Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31978L0315

Id-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1977 li temenda d-Direttiva 70/156/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

ĠU L 81, 28.3.1978, pp. 1–2 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/04/2009; Impliċitament imħassar minn 32007L0046

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1978/315/oj

31978L0315



Official Journal L 081 , 28/03/1978 P. 0001 - 0002
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 8 P. 0056
Greek special edition: Chapter 13 Volume 7 P. 0041
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 8 P. 0056
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 8 P. 0103
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 8 P. 0103


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-21 ta’ Diċembru 1977

li temenda d-Direttiva 70/156/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

(78/315/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi xi sistemi jew partijiet ta’ vetturi li jiffurmaw unità teknika separata huma diġà mqiegħda fis-suq kemm separatament u wkoll wara li jitwaħħlu ma’ vettura; billi, jekk huwa possibbli li jkunu vverifikati dawn is-sistemi jew partijiet qabel ma jkunu mwaħħla ma’ vettura, il-moviment ħieles tagħhom jista’ jiġi ffaċilitat bl-introduzzjoni ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ukoll għal dawn l-unitajiet tekniċi separati;

Billi hu għalhekk mixtieq li d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [3] għandha tkun issupplimentata mingħajr dewmien b’disposizzjonijiet li jintroduċu din l-approvazzjoni tat-tip, mingħajr preġudizzju għal emendi oħrajn ta’ dik id-Direttiva, b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Jannar 1977;

Billi l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ l-unitajiet tekniċi separati li għandhom jitwaħħlu ma’ vetturi tissimplifika l-proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur billi tevita r-ripetizzjoni ta’ ċerti verifiki matul l-approvazzjoni tat-tip; billi għandu jkun possibbli, meta tingħata l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE għal unitajiet tekniċi separati, li jkunu stabbiliti restrizzjonijiet għall-użu u/jew il-kondizzjonijiet għat-twaħħil tagħhom;

Billi għandu dejjem jibqa’ possibbli li jiġu adattati id-Direttivi separati għall-progress tekniku fil-produzzjoni ta’ unitajiet tekniċi separati; billi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE hija xierqa għal dan l-iskop,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 9a li ġej għandu jiżdied wara l-Artikolu 9:

"Artikolu 9a

1. Meta d-Direttivi separati jagħmlu disposizzjonijiet espressi għal dan, l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE tista’ wkoll tingħata lil tipi ta’ sistemi jew partijiet ta’ vetturi li jiffurmaw unità teknika separata.

2. Meta l-unità teknika separata li għandha tiġi approvata taqdi l-funzjoni tagħha jew toffri fattur speċifiku biss flimkien ma’ komponenti oħrajn tal-vettura u għal din ir-raġuni l-konformità ma’ ħtieġa waħda jew aktar tista’ tkun ivverifikata biss meta l-unità teknika separata li għandha tiġi approvata taħdem flimkien ma’ komponenti ta’ vetturi oħrajn, kemm jekk reali jew simulati, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE ta’ l-unità teknika separata għandu jiġi restritt kif xieraq. Iċ-ċertifikat ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE għal unità teknika separata għandu mbagħad jinkludi kwalunkwe restrizzjoni fuq l-użu tagħha u għandu jindika kull kondizzjoni biex titwaħħal. L-osservanza ta’ dawn ir-restrizzjonijiet u l-kondizzjonijiet għandha tkun ivverifikata fil-waqt ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE tal-vettura.

3. L-Artikoli 3 sa 9 u 14 għandhom japplikaw b’analoġija.

B’danakollu, id-detentur ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE għal unità teknika separata mogħtija skond dan l-Artikolu għandu jkun obbligat mhux biss li jimla ċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 5(2), imma wkoll li jwaħħal ma’ kull unità manifatturata b’konformità mat-tip approvat l-isem kummerċjali jew trade mark, it-tip u, jekk id-Direttiva separata hekk jipprovdu, in-numru ta’ l-approvazzjoni tat-tip."

Artikolu 2

Il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud ma’ l-Artikolu 11:

"Din il-proċedura għandha wkoll tapplika għall-iskop ta’ l-introduzzjoni tad-disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE għall-unitajiet tekniċi separati fid-Direttivi separati."

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-disposizzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar min-notifika tagħha u għandhom minnufih jinformaw lill-Kumissjoni b’dan.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-testi tad-disposizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fis-settur kopert b’din id-Direttiva ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta’ Diċembru 1977.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Chabert

[1] ĠU C 118, tas-16.5.1977, p.29.

[2] ĠU C 114, tal-11.5.1977, p. 1.

[3] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p.1.

--------------------------------------------------

Top