas istituzzjonali għall-iskop ta' konsultazzjonijiet regolari ma' dawk il-korpi,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    L-Artikolu 1

    Il-Kummissjoni b'dan qiegħda tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv dwar l-Opportunitajiet Ugwali għan-Nisa u l-Irġiel, minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat".

    L-Artikolu 2

    1. Il-Kumitat għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-fomulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politka tagħha biex iġġib 'il quddiem l-impjegar tan-nisa u t-trattament l-istess u tiżgura il-bdil kontinwu ta' informazzjoni dwar l-esperjenza miksuba u l-miżuri meħuda fil-Komunità fil-qasam konċernat.

    2. Biex jikseb il-miri msemmija fil-paragrafu 1 ta' fuq, il-Kumitat:

    - għandu jibdel l-informazzjoni mal-Kummissjoni dwar l-azzjoni meħuda fuq livell tal-Komunità u dak nazzjonali u, fejn ikun xieraq, dwar ix-xogħol li għandu jsir wara din l-azzjoni,

    - għandu joħroġ opinjonijiet jew jgħaddi rapporti lill-Kummissjoni, speċjalment fuq dak li għandu x'jaqsam mal-politika ta' l-opportunitajiet l-istess, jew fuq it-talba ta' din ta' l-aħħar jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, u għal dan il-għan għandu jipproponi skambju ta' informazzjoni dwar l-esperjenza fl-Istati Membri fis-setturi li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu.

    3. Il-proċeduri għaċ-ċirkolazzjoni ta' l-opinjonijiet u r-rapporti tal-Kumitat għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim mal-Kummisjoni.

    L-Artikolu 3

    1. Il-Kumitat għandu jkollu 20 membru.

    2. Għandu jkun magħmul minn żewġ rappreżentanti minn kull Stat Membrumaħtura minn fost il-membri tal-kumitati jew korpi nazzjonali stabbiliti skond deċiżjoni uffiċjali, li huma responsabbli speċifikament għall-kwistjonijiet ta' impjiegi tan-nisa u/jew opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel u li jirrappreżentaw is-setturi interessati. Fejn hemm aktar minn kumitat jew korp wieħed ta' din ix-xorta li jkollhom f'idejhom dan is-suġġett f'xi Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi liema korp, permezz ta' l-għanijiet, struttura, rappreżentattività u livell ta' indipendenza tiegħu, ikun l-aktar ikkwalifikat biex ikun rappreżentat fil-Kumitat. Kull pajjiż li ma jkollux kumitat ta' din ix-xorta għandu jkun rappreżentat minn membri ta' korpi mitqiesa mill-Kummissjoni li jaqdu doveri analogi.

    3. Il-membri tal-Kumitat għandhom jinħatru individwalment mill-Kummissjoni, li taġixxi fuq proposta mingħand il-korpi msemmija fil-paragrafu 2 aktar 'il fuq, minn fost il-membri ta' dawk il-korpi jew is-segretarjati tagħhom.

    4. Ir-rappreżentanti taż-żewġ naħat ta' l-industrijafuq il-livell tal-Komunità jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Kumitat bħala osservaturi, skond il-proċedura li għandha tiġi stabbilita mill-organizzazzjonijiet tagħhom u mill-Kummissjoni.

    L-Artikolu 4

    Persuna alternattiva għandha tinħatar għal kull membru tal-Kumitat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk imsemmija fl-Arikolu 3. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 7, il-persuna alternattiva la tattendi l-laqgħat tal-Kumitat u lanqas tipparteċipa fix-xogħol tiegħu sakemm il-membru rilevanti ma jkunx miżmum milli jagħmel dan.

    L-Artikolu 5

    Iż-żmien tal-kariga tal-membri tal-Kumitat għandu jkun ta' tliet snin u jista' jiġġedded.

    Meta jagħlaq il-perjodu ta' tliet snin, il-membri tal-Kumitat ikomplu fil-kariga sakemm ikun provdut xi ħadd li jeħdilhom posthom jew jiġġedded iż-żmien tal-kariga tagħhom.

    Iż-żmien ta' kariga ta' kull membru jintemm qabel ma jagħlaq il-perjodu ta' tliet snin fil-każ tar-riżenja tagħha/tiegħu, tat-tmiem tas-sħubija tagħha/tiegħu fl-organizzazzjoni li tirrappreżenta jew jirrappreżenta, jew il-mewt tagħha/tiegħu. Iż-żmien ta' kariga ta' xi membru jista' jintemm ukoll jekk l-organizzazzjoni li nnominatu titlob li jinbidel.

    Il-membru jinbidel għall-kumplament taż-żmien tal-kariga skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4.

    Ma jkun hemm ebda ħlas għad-dmirijiet tal-membru; spejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' kuljum għal-laqgħat tal-Kumitat u gruppi ta' xogħol stabbiliti skond l-Artikolu 8 għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni skond ir-regoli amministrattivi li jkun hemm fis-seħħ.

    L-Artikolu 6

    Il-Kumitat għandu jagħżel president minn fost il-membri tiegħu għal perjodu ta' sena waħda. L-għażla tkun b'maġġoranza ta' żewġterzi tal-membri preżenti; b'danakollu, jeħtieġ minimu ta' 10 voti favur.

    Il-Kumitat għandu jeleġġi żewġ viċe-presidenti bl-istess maġġoranza u taħt l-istess kondizzjonijiet. Fl-assenza tal-president, wieħed miż-żewġ viċe-presidenti għandu jagħmilha ta' President. Il-president u l-viċe-presidenti għandhom jiġu minn Stati Membri differenti.

    Il-Kummissjoni għandha torganizza x-xogħol tal-Kumitat b'kooperazzjoni mill-qrib mal-president, u s-servizzi segretarjali jiġu provduti mill-Bureau għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-impjegar u t-trattament ugwali għan-nisa tal-Kummissjoni.

    L-Artikolu 7

    Il-President jista' jistieden lil xi persuna li tkun speċjalment kwalifikata f'xi suġġett partikulari li jkun fl-aġenda biex tieħu sehem fix-xogħol tiegħu bħala espert.

    L-esperti għandhom jieħdu sehem fix-xogħol fuq is-suġġett partikolari li għalih intalbet l-attendenza tagħhom.

    L-Artikolu 8

    1. Il-Kumitat jista' jistabbilixxi gruppi ta' xogħol.

    2. Għat-tħejjija ta' l-opinjonijiet tiegħu, il-Kumitat jista' jafda x-xogħol tat-tfassil tar-rapporti f'idejn rapporteur jew xi espert minn barra skond il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti.

    L-Artikolu 9

    Il-miżuri adottati skond l-Artikoli 7 u 8 li jkollhom implikazzjonijiet finanzjarji għall-bilanċ tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jingħataw qabel għall-qbil tal-Kummissjoni u għandhom ikunu implimentati skond ir-regoli amministrattivi li jkun hemm fis-seħħ.

    L-Artikolu 10

    1. Il-Kumitat għandu jitlaqqa' mill-Kummissjoni u għandu jiltaqa' fil-bini tagħha. Għandu jiltaqa' għallinqas tliet darbiet fis-sena.

    2. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jkollhom id-dritt li jieħdu parti fil-laqgħat tal-Kumitat u tal-gruppi tax-xogħol.

    L-Artikolu 11

    Meta wara d-diskussjonijiet tal-Kumitat ikun hemm vot, tenħtieġ maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri. Iżda, l-anqas li jista' jkun huwa 10 voti favur. Meta jiġu espressi opinjonijiet ta' minoranza, dawn għandhom jiġu rrekordjati fil-minuti li għandhom jiffurmaw Anness għall-opinjoni.

    L-Artikolu 12

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 214 tat-Trattat, il-membri tal-Kumitat m'għandhomx ikunu mitluba jiżvelaw informazzjoni miksuba fil-qadi tax-xogħol tal-Kumitat jew tal-gruppi tax-xogħol tiegħu meta jiġu infurmati mill-Kummissjoni li l-opinjoni mitluba jew il-mistoqsija magħmula jkollha x'taqsam ma' xi ħaġa kunfidenzjali.

    F'dawn il-każijiet, membri tal-Kumitat u r-rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni biss għandhom jattendu l-laqgħat.

    L-Artikolu 13

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1981.

    Magħmula fi Brussel, fid-9 ta' Diċembru 1981.

    Għall-Kummissjoni

    G. Thorn

    Il-President

    [1] ĠU L 45, tad-19.2.1975, p. 19.

    [2] ĠU L 39, ta' l-14.2.1976, p. 40.

    [3] ĠU L 6, ta' l-10.1.1979, p. 24.

    [4] ĠU L 96, tat-23.4.1972, p. 15.

    --------------------------------------------------

    Top