EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018PC0241

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward tal-konverżjonijiet, tal-mergers u tad-diviżjonijiet transkonfinali

COM/2018/241 final - 2018/0114 (COD)

Brussell, 25.4.2018

COM(2018) 241 final

2018/0114(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward tal-konverżjonijiet, tal-mergers u tad-diviżjonijiet transkonfinali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2018) 141 final}
{SWD(2018) 142 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

L-ekonomija tal-UE teħtieġ kumpaniji f’saħħithom, li jirnexxu u li jistgħu joperaw faċilment fis-Suq Uniku. Tali kumpaniji għandhom rwol kruċjali fil-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku, fil-ħolqien tax-xogħol u fl-attrazzjoni tal-investiment fl-Unjoni Ewropea. Dawn jgħinu biex jinkiseb valur ekonomiku kif ukoll soċjali akbar għas-soċjetà inġenerali. Għal dan il-għan, il-kumpaniji jridu joperaw f’ambjent legali u amministrattiv li jwassal għat-tkabbir u li fl-istess ħin ikun adattat biex jilqa’ l-isfidi ekonomiċi u soċjali l-ġodda ta’ dinja globalizzata u diġitali, filwaqt li jsegwu wkoll interessi pubbliċi leġittimi oħra bħall-protezzjoni tal-impjegati, tal-kredituri u ta’ azzjonisti minoritarji u jipprovdu lill-awtoritajiet bis-salvagwardji kollha meħtieġa biex jiġu miġġielda l-frodi jew l-abbuż.

Huwa b’dan l-objettiv li l-Kummissjoni qed tippreżenta din il-proposta, flimkien mal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 1 dwar l-użu ta’ għodda u proċessi diġitali fil-liġi dwar il-kumpaniji - sensiela ta’ miżuri komprensivi għal regoli tal-liġi dwar il-kumpaniji moderni u ta’ sostenn fl-UE.

Il-libertà tal-istabbiliment taqdi rwol kruċjali fl-iżvilupp tas-Suq Uniku billi din tippermetti lil entitajiet korporattivi jwettqu attivitajiet ekonomiċi fi Stati Membri oħra fuq bażi stabbli. Biex titrawwem il-mobilità transkonfinali tal-kumpaniji fl-UE, hu essenzjali li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet u l-karatteristċi tagħhom. Fl-UE hemm madwar 24 miljun kumpanija, li minnhom madwar 80 % huma kumpaniji b’responsabbiltà limitata. Madwar 98-99 % tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata huma SMEs.

Madankollu, fil-prattika, l-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment mill-kumpaniji għadu diffiċli. Waħda mir-raġunijiet għal dawn id-diffikultajiet hija li l-liġi dwar il-kumpaniji mhijiex adattata biżżejjed għall-mobilità transkonfinali fl-UE: ma toffrix lill-kumpaniji kundizzjonijiet aħjar f’termini ta’ qafas legali ċar, prevedibbli u xieraq li jista’ jwassal għal attività ekonomika msaħħa, b’mod partikolari għall-SMEs kif rikonoxxuti mill-Istrateġija tal-2015 għal Suq Uniku 2 .

Ristrutturamenti u trasformazzjonijiet korporattivi bħal konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali, huma parti miċ-ċiklu tal-ħajja tal-kumpaniji u jirrappreżentaw mod naturali kif il-kumpaniji jikbru, jadattaw għal ambjent li jinbidel u jesploraw opportunitajiet fi swieq ġodda. Fl-istess ħin, dawn jinvolvu wkoll konsegwenzi għall-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari għall-impjegati, għall-kredituri u għall-azzjonisti. Għaldaqstant, hu essenzjali li l-protezzjoni tal-partijiet ikkonċernati żżomm il-pass mat-transnazzjonalizzazzjoni li dejjem qiegħda tikber fid-dinja korporattiva. Madankollu, illum il-ġurnata, l-inċertezza legali, l-inadegwatezza parzjali u anki n-nuqqas ta’ regoli li jirregolaw ċerti operazzjonijiet transkonfinali tal-kumpaniji jfissru li ma hemm ebda qafas ċar biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati. Għalhekk, f’din is-sitwazzjoni, il-protezzjoni offruta lill-partijiet ikkonċernati tista’ tkun ineffettiva jew insuffiċjenti. L-operazzjonijiet transkonfinali tal-kumpaniji jistgħu jiġu ffaċilitati wkoll minn ambjent ġuridiku li joħloq fiduċja fis-Suq Uniku billi jipprovdi għal salvagwardji kontra l-abbuż.

Għaldaqstant, hu importanti li jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tas-Suq Uniku billi jitkissru l-ostakli għall-kummerċ transfruntier, jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-swieq, tiżdied il-fiduċja u tiġi stimolata l-kompetizzjoni filwaqt li tiġi offruta protezzjoni effettiva u proporzjonata lill-partijiet ikkonċernati. L-objettiv ta’ din il-proposta jinqasam fi tnejn: jipprovdi proċeduri speċifiċi u komprensivi għall-konverżjonijiet, għad-diviżjonijiet u għall-mergers transkonfinali biex titrawwem il-mobilità transkonfinali fl-UE filwaqt li, fl-istess ħin, joffri protezzjoni adegwata lill-partijiet ikkonċernati biex tiġi ssalvagwardjata l-ġustizzja tas-Suq Uniku. Tali azzjoni tagħmel parti mill-ħolqien ta’ Suq Uniku aktar integrat u ġust, li hi waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni attwali.

Konverżjonijiet transkonfinali

Konverżjoni transkonfinali toffri soluzzjoni effiċjenti għal kumpaniji li jixtiequ jittrasferixxu għal Stat Membru ieħor bla ma jitilfu l-personalità ġuridika tagħhom jew ikollhom jerġgħu joqogħdu jinnegozjaw il-kuntratti kummerċjali tagħhom. Konverżjoni hi partikolarment attraenti għal kumpaniji żgħar li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi finanzjarji biex ifittxu parir legali li jiswa ħafna u biex jifformaw merger transkonfinali 3 . Dan ir-raġunament japplika b’mod partikolari għal konverżjonijiet transkonfinali fl-isfond tal-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ) qieset li l-libertà tal-istabbiliment imnaqqxa fl-Artikolu 49 TFUE tinkludi d-dritt, għal kumpaniji stabbiliti fi Stat Membru, li jittrasferixxu s-sede tagħhom għal Stat Membru ieħor permezz tal-konverżjoni transkonfinali bla ma jitilfu l-personalità ġuridika tagħhom 4 . 

B’mod partikolari fis-sentenza riċenti tagħha Polbud 5 , il-QtĠ kkonfermat id-dritt tal-kumpaniji li jwettqu konverżjonijiet transkonfinali fuq il-bażi tal-libertà tal-istabbiliment. Il-QtĠ ddikjarat li l-libertà tal-istabbiliment hi applikabbli meta l-uffiċċju reġistrat waħdu, mingħajr is-sede reali, jiġi ttrasferit minn Stat Membru għal ieħor jekk l-Istat Membru tal-inkorporazzjoni l-ġdida jaċċetta r-reġistrazzjoni ta’ kumpanija anki mingħar l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika hemmhekk: f’dan il-każ, l-Artikolu 49 TFUE ma jeħtieġx tali attività ekonomika bħala prekundizzjoni għall-applikabilità tiegħu 6 . Il-QtĠ fakkret ukoll li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, l-Istati Membri huma kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-fattur ta’ konnessjoni ta’ kumpanija mal-ordni nazzjonali tagħha u, b’hekk, japplikaw ir-rekwiżiti ta’ inkorporazzjoni tagħhom stess għall-kumpaniji li jidħlu fihom 7 . Il-QtĠ fakkret ukoll il-ġurisprudenza preċedenti tagħha li fiha l-fatt li l-uffiċċju reġistrat jew is-sede reali ta’ kumpanija ġew stabbiliti f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għall-fini ta’ tgawdija tal-benefiċċju ta’ leġiżlazzjoni aktar favorevoli ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, abbuż. F’Polbud, ġie ddikjarat li regola nazzjonali li timponi l-prerekwiżit ta’ stralċ ta’ trasferiment transfruntier ta’ kumpanija hi restrizzjoni mhux iġġustifikata u sproporzjonata u għalhekk, illegali 8 . 

Is-sentenza Polbud iċċarat il-kuntest għall-konverżjonijiet transkonfinali. Iżda billi l-QtĠ hi organu ġudizzjarju, din ma tistax toħloq xi proċedura biex it-tali konverżjonijiet isiru possibbli jew tistabbilixxi l-kundizzjonijiet sostantivi relatati. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fl-UE dwar il-konverżjonijiet transkonfinali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali xorta waħda tista’ tistabbilixxi regoli biex tiġi segwita l-proċedura u għall-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji, tal-kredituri jew tal-ħaddiema jew għall-ġlieda kontra abbużi relatati mat-taxxa jew oħrajn fil-każ ta’ konverżjoni transkonfinali ta’ kumpanija. Madankollu, hemm bżonn li jiġi vvalutat fuq il-bażi ta’ każ b’każ jekk it-tali regoli jikkonformawx mad-dritt tal-UE u, b’mod partikolari mad-dritt ta’ stabbiliment. Dan iwassal għal sitwazzjoni mhux sodisfaċenti f’termini taċ-ċertezza tad-dritt, li taffettwa b’mod negattiv lill-kumpaniji, lill-partijiet ikkonċernati u lill-Istati Membri.

Bħalissa, kumpaniji li jixtiequ jittrasferixxu l-uffiċċji reġistrati tagħhom b’mod transfruntier iridu jibbażaw fuq il-liġijiet tal-Istati Membri. Dawn il-liġijiet, fejn jeżistu, spiss ma jkunux kompatibbli jew inkella jkunu diffiċli li jiġu kkombinati ma’ xulxin. Barra minn hekk, aktar minn nofs l-Istati Membri ma jipprovdux għal xi regola speċifika li tippermetti l-konverżjonijiet transkonfinali. L-SMEs huma affettwati b’mod partikolarment negattiv billi spiss ikunu nieqsa mir-riżorsi biex iwettqu proċeduri transkonfinali permezz ta’ metodi alternattivi għaljin u kkumplikati.

Dan ifisser ukoll li l-protezzjoni tal-partijiet ikkonċernati bħall-impjegati, il-kredituri jew l-azzjonisti minoritarji spiss tkun ineffettiva jew insuffiċjenti minħabba n-nuqqas ta’ regoli jew minħabba regoli mrikkba fuq xulxin jew kontradittorji. Fir-rigward tal-protezzjoni tal-impjegati, fin-nuqqas ta’ salvagwardji armonizzati għad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati, il-kumpaniji jaf jużaw konverżjoni transkonfinali u n-nuqqas ta’ salvagwardji rilevanti għad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati, meta jittrasferixxu minn Stat Membru għal ieħor, biex ibaxxu l-livell ta’ parteċipazzjoni jew jabbandunawh. Barra minn hekk, l-assenza ta’ regoli armonizzati tista’ twassal ukoll għal żieda fl-użu ta’ kumpaniji tal-isem għal skopijiet foloz, li jippermettu pereżempju, fl-aktar każijiet serji, l-organizzazzjonijiet kriminali organizzati li jaħbu u jostru s-sjieda benefiċjarja ta’ kumpaniji għal rikavat minn attività kriminali.

Għalhekk il-leġiżlatur tal-UE jeħtieġ jintervjeni u jipprevedi regoli dwar il-konverżjoni transkonfinali b’salvagwardji adegwati u proporzjonati għall-impjegati, il-kredituri u l-azzjonisti biex jinħoloq Suq Uniku dinamiku u ġust. Il-Parlament Ewropew 9 diġà appella għal dan. B’mod partikolari, huwa importanti li l-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom jinvolvu ruħhom fil-proċedura, f’konformità mat-tmin (8) prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali: jenħtieġ notevolment li jkunu informati u kkonsultati fi żmien xieraq dwar kwistjonijiet rilevanti għalihom fil-kuntest tal-konverżjonijiet transkonfinali tal-kumpaniji. Il-mobilità tal-kumpaniji trid taħdem id f’id mal-protezzjoni tal-prerogattivi tal-liġi soċjali u tax-xogħol nazzjonali. 

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-objettivi ewlenin tar-regoli armonizzati għall-konverżjonijiet transkonfinali jinqasmu fi tnejn:

- li jagħtu l-possibbiltà lill-kumpaniji, b’mod partikolari lil dawk mikro u żgħar, li jikkonvertu b’mod transfruntier ordnat, effiċjenti u effettiv;

- li jipproteġu lill-aktar partijiet ikkonċernati affettwati bħall-impjegati, il-kredituri u l-azzjonisti b’mod xieraq u proporzjonat.

Il-proposta tkun tippermetti lill-kumpaniji jikkonvertu b’mod transfruntier billi jbiddlu l-forma ġuridika tagħhom ta’ Stat Membru partikolari f’forma ġuridika simili ta’ Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li din tiżgura li l-kumpaniji jżommu l-personalità ġuridika tagħhom tul il-proċess mingħajr ma jkollhom bżonn dissoluzzjoni jew likwidazzjoni fl-Istat Membru tat-tluq, u jifformaw entità ġdida fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

L-objettiv hu li tiġi pprovduta proċedura speċifika, strutturata u fuq bosta saffi għall-konverżjonijiet transkonfinali li tiżgura skrutinju tal-legalità tal-konverżjoni transkonfinali l-ewwel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tat-tluq u t-tieni mill-Istat Membru tad-destinazzjoni fid-dawl tal-fatti u tal-informazzjoni kollha. Element kruċjali tal-proċedura hu li din tkun tipprevjeni konverżjoni transkonfinali fejn jiġi ddeterminat li tikkostitwixxi abbuż, jiġifieri f’każijiet fejn din tikkostitwixxi xi arranġament artifiċjali bl-għan li jinkisbu vantaġġi fiskali mhux xierqa jew li jiġu ppreġudikati indebitament id-drittijiet legali jew kuntrattwali tal-impjegati, tal-kredituri jew tal-membri minoritarji.

L-ewwel pass fil-proċedura jkun it-tħejjija tal-abbozz ta' termini tal-konverżjoni transkonfinali u żewġ rapporti fil-mira indirizzati lill-azzjonisti u lill-impjegati dwar l-implikazzjonijiet li jkun se jkollha l-konverżjoni transkonfinali. Barra minn hekk, kumpaniji ta’ daqs medju u kbar ikollhom bżonn japplikaw mal-awtorità kompetenti għall-ħatra ta’ espert indipendenti li jeżamina l-akkuratezza tal-abbozz ta' termini u tar-rapporti mħejjija mill-kumpanija. Ir-rapport miktub tal-espert indipendenti jkun jipprovdi wkoll il-bażi fattwali biex l-awtorità kompetenti twettaq il-valutazzjoni fir-rigward, fost l-oħrajn, tar-riskju ta’ abbuż imsemmi aktar ’il fuq. Ir-rapport tal-espert li se jiġi ddivulgat ma jistax ikun fih xi informazzjoni kunfidenzjali pprovduta mill-kumpanija. L-abbozz ta' termini u r-rapporti jitqiegħdu għad-dispożizzjoni b’mod pubbliku u jistgħu jintbagħtu kummenti dwarhom mill-partijiet ikkonċernati affettwati.

Wara, il-kumpanija tkun trid tieħu deċiżjoni fil-laqgħa ġenerali dwar jekk twettaqx il-konverżjoni transkonfinali. Imbagħad, din id-deċiżjoni, flimkien mal-informazzjoni u mad-dokumenti rilevanti, tiġi sottomessa lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru tat-tluq li hu responsabbli biex jiddeċiedi jekk joħroġx ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni jew le. L-iskrutinju mwettaq minn din l-awtorità jkun jikkonsisti minn żewġ fażijiet possibbli: matul l-ewwel fażi, li hi limitata għal xahar, l-awtorità kompetenti teżamina jekk il-konverżjoni transkonfinali hijiex legali. L-awtorità jkun xogħolha li tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet kollha għall-konverżjoni transkonfinali stabbiliti fid-Direttiva u fil-liġi nazzjonali humiex issodisfati, inkluż jekk il-kumpanija hix solventi, jekk il-maġġoranza meħtieġa tal-azzjonisti approvatx il-konverżjoni f’laqgħa ġenerali u l-impjegati, l-azzjonisti minoritarji u l-kredituri humiex protetti fil-mandat stipulat mid-Direttiva. Matul din il-fażi, l-awtorità tkun tiddetermina wkoll jekk hemmx arranġament artifiċjali. Jekk fi tmiem il-perjodu ta’ xahar (1) stabbilit għall-ewwel fażi tal-investigazzjoni l-awtorità ma jkollha ebda oġġezzjoni, din toħroġ ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni. Jekk fi tmiem xahar (1) din tkun ċerta li l-konverżjoni transkonfinali hi illegali, tirrifjuta milli toħroġ ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni. Alternattivament, jekk fi tmiem il-perjodu ta’ xahar (1) ikollha tħassib serju li l-konverżjoni tista’ tkun illegali, tinforma lill-kumpanija li tkun se tagħmel eżami fil-fond rigward l-eżistenza ta’ abbuż kif imsemmi aktar ’il fuq. L-eżami fil-fond trid tiġi konkluża u deċiżjoni finali trid tittieħed fi żmien xahrejn.

Jekk wara t-tali skrutinju, jinħareġ iċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni, dan jintbagħat mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni. Imbagħad, l-Istat Membru tad-destinazzjoni jagħmel skrutinju fir-rigward ta’ dik il-parti tal-proċedura li hi rregolata mil-liġi tal-Istat Membru tad-destinazzjoni. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tiżgura li l-kumpanija konvertita tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tagħha dwar l-inkorporazzjoni ta’ kumpaniji (pereżempju, jekk il-kumpanija għandhiex sede reali fit-territorju tagħha) u, fejn xieraq, li l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-impjegati ġew iddeterminati legalment. Ladarba ssir il-verifika tal-legalità, kumpanija tiġi rreġistrata fir-reġistru ta’ Stat Membru tad-destinazzjoni u titneħħa mir-reġistru tal-Istat Membru tat-tluq. Imbagħad il-konverżjoni għandha ssir legalment effettiva. Jenħtieġ li kull kuntratt bejn ir-reġistri jsir permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali (BRIS).

Mergers transkonfinali

Kumpanija tista’ tkun tixtieq teżerċita l-libertà tal-istabbiliment tagħha wkoll u, wara, tibbenefika mill-opportunitajiet offruti mis-Suq Uniku billi twettaq merger transkonfinali. Il-kumpaniji jistgħu jiffurmaw merger transkonfinali għal diversi raġunijiet, li jinkludu riorganizzazzjonijiet tal-grupp, it-tnaqqis tal-ispejjeż organizzazzjonali kif ukoll kunsiderazzjonijiet orjentati lejn in-negozju biex igawdu redditi akbar ta’ skala, markar konsolidat, jew sinerġiji oħra bejn attivitajiet kummerċjali differenti.

L-introduzzjoni tad-Direttiva dwar il-Mergers Transkonfinali 10 stabbilixxiet proċedura armonizzata fil-livell tal-UE għal kumpaniji b’responsabbiltà limitata. Din wasslet għal żieda sostanzjali fl-attività ta’ mergers transkonfinali fl-UE u fiż-ŻEE. In-numru ta’ mergers transkonfinali żdied b’173 % bejn l-2008 u l-2012, li jindika li l-proċedura stabbilita mid-Direttiva żiedet l-attività transkonfinali b’mod sostanzjali. Il-partijiet ikkonċernati (bħad-ditti legali, ir-reġistri kummerċjali u t-trade unions) intervistati għall-istudju tal-2013 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva laqgħu l-proċeduri l-ġodda, is-simplifikazzjoni proċedurali u rrapportaw anqas spejjeż u perjodi ta’ żmien imqassra bis-saħħa tal-qafas armonizzat.

Madankollu, minkejja l-valutazzjoni pożittiva ġenerali, l-evalwazzjoni 11 tal-funzjonament tad-Direttiva dwar il-Mergers Transkonfinali identifikat ċerti problemi li jxekklu l-effettività u l-effiċjenza sħaħ tar-regoli eżistenti.

L-Istrateġija tal-2015 għal Suq Uniku 12 semmiet inċertezzi dwar il-liġi tal-kumpaniji bħala waħda mill-ostakli li l-SMEs jilmentaw dwarhom fis-Suq Uniku u ħabbret li l-Kummissjoni se “teżamina wkoll il-ħtieġa li jiġu aġġornati r-regoli eżistenti dwar il-fużjonijiet transfruntiera u l-possibbiltà li tikkumplimentahom b’regoli dwar id-diviżjonijiet transfruntiera”. 

Il-Parlament Ewropew saħaq fuq l-effetti pożittivi tad-Direttiva li ffaċilitat il-mergers transkonfinali bejn kumpaniji b’responsabbiltà limitata fl-Unjoni Ewropea u naqqset l-ispejjeż assoċjati u l-proċeduri amministrattivi 13 . Madankollu, il-Parlament Ewropew innota wkoll il-ħtieġa li din tiġi riveduta biex jittejjeb il-funzjonament tagħha 14 .

L-ostakli identifikati ewlenin jikkonċernaw in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tar-regoli sostantivi b’mod partikolari għall-protezzjoni tal-kredituri u għall-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji kif ukoll in-nuqqas ta’ proċedura rapida (jiġifieri proċeduri simplifikati għal mergers anqas “kumplessi”). Barra minn hekk, ġie osservat li l-proċedura tal-mergers transkonfinali ma tintegrax biżżejjed l-għodod u l-proċessi diġitali (pereż. fir-rigward tas-sottomissjoni tad-dokumenti lill-awtoritajiet pubbliċi jew il-qsim ta’ dawk bejniethom). Ġie kkritikat ukoll il-fatt li l-impjegati ma jiġux informati biżżejjed dwar id-dettalji u l-implikazzjonijiet ta’ merger transkonfinali. Dawn l-ineffiċjenzi ġew ikkonfermati mill-partijiet ikkonċernati matul il-proċess ta’ konsultazzjoni.

Rigward il-protezzjoni tal-kredituri u tal-azzjonisti minoritarji, ir-regoli eżistenti dwar il-mergers transkonfinali jistabbilixxu regoli minimi, primarjament proċedurali, u jħallu l-protezzjoni sostantiva f’idejn il-liġi nazzjonali. Għaldaqstant, id-differenzi bejn il-liġijiet tal-Istati Membri għadhom jippersistu. Pereżempju, id-Direttiva tistabbilixxi biss li l-kredituri għandhom ikunu protetti soġġetti għar-regoli nazzjonali, mingħajr speċifikazzjonijiet ulterjuri. B’mod simili, id-Direttiva tistabbilixxi ċerti regoli li jikkonċernaw l-azzjonisti b’mod ġenerali (pereż. informazzjoni permezz tal-abbozz ta’ termini dwar il-mergers, il-perizji, il-votazzjoni matul il-laqgħat ġenerali) iżda tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu jekk jintroduċux protezzjoni ulterjuri għall-azzjonisti minoritarji. Rigward il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-livell tal-bord, ir-regoli eżistenti jistabbilixxu qafas komprensiv. Madankollu, ir-regoli ma jeħtiġux li l-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger jipprovdu xi informazzjoni speċifika u komprensiva dwar merger transkonfinali lill-impjegati. Bħalissa, is-sitwazzjoni tal-impjegati hi meqjusa b’mod ġenerali biss fir-rapport tal-maniġment indirizzat primarjament lill-azzjonisti.

Rigward il-proċeduri simplifikati, ir-regoli kurrenti joffru possibbiltajiet limitati. Pereżempju, ir-regoli jippermettu li tiġi rinunzjata perizja indipendenti jekk l-azzjonisti kollha jaqblu u ma jeħtiġux perizja jew l-approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali fil-każ ta’ merger bejn kumpanija prinċipali u s-sussidarja posseduta kollha tagħha.

Din il-proposta għandha l-għan li tindirizza dawn in-nuqqasijiet. Tipprovdi regoli armonizzati għall-protezzjoni tal-kredituri u tal-azzjonisti. Il-kumpanija jkollha bżonn tipprovdi l-protezzjoni prevista tal-kredituri u tal-azzjonisti fl-abbozz ta’ termini tal-konverżjoni transkonfinali. Il-kredituri li ma jkunux issodisfati bil-protezzjoni offruta, jistgħu japplikaw mal- awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja għal salvagwardji adegwati. Jenħtieġ li jiġi preżunt li l-kredituri ta’ kumpaniji li huma oġġett ta’ merger ma jkunux preġudikati minn merger transkonfinali, jekk espert indipendenti jkun ivvaluta s-sitwazzjoni tagħhom u qies li ma kien hemm ebda preġudizzju jew jekk il-kredituri jkunu ġew offruti dritt għall-ħlas, permezz ta’ terza persuna garanti, jew inkella permezz tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger.

L-Istati Membri xorta waħda jistgħu japplikaw il-liġijiet tagħhom rigward il-protezzjoni tal-ħlas tat-taxxi jew tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, jekk tali regoli jkunu differenti mill-protezzjoni offruta minn din il-proposta.

Azzjonisti li ma jkunux ivvotaw għall-mergers transkonfinali jew li ma jkollhom ebda dritt tal-vot ikollhom id-dritt li jitilqu mill-kumpanija (iċedu l-ishma tagħhom) u jirċievu l-kumpens adegwat. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-azzjonisti tal-kumpaniji li huma l-oġġett ta’ merger li ma opponewx il-merger transkonfinali, iżda li qiesu li l-proporzjon propost ta’ skambju tal-ishma kien inadegwat, jkunu jistgħu jikkontestaw dak il-proporzjon stabbilit fl-abbozz ta' termini komuni tal-merger transkonfinali quddiem qorti nazzjonali. Barra minn hekk, ir-regoli proposti jiżguraw li l-impjegati jiġu informati debitament dwar l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali ppjanat fuq l-impjegati. Il-proposta tipprevedi wkoll l-użu ta’ għodod u ta’ proċeduri diġitali matul il-proċedura tal-mergers transkonfinali kif ukoll għall-iskambju tal-informazzjoni rilevanti permezz tal-interkonnessjoni ta’ reġistri kummerċjali. Finalment, fejn possibbli, il-proposta tintroduċi possibbiltajiet oħra għal proċeduri simplifikati.

Diviżjonijiet transkonfinali

Kumpanija jaf tkun tixtieq teżerċita l-libertà tal-istabbiliment tagħha billi tagħmel diviżjoni transkonfinali wkoll. B’mod simili għall-konverżjonijiet u għall-mergers transkonfinali, id-diviżjonijiet transkonfinali joffru mod kif il-kumpaniji jbiddlu jew jissimplifikaw l-istruttura organizzazzjonali tagħhom, jadattaw għal kundizzjonijiet tas-suq li jinbidlu u jisfruttaw opportunitajiet kummerċjali ġodda fi Stat Membru ieħor. Dan ġie kkonfermat mir-rispondenti għall-konsultazzjoni tal-2015 dwar mergers u diviżjoniżjonijiet transkonfinali 15 . Madankollu, is-sittwazzjoni attwali li tikkonċerna d-diviżjonijiet transkonfinali madwar l-Istati Membri tal-UE tipprovdi wkoll stampa fframmentata ferm.

Ma hemm ebda qafas legali armonizzat għad-diviżjonijiet transkonfinali tal-kumpaniji, għad li d-diviżjonijiet jaqdu rwol importanti wkoll fl-ambjent ekonomiku tal-Istati Membri.

Il-qafas legali kurrenti tal-UE jipprovdi regoli biss għal mergers transkonfinali tal-kumpaniji, filwaqt li d-diviżjonijiet transkonfinali huma soġġetti għal regoli nazzjonali jekk ikunu jeżistu regoli bħal dawn. Illum il-ġurnata, biss ftit inqas minn nofs l-Istati Membri għandhom regoli nazzjonali dwar id-diviżjonijiet transkonfinali tal-kumpaniji. Fin-nuqqas ta’ qafas legali affidabbli għad-diviżjonijiet transkonfinali, il-kumpaniji jsibu diffikultajiet li jaċċessaw swieq fi Stat Membru ieħor u ta’ spiss ikollhom isibu alternattivi li jiswew ħafna biex imexxu l-proċeduri.

Rekwiżiti nazzjonali differenti jagħmlu l-istrutturar tal-operazzjonijiet transkonfinali diffiċli u jirrenduh aktar kumpless u għali. Anki meta l-Istati Membri jippermettu lill-kumpaniji jagħmlu diviżjoni transkonfinali, id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti spiss ikunu diverġenti jew saħansitra inkompatibbli. F’numru ta’ Stati Membri, it-twettiq ta’ diviżjoni transkonfinali diretta mhuwiex possibbli.

L-inċertezza legali u n-nuqqas jew il-kumplessità ta’ regoli għall-mobilità transkonfinali tal-kumpaniji jfissru wkoll li ma hemm ebda qafas ċar li jiżgura protezzjoni effettiva tal-partijiet ikkonċernati. Dan jista’ saħansitra jwassal għal sitwazzjoni li fiha l-libertà tal-istabbiliment tista’ tiġi abbużata minn ċerti kumpaniji. B’hekk, hu kruċjali li jinħoloq qafas legali li jiżgura bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li l-kumpaniji jiġu pprovduti ambjent tan-negozju favorevoli fl-UE filwaqt li fl-istess ħin jitħarsu l-interessi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati.

L-Istrateġija tal-2015 għal Suq Uniku 16 semmiet l-inċertezzi dwar il-liġi tal-kumpaniji bħala wħud mill-ostakli li l-SMEs jilmentaw dwarhom fis-Suq Uniku u ħabbret li l-Kummissjoni se “teżamina wkoll il-ħtieġa li jiġu aġġornati r-regoli eżistenti dwar il-fużjonijiet transfruntiera u l-possibbiltà li tikkomplimentahom b’regoli dwar id-diviżjonijiet transfruntiera”. 

Din il-parti tal-proposta għandha l-għan li tintroduċi qafas legali ġdid li jirregola d-diviżjonijiet transkonfinali. L-objettiv ewlieni tagħha hu li tindirizza kwistjonijiet relatati mal-mobilità transkonfinali billi tagħmilha eħfef għal kull kumpanija b’responsabbiltà limitata li tagħmel diviżjoni transkonfinali.

Id-dispożizzjonijiet relatati mad-diviżjonijiet transkonfinali huma ispirati mill-qafas eżistenti tad-direttiva dwar il-mergers transkonfinali kif ukoll mir-regoli eżistenti għad-diviżjonijiet domestiċi. Ir-regoli huma adattati biex ikopru sitwazzjoni li fiha kumpanija tinqasam, minflok sitwazzjoni li fiha kumpanija waħda jew aktar tittrasferixxi l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tagħha lil kumpanija oħra. Fl-istess ħin, l-objettivi tar-regoli armonizzati dwar id-diviżjonijiet transkonfinali jibqgħu simili għall-konverżjonijiet transkonfinali:

- li jagħtu l-possibbiltà lill-kumpaniji biex jagħmlu diviżjoni transkonfinali b’mod ordnat, effiċjenti u effettiv;

- li jipproteġu lill-partijiet ikkonċernati l-aktar affettwati bħall-impjegati, il-kredituri u l-azzjonisti b’mod xieraq u proporzjonat.

Fid-dawl tar-riskji simili inerenti għad-diviżjonijiet transkonfinali meta mqabbla mal-konverżjonijiet transkonfinali, il-proċedura strutturata u mqassma fuq diversi saffi kif proposta għall-konverżjonijiet tkun meħtieġa għad-diviżjonijiet ukoll. Proċedura bħal din tkun tiżgura l-iskrutinju tal-legalità tad-diviżjoni transkonfinali mill-awtorità kompetenti tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża u mill-awtoritajiet tal-kumpaniji reċipjenti fid-dawl tal-fatti u tal-informazzjoni rilevanti kollha. Bħal fil-konverżjonijiet, element kruċjali tal-proċedura jkun il-prevenzjoni ta’ diviżjoni transkonfinali fejn jiġi ddeterminat li tikkostitwixxi abbuż, jiġifieri f’każijiet li fihom din tikkostitwixxi arranġament artifiċjali li jkollu l-għan li jikseb vantaġġi indebiti fuq it-taxxa jew li jippreġudika indebitament id-drittijiet legali jew kuntrattwali tal-impjegati, tal-kredituri jew tal-membri minoritarji.

Fid-dawl tal-kumplessità tal-immaniġġjar tar-riskju ta’ abbuż f’sitwazzjoni li fiha kumpanija li tkun qed tiġi diviża tittrasferixxi assi u obbligazzjonijiet lil kumpaniji eżistenti fi Stati Membri differenti, ġie deċiż li f’dan l-istadju tiġi rregolamentata biss sitwazzjoni li fiha jinħolqu kumpaniji ġodda f’diviżjoni transkonfinali u li ma tiġix irregolata d-diviżjoni transkonfinali bl-akkwiżizzjoni, jiġifieri s-sitwazzjoni li fiha kumpanija tittrasferixxi assi u obbligazzjonijiet lil aktar minn kumpanija eżistenti waħda. F’kuntest domestiku (fejn it-tali sitwazzjonijiet huma indirizzati fir-regoli kurrenti), proċedura bħal din tinvolvi l-eżaminazzjoni tal-protezzjoni tal-interessi tal-partijiet ikkonċernati fi Stat Membru wieħed, filwaqt li fil-kuntest transkonfinali, din tista’ tkun teħtieġ l-involviment ta’ ħafna awtoritajiet minn Stati Membri differenti. Il-kwistjoni dwar jekk id-diviżjonijiet transkonfinali għandhomx jiddaħħlu wkoll bl-akkwiżizzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva tista’ tiġi evalwata ladarba jinkisbu l-ewwel esperjenzi bir-regoli l-ġodda dwar id-diviżjonijiet transkonfinali.

B’mod simili għall-konverżjonijiet transkonfinali, l-ewwel pass fil-proċedura jkun it-tħejjija tal-abbozz ta' termini tad-diviżjoni transkonfinali u ta’ żewġ rapporti mmirati indirizzati lill-azzjonisti u lill-impjegati dwar l-implikazzjonijiet li d-diviżjoni transkonfinali se jkollha għalihom. Barra minn hekk, kumpaniji ta’ daqs medju u kbar ikollhom bżonn japplikaw mal-awtorità kompetenti għall-ħatra ta’ espert indipendenti li jeżamina l-akkuratezza tal-abbozz ta' termini u tar-rapporti mħejjija mill-kumpanija. Ir-rapport miktub tal-espert indipendenti jkun jipprovdi wkoll il-bażi fattwali biex l-awtorità kompetenti twettaq il-valutazzjoni fir-rigward, fost l-oħrajn, tar-riskju ta’ abbuż imsemmi aktar ’il fuq. Ir-rapport tal-espert li se jiġi ddivulgat ma jista jkun fih ebda informazzjoni kunfidenzjali pprovduta mill-kumpanija. L-abbozz ta' termini u r-rapporti jitqiegħdu għad-dispożizzjoni b’mod pubbliku u jistgħu jintbagħtu kummenti dwarhom mill-partijiet ikkonċernati affettwati.

Wara, il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża trid tieħu deċiżjoni fil-laqgħa ġenerali dwar jekk tridx teżerċita d-diviżjoni transkonfinali. Din id-deċiżjoni, flimkien mal-informazzjoni u mad-dokumenti rilevanti, tiġi sottomessa lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża li hi responsabbli biex tiddeċiedi jekk toħroġx ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni jew le. L-iskrutinju mwettaq minn din l-awtorità jinqasam f’żewġ fażijiet: waħda hi mandatorja u l-oħra hi fakultattiva. Fl-ewwel fażi, li hi limitata għal xahar, l-awtorità kompetenti teżamina jekk id-diviżjoni transkonfinali hix legali. L-awtorità tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet kollha għad-diviżjoni transkonfinali stabbiliti fid-Direttiva u fil-liġi nazzjonali humiex issodisfati, inkluż jekk il-kumpanija hix solventi, jekk il-maġġoranza meħtieġa tal-azzjonisti approvatx id-diviżjoni transkonfinali f’laqgħa ġenerali u jekk l-impjegati, l-azzjonisti ta’ minoranza u l-kredituri humiex protetti fil-mandat stipulat mid-Direttiva. Hija tiddetermina wkoll jekk hux qed jinħoloq xi arranġament artifiċjali bl-għan li jinkisbu vantaġġi fiskali mhux xierqa jew li jiġu ppreġudikati indebitament id-drittijiet legali jew kuntrattwali tal-impjegati, tal-kredituri jew tal-membri minoritarji. Jekk fi tmiem il-perjodu ta’ xahar (1) l-awtorità ma jkollha ebda oġġezzjoni, din toħroġ ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni; jekk tkun ċerta li d-diviżjoni transkonfinali hi illegali, tadotta deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni; jew jekk ikollha dubji serji li d-diviżjoni tista’ tkun illegali, tinforma lill-kumpanija li tkun qed tiġi diviża li hi se tagħmel investigazzjoni fil-fond bl-għan li tagħmel eżaminazzjoni fil-fond fir-rigward tal-eżistenza ta’ abbuż kif imsemmi hawn fuq. L-eżaminazzjoni fil-fond trid tiġi konkluża u trid- tittieħed deċiżjoni finali fi żmien xahrejn mill-bidu tal-investigazzjoni fil-fond.

Jekk wara t-tali skrutinju, jinħareġ iċ-ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni, dan jintbagħat mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti. Imbagħad, l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu skrutinju fir-rigward ta’ dik il-parti tal-proċedura li hi rregolata mil-liġijiet rispettivi tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti jridu jiżguraw li l-kumpaniji jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali tagħhom dwar l-inkorporazzjoni ta’ kumpaniji fejn xieraq (pereżempju, jekk il-kumpanija għandhiex sede reali fit-territorju tagħhom). Jenħtieġ li dawn jivverifikaw ukoll jekk l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-impjegati ġewx iddeterminati legalment. Ladarba ssir il-verifika tal-legalità, id-diviżjoni tiġi rreġistrata u rrekordjata fir-reġistri kummerċjali rilevanti kollha. Jenħtieġ li kull kuntratt bejn ir-reġistri jsir permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali (BRIS).

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta se tikkumplimenta u temenda r-regoli eżistenti dwar il-liġi tal-kumpaniji tal-UE li issa huma kodifikati fid-Direttiva (UE) 2017/1132. L-għan tagħha hu li tirrevedi r-regoli eżistenti dwar il-mergers transkonfinali u tipprovdi qafas legali xieraq u ċar għall-kumpaniji biex jiddividu jew jittrasferixxu l-uffiċċju reġistrat tagħhom b’mod transkonfinali. Minn perspettiva proċedurali, ir-regoli proposti huma koerenti għalkollox mar-regoli eżistenti li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-attività transkonfinali minn kumpaniji permezz ta’ mergers transkonfinali; minn perspettiva sostantiva, ir-regoli proposti huma allinjati għalkollox mal-prinċipju ta’ libertà tal-istabbiliment imnaqqax fl-Artikoli 49 – 55 TFUE kif ukoll mal-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-impjegati, tal-azzjonisti minoritarji u tal-kredituri. Barra minn hekk, il-proposta hi koerenti mar-regoli relatati mal-mobilità transkonfinali li huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 17 . B’żieda ma’ dan, ir-regoli proposti huma konsistenti mal-approċċ meħud fir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-azzjonisti stabbiliti fid-Direttiva 2007/36/KE 18 u fir-regoli tal-liġi applikabbli fir-Regolament 2015/848 dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza 19 .

L-użu ta’ għodod diġitali, u, b’mod partikolari, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kumpaniji rigward konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali bejn reġistri kummerċjali permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali (BRIS) 20 , hu konformi għalkollox mal-objettiv ta’ diġitalizzazzjoni tal-proċeduri tal-liġijiet tal-kumpaniji fil-qafas tas-Suq Uniku Diġitali u komplimentari mal-elementi ta’ diġitalizzazzjoni inklużi fil-proposta dwar id-diġitalizzazzjoni bl-għan li jiġu promossi l-għodod u l-proċessi diġitali tul iċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ kumpanija.

Ir-regoli proposti huma konformi u maħsuba li jkunu kumplimentari mad-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati (tfassil mill-ġdid), mad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, u mad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea. B’mod partikolari, id-drittijiet tal-impjegati tal-kumpaniji involuti f’merger jew f’diviżjoni transkonfinali jistgħu wkoll jiġu protetti skont id-Direttiva 2001/23/KE. Ir-regoli proposti huma maħsuba li jipprovdu protezzjoni adizzjonali lill-impjegati, billi jipprovdu aktar trasparenza u informazzjoni mtejba lill-impjegati dwar il-konverżjoni, il-merger jew id-diviżjoni transkonfinali ppjanata.

Il-proposta se tikkontribwixxi wkoll għall-mobilità transkonfinali tal-kumpaniji billi tarmonizza l-aspetti sostantivi u proċedurali tal-protezzjoni tal-kredituri u tal-azzjonisti minoritarji u, permezz ta’ dan, tkompli ssaħħaħ l-attività transkonfinali billi żżid iċ-ċertezza tad-dritt u, b’hekk, tnaqqas il-kost għall-kumpaniji relatat ma’ pariri legali għaljin u mal-ħtieġa ta’ konformità mar-regoli mhux armonizzati tal-Istati Membri.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din l-inizjattiva se tikkontribwixxi għas-suċċess ta’ ħafna inizjattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jtejbu l-funzjonament tas-Suq Uniku billi jagħmluh aktar fond u ġust u li jibnu Ewropa diġitali 21 . Din l-inizjattiva se tikkontribwixxi wkoll għall-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, b’mod partikolari t-tielet pilastru ta’ dan li jiffoka fuq it-titjib tal-ambjent kummerċjali fl-Ewropa billi jitneħħew l-ostakli regolatorji għall-investiment kemm f’livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE; barra minn hekk tikkontribwixxi wkoll għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali 22 billi tagħmel il-qafas legali għall-kumpaniji aktar ċar, aktar xieraq u effettiv biex jinċentiva l-investimenti fl-Ewropa.

Fl-istess ħin, din l-inizjattiva hi koerenti wkoll mal-objettiv ta’ ħolqien ta’ unjoni ekonomika approfondita u aktar ġusta u mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tagħha, b’mod partikolari t-8n Prinċipju, li jistabbilixxi numru ta’ prinċipji u ta’ drittijiet ewlenin għas-sostenn tas-swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jaħdmu tajjeb 23 .. B’mod partikolari, billi ssaħħaħ it-trasparenza għall-partijiet ikkonċernati rilevanti li jinkludu l-impjegati, l-inizjattiva se tikkontribwixxi b’mod dirett għall-prinċipju li jistipula li l-impjegati jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom id-dritt li jkunu informati u kkonsultati fi żmien adegwat dwar kwistjonijiet rilevanti għalihom, b’mod partikolari dwar it-trasferiment, ir-ristrutturar u l-merger ta’ impriżi u dwar is-sensji kollettivi.

Din l-inizjattiva hi allinjata mal-objettiv ta’ ħolqien ta’ sistema ġusta u effiċjenti ta’ taxxa korporattiva fl-Unjoni Ewropea 24 . Il-Kunsill adotta għadd ta’ miżuri biex ipatti għall-evitar tat-taxxa korporattiva f’dawn l-aħħar snin. Id-Direttiva tal-Kunsill 2015/2376 25 tipprevedi l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni dwar deċizjonijiet ta’ taxxa avvanzati u arranġamenti preliminari ta’ prezzijiet bejn l-Istati Membri. Barra min hekk, id-Direttiva tal-Kunsill 2016/881 26 tipprevedi l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni dwar ir-rapportar għal kull pajjiż mill-intrapriżi multinazzjonali. Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 27 tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern , inklużi d-dispożizzjonijiet dwar taxxa ta’ ħruġ biex tipprevjeni l-kumpaniji milli jevitaw it-taxxa meta jirrilokaw l-assi. Intlaħaq ftehim politiku fil-Kunsill fit-13 ta’ Marzu 2018 dwar il-proposta tal-Kummissjoni 28 għal Direttiva dwar l-iżvelar obbligatorju mill-intermedjarji għal skemi ta’ ppjanar ta’ taxxa, li jenħtieġ li tiġi adattata dalwaqt.

B’mod partikolari, l-aċċessibbiltà transkonfinali msaħħa għal informazzjoni relatata mal-kumpaniji se tikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ tassazzjoni ġusta fejn jiġu ġġenerati l-profitti. Is-salvagwardji kontra l-abbuż tal-proċeduri ta’ konverżjoni u ta’ diviżjoni għall-ħolqien ta’ arranġamenti artifiċjali bil-għan li jiksbu vantaġġi fiskali mhux xierqa se jikkontribwixxu għall-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

Bl-inklużjoni ta’ regoli aktar armonizzati u aktar ċari bl-għan li jipproteġu l-azzjonisti tal-kumpaniji u li jtejbu l-iskrutinju tal-legalità tal-konverżjoni transkonfinali, din l-inizjattiva tieħu pass addizjonali f’li tnaqqas il-miżuri kontra r-riskji ppreżentati mill-organizzazzjonijiet kriminali organizzati fil-ħolqien u fl-attivitajiet kummerċjali ta’ entitajiet legali, bħal kumpaniji. Dawn ir-riskji huma enfasizzati mill-Kummissjoni fir-Rapport tagħha dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li għandhom x’jaqsmu mal-attivitajiet transkonfinali, adottat fis-26 ta’ Ġunju 2017 29 . F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni saħqet fuq il-vulnerabbiltà ta’ strutturi korporattivi, bħall-kumpaniji, sar-riskju tal-infiltrazzjoni minn organizzazzjonijiet kriminali organizzati u minn gruppi terroristiċi. Din l-inizjattiva se tikkumplimenta r-regoli ambizzjużi li huma diġà fis-seħħ skont id-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li skontha l-istrutturi korporattivi jridu jiddivulgaw is-sidien benefiċjarji tagħhom lill-entitajiet responsabbli għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu 30 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hi bbażata fuq l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li hu l-bażi ġuridika għall-kompetenza tal-UE biex tieħu azzjoni fil-qasam tal-liġi dwar il-kumpaniji. B'mod partikolari, l-Artikolu 50(2) (f) jipprevedi t-tneħħija progressiva ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istabbiliment u l-Artikolu 50(2) (g) jipprevedi miżuri ta’ koordinazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi tal-membri ta’ kumpaniji u ta’ partijiet ikkonċernati oħra.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Hemm valur miżjud ċar fl-indirizzar tal-problemi fil-livell tal-UE aktar milli permezz ta’ azzjoni individwali mill-Istati Membri. Id-diffikultajiet ewlenin fit-twettiq ta’ konverżjonijiet u diviżjonijiet transkonfinali huma dovuti għal regoli proċedurali nazzjonali diverġenti, f’kunflitt jew imrikkba fuq xulxin, kif ukoll għal regoli relatati mal-protezzjoni tal-kredituri, tal-impjegati (inkluża l-parteċipazzjoni tal-impjegati) u tal-azzjonisti minoritarji, u n-nuqqas ta’ użu tal-interkonnessjoni ta’ reġistri kummerċjali. L-ineffiċjenzi ewlenin fil-funzjonament tar-regoli eżistenti dwar il-mergers transkonfinali huma primarjament ikkawżati minn regoli nazzjonali diverġenti, f’kunflitt jew imrikkba fuq xulxin dwar il-protezzjoni tal-kredituri u tal-azzjonisti minoritarji, min-nuqqas ta’ użu tal-interkonnessjoni ta’ reġistri kummerċjali jew minn inkoerenzi oħra jew minn inċertezza legali kkawżata minn regoli differenti tal-Istati Membri bħar-regoli kontabilistiċi. Minħabba n-natura proprja tagħhom, dawn l-isfidi jeħtieġu azzjoni fil-livell tal-UE. Stati Membri li jaġixxu b’mod individwali ma jistgħux ineħħu b’mod sodisfaċenti d-diffikultajiet fir-rigward tal-ħolqien ta’ funzjonament aktar effiċjenti tal-operazzjonijiet transkonfinali billi r-regoli u l-proċeduri nazzjonali jridu jkunu kompatibbli sabiex jaħdmu f’sitwazzjoni transkonfinali u biex jissaħħu l-operazzjonijiet transkonfinali. Dawk l-ostakli ma jistgħux jitneħħew unikament abbażi tal-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 49 TFUE billi, l-ewwel nett, dan ikun jinvolvi l-indirizzar tagħhom fuq bażi ta’ każ b’każ permezz ta’ proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri kkonċernati, u, billi t-tneħħija ta’ ħafna ostakli teħtieġ koordinazzjoni minn qabel tal-iskemi legali nazzjonali, li tinkludi l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

Għaldaqstant, jidher li mingħajr ebda azzjoni fil-livell tal-UE, soluzzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati biss ikunu disponibbli b’tali mod li l-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, jibqgħu jaffaċċjaw reġimi nazzjonali diverġenti li jagħmlu l-eżerċizzju effettiv tal-libertà tal-istabbiliment aktar diffiċli mingħajr ma jiżgura protezzjoni adegwata tal-partijiet ikkonċernati u, l-ispejjeż li jirriżultaw ikunu jaffettwaw b’mod partikolari lill-kumpaniji iżda anki lill-partijiet ikkonċernati, kemm jekk ikunu impjegati, jew kredituri kif ukoll jekk ikunu azzjonisti minoritarji.

Filwaqt li l-livelli sostantivi ta’ protezzjoni tal-impjegati, tal-azzjonisti minoritarji u tal-kredituri jkunu għadhom stabbiliti f’livell nazzjonali, qafas proċedurali għall-kisba tagħhom fil-każ ta’ operazzjonijiet transkonfinali jkollu jiġi stabbilit fil-livell tal-UE għall-fini ta’ ċertezza tad-dritt u għall-effettività tat-tali protezzjoni.

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, l-intervent immirat tal-UE jikkonforma mal-principju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, ir-regoli proposti jidhru xierqa biex jinkisbu l-objettivi ta’ regoli ċari u xierqa għall-kumpaniji u biex jipprovdu protezzjoni lill-partijiet ikkonċernati kif stipulat fil-valutazzjoni tal-impatt. Il-valutazzjoni tal-impatt tispjega l-ispiża u l-benefiċċji tal-għażliet ikkunsidrati fiha għall-kumpaniji, għall-partijiet ikkonċernati u għall-Istati Membri billi tqis l-elementi neċessarji kollha li jinkludu l-benefiċċji soċjetali u l-fattibbiltà politika. Pereżempju, il-proċedura ta’ konverżjoni transkonfinali proposta hija stmata li tiffranka spejjeż ta’ EUR 12 000 – 19 000 għal kull operazzjoni u l-kumpaniji li joperaw fis-suq intern jistgħu jiffrankaw ammont totali ta’ EUR 176 – 280 miljun f’ħames (5) snin.

Jidher li l-azzjonijiet proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jinkisbu l-objettivi u li l-impatti pożittivi tal-miżuri proposti jisbqu l-impatti negattivi possibbli (it-Taqsima 6.3 tal-valutazzjoni tal-impatt).

Għażla tal-istrument

Il-bażi ġuridika għal operazzjonijiet tal-liġi dwar il-kumpaniji hi l-Artikolu 50 TFUE li jirrikjedi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jaġixxu permezz ta' direttivi. Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tirregola l-liġi dwar il-kumpaniji fil-livell tal-UE. Għal raġunijiet ta’ koeżjoni u ta’ konsistenza fil-liġi dwar il-kumpaniji tal-UE, din il-proposta se temenda din id-Direttiva u se żżid magħha.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex post / il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-proposta tintroduċi qafas legali ġdid għal proċedura tal-konverżjonijiet u tad-diviżjonijiet transkonfinali tal-kumpaniji b’responsabbiltà limitata.

L-evalwazzjoni ex post 31 tad-Direttiva eżistenti dwar il-Mergers Transkonfinali 32 twettqet fl-isfond tal-kriterji ta’ evalwazzjoni f’konformità mar-rekwiżiti “irregolati aħjar”. L-inputs ewlenin għall-evalwazzjoni kienu l-istudju dwar “The Application of the Cross-Border Mergers Directive” mwettaq minn kuntrattur estern għall-Kummissjoni 33 studji addizzjonali 34 u żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi (2015 u 2017) li ġabru l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar il-funzjonament tal-mergers transkonfinali.

L-analiżi rriżultat f’evalwazzjoni pożittiva ġenerali tad-Direttiva dwar il-Mergers Transkonfinali f’termini tal-effettività, tal-effiċjenza, tar-rilevanza, tal-koerenza u tal-valur miżjud tal-UE. B’mod ġenerali, id-Direttiva dwar il-Mergers Transkonfinali wasslet għal żieda sinifikanti fl-attività ta’ mergers transkonfinali, f’konformità mal-objettiv tagħha li tiffaċilita l-mergers transkonfinali u żżid l-opportunitajiet offruti mis-Suq Intern.

Madankollu, minkejja l-valutazzjoni pożittiva ġenerali, l-evalwazzjoni identifikatċerti problemi li jxekklu l-effettività u l-effiċjenza sħaħ tad-Direttiva. L-ostakli ewlenin jikkonċernaw in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tar-regoli sostantivi b’mod partikolari għall-protezzjoni tal-kredituri u għall-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji kif ukoll in-nuqqas ta’ proċeduri rapidi (jiġifieri simplifikati) fid-Direttiva. Żieda fl-użu tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali tista’ żżid is-sinerġiji u, bis-saħħa ta’ dan, il-koerenza ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-liġi dwar il-kumpaniji.

Din il-proposta hi koerenti mal-evalwazzjoni u għandha l-għan li tindirizza n-nuqqasijiet ewlenin fir-regoli eżistenti dwar il-mergers transkonfinali identifikati fiha.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni kienet involuta b’mod attiv mal-partijiet ikkonċernati u wettqet konsultazzjonijiet komprensivi tul il-proċess ta’ valutazzjoni tal-impatt kollu. Il-proċess ta’ konsultazzjoni kkonsista f’konsultazzjoni pubblika onlajn, il-laqgħat ma’ partijiet ikkonċernati li jinkludu diskussjonijiet ma’ esperti minn Stati Membri, u diversi studji. L-informazzjoni miġbura permezz ta' dawn il-mezzi kollha kkontribwixxiet għall-proposta.

Fl-2012, il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni pubblika biex tivvaluta l-interessi ewlenin tal-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-liġi Ewropea dwar il-kumpaniji u tiddetermina x’għandhom ikunu l-prijoritajiet tal-liġi tal-UE dwar il-kumpaniji fil-ġejjieni. Waslu 496 tweġiba minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, bħall-awtoritajiet pubbliċi, it-trade unions, is-soċjetà ċivili, il-federazzjonijiet kummerċjali, il-professjonijiet liberi, l-investituri, l-universitajiet, il-gruppi ta’ riflessjoni, il-konsulenti u l-individwi. Il-maġġoranza vasta tal-partijiet ikkonċernati ffokat fuq it-titjib tal-ambjent kummerċjali u t-trawwim tal-mobilità transkonfinali. Barra minn hekk, ġie enfasizzat ukoll it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-kredituri, tal-azzjonisti u tal-impjegati f’sitwazzjonijiet transkonfinali kif ukoll l-iffaċilitar tal-ħolqien ta’ kumpaniji u t-trawwim tal-kompetizzjoni regolatorja.

Fl-2013 tnediet konsultazzjoni pubblika onlajn aktar dettaljata dwar it-trasferimenti transkonfinali tal-uffiċċji reġistrati ta’ kumpaniji bl-għan li tinkiseb informazzjoni aktar fil-fond dwar l-ispejjeż li jiffaċċaw il-kumpaniji li jittrasferixxu l-uffiċċji reġistrati tagħhom barra l-pajjiż u dwar il-medda ta’ benefiċċji li jistgħu jinkisbu minn azzjoni tal-UE f’dan ir-rigward. B’kollox waslu 86 tweġiba mingħand l-awtoritajiet pubbliċi, it-trade unions, is-soċjetà ċivili, il-kumpaniji, l-organizzazzjoni kummerċjali, l-individwi u l-universitajiet, li jippermettu għal rappreżentazzjoni wiesgħa tas-soċjetà. It-tweġibiet waslu mingħand 20 Stat Membru tal-UE kif ukoll minn barra l-UE. Instab li l-maġġoranza tar-rispondenti, fost dawk li jikkunsidraw il-possibbiltà li jittrasferixxu l-kumpanija tagħhom b’mod transkonfinali, tilqa’ b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ konverżjoni. Bħala raġunijiet għat-tweġibiet fl-affermattiv issemmew il-benefiċċji ekonomiċi, l-iffrankar tal-ispejjeż għas-suq intern u l-possibbiltajiet usa’ għall-SMEs biex jittrasferixxu b’mod transkonfinali. Barra minn hekk, maġġoranza ta’ 43 % tar-rispondenti kkunsidrat li l-ġurisprudenza tal-QtĠ ma kinitx tipprovdi biżżejjed ċarezza dwar il-kwistjoni.

Fl-2015 tnediet konsultazzjoni pubblika ulterjuri li ffokat fuq mergers transkonfinali u fuq diviżjonijiet transkonfinali li fiha waslu 151 tweġiba 35 . Fir-rigward tad-diviżjonijiet transkonfinali, l-introduzzjoni ta’ proċedura ġdida ntlaqgħet b’mod ġenerali mir-rispondenti billi l-maġġoranza tal-parteċipanti identifikat il-protezzjoni tal-kredituri, il-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegati bħala l-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati. Madwar 72 % tar-rispondenti li esprimew opinjoni ddikjaraw li l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti legali rigward id-diviżjonijiet transkonfinali tkun ta’ għajnuna għall-intrapriżi u tiffaċilita l-attivitajiet transkonfinali billi tnaqqas l-ispejjeż direttament marbuta mad-diviżjoni transkonfinali. Kwistjonijiet proċedurali kif ukoll il-protezzjoni tal-partijiet ikkonċernati ġew identifikati bħala kwistjonijiet importanti li għandhom jiġu indirizzati. Barra minn hekk, 68 % tar-rispondenti ddeskrivew l-inċertezza legali dovuta għan-nuqqas ta’ regoli tal-UE bħala l-ostaklu ewlieni għat-tlestija ta’ diviżjoni transkonfinali u 51 % tar-rispondenti ddeskrivew id-durata u l-kumplessità tal-proċeduri kurrenti bħala problematiċi ħafna. Rigward il-mergers transkonfinali, 88 % tar-rispondenti kienu favur l-armonizzazzjoni tal-protezzjoni tal-kredituri – 75 % minnhom kienu favur approċċ ta’ armonizzazzjoni sħiħa. Il-maġġoranza vasta tagħhom ħassew li garanzija kienet l-aħjar forma ta’ protezzjoni u li d-data li tiddetermina l-bidu tal-perjodu ta’ protezzjoni tal-kredituri jenħtieġ li tiġi armonizzata. Barra minn hekk, fir-rigward tal-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji, maġġoranza ta’ 66 % kienet favur armonizzazzjoni b’71 % minnhom li kienu favur l-armonizzazzjoni fuq bażi massima. Sebgħin fil-mija (70 %) ta’ dawk favur armonizzazzjoni sħiħa ħassew li l-azzjonisti minoritarji jenħtieġ li jingħataw dritt ta’ ħruġ abbażi ta’ kumpens adegwat fi flus. Barra minn hekk, 62 % tar-rispondenti laqgħu l-introduzzjoni ta’ proċedura rapida.

L-aħħar konsultazzjoni pubblika fir-rigward tal-liġi dwar il-kumpaniji tnediet fl-2017. Saret bejn l-10 ta’ Mejju 2017 u s-6 ta’ Awwissu 2017. Waslu 207 tweġibiet. Fid-dawl tal-inizjattiva imminenti, il-Kummissjoni fittxet tweġibiet għal mistoqsijiet dettaljati dwar in-nuqqasijiet tal-qafas legali tal-UE u oqsma li jitqiesu bħala prijorità għar-rispondenti.

L-eżitu tal-konsultazzjoni wera appoġġ ġenerali għall-konverżjonijiet transkonfinali mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati wkoll billi madwar 85 % tar-rispondenti kollha kienu tal-fehma li jenħtieġ li jkun hemm strument tal-UE dwar din il-kwistjoni. F’termini ta’ qsim tal-partijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet pubbliċi kollha qablu li n-nuqqas ta’ regoli proċedurali għall-konverżjonijiet tabilħaqq jikkostitwixxi ostakli għas-suq intern u li l-UE missha qed tindirizza din il-kwistjoni. Diversi awtoritajiet iddikjaraw li kienu aktar imħassba bil-kwistjoni tas-sede milli kienu bil-mekkaniżmi ta’ protezzjoni tal-partijiet ikkonċernati u qalu li jkunu favur inizjattiva ta’ konverżjoni li biha l-kumpaniji jkunu jistgħu jittrasferixxu s-sede reali tagħhom għal finijiet kummerċjali ġenwini minflok ma jikkonkludu trasferimenti ta’ kumpaniji tal-isem għal skopijiet foloz.

Il-gruppi kummerċjali sostnew l-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ konverżjoni b’approvazzjonijiet perċentwali simili bħall-awtoritajiet pubbliċi. Madwar 44 % tal-gruppi kummerċjali qiesu din bħala prijorità ewlenija tal-UE, 22 % bħala prijorità u 22 % bħala prijorità baxxa. It-trade unions u n-nutara t-tnejn li huma wrew appoġġ moderat għar-regoli proċedurali l-ġodda li jikkonċernaw il-konverżjonijiet (74 % u 79 % qiesu li din hi prijorità baxxa tal-UE, rispettivament). Kemm it-trade unions kif ukoll is-CNUE (korp rappreżentattiv tan-nutara) saħqu li l-kumpaniji jenħtieġ li jitħallew jittrasferixxu l-uffiċċju reġistrat tagħhom biss jekk dan it-trasferiment ikun akkumpanjat mit-trasferiment tas-sede reali tagħhom bit-Trade Unions li komplew jisħqu fuq il-ħtieġa ta’ strument orizzontali għall-informazzjoni tal-impjegati, għall-konsultazzjoni u għad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni. L-akkademiċi kienu wkoll ġeneralment favur l-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ konverżjoni. Ċerti akkademiċi ddikjaraw li l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeterminaw ir-rekwiżiti tagħhom stess li għandhom jiġu rikonoxxuti skont il-liġi tagħhom u tabilħaqq jekk dawn jeħtiġux it-trasferiment tas-sede reali. Ġie sottomess ukoll li d-diġitalizzazzjoni jenħtieġ li tintuża kemm jista’ jkun (jiġifieri għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni u għar-reġistri tal-kumpaniji għall-komunikazzjoni). Oħrajn issuġġerew li Stat Membru għandu jkun jista’ jimblokka konverżjoni f’ċirkustanzi ferm eċċezzjonali biss fuq il-bażi ta’ interess pubbliku.

Fir-rigward tal-mergers transkonfinali, b’mod simili għall-konsultazzjoni pubblika tal-2015, ħafna mill-partijiet ikkonċernati li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-2017 idenifikaw l-istess kwistjonijiet bħala problematiċi: il-protezzjoni tal-kredituri, il-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegati.

Il-maġġoranza tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali li wieġbu għal-konsultazzjoni tal-2017 kienet tal-fehma li hemm problemi bir-regoli eżistenti dwar il-mergers transkonfinali u li dawn il-problemi jikkostitwixxu ostakli għas-Suq Intern iżda sa grad li jvarja. Kien hemm rispons imħallat rigward il-grad ta’ prijorità li għandha tingħata lil azzjoni tal-UE għall-emendar tar-regoli eżistenti. Fir-rigward tas-salvagwardji, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali kollha li wieġbu kienu tal-fehma li jenħtieġ li jiġu indirizzati l-miżuri ta’ protezzjoni tal-kredituri, filwaqt li 70 % kienu tal-fehma li anki l-miżuri ta’ protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji jenħtieġ li jiġu indirizzati. Kien hemm 80 % li qiesu importanti li jiġu armonizzati l-aspetti proċedurali kif ukoll l-aspetti materjali tal-protezzjoni tal-kredituri waqt li 50 % kkunsidraw importanti li l-azzjonisti minoritarji jkunu jistgħu jimblokkaw il-merger u jopponu l-iskambju ta’ ishma.

L-organizzazzjonijiet kummerċjali li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-2017 laqgħu b’mod ġenerali wkoll il-ħtieġa li tiġi emendata d-direttiva għall-mergers transkonfinali. Il-punti mqajma mill-organizzazzjonijiet kummerċjali kienu jikkonċernaw is-simplifikazzjoni tar-regoli (il-proċedura rapida), regoli armonizzati għall-protezzjoni tal-kredituri u tal-azzjonisti minoritarji, regoli ta’ protezzjoni simplifikati għall-impjegati u t-tneħħija tar-rekwiżit li l-proċeduri ta’ mergers jiġu ffirmati quddiem nutara pubbliċi bħalma hu l-każ f’ċerti Stati Membri.

B’mod simili, it-trade unions kienu wkoll favur il-modifikazzjoni fir-regoli dwar il-mergers transkonfinali. Madankollu, dawn kienu primarjament iffokati l-aktar fuq it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-impjegati permezz ta’ drittijiet aktar b’saħħithom ta’ informazzjoni, ta’ konsultazzjoni u ta’ parteċipazzjoni. Kuntrarju għal dan, il-maġġoranza assoluta tan-nutara kienet tal-fehma li d-direttiva eżistenti taħdem tajjeb ħafna u ma jarawx il-bżonn ta’ xi miżura ġdida tal-UE f’dan il-qasam.

Rigward id-diviżjonijiet transkonfinali, l-awtoritajiet pubbliċi kollha li wieġbu għall-konsultazzjoni kienu favur regoli ġodda għad-diviżjonijiet transkonfinali filwaqt li 40 % qiesu li inizjattiva f’dan il-qasam kienet prijorità kbira għall-UE.

L-organizzazzjonijiet kummerċjali kienu ferm favur regoli ġodda billi 44 % qiesu li din kienet prijorità kbira waqt li 26 % qisuha bħala prijorità. In-nutara esprimew appoġġ moderat għal inizjattiva ġdida. It-trade unions kienu xettiċi ferm rigward id-diviżjonijiet minħabba riskji għall-impjegati iżda ddikjaraw li f’każ li l-Istati Membri jiddeċiedu favur id-diviżjonijiet, ikunu jridu jissaħħu r-regoli li jikkonċernaw l-informazzjoni u l-konsultazzjoni għall-impjegati.

Bħala kumment ġenerali, il-maġġoranza assoluta tar-rispondenti li kienet favur proċedura ġdida għad-diviżjonijiet transkonfinali ddikjarat li l-proċedura jenħtieġ li ssegwi mill-qrib dak li hu stabbilit fid-Direttiva eżistenti dwar il-Mergers Transkonfinali.

Barra minn hekk, il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati nġabru matul diversi laqgħat ukoll. Il-proċess ta’ konsultazzjoni li jirrigwarda l-pakkett tal-liġi dwar il-kumpaniji fil-Grupp ta’ Esperti dwar id-Dritt Soċjetarju (CLEG) beda fl-2012. Mill-2012 sal-2014, il-laqgħat tal-CLEG kienu jiffokaw fuq il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2012 dwar id-Dritt Soċjetarju u l-Governanza Korporattiva filwaqt li fl-2015 u l-2016 il-laqgħat ikkonċentraw fuq elementi tad-diġitalizzazzjoni. Fl-2017 saru tliet laqgħat tal-CLEG li fihom ġew diskussi b’mod konkret il-kwistjonijiet rilevanti għall-pakkett tal-liġi dwar il-kumpaniji (jiġifieri d-diġitalizzazzjoni, il-mergers, id-diviżjonijiet u l-konverżjonijiet transkonfinali). F’dawn il-laqgħat, il-Kummissjoni stiednet lill-esperti tal-Istati Membri biex jaqsmu l-opinjoni tagħhom dwar kwistjonijiet speċifiċi.

Fl-2017, il-Kummissjoni stiednet mhux biss l-esperti tal-Istati Membri għal-laqgħat tal-CLEG iżda wkoll ir-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati li ħarġu fil-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-2013, l-2015 u l-2017. Il-partijiet ikkonċernati rrappreżentaw in-negozji, l-impjegati u l-professjonijiet legali. Il-partijiet ikkonċernati xeħtu dawl fuq il-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet transkonfinali, madankollu, l-interessi tal-membri tal-kumpaniji, tal-impjegati u tal-kredituri jenħtieġ li jiġu protetti permezz ta’ salvagwardji adegwati. Ġeneralment jeżisti appoġġ wiesa’ għall-inizjattiva għall-konverżjonijiet transkonfinali dment li jkun hemm salvagwardji suffiċjenti fis-seħħ. Rigward il-mergers, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ġeneralment urew appoġġ għall-inizjattiva, għad li dawn indikaw li soluzzjoni konkreta kienet teħtieġ diskussjonijiet aktar fil-fond. Filwaqt li ebda grupp ta’ partijiet ikkonċernati ma kien kontra r-reviżjoni tar-regoli dwar il-mergers transkonfinali, l-opinjonijiet varjaw fir-rigward tal-grad ta’ prijorità ta’ din. Rigward id-diviżjonijiet transkonfinali, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ġeneralment urew appoġġ għall-inizjattiva, għad li s-soluzzjonijiet partikolari, speċjalment dawk li joriġinaw mit-tradizzjonijiet legali differenti, dehru li baqgħu miftuħa għad-diskussjoni. Kien hemm sentiment ġenerali fost il-partijiet ikkonċernati kollha minbarra t-Trade Unions li proċedura ġdida għad-diviżjonijiet transkonfinali tkun ferm siewja u jenħtieġ li ssegwi mill-qrib dak li hu stabbilit fid-Direttiva eżistenti dwar il-Mergers Transkonfinali.

Minbarra l-laqgħat tal-CLEG, inġabret ukoll informazzjoni mingħand il-partijiet ikkonċernati permezz ta’ laqgħat bilaterali. F’dawn il-laqgħat, ir-rappreżentanti tat-trade unions enfasizzaw l-importanza tal-preservazzjoni tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati u li l-kumpaniji għandhom jittrasferixxu għal finijiet reali biss, biex b’hekk jiġi evitat il-ħolqien ta’ kumpaniji tal-isem permezz ta’ operazzjonijiet transkonfinali. Ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet kummerċjali wrew appoġġ kbir għall-inizjattiva dwar il-faċilitazzjoni tal-mobilità tal-kumpaniji.

Il-proposta tindirizza l-aktar kwistjonijiet importanti identifikati mill-partijiet ikkonċernati. Madankollu, il-proposta għandha l-għan li ssib bilanċ ġust bejn dawn il-fehmiet, billi l-partijiet ikkonċernati għandhom fehmiet differenti rigward l-approċċ dettaljat ta’ kif għandhom jiġu indirizzati l-kwistjonijiet.

Ġbir u użu tal-kompetenzi

Biex jassisti fix-xogħol tal-Kummissjoni, f’Mejju 2014 ġie stabbilit il-Grupp Informali ta’ Esperti dwar id-Dritt Soċjetarju (ICLEG) li jittratta kwistjonijiet ta’ liġi dwar il-kumpaniji. Il-membri tal-Grupp ta’ esperti kienu akkademiċi bi kwalifiki għolja u esperjenzati u ġuristi fil-qasam tal-liġi dwar il-kumpaniji minn diversi Stati Membri.

Il-Kummissjoni użat ukoll ir-riżultati ta’ studju mwettaq fl-2017 li analizza kwistjonijiet speċifiċi dwar it-trasferimenti transkonfinali ta’ uffiċċji reġistrati u d-diviżjonijiet transkonfinali tal-kumpaniji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġabret feedback mingħand esperti f’diversi konferenzi inkluża konferenza li saret f’Settembru 2017 f’Tallinn, l-Estonja, dwar il-21 Konferenza Ewropea “European Company Law and Corporate Governance Conference: Crossing Borders, Digitally” (Konferenza dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Kumpaniji u l-Governanza Korporattiva: Naqsmu l-Fruntieri, b’mod Diġitali) u l-Konferenza Annwali dwar il-Liġi Ewropea tal-Kumpaniji u l-Governanza Korporattiva li saret fi Trier, il-Ġermanja, f’Ottubru 2017.

Valutazzjoni tal-impatt

Ir-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jkopri d-diġitalizzazzjoni, l-operazzjonijijet transkonfinali u r-reġoli f’każ ta’ konflitt bejn il-liġijiet fil-liġi dwar il-kumpaniji, ġie eżaminat mill-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju fil-11 ta’ Ottubru 2017 36 . Fit-13 ta’ Ottubru 2017 inħarġet opinjoni negattiva tal-RSB. Ir-rakkomandazzjonijiet ippreżentati ġew indirizzati f’verżjoni riveduta tal-Valutazzjoni tal-Impatt sottomess lill-Bord fl-20 ta’ Ottubru 2017. Fis-7 ta’ Novembru 2017 il-Bord ħareġ opinjoni pożittiva b’riżervi.

Rigward il-kamp ta’ applikazzjoni li jkun jiddetermina liema tipi ta’ kumpaniji jistgħu jibbenefikaw mir-regoli u mill-proċeduri armonizzati għall-konverżjonijiet u għad-diviżjonijiet transkonfinali u mir-regoli modifikati dwar il-mergers transkonfinali, il-Valutazzjoni tal-Impatt spjegat għalfejn il-kamp ta’ applikazzjoni eżistenti tar-regoli dwar il-mergers transkonfinali (jiġifieri kumpaniji b’responsabbiltà limitata) jipprovdi l-aktar soluzzjoni effettiva għall-operazzjonijiet transkonfinali kollha minkejja xi sejħiet biex jiġi estiż biex jinkludi s-sħubijiet u l-kooperattivi. Dan għaliex id-data eżistenti turi użu ferm limitat tar-regoli dwar il-mergers transkonfinali minn entitajiet oħra għajr kumpaniji b’responsabbiltà limitata. Sitta u sittin fil-mija (66 %) tal-kumpaniji akkwirenti u 70 % tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger involuti f’mergers transkonfinali kienu kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata, filwaqt li 32 % tal-kumpaniji akkwirenti u 28 % tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger involuti f’mergers transkonfinali kienu kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata 37 . Barra minn hekk, l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni twassal għal diffikultajiet prattiċi potenzjali relatati mal-liġi tal-UE dwar il-kumpaniji u mar-regoli kontabilistiċi li japplikaw għal kumpaniji b’responsabbiltà limitata biss.

Rigward l-introduzzjoni ta’ regoli proċedurali ġodda għall-konverżjonijiet u għad-diviżjonijiet transkonfinali, il-Valutazzjoni tal-Impatt eżaminat l-għażla 0 (ix-xenarju bażi) ta’ nuqqas ta’ regoli proċedurali għall-konverżjonijiet u għad-diviżjonijiet transkonfinali kontra l-għażla 1 li tkun tintroduċi proċeduri armonizzati tal-UE biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jwettqu konverżjonijiet u diviżjonijiet transkonfinali diretti. In-nuqqas ta’ regoli proċedurali jagħmel il-konverżjonijiet u d-diviżjonijiet transkonfinali estremament diffiċli, jekk mhux impossibbli. Il-proċeduri nazzjonali ta’ konverżjoni u ta’ diviżjoni transkonfinali jeżistu biss f’numru limitat ta’ Stati Membri u ta’ spiss dawn ma jkunux allinjati ma’ xulxin. Għaldaqstant, il-kumpaniji jridu jkunu bbażati fuq proċeduri indiretti għaljin, fuq l-applikazzjoni analoga tad-Direttiva dwar il-Mergers Transkonfinali u fuq il-ġurisprudenza tal-QtĠ tal-UE fejn l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja u r-reġistri kummerċjali jkunu konxji mill-ġurisprudenza. Bl-introduzzjoni ta’ regoli proċedurali ġodda għall-konverżjonijiet u għad-diviżjonijiet transkonfinali, il-kumpaniji jkunu pprovduti b’ċarezza sinifikanti u jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-ispejjeż għall-kumpaniji li jixtiequ jagħmlu konverżjoni jew diviżjoni transkonfinali. Barra minn hekk, din tkun tipprovdi ċarezza għar-reġistri kummerċjali nazzjonali għad-distinzjoni ċara tal-waqt li fih kumpanija tista’ tidħol fir-reġistru kummerċjali fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u titħassar mir-reġistru kummerċjali fl-Istat Membru tat-tluq, li tevita milli jirriżultaw sitwazzjonijiet bħal Polbud 38  .

Rigward il-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji, il-Valutazzjoni tal-Impatt ivvalutat l-għażla 0 (ix-xenarju bażi) li tikkonsisti fir-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji kontra l-għażliet 1 u 2. L-għażla 1 tkun tipprovdi regoli armonizzati madwar is-Suq Uniku. Tibni fuq ir-regoli għal mergers transkonfinali, iżda barra minn hekk tipprovdi għal regoli armonizzati. L-għażla preferuta 2 tkun tipprovdi għall-istess regoli armonizzati bħall-għażla 1 iżda l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu salvagwardji addizzjonali. Din l-għażla tkun tipprovdi l-aktar protezzjoni adattata tal-azzjonisti minoritarji. Filwaqt li l-għażla 2 potenzjalment tista’ tikkawża xi spejjeż tal-konformità għall-kumpaniji, din tkun tnaqqas b’mod sinifikanti l-ispiża u l-piżijiet fuq il-kumpaniji meta mqabbla max-xenarju bażi u tkun tipprovdi għal aktar ċertezza tad-dritt, inqas ħtieġa għal parir legali biex b’hekk toffri l-iffrankar tal-ispejjeż għall-kumpaniji meta mqabbla max-xenarju bażi. L-għażla preferuta 2 tipprovdi l-aqwa bilanċ bejn it-tnaqqis tal-ispejjeż, il-livell għoli ta’ protezzjoni u l-flessibilità lill-Istati Membri.

Rigward il-protezzjoni tal-kredituri, il-Valutazzjoni tal-Impatt eżaminat l-għażla 0 (ix-xenarju bażi) taż-żamma tar-regoli eżistenti dwar il-mergers transkonfinali kif inhuma u ebda regola tal-UE dwar il-protezzjoni tal-kredituri f’konverżjonijiet u f’diviżjonijiet transkonfinali kontra l-għażla 1 ta’ forniment ta’ regoli armonizzati għall-protezzjoni tal-kredituri kontra l-għażla 2 li tkun tipprovdi għall-istess regoli armonizzati bħall-għażla 1, iżda l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu salvagwardji addizzjonali. L-għażla preferuta 2 tkun tipprovdi l-aħjar bilanċ bejn it-tnaqqis tal-ispejjeż, livell għoli ta’ protezzjoni u flessibilità lill-Istati Membri. Kemm l-għażla 1 kif ukoll l-għażla 2 ikunu jnaqqsu b’mod sinifikanti l-ispiża u l-piżijiet fuq il-kumpaniji meta mqabbla max-xenarju bażi, billi r-regoli armonizzati dwar il-protezzjoni tal-kredituri jkunu jipprovdu għal aktar ċertezza tad-dritt u inqas bżonn għal parir legali għal kull operazzjoni transkonfinali. L-għażla 1 tkun toffri l-akbar iffrankar għall-kumpaniji, filwaqt li l-iffrankar fl-għażla 2 jista’ jkun inqas, billi l-Istati Membri jistgħu jipprevedu salvagwardji addizzjonali li jistgħu jkunu għaljin jew joħolqu piż kbir għal ċerti kumpaniji (pereż. il-ħtieġa li jipprovdu garanziji għall-kredituri kollha). F’termini tal-protezzjoni offruta lill-kredituri, l-għażla 2 tkun tipprovdi għal protezzjoni aktar kompluta u mmirata mill-għażla 1 minħabba l-possibbiltà mogħtija lill-SM li jivvalutaw l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tal-protezzjoni tal-kredituri u li jintroduċu aktar salvagwardji.

Rigward l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-impjegati, il-Valutazzjoni tal-Impatt qabblet l-għażla (ix-xenarju bażi) tal-applikazzjoni tar-regoli eżistenti dwar il-parteċipazzzjoni tal-impjegati fid-Direttiva dwar il-Mergers Transkonfinali kontra l-għażla 1 li tkun tapplika r-regoli eżistenti dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-bordijiet minn mergers transkonfinali sa diviżjonijiet u konverżjonijiet transkonfinali u kontra l-għażla 2 li tkun tikkonsisti f’emendi mmirati għar-regoli eżistenti dwar il-mergers transkonfinali, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi miżuri speċifiċi għar-riskji ogħla perċepiti għall-impjegati fid-diviżjonijiet u fil-konverżjonijiet transkonfinali. L-għażla preferuta 2 hi magħmula minn diversi elementi li, bħala effett kombinat, għandhom l-għan li jipprovdu l-protezzjoni neċessarja għall-impjegati. Is-salvagwardji jkunu jinkludu rapport speċjali ġdid għall-operazzjonijiet transkonfinali kollha, imħejji mill-maniġment tal-kumpanija li jiddeskrivi l-impatt tal-merger transkonfinali fuq l-impjiegi u s-sitwazzjoni tal-impjegati u l-hekk imsejħa regola “kontra l-abbuż” dment li matul it-3 snin ta’ wara l-operazzjoni transkonfinali, il-kumpanija ma tkunx tista’ timmina s-sistema ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati f’każ li twettaq operazzjoni domestika jew transkonfinali sussegwenti. Ir-regola hi bbażata fuq ir-regoli eżistenti dwar il-mergers transkonfinali iżda tkun adattata biex tkopri mhux biss il-konverżjonijiet, il-mergers jew id-diviżjonijiet domestiċi sussegwenti iżda wkoll operazzjonijiet transkonfinali u domestiċi oħra. Barra minn hekk, din l-għażla tkun tintroduċi regoli speċifiċi fir-rigward tan-negozjati fil-każ ta’ diviżjonijiet u ta’ konverżjonijiet transkonfinali. Il-Valutazzjoni tal-Impatt analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ dawn it-tibdiliet immirati u kkonkludiet li l-ispejjeż tal-konformità addizzjonali limitati għall-kumpaniji minħabba t-tħejjija possibbli tar-rapport ikunu megħluba mill-protezzjoni msaħħa tal-impjegati u mill-benefiċċji soċjetali li jirriżultaw.

Finalment, il-Valutazzjoni tal-Impatt eżaminat ukoll il-kwistjoni ta’ kif għandhom jiġu indirizzati r-riskji ta’ abbuż, inkluża l-proliferazzjoni ta’ kumpaniji tal-isem għal finijiet abbużivi bħall-evitar ta’ standards tax-xogħol jew pagamenti tas-sigurtà soċjali kif ukoll ippjanar aggressiv tat-taxxa. Matul il-konsultazzjoni pubblika, ċerti partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari t-trade unions, sejħu għal soluzzjoni li biha l-kumpanija li twettaq il-konverżjoni transkonfinali jkollha bżonn tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat flimkien mal-uffiċċju prinċipali fl-Istat Membru tad-destinazzjoni. Madankollu, id-deċiżjoni riċenti ħafna tal-Qorti fil-kawża Polbud, li nqatgħet wara li kienu ngħalqu l-konsultazzjonijiet pubbliċi, tistipula li l-libertà tal-istabbiliment tapplika għal każijiet fejn l-uffiċċju reġistrat biss jitmexxa b’mod transkonfinali. Għaldaqstant, soluzzjoni bħal din ma tistax tiġi prevista. B’hekk, il-Valutazzjoni tal-Impatt eżaminat l-għażla 0 (ix-xenarju bażi) li ma jkun hemm ebda regola armonizzata kontra l-għażla 1 li tkun tintroduċi regoli u proċeduri li skonthom l-Istati Membri jkollhom bżonn jivvalutaw fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-konverżjoni transkonfinali inkwistjoni tikkostitwixxix xi arranġament artifiċjali bl-għan li jikisbu vantaġġi fiskali mhux xierqa jew li jiġu ppreġudikati indebitament id-drittijiet tal-impjegati, tal-azzjonisti minoritarji jew tal-kredituri. L-għażla preferuta 1 tkun tikkontribwixxi b’mod dirett għall-ġlieda kontra ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli u, b’hekk, kontra użu abbużiv jew falz ta’ kumpaniji tal-isem. Meta mqabbla max-xenarju bażi, l-għażla 1 tkun parti mill-proċedura li tippermetti lill-kumpaniji jikkonvertu b’mod transkonfinali u għalhekk, l-ispejjeż addizzjonali tal-konformità ma jkunux speċifiċi għall-valutazzjoni tal-arranġament artifiċjali possibbli. Rigward l-Istati Membri, dawn ikollhom bżonn jittrasponu u jimplimentaw dawk ir-regoli li jinvolvu xi spejjeż amministrattivi u organizzazzjonali. L-għażla 1 tkun twassal għal protezzjoni msaħħa tal-partijiet ikkonċernati. Il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jipprovdu l-fehmiet tagħhom matul il-proċedura u, finalment, ikunu protetti kontra ċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli minn kumpaniji frawdolenti.

Il-Valutazzjoni tal-Impatt analizzat ukoll l-għażliet relatati mar-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet. L-għażla preferuta f’dan ir-rigward kienet strument li jarmonizza r-regoli rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-fattur ta’ konnessjoni, fuq il-bażi tal-post ta’ inkorporazzjoni tal-kumpanija b’regoli speċifiċi ulterjuri li jindikaw il-liġi tas-sede reali u jkopru biss kumpaniji stabbiliti fl-UE. Billi każijiet li fihom hi meħtieġa l-aktar iċ-ċarezza, jiġifieri fi kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-liġi applikabbli għall-kumpaniji b’responsabbiltà limitata f’sitwazzjonijiet transkonfinali, ġew indirizzati fil-leġiżlazzjoni proposta dwar il-konverżjonijiet, il-mergers u d-diviżjonijiet transkonfinali, ġie deċiż li ma jiġix propost att leġiżlattiv speċifiku dwar il-konflitt tal-liġijiet għalissa.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta mistennija twassal benefiċċji ta’ simplifikazzjoni konsiderevoli għall-kummerċ fis-Suq Uniku billi tiffaċilita l-mobilità transkonfinali tal-kumpaniji.

Il-ħolqien ta’ sett komprensiv ta’ regoli komuni li jirregolaw il-konverżjonijiet u d-diviżjonijiet transkonfinali se jissimplifika l-proċeduri u jnaqqas l-ispejjeż għall-kummerċ f’dak li għandu x’jaqsam mat-tip u mal-kontenut ta’ dokumenti li għandhom jitħejjew, mal-proċeduri differenti u mal-iskadenzi relatati jew rekwiżiti addizzjonali oħra. Ir-regoli proposti dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati u r-regoli dwar il-protezzjoni tal-membri u tal-kredituri se jsaħħu ċ-ċertezza u l-prevedibbiltà tad-dritt għal dawn l-operazzjonijiet. Ir-regoli komuni l-ġodda dwar id-diviżjonijiet u l-konverżjonijiet transkonfinali jistgħu jkunu mistennija li joħolqu tfaddil ta’ EUR 12 000 - EUR 37 000 (għad-diviżjonijiet) u EUR 12 000 – 19 000 (għall-konverżjonijiet) skont id-daqs tal-kumpaniji u l-Istati Membri involuti.

L-emendi proposti għall-qafas legali eżistenti tal-UE dwar il-mergers transkonfinali se jissimplifikaw ir-regoli għall-mergers transkonfinali tal-kumpaniji u jnaqqsu l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi permezz ta’ proċeduri simplifikati u komuni ġodda. Ir-regoli proposti dwar il-protezzjoni tal-membri u tal-kredituri u r-regoli dwar id-divulgazzjoni se jsaħħu ċ-ċertezza u l-prevedibbiltà tad-dritt.

It-tnaqqis tal-ispejjeż u s-simplifikazzjonijiet se jkollhom impatt partikolarment pożittiv fuq l-intrapriżi mikro u żgħar.

L-iskambju ta’ informazzjoni previst f’din il-proposta se jiġi implimentat permezz tas-sistema eżistenti ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji (BRIS). Għaldaqstant, ma hu antiċipat ebda żvilupp speċifiku tal-IT.

Drittijiet fundamentali

Ir-regoli proposti ta’ din l-inizjattiva jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet u tal-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ diversi minn dawn id-drittijiet. B’mod partikolari, l-objettiv ewlieni ta’ din l-inizjattiva hu li tiffaċilita d-drittijiet ta’ stabbiliment fi kwalunkwe Stat Membru, kif stipulat mill-Artikolu 15(2) tal-Karta u l-iżgurar tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza (l-Artikolu 21(2)). L-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-libertà ta’ intrapriża f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali (l-Artikolu 16). Id-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta hu msaħħaħ ukoll mill-inizjattiva permezz tas-salvagwardji li huma pprovduti għall-azzjonisti. Għad li l-inizjattiva se tipprovdi regoli għall-kumpaniji fil-qafas tal-liġi dwar il-kumpaniji, din se tikkontribwixxi wkoll għad-dritt tal-impjegati għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni fl-impriża (l-Artikolu 27 tal-Karta) billi tipprovdi aktar trasparenza għall-impjegati fil-każ ta’ operazzjonijiet transkonfinali tal-kumpaniji. Il-protezzjoni tad-data personali għandha tiġi żgurata f’konformità mal-Artikolu 8 tal-Karta.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Ma ġew identifikat ebda spejjeż maġġuri. Il-proposta tkun tikkawża primarjament spejjeż għall-amministrazzjonijiet nazzjonali assoċjati mal-introduzzjoni ta’ regoli leġiżlattivi fil-livell nazzjonali (it-tħejjija, il-konsultazzjoni, l-adozzjoni, l-adattament ta’ dawk eżistenti) kif ukoll mal-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ skrutinju. Rigward il-konverżjonijiet u d-diviżjonijiet transkonfinali, fl-Istati Membri fejn ma hemm ebda proċedura transkonfinali, l-impatt ikun akbar milli fi Stati Membri oħra fejn it-tali proċeduri jeżistu u għalhekk ikunu jeħtieġu biss li jiġu adattati. Ma hemm l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se tassisti lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tar-regoli proposti u se timmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali pereż. l-esperti nazzjonali fil-liġi dwar il-kumpaniji fil-Grupp ta’ Esperti dwar id-Dritt Soċjetarju (Company Law Expert Group, CLEG). F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi assistenza u gwida (pereż. billi torganizza sessjonijiet ta’ ħidma ta’ implimentazzjoni jew tipprovdi parir fuq bażi bilaterali).

Il-monitoraġġ ikun jikkonsisti fl-analiżi tat-tendenzi f’attivitajiet tal-operazzjonijiet transkonfinali tal-kumpaniji permezz tan-notifiki tal-konverżjonijiet, tal-mergers u tad-diviżjonijiet transkonfinali permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali (BRIS), permezz tal-ġbir tal-ispejjeż għall-konverżjonijiet transkonfinali sa fejn possibbli, u jekk u safejn il-partijiet ikkonċernati u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati jindikaw li huma sodisfatti bil-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom fl-operazzjonijiet transkonfinali rilevanti. L-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam se jkun immonitorjat ukoll.

Bl-għan li jinġabar l-input meħtieġ mill-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tista’ tibgħat kwestjonarji lill-partijiet ikkonċernati jew torganizza stħarriġijiet speċifiċi.

Jenħtieġ li ssir evalwazzjoni biex jiġi vvalutat l-impatt tal-miżuri proposti u jiġi vverifikat jekk intlaħqux l-objettivi. Din issir mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura matul l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ u tal-input addizzjonali miġbur mingħand il-partijiet ikkonċenati rilevanti, skont kif meħtieġ. Jenħtieġ li jinħareġ rapport ta’ evalwazzjoni wara li tinkiseb biżżejjed esperjenza mill-applikazzjoni tal-proposta.

Jenħtieġ li l-forniment ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni ma jimponix piż amministrattiv mhux meħtieġ fuq il-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Il-proposta hi emenda għad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji. Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni kif suppost ta’ din id-direttiva kumplessa, ikun hemm bżonn id-dokument ta’ spjegazzjoni, pereż. fil-forma ta’ tabelli ta’ korrelazzjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Konverżjonijiet transkonfinali

Artikolu 86a: dan l-artikolu jiddeskrivi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta li tistabbilixxi qafas legali tal-UE li jirregola l-konverżjonijiet transkonfinali ta’ kumpaniji privati u pubbliċi b’responsabbiltà limitata.

Artikolu 86b: Dan l-artikolu fih id-definizzjonijiet. Id-definizzjoni tal-konverżjoni transkonfinali hi bbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tinvolvi t-tibdil ta’ forma ġuridika tal-kumpanija mill-Istat Membru tat-tluq fil-forma ġuridika tal-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Artikolu 86c: din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jitwettqu konverżjonijiet transkonfinali, il-verifika ta’ dawn u l-liġi applikabbli. B’mod partikolari, tistabbilixxi r-rekwiżit li l-kumpaniji li huma soġġetti għal proċedimenti ta’ insolvenza jew oħrajn simili ma jistgħux iwettqu l-konverżjoni transkonfinali kif regolata f’din id-Direttiva. Barra minn hekk, skont il-prinċipju ġenerali li d-dritt tal-UE ma jistax jiġi invokat biex jiġi ġġustifikat abbuż tad-drittijiet kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal-QtĠ, konverżjoni ma tistax tiġi awtorizzata meta jiġi ddeterminat, wara eżaminazzjoni tal-każ individwali u fir-rigward tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li din tikkostitwixxi xi arranġament artifiċjali bl-għan li jinkisbu vantaġġi fiskali mhux xierqa jew li jiġu ppreġudikati indebitament id-drittijiet legali jew kuntrattwali tal-impjegati, tal-kredituri jew tal-membri.

Artikolu 86d: id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-kontenut minimu ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fl-abbozz ta’ termini tal-konverżjoni transkonfinali li se titqiegħed għad-dispożizzjoni pubblika għal kull persuna interessata f’din l-operazzjoni. L-abbozz ta’ termini se jkollu jipprovdi informazzjoni dwar it-tibdil fil-forma tal-kumpanija, u rigward il-kumpanija li tirriżulta mill-konverżjoni kif ukoll il-protezzjoni offruta għall-partijiet ikkonċernati rilevanti: b’mod partikolari l-azzjonisti, il-kredituri u l-impjegati. Dan l-artikolu jisħaq fuq l-importanza tal-abbozz ta’ termini iżda jżid ukoll kemm jista’ jkun il-faċilità fil-kumpilazzjoni tagħhom billi joffri lill-kumpaniji possibbiltà li jabbozzawhom, anki fil-lingwa użata l-aktar ta’ spiss fit-tranżazzjonijiet kummerċjali, minbarra fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istati Membri kkonċernati; b’hekk, l-Istat Membru jista’ jiddetermina liema verżjoni lingwistika hi dik deċiżiva fil-każ ta’ diskrepanzi.

Artikolu 86e: dan l-artikolu jistabbilixxi r-rekwiżit għat-tħejjija ta’ rapport għall-azzjonisti li jispjega f’dettall l-għan tal-konverżjoni transkonfinali, il-pjanijiet tal-kumpanija u s-salvagwardji għall-azzjonisti. Ir-rapport għandu jinkludi b’mod partikolari l-impatt tal-konverżjoni fuq l-attività tal-kumpanija u fuq l-interessi ta’ din, fuq l-interessi tal-azzjonisti u fuq il-miżuri għall-protezzjoni tagħhom. Ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-impjegati wkoll. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, ir-rapport jista’ jiġi rrinunzjat jekk il-membri kollha tal-kumpanija jkunu qablu hekk.

Artikolu 86f: dan l-artikolu jirrikjedi li jitfassal rapport mill-kumpanija li jindirizza l-kwistjonijiet essenzjali għall-impjegati tal-kumpanija li twettaq konverżjoni transkonfinali. Dan ir-rapport għandu jispjega l-implikazzjonijiet tal-konverżjoni transkonfinali għall-impjegati. Għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati jew tal-impjegati nfushom f’każ li ma jkunx hemm rappreżentanti bħal dawn. Id-dispożizzjoni tiċċara wkoll li l-provvista tar-rapport hi mingħajr preġudizzju għall-proċediment ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni applikabbli diġà previst fl-acquis.

Artikolu 86g: dan l-artikolu jikkonċerna l-eżaminazzjoni minn espert indipendenti. Il-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta fl-abbozz ta’ termini tal-konverżjoni transkonfinali u fir-rapporti tal-organu maniġerjali jew amministrattiv għandha tkun soġġetta għall-valutazzjoni minn espert indipendenti maħtur mill-awtorità kompetenti. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-kumpanija u l-konverżjoni transkonfinali maħsuba biex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tivvaluta, fost l-oħrajn, jekk l-operazzjoni tikkostitwixxix arranġament artifiċjali. L-artikolu jistabbilixxi wkoll il-proċedura, it-twaqqit u l-kompetenzi tal-espert indipendenti, inkluża l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-intrapriżi mikro u żgħar huma eżentati mir-rekwiżit ta’ perizja indipendenti.

Artikolu 86h: dan l-artikolu jistabbilixxi r-regoli għad-divulgazzjoni tal-abbozz ta’ termini tal-konverżjoni transkonfinali u tal-perizja indipendenti li għandhom ikunu disponibbli pubblikament mingħajr ħlas. Fl-istess ħin, id-divulgazzjoni se tinkludi avviż li jistieden lill-membri, lill-kredituri u lill-impjegati tal-kumpanija jissottomettu l-kummenti. Ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għandhom jiggarantixxu aċċess immedjat għall-abbozz ta’ termini għall-protezzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Dan l-artikolu jistabbilixxi l-prinċipju li l-abbozz ta’ termini għandu jiġi ddivulgat fir-reġistru kummerċjali bħala l-aktar punt komuni ta’ referenza għall-partijiet ikkonċernati. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lil kumpanija tiddivulga l-abbozz ta' termini fuq is-sit web tagħha, iżda f’dan il-każ l-aktar informazzjoni importanti xorta waħda se tkun meħtieġa tiġi ddivulgata fir-reġistru kummerċjali. L-artikolu jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jippreservaw pubblikazzjoni addizzjonali fil-gazzetta nazzjonali u jitolbu ħlas għaliha. Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni ddivulgata, l-abbozz iddivulgat ta’ termini tal-konverżjoni transkonfinali, l-avviż u l-perizja indipendenti jridu jkunu aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas. Il-ħlas mitlub għad-divulgazzjoni ma jistax jisboq l-ispiża amminsitrattiva tas-servizz.

Artikolu 86i: dan l-artikolu jistabbilixxi r-rekwiżit ta’ approvazzjoni tal-abbozz ta' termini tal-konverżjoni transkonfinali mil-laqgħa ġenerali. Jeżisti rekwiżit simili fil-każ ta’ mergers transkonfinali. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-maġġoranza kwalifikata tal-voti mitfugħa għall-approvazzjoni tal-abbozz ta’ termini; madankollu, ir-rekwiżiti tal-maġġoranza meħtieġa ma jistgħux jisbqu r-rekwiżiti applikabbli għall-mergers transfruntiera.

Artikolu 86j: dan l-artikolu jipprevedi s-salvagwardji għall-azzjonisti u jistabbilixxi dritt ta’ ħruġ għal dawk l-azzjonisti li jopponu l-konverżjonijiet transkonfinali. Dan japplika jew għal dawk li ma vvotawx għall-konverżjoni transkonfinali jew inkella għal dawk li ma jaqblux mal-konverżjoni iżda li m’għandhomx drittijiet tal-vot. Il-kumpanija, l-azzjonisti li jifdal jew terzi persuni, wara talba tal-membri kkonċernati, jenħtieġ li jiksbu l-ishma tagħhom bi skambju għal kumpens adegwat. F’każ li l-azzjonisti jqisu li l-kumpens fi flus offrut ġie stabbilit b’mod inadegwat, dawn huma intitolati jikkontestaw l-ammont tiegħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru tat-tluq.

Artikolu 86k: dan l-artikolu jipprevedi diversi salvagwardji għall-kredituri. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kumpanija li tikkonverti jenħtieġ li tagħmel dikjarazzjoni bħala parti mill-abbozz ta' termini tal-konverżjoni transkonfinali li tistipula li l-konverżjoni mhix se taffettwa l-kapaċità li tissodisfa l-obbligi fil-konfront ta’ terzi persuni u li l-kredituri mhux se jkunu ppreġudikati.

Il-kredituri se jkollhom ukoll id-dritt li japplikaw mal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti biex tagħtihom protezzjoni adegwata. L-awtoritajiet se japplikaw is-suppożizzjoni konfutabbli li l-kredituri mhumiex preġudikati jekk perizja indipendenti tkun ikkonkludiet li ma kien hemm ebda probabbiltà raġonevoli li d-drittijiet tal-kredituri jkunu preġudikati jew jekk il-kumpanija offriet dritt għall-ħlas permezz ta’ terza persuna garanti jew permezz tal-kumpanija konvertita għall-valur oriġinali tal-pretensjoni inkwistjoni bil-patt li din tista’ tiġi ppreżentata quddiem l-istess ġuriżdizzjoni bħall-pretensjoni oriġinali. L-artikolu jiċċara wkoll li d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-kredituri għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-issodisfar jew l-assigurar tal-pagamenti dovuti lil korpi pubbliċi.

Artikolu 86l: dan l-artikolu jittratta l-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kumpanija li tagħmel konverżjoni, fejn il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tinxteħet f’riskju mill-operazzjoni. Fil-prinċipju, il-kumpanija se jkollha ssegwi r-regoli rispettivi tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, sakemm il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru ma tipprevedix l-istess livell ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati fil-maniġment tal-kumpanija jew fl-organi superviżorji. Dan l-artikolu se japplika wkoll jekk in-numru tal-impjegati jisboq it-tmenin fil-mija tal-livell limitu stipulat fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tat-tluq li jiskatta d-dritt ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/86/KE, jew minkejja n-numru tal-impjegati, ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati fl-Istat Membru tad-destinazzjoni ma jipprevedux l-istess livell tal-parteċipazzjoni. Jekk dan hu l-każ, il-kumpanija se jkollha tidħol f’negozjati mal-impjegati biex tiddetermina l-parteċipazzjoni tagħhom. In-negozjati se jkunu obbligatorji, u se jkollhom jirriżultaw f’arranġamenti mfassla apposta li jirregolaw l-involviment tal-impjegati jew, f’każ li ma jintlaħaq ebda qbil fi żmien 6 xhur, japplikaw ir-regoli standard tal-parteċipazzjoni tal-impjegati kif stabbiliti fl-Anness (b’mod partikolari l-punt (a) tal-Parti 3) tad-Direttiva 2001/86/KE. F’konformità mad-Direttiva 2001/86/KE, in-negozjati jkollhom jibdew mill-aktar fis possibbli wara li jitqiegħed għad-dispożizzjoni b’mod pubbliku l-abbozz ta' termini tal-konverżjoni. Il-kumpanija se jkollha, tal-anqas għal tliet snin, iżżomm fis-sustanza d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ operazzjonijiet sussegwenti bħal mergers, diviżjonijiet jew konverżjoni. Il-kumpanija se tkun obbligata tikkomunika l-eżitu tan-negozjati lill-impjegati tagħha.

L-Artikoli 86m u 86 n: dawn l-artikoli jirregolaw il-valutazzjoni tal-legalità tal-konverżjonijiet transkonfinali mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tat-tluq. Dan l-Istat Membru għandu jivvaluta t-tlestija tal-konverżjoni transkonfinali fir-rigward tal-proċedura rregolata mil-liġi nazzjonali rispettiva. Ir-regoli huma bbażati fuq il-prinċipji korrispondenti previsti fir-Regolament (KE) Nru 2157/2001 għall-SE u fir-regoli relatati mal-mergers transkonfinali.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tat-tluq għandha tagħmel valutazzjoni tat-tlestija formali tal-proċedura mill-kumpanija u, barra minn hekk, għandha tiddetermina jekk il-konverżjoni maħsuba tikkostitwixxix arranġament artifiċjali kif imsemmi aktar ’il fuq. F’każ li l-awtorità jkollha tħassib serju li l-konverżjoni transkonfinali tista’ tikkostitwixxi arranġament artifiċjali, din tista’ tagħmel valutazzjoni fil-fond.

L-Artikolu 86o jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet relatati mar-rieżami tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-ħruġ jew tar-rifjut tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni. Jittratta wkoll id-disponibbiltà ta’ deċiżjoni bħal din permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni u t-trażmissjoni taċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni lill-Istat Membru tad-destinazzjoni permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni diġitali.

L-Artikolu 86p jirregola l-iskrutinju tal-legalità tal-konverżjoni transkonfinali mill-Istat Membru tad-destinazzjoni. L-awtorità ta’ dak l-Istat Membru tivverifika b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ inkorporazzjoni u r-riżultati tan-negozjati dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati, fejn applikabbli.

L-Artikolu 86q jirregola l-arranġamenti għad-divulgazzjoni tat-tlestija tar-reġistrazzjoni u l-informazzjoni li trid tiddaħħal fir-reġistri. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tiġi skambjata bejn ir-reġistri b’mod awtomatiku, biex l-Istat Membru tat-tluq jibda jieħu azzjonijiet minnufih bl-għan li jneħħi lill-kumpanija mir-reġistru kummerċjali tiegħu.

L-Artikolu 86r jistipula li l-konverżjoni transkonfinali tidħol fis-seħħ minn dakinhar tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija konvertita fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

Artikolu 86s: din id-dispożizzjoni tiddeskrivi l-konsegwenzi tal-konverżjoni transkonfinali.

Artikolu 86t: id-dispożizzjoni tistipula li l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu regoli dwar ir-responsabbiltà tal-espert indipendenti.

Artikolu 86u: il-validità tal-konverżjoni transkonfinali ma tistax tiġi kkontestata jekk il-proċedura għall-konverżjoni transkonfinali ġiet irrispettata.

Mergers transkonfinali

L-Artikolu 119 qed jiġi emendat biex jinkludi definizzjoni ta’ merger transkonfinali bħala operazzjoni bejn kumpaniji li fihom kumpanija li tiġi akkwiżita tittrasferixxi l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tagħha fil-kumpanija akkwirenti bla ma toħroġ ishma ġodda. Operazzjoni bħal din se taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, jekk il-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger ikollhom l-istess persuna proprjetarja jew l-istruttura tas-sjieda fil-kumpaniji kollha li huma oġġett ta’ merger, tibqa’ l-istess wara li titlesta l-operazzjoni.

L-Artikolu 120 qed jiġi estiż biex ikopri aktar sitwazzjonijiet li fihom il-kumpaniji għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni, pereżempju fejn ikunu tnedew proċedimenti ta’ stralċ, ta’ likwidazzjoni jew ta’ insolvenza jew tkun għaddejja s-sospensjoni tal-pagamenti.

L-Artikolu 121 qed jiġi emendat billi jitħassru r-referenzi għall-protezzjoni tal-kredituri u għall-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji minħabba li dawn se jiġu armonizzati taħt l-Artikoli 126a u 126b.

L-Artikolu 122 qed jiġi emendat biex jispeċifika li l-abbozz ta' termini komuni tal-merger transkonfinali għandu jinkludi wkoll l-offerta ta’ kumpens fi flus għall-membri li ma vvotawx għall-merger kif ukoll is-salvagwardji offruti lill-kredituri. Barra minn hekk, dan jipprevedi reġim lingwistiku tal-abbozz ta' termini komuni tal-mergers transkonfinali

Jiżdied Artikolu 122a ġdid li jintroduċi regoli dwar id-determinazzjoni tad-data li minnha t-tranżazzjonijiet tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger se jiġu ttrattati għal finijiet kontabilistiċi

L-Artikolu 123 emendat jipprevedi, bħala regola prestabbilita, d-divulgazzjoni tal-abbozz ta' termini komuni fir-reġistri kummerċjali tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger. Alternattivament, l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jeżentaw lill-kumpaniji mill-obbligu ta’ divulgazzjoni fir-reġistri kummerċjali, f’każ li l-kumpaniji jagħmlu l-abbozz ta' termini disponibbli fuq is-siti web tagħhom u jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward. F’dan l-aħħar każ, il-kumpaniji jridu jiddivulgaw ċerta informazzjoni speċifika fir-reġistri kummerċjali. Fil-prinċipju, il-kumpaniji jridu jkunu jistgħu jissottomettu l-informazzjoni neċessarja kompletament onlajn bla ma tkun meħtieġa preżenza fiżika quddiem xi awtorità nazzjonali, sakemm ma jkunx hemm suspett ġenwin ta’ frodi. L-aċċess għat-tali informazzjoni jrid jingħata mingħajr ħlas. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippubblikaw l-abbozz ta' termini komuni fil-gazzetta nazzjonali, f’dan il-każ ir-reġistru nazzjonali għandu jissottometti l-informazzjoni rilevanti lill-gazzetta nazzjonali (prinċipju ta’ darba biss).

L-Artikolu 124 emendat jispeċifika li r-rapport indirizzat lill-membri tal-kumpanija li hi oġġett ta’ merger, għandu jispjega l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali fuq in-negozju futur u fuq il-pjan strateġiku tal-maniġment kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali għall-membri. Barra minn hekk, ir-rapport għandu jispjega l-proporzjon ta’ skambju tal-ishma u jiddeskrivi kull diffikultà speċjali ta’ valwazzjoni kif ukoll ir-rimedji disponibbli għal ċerti membri. Ir-rapport irid ikun disponibbli għall-impjegati wkoll. Ir-rapport jista’ jiġi rrinunzjat jekk il-membri kollha tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger, jaqblu.

L-Artikolu 124a l-ġdid jistabbilixxi li kull waħda mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger jenħtieġ li tipprovdi rapport lill-impjegati li jindirizza l-kwistjonijiet importanti għall-impjegati fil-kuntest tal-merger transkonfinali. Ir-rappreżentanti tal-impjegati jew l-impjegati nfushom f’każijiet li fihom ma jkun hemm l-ebda rappreżentant se jkollhom id-dritt li jesprimu l-opinjoni tagħhom. L-opinjoni trid tiġi ppreżentata lill-azzjonisti u tiġi mehmuża mar-rapport.

L-Artikolu 126a l-ġdid jipprevedi s-salvagwardji għall-membri. Dan jistabbilixxi dritt ta’ ħruġ għal dawk il-membri li jopponu l-merger. Dan japplika kemm għal dawk li ma vvotawx għall-approvazzjoni tal-merger transkonfinali kif ukoll għal dawk li ma jaqblux mal-merger iżda ma għandhomx id-drittijiet tal-vot. Il-kumpanija, il-membri li jifdal, jew it-terzi persuni bi qbil mal-kumpanija jridu jakkwiżixxu l-ishma tal-membri li jeżerċitaw id-dritt ta’ ħruġ bi skambju ma’ kumpens adegwat fi flus. Billi r-regoli eżistenti dwar il-mergers transkonfinali diġà jipprovdu għall-ħatra ta’ espert indipendenti (l-Artikolu 125), dan l-espert għandu jirrieżamina wkoll l-adegwatezza tal-kumpens fi flus. Jekk il-membri jqisu li l-kumpens fi flus offrut ġie stabbilit b’mod inadegwat, dawn ikunu intitolati li jitolbu li jerġa’ jiġi kkalkolat mill-qorti nazzjonali. Il-membri li jixtiequ jibqgħu fil-kumpanija għandhom ukoll id-dritt li jikkontestaw il-proporzjon ta’ skambju tal-ishma li għandu jiġi spjegat u ġġustifikat fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 124.

L-Artikolu 126b il-ġdid jipprevedi salvagwardji għall-kredituri. L-ewwel nett, l-Istati Membri jistgħu jirrekjedu li l-maniġment jew l-organu amministrattiv tal-kumpanija li hija oġġett ta’ merger jagħmel dikjarazzjoni li tistipula li hu ma jafx b’xi raġuni għaliex il-kumpanija li tirriżulta mill-merger ma għandhiex tkun f’pożizzjoni li ma tissodisfax l-obbligazzjonijiet tagħha. It-tieni, il-kredituri li mhumiex issodisfati bil-protezzjoni offruta lilhom fl-abbozz tat-termini tal-merger għandu jkollhom id-dritt li japplikaw mal-awtorità kompetenti għal salvagwardji adegwati. Madankollu, l-awtorità kompetenti għandha tapplika suppożizzjoni konfutabbli li l-kredituri mhumiex preġudikati mill-merger transkonfinali jekk il-kumpanija tkun offriet dritt għal pagament (b'terza persuna garanti jew il-kumpanija li tirriżulta mill-merger bħala garanzija) tal-valur ekwivalenti għall-pretensjoni oriġinali tagħhom li tista’ tiġi ppreżentata quddiem l-istess ġuriżdizzjoni bħall-pretensjoni oriġinali, jew jekk ir-rapport ta’ espert indipendenti, li ġie ddivulgat lill-kredituri, jikkonferma li l-kumpanija tkun tista’ tissodisfa lill-kredituri tagħha. Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-kredituri għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-issodisfar jew l-assigurar tal-pagamenti dovuti lil korpi pubbliċi.

L-Artikoli 127 u 128 modifikati jistipulaw li għall-finijiet taċ-ċertifikat ta’ qabel il-merger u tal-iskruntinju tal-legalità tal-merger transkonfinali, il-kumpaniji għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw kwalunkwe informazzjoni u dokument kompletament online. Barra minn hekk, l-Artikoli jistabbilixxu li ċ-ċertifikati ta’ qabel il-merger jridu jintbagħtu permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri (BRIS) lill-awtorità tal-Istat Membru li tiskrutinizza l-legalità tal-merger transkonfinali. Hu stipulat ukoll li ċ-ċertifikat(i) ta’ qabel il-merger jrid / iridu jiġi / jiġu aċċettat(i) bħala prova konklużiva tat-tlestija kif xieraq tal-atti u tal-formalitajiet ta’ qabel il-merger. L-Istati Membri, fil-każ ta’ suspett ġenwin ta’ frodi, għandhom ikunu jistgħu jitolbu preżenza fiżika quddiem awtorità kompetenti.

L-Artikolu 131 hu emendat billi jiġi spjegat li l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-kumpanija li tkun qed tinxtara jew tal-kumpaniji f’merger jinkludu l-kuntratti, il-krediti, id-drittijiet u l-obbligi kollha tagħhom.

L-Artikolu 132 hu emendat billi jiġu estiżi l-formalitajiet simplifikati għas-sitwazzjoni li fiha titwettaq il-merger transkonfinali minn kumpaniji fejn persuna waħda tkun is-sid tal-ishma kollha. Barra minn hekk, f’każijiet fejn ma tkun meħtieġa l-ebda laqgħa ġenerali fi kwalunkwe waħda mill-kumpaniji f’merger, l-Artikolu 132 jistabbilixxi data ta’ referenza speċifika għad-divulgazzjoni tal-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali u tar-rapporti tal-maniġment jew tal-organu amministrattiv tal-kumpaniji f’merger.

L-Artikolu 133, il-paragrafu 7 li jistipula li matul it-3 snin ta’ wara l-merger transkonfinali, il-kumpanija ma tkunx tista’ twettaq merger domestiku sussegwenti li tkun tirriżulta fi xkiel għas-sistema ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati hu emendat biex ikopri l-operazzjonijiet domestiċi sussegwenti possibbli kollha (jiġifieri mergers, diviżjonijiet u konverżjonijiet) u mhux għal mergers domestiċi biss. Barra minn hekk, l-Artikolu 133 hu emendat billi jiżdied obbligu għall-kumpaniji biex jikkomunikaw lill-impjegati tagħhom jekk il-kumpanija tiddeċidix li tapplika r-regoli standard jew jekk din tiddeċidix li tidħol f’negozjati mal-impjegati. F’dan il-każ imsemmi l-aħħar, il-kumpanija għandha tinforma lill-impjegati bir-riżultati tan-negozjati.

Jiżdied l-Artikolu 133a ġdid li jindirizza r-regoli tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-espert indipendenti.

Diviżjonijiet transkonfinali

L-Artikolu 160a jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta li tirregola d-diviżjonijiet transkonfinali ta’ kumpaniji privati u pubbliċi b’responsabbiltà limitata.

L-Artikolu 160b fih definizzjonijiet. Biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-acquis eżistenti tal-UE fil-qasam tal-liġi dwar il-kumpaniji, id-dispożizzjonijiet tal-qafas legali dwar id-diviżjonijiet transkonfinali japplikaw għall-istess kumpaniji bħad-dispożizzjonijiet dwar il-konverżjonijiet transkonfinali.

L-Artikolu 160c jistabbilixxi limitazzjonijiet ulterjuri għall-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu.

L-Artikolu 160d jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jitwettqu diviżjonijiet transkonfinali, il-verifika ta’ dawn u l-liġi applikabbli. B’mod partikolari, din tistabbilixxi r-rekwiżit li l-kumpaniji li huma soġġetti għal proċedimenti ta’ insolvenza jew oħrajn simili ma jistgħux ikunu soġġetti għal diviżjoni kif regolata f’din id-Direttiva. Barra minn hekk, skont il-prinċipju ġenerali li d-dritt tal-UE ma jistax jiġi invokat biex jiġi ġġustifikat abbuż tad-drittijiet kif stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-QtĠ, diviżjoni transkonfinali ma tistax tiġi awtorizzata meta jiġi ddeterminat, wara eżaminazzjoni ta’ kull każ individwali u fir-rigward tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li din tikkostitwixxi arranġament artifiċjali mmirat biex jinkisbu benefiċċji indebiti fuq it-taxxa jew jippreġudika b’mod indebitu d-drittijiet legali jew kuntrattwali tal-impjegati, tal-kredituri jew tal-membri.

L-Artikolu 160e: id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-ambitu minimu ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali li se titqiegħed għad-dispożizzjoni b’mod pubbliku għal kull persuna interessata fl-operazzjoni. L-abbozz tat-termini ser ikollu jipprovdi informazzjoni dwar il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża, l-uffiċċju reġistrat, l-allokazzjoni tal-ishma fil-kumpaniji reċipjenti, il-proporzjon ta’ skambju tal-ishma, l-allokazzjoni ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet bejn il-kumpaniji reċipjenti kif ukoll il-protezzjoni offruta għall-partijiet ikkonċernati rilevanti: l-azzjonisti, il-kredituri u l-impjegati. Dan l-artikolu jisħaq fuq l-importanza tal-abbozz tat-termini iżda jżid ukoll kemm jista’ jkun il-faċilità fil-kumpilazzjoni tagħhom billi joffri lill-kumpaniji possibbiltà li jabbozzawhom, minbarra l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri kkonċernati, anki fil-lingwa użata l-aktar ta’ spiss fit-tranżazzjonijiet kummerċjali; f’każ bħal dan, l-Istat Membru jista’ jiddetermina liema verżjoni lingwistika hi dik deċiżiva fil-każ ta’ diskrepanzi.

L-Artikolu 160f jistabbilixxi regoli biex tiġi ddeterminata d-data li minnha t-transazzjonijiet tal-kumpanija li qed tiġi diviża għandhom jiġu ttrattati għal finijiet kontabilistiċi bħala dawk tal-kumpaniji reċipjenti.

L-Artikolu 160g: dan l-artikolu jistabbilixxi r-rekwiżit li jitħejja rapport għall-azzjonisti li jispjega f’dettall l-għan tad-diviżjoni, il-pjanijiet tal-kumpanija u s-salvagwardji għall-azzjonisti. Ir-rapport għandu jinkludi b’mod partikolari l-impatt tad-diviżjoni fuq l-attività tal-kumpanija u fuq l-interessi ta’ din, fuq l-interessi tal-azzjonisti u fuq il-miżuri għall-protezzjoni tagħhom. Ir-rapport jenħtieġ li jkun disponibbli għall-impjegati wkoll. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, ir-rapport jista’ jiġi rrinunzjat jekk il-membri kollha tal-kumpanija jkunu qablu dwar dan.

L-Artikolu 160h: dan l-artikolu jobbliga li jitfassal rapport mill-kumpanija li jindirizza l-kwistjonijiet essenzjali għall-impjegati tal-kumpanija li twettaq diviżjoni transkonfinali. Dan ir-rapport għandu jiddeskrivi u jivvaluta l-impatt tad-diviżjoni għat-termini tal-ftehimiet dwar l-impjieg tal-impjegati. Għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati jew tal-impjegati infushom f’każ li ma jkunx hemm rappreżentanti bħal dawn. Id-dispożizzjoni tiċċara wkoll li d-dispożizzjoni tar-rapport hi mingħajr preġudizzju għall-proċediment ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni applikabbli diġà previst fl-acquis.

L-Artikolu 160i jikkonċerna l-eżami minn espert indipendenti. L-akkuratezza tal-informazzjoni pprovduta fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali u fir-rapporti tal-organu ta’ ġestjoni jew amministrattiv għandha tkun soġġetta għall-valutazzjoni b’rapport ta’ espert indipendenti maħtur mill-awtorità kompetenti. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-kumpanija u d-diviżjoni maħsuba biex l-awtorità kompetenti tkun tista’ tivvaluta, fost l-oħrajn, jekk l-operazzjoni tikkostitwixxix arranġament artifiċjali. L-artikolu jistabbilixxi wkoll il-proċedura, it-twaqqit u l-kompetenzi tal-espert indipendenti, inkluża l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-intrapriżi mikro u żgħar huma eżentati mir-rekwiżit ta’ rapport ta’ espert indipendenti.

L-Artikolu 160j: dan l-artikolu jipprevedi r-regoli għad-divulgazzjoni tal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali u tar-rapport ta’ espert indipendenti li għandhom ikunu disponibbli pubblikament mingħajr ħlas. Fl-istess ħin, id-divulgazzjoni se tinkludi avviż li jistieden lill-membri, lill-kredituri u lill-impjegati tal-kumpanija jissottomettu kummenti. Ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għandhom jiggarantixxu aċċess immedjat għall-abbozz tat-termini għall-protezzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-prinċipju li l-abbozz tat-termini għandu jiġi ddivulgat fir-reġistru kummerċjali bħala l-aktar punt komuni ta’ referenza għall-partijiet ikkonċernati. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lil kumpanija tiddivulga l-abbozz tat-termini fuq is-sit web tagħha, iżda f’dak il-każ l-aktar informazzjoni importanti xorta waħda se tkun meħtieġa tiġi ddivulgata fir-reġistru kummerċjali. L-Artikolu jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jippreservaw pubblikazzjoni addizzjonali fil-gazzetta nazzjonali u jitolbu ħlas għaliha.

Biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni ddivulgata, l-abbozz iddivulgat tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, l-avviż u r-rapport ta’ espert jridu jkunu aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas. Il-ħlas mitlub għad-divulgazzjoni ma jistax jisboq l-ispiża amministrattiva tas-servizz.

L-Artikolu 160k: dan l-artikolu jistabbilixxi r-rekwiżit ta’ approvazzjoni tal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali permezz tal-laqgħa ġenerali ta’ kumpanija li tkun qed tiġi diviża. Jeżisti rekwiżit simili fil-każ ta’ mergers transkonfinali. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu r-rekwiżiti għall-maġġoranza kwalifikata tal-voti mitfugħa għall-approvazzjoni tal-abbozz tat-termini; madankollu, ir-rekwiżiti tal-maġġoranza meħtieġa ma jistgħux jisbqu r-rekwiżiti applikabbli għall-mergers transkonfinali.

L-Artikolu 160l jipprevedi s-salvagwardji għall-azzjonisti u jistabbilixxi dritt ta’ ħruġ għal dawk l-azzjonisti li jopponu d-diviżjonijiet transkonfinali. Dan japplika jew għal dawk li ma vvotawx għad-diviżjoni transkonfinali jew inkella għal dawk li ma jaqblux mad-diviżjoni iżda li m’għandhomx drittijiet tal-vot. Il-kumpanija, l-azzjonisti li jifdal jew terzi persuni jridu jakkwiżixxu l-ishma tal-membri li jeżerċitaw id-dritt ta’ ħruġ bi skambju ma’ kumpens adegwat fi flus. L-espert indipendenti għandu jirrieżamina l-adegwatezza tal-kumpens fi flus. Jekk l-azzjonisti jqisu li l-kumpens fi flus offrut ġie stabbilit b’mod inadegwat, dawn huma intitolati jikkontestaw l-ammont tiegħu quddiem il-qrati tal-Istat Membru tat-tluq. Il-membri li jixtiequ jibqgħu fil-kumpanija għandhom ukoll id-dritt li jikkontestaw il-proporzjon ta’ skambju tal-ishma li għandu jiġi spjegat u ġġustifikat fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 160g.

L-Artikolu 160m jipprevedi s-salvagwardji għall-kredituri. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandha tagħmel dikjarazzjoni bħala parti mill-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali li tistipula li d-diviżjoni mhix se taffettwa l-ħila tal-issodisfar tal-obbligi lejn terzi persuni u li l-kredituri mhumiex se jiġu ppreġudikati.

Il-kredituri ser ikollhom ukoll id-dritt li japplikaw mal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti biex tagħtihom protezzjoni adegwata. L-awtoritajiet se japplikaw is-suppożizzjoni konfutabbli li l-kredituri mhumiex preġudikati jekk rapport ta’ espert indipendenti jkun ikkonkluda li ma kien hemm ebda probabbiltà raġonevoli li d-drittijiet tal-kredituri jkunu preġudikati jew jekk il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża offriet dritt għall-ħlas permezz ta’ terza persuna garanti jew permezz tal-kumpanija konvertita għall-valur oriġinali tal-pretensjoni inkwistjoni bil-patt li din tista’ tiġi ppreżentata quddiem l-istess ġuriżdizzjoni bħall-pretensjoni oriġinali. Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-kredituri għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-issodisfar jew l-assigurar tal-pagamenti dovuti lil korpi pubbliċi.

L-Artikolu 160n jittratta l-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-maniġment jew fl-organi superviżorji tal-kumpanija involuti fid-diviżjoni transkonfinali, fejn id-drittijiet eżistenti ta’ parteċipazzjoni fil-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jinxteħtu f’riskju mid-diviżjoni transkonfinali. Fil-prinċipju, il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kumpaniji reċipjenti jkollha ssegwi r-regoli rispettivi tal-Istati Membri fejn dawn il-kumpaniji se jiġu rreġistrati, sakemm il-liġijiet nazzjonali ta’ dawn l-Istati Membri ma jipprevedux l-istess livell ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati fl-organi amministrattivi jew superviżorji tal-kumpanija bħal dak eżistenti fil-kumpanija li tkun qed tiġi diviża. Dan l-artikolu se japplika wkoll jekk in-numru tal-impjegati jisboq 4/5 tal-livell limitu stipulat fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża li jiskatta d-dritt ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/89/KE, jew minkejja l-għadd tal-impjegati, ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati fl-Istat Membru tal-kumpanija riċevitriċi ma jipprevedux l-istess livell tal-parteċipazzjoni. Jekk dan hu l-każ, il-kumpanija ser ikollha tidħol f’negozjati mal-impjegati biex tiddetermina l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kumpaniji reċipjenti. In-negozjati ser ikunu obbligatorji, u ser ikollhom jirriżultaw f’arranġamenti mfassla apposta li jirregolaw l-involviment tal-impjegati jew inkella, f’każ li ma jintlaħaq ebda qbil fi żmien 6 xhur, se japplikaw ir-regoli standard tal-parteċipazzjoni tal-impjegati kif stabbiliti fl-Anness (b’mod partikolari l-Parti 3 tad-Direttiva 2001/86/KE). F’konformità mad-Direttiva 2001/86/KE, in-negozjati ser ikollhom jibdew mill-aktar fis possibbli wara li jitqiegħed għad-dispożizzjoni b’mod pubbliku l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali. Il-kumpaniji reċipjenti ser ikollhom iżommu tal-anqas għal tliet snin fis-sustanza d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ operazzjonijiet sussegwenti bħal mergers, diviżjonijiet jew konverżjonijiet. Il-kumpanija se tkun obbligata tikkomunika l-eżitu tan-negozjati lill-impjegati tagħha.

L-Artikoli 160o u 160p: dawn l-artikoli jirregolaw il-valutazzjoni tal-legalità tad-diviżjoni transkonfinali mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li għall-ġuriżdizzjoni tiegħu tkun soġġetta l-kumpanija li tkun qed tiġi diviża. Dan l-Istat Membru għandu jivvaluta t-tlestija tad-diviżjoni transkonfinali fir-rigward tal-proċedura rregolata mil-liġi nazzjonali rispettiva. Ir-regoli huma bbażati fuq il-prinċipji korrispondenti previsti fir-Regolament (KE) Nru 2157/2001 għall-SE u fir-regoli relatati mal-mergers transkonfinali. L-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tagħmel valutazzjoni tat-tlestija formali tal-proċedura mill-kumpanija u, barra minn hekk, għandha tiddetermina jekk id-diviżjoni maħsuba tikkostitwixxix arranġament artifiċjali kif imsemmi aktar ’il fuq.

F’każ li l-awtorità jkollha tħassib serju li l-konverżjoni transkonfinali tista’ tikkosttiwixxi arranġament artifiċjali, din għandha tagħmel valutazzjoni fil-fond.

L-Artikolu 160q jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet relatati mar-rieżami tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-ħruġ jew tar-rifjut tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni. Jittratta wkoll id-disponibbiltà ta’ deċiżjoni bħal din permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni u t-trażmissjoni taċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni lill-Istat Membru tad-destinazzjoni. Dawn l-artikoli jawtorizzaw ukoll l-użu tal-komunikazzjoni diġitali bejn ir-reġistri kummerċjali biex jiġu skambjati deċiżjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti.

L-Artikolu 160r jirregola l-iskrutinju tal-legalità tad-diviżjoni transkonfinali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati. L-awtoritajiet tal-kumpaniji reċipjenti jivverifikaw, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti ta’ inkorporazzjoni u r-riżultati tan-negozjati dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati, fejn applikabbli.

L-Artikolu 160s jistabbilixxi l-arranġamenti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni ta’ diviżjoni u l-informazzjoni li trid titqiegħed għad-dispożizzjoni b’mod pubbliku. L-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni għandha tiġi skambjata bejn ir-reġistri b’mod awtomatiku permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

L-Artikolu 160t: il-liġi tal-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża tiddetermina d-data li fiha tidħol fis-seħħ id-diviżjoni transkonfinali. 

L-Artikolu 160u: din id-dispożizzjoni tiddeskrivi l-konsegwenzi tal-konverżjoni transkonfinali.

L-Artikolu 160v: id-dispożizzjoni tistipula li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar ir-responsabbiltà tal-espert indipendenti.

L-Artikolu 160w: il-validità tad-diviżjoni transkonfinali ma tistax tiġi kkontestata jekk il-proċedura għall-konverżjoni transkonfinali ġiet irrispettata.

Rapportar u rieżami

L-Artikolu 3: jistipula l-obbligu tal-Kumissjoni li tevalwa din id-Direttiva, inkluża valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-forniment tar-regoli għat-tipi ta’ diviżjonijiet transkonfinali li mhumiex koperti minn din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għar-rapport billi jipprovdu d-data rilevanti.

2018/0114 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward tal-konverżjonijiet, tal-mergers u tad-diviżjonijiet transkonfinali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(1) u (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 39 ,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 tirregola l-mergers transkonfinali tal-kumpaniji b'responsabbiltà limitata. Dawn ir-regoli jirrappreżentaw stadju importanti fit-titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku għall-kumpaniji jew għad-ditti fl-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment. Madankollu, l-evalwazzjoni ta’ dawn ir-regoli turi li hemm il-ħtieġa ta’ modifiki fir-regoli ta’ merger transkonfinali. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu previsti regoli li jirregolaw il-konverżjonijiet u d-diviżjonijiet transkonfinali.

(2)Il-libertà tal-istabbiliment hija wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), meta moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, il-libertà tal-istabbiliment għall-kumpaniji jew għad-ditti tinkludi, fost l-oħrajn, id-dritt li jiffurmaw u jiġġestixxu t-tali kumpaniji jew ditti bil-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-istabbiliment. Dan ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jinkludi d-dritt ta’ kumpanija jew ta’ ditta fformata f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru biex tikkonverti lilha nfisha f’kumpanija jew f’ditta rregolata bil-liġi ta’ Stat Membru ieħor, dment li l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor ikunu ssodisfati u, b’mod partikolari, li t-test adottat mill-Istat imsemmi l-aħħar għad-determinazzjoni tal-konnessjoni ta’ kumpanija jew ta’ ditta mal-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu hu ssodisfat.

(3)Fl-assenza tal-armonizzazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-definizzjoni tal-fattur ta' konnessjoni li jiddetermina l-liġi nazzjonali applikabbli għal kumpanija jew ditta taqa’, skont l-Artikolu 54 TFUE, fil-kompetenza ta’ kull Stat Membru biex jiddefinixxiha. L-Artikolu 54 TFUE jpoġġi l-fattur tal-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni, l-amministrazzjoni ċentrali u l-post prinċipali tan-negozju ta’ kumpanija jew ditta fl-istess grad ta’ konnessjoni. Għaldaqstant, kif iċċarat fil-ġurisprudenza, 41 fejn l-Istat Membru ta’ stabbiliment ġdid jiġifieri l-Istat Membru tad-destinazzjoni jeħtieġ biss it-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat bħala fattur ta’ konnessjoni għall-eżistenza ta’ kumpanija skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, il-fatt li l-uffiċċju rreġistrat biss (u mhux l-amministrazzjoni ċentrali jew is-sede prinċipali) huwa ttrasferit, ma jeskludix minnu nnifsu l-applikabbiltà tal-libertà tal-istabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE. L-għażla ta’ forma speċifika ta’ kumpanija f’mergers, konverżjonijiet u diviżjonijiet transkonfinali, jew l-għażla ta’ Stat Membru ta’ Stabbiliment, huma inerenti fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment garantit mit-TFUE bħala parti mis-Suq Uniku.

(4)Dawn l-iżviluppi fil-ġurisprudenza fetħu opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji u għad-ditti fis-Suq Uniku bl-għan li jrawmu t-tkabbir ekonomiku, il-kompetizzjoni effettiva u l-produttività. Fl-istess ħin, l-objettiv ta’ Suq Uniku mingħajr fruntieri interni għall-kumpaniji jrid jiġi rrikonċiljat ukoll ma’ objettivi oħra tal-integrazzjoni Ewropea bħall-protezzjoni soċjali (b’mod partikolari l-protezzjoni tal-ħaddiema), il-protezzjoni tal-kredituri u l-protezzjoni tal-azzjonisti. Objettivi bħal dawn, fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati li jikkonċernaw b’mod speċifiku konverżjonijiet transkonfinali, huma mfittxija mill-Istati Membri permezz ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet legali u ta’ prattiki amministrattivi varji. Bħala riżultat ta’ dan, filwaqt li l-kumpaniji diġà kapaċi jagħmlu mergers transkonfinali, dawn jesperjenzaw numru ta’ diffikultajiet legali u prattiċi meta jkunu jixtiequ jagħmlu konverżjoni transkonfinali. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ ħafna Stati Membri tipprovdi għall-proċedura ta’ konverżjonijiet domestiċi mingħajr ma toffri proċedura ekwivalenti għall-konverżjonijiet transkonfinali.

(5)Dan iwassal għal frammentazzjoni legali u għal inċertezza tad-dritt u, b’hekk, għal xkiel għall-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment. Dan iwassal ukoll għal protezzjoni subottimali tal-impjegati, tal-kredituri u tal-azzjonisti ta’ minoranza fis-Suq Uniku.

(6)Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġu pprovduti regoli proċedurali u sostantivi dwar il-konverżjonijiet transkonfinali li jkunu jikkontribwixxu għall-abolizzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istabbiliment u fl-istess ħin jipprovdu l-protezzjoni adegwata u proporzjonata għall-partijiet ikkonċernati bħall-impjegati, il-kredituri u l-azzjonisti ta’ minoranza.

(7)Id-dritt li kumpanija eżistenti maħluqa fi Stat Membru tinqaleb f’kumpanija irregolata minn Stat Membru ieħor jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jintuża għal finijiet abbużivi bħaċ-ċirkomvenzjoni ta’ standards tax-xogħol, ta’ pagamenti tas-sigurtà soċjali, ta’ obbligi tat-taxxa ta’ drittijiet tal-kredituri jew tal-azzjonisti ta’ minoranza jew ta’ regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati. Sabiex jiġu miġġielda abbużi possibbli bħal dawn, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE, l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li l-kumpaniji ma jużawx il-proċedura ta’ konverżjoni transkonfinali biex joħolqu arranġamenti artifiċjali mmirati biex jiksbu benefiċċji indebiti fuq it-taxxa jew jippreġudikaw b’mod indebitu d-drittijiet legali jew kuntrattwali tal-impjegati, tal-kredituri jew tal-membri. Sa fejn tikkostitwixxi deroga mil-libertà fundamentali, il-ġlieda kontra l-abbużi trid tiġi interpretata strettament u tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni individwali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas proċedurali u sostantiv li jiddeskrivi l-marġni ta’ diskrezzjoni u jippermetti d-diversità tal-approċċi tal-Istati Membri u fl-istess ħin jistipula r-rekwiżiti biex jiġu ssimplifikati l-azzjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali għall-ġlieda kontra l-abbużi f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

(8)It-twettiq ta’ konverżjoni transkonfinali jinvolvi tibdil f’forma ġuridika għal kumpanija bla ma tintilef il-personalità ġuridika tagħha. Madankollu, din m’għandhiex twassal għal ċirkomvenzjoni tar-rekwiżiti ta’ inkorporazzjoni fl-Istat Membru tad-destinazzjoni. Kundizzjonijiet bħal dawn, inkluż ir-rekwiżiti li jkun hemm uffiċċju prinċipali fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u rekwiżiti relatati mal-interdizzjoni ta’ diretturi, jenħtieġ li jiġu rrispettati bis-sħiħ minn kumpanija. Madankollu, l-applikazzjoni tat-tali kundizzjonijiet mill-Istat Membru tad-destinazzjoni tista ma taffettwax il-kontinwità tal-personalità ġuridika tal-kumpanija konvertita. Kumpanija tista’ tikkonverti fi kwalunkwe forma ġuridika li teżisti fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 49 TFUE.

(9)Fid-dawl tal-kumplessità tal-konverżjonijiet transkonfinali u l-firxa tal-interessi kkonċernati, huwa xieraq li jiġi pprevist kontroll ex ante biex tinħoloq iċ-ċertezza tad-dritt. Għal dak l-għan, jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura strutturata u mqassma fuq diversi saffi li biha l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kemm tat-tluq kif ukoll tad-destinazzjoni jiżguraw li deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-konverżjoni transkonfinali tittieħed b’mod ġust, oġġettiv u nondiskriminatorju fuq il-bażi tal-elementi rilevanti kollha u b’kunsiderazzjoni tal-interessi pubbliċi leġittimi kollha, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-impjegati, tal-membri u tal-kredituri.

(10)Biex fil-proċedura li tirregola konverżjoni transkonfinali jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati l-interessi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-kumpanija għandha tiddivulga l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali li jkun fih l-aktar informazzjoni importanti dwar il-konverżjoni transkonfinali proposta, inkluża l-forma prevista tal-kumpanija l-ġdida, l-istrument tal-istabbiliment u l-iskeda ta’ żmien proposta għall-konverżjoni. Il-membri, il-kredituri u l-impjegati tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali jenħtieġ li jiġu nnotifikati sabiex jippreżentaw kummenti fir-rigward tal-konverżjoni.

(11)Biex tipprovdi informazzjoni lill-membri, il-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali jenħtieġ li tħejji rapport. Ir-rapport jenħtieġ li jispjega u jissostanzja l-aspetti legali u ekonomiċi tal-konverżjoni transkonfinali proposta, b’mod partikolari l-implikazzjonijiet tal-konverżjoni transkonfinali għall-membri fir-rigward tan-negozju futur tal-kumpanija u l-pjan strateġiku tal-organu maniġerjali. Jenħieġ li jinkludi wkoll ir-rimedji potenzjali disponibbli għall-membri, f’każ li dawn ma jaqblux mad-deċiżjoni biex titwettaq konverżjoni transkonfinali. Ir-rapport jenħtieġ li jkun disponibbli wkoll għall-impjegati tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali.

(12)Sabiex tipprovi informazzjoni lill-impjegati tagħha, il-kumpanija li twettaq il-konverżjoni transkonfinali jenħtieġ li tfassal rapport li jispjega l-implikazzjonijiet tal-konverżjoni transkonfinali proposta għall-impjegati. Ir-rapport jenħtieġ li jispjega b’mod partikolari l-implikazzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali proposta fuq is-salvagwardja tal-impjiegi tal-impjegati, jekk hux se jkun hemm xi tibdil materjali fir-relazzjonijiet tal-impjieg u fil-lokalitajiet tal-post tan-negozju tal-kumpaniji, u kif kull wieħed minn dawn il-fatturi se jkun relatat ma’ kwalunkwe sussidjarja tal-kumpanija. Jenħtieġ li dan ir-rekwiżit ma japplikax meta l-uniċi impjegati tal-kumpanija jkunu biss fl-organu amministrattiv tagħha. L-għoti ta’ rapport jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-proċedimenti ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni applikabbli mnedija fil-livell nazzjonali wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 jew tad-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 43 .

(13)Biex tiġi vvalutata l-akkuratezza tal-informazzjoni li tinsab fl-abbozz tat-termini ta’ konverżjoni fir-rapporti indirizzati lill-membri u lill-impjegati u biex jiġu pprovduti l-elementi fattwali neċessarji għall-valutazzjoni ta’ jekk il-konverżjoni proposta tikkostitwixxix arranġament artifiċjali, jenħtieġ li jkun meħtieġ rapport ta’ espert indipendenti li għandu jkun ippreparat sabiex tiġi vvalutata l-konverżjoni transkonfinali. Biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-espert, l-espert jenħtieġ li jinħatar mill-awtorità kompetenti, wara applikazzjoni mill-kumpanija. F’dan il-kuntest, ir-rapport tal-espert jenħtieġ li jippreżenta l-informazjoni relevanti kollha sabiex l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tat-tluq tkun tista’ tieħu deċiżjoni infurmata dwar jekk toħroġx ċertifikat ta’ prekonverżjoni. Għal dan l-għan, l-espert jenħtieġ li jkun jista’ jikseb l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha tal-kumpanija u jwettaq l-investigazzjonijiet neċessarji kollha biex jiġbor l-evidenza meħtieġa kollha. L-espert jenħtieġ li juża l-informazzjoni, b’mod partikolari l-fatturat nett, u l-profitt u t-telf, l-għadd ta’ impjegati u t-tifsila tal-karta bilanċjali miġbura mill-kumpanija, minħabba l-preparazzjoni tar-rapporti finanzjarji skont id-dritt tal-Unjoni u l-liġi tal-Istati Membri. Madankollu, sabiex tiġi protetta kull informazzjoni kunfidenzjali, inklużi sigriet kummerċjali tal-kumpanija, tali informazzjoni jenħtieġ li ma tiffurmax parti mir-rapport finali tal-espert li minnu nnifsu jkun pubblikament disponibbli.

(14)Biex jiġu evitati spejjeż u piżijiet sproporzjonati għal kumpaniji iżgħar li jwettqu l-konverżjoni transkonfinali, l-intrapriżi mikro u żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE 44 jenħtieġ li jkunu eżentati mir-rekwiżit li jipproduċu rapport ta’ espert indipendenti. Madankollu, dawn il-kumpaniji jistgħu jmorru għal rapport ta’ espert indipendenti sabiex jevitaw l-ispejjez ta’ litigazzjoni mal-kredituri.

(15)Fuq il-bażi tal-abbozz tat-termini ta’ konverżjoni u tar-rapporti, fil-laqgħa ġenerali tal-membri tal-kumpanija jenħtieġ li jiġi deċiż dwar jekk jiġix approvat dan l-abbozz tat-termini. Huwa importanti li r-rekwiżit ta’ maġġoranza għal vot bħal dan jkun għoli biżżejjed sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjoni għall-konverżjoni tkun waħda kollettiva. Barra minn hekk il-membri jenħtieġ li jkollhom ukoll id-dritt li jivvotaw fuq kull l-arranġament li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-impjegati, jekk dawn ikunu rriżervaw dak id-dritt matul il-laqgħa ġenerali.

(16)Huwa xieraq li dawk il-membri li kellhom id-dritt tal-vot u li ma vvuttawx japprovaw l-abbozz tat-termini ta’ konverżjoni, u jenħtieġ li dawk il-membri mingħajr id-dritt tal-vot, li ma setgħux jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom, jingħataw id-dritt li joħorġu mill-kumpanija. Dawn il-membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jitilqu mill-kumpanija u jirċievu kumpens fi flus għall-ishma tagħhom ekwivalenti għall-valur tal-ishma tagħhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkollhom id-dritt li f’qorti jopponu l-kalkolu u l-adegwatezza tal-kumpens fi flus li ġew offruti.

(17)Il-kumpanija li twettaq il-konverżjoni transkonfinali jenħtieġ ukoll li fl-abbozz tat-termini ta’ konverżjoni tistabbilixxi miżuri sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-kredituri. Barra minn hekk, biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-kredituri fil-każ ta’ insolvenza ta’ kumpanija wara l-konverżjoni transkonfinali, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jobbligaw lill-kumpanija tagħmel dikjarazzjoni ta’ insolvenza li tistipula li hi ma taf bl-ebda raġuni għaliex il-kumpanija konvertita jaf ma tissodisfax l-obbligazzjonijiet tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jżommu lill-membri tal-organu maniġerjali personalment responsabbli għall-akkuratezza tad-dikjarazzjoni. Billi t-tradizzjonijiet legali jvarjaw bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-użu tad-dikjarazzjonijiet ta’ solvenza u tal-konsegwenzi possibbli tagħhom, jenħtieġ li jkun f’idejn l-Istati Membri li jfasslu l-konsegwenzi xierqa dwar l-għoti ta’ dikjarazzjonijiet ineżatti jew qarrieqa, inklużi sanzjonijiet u obbligazzjonijiet effettivi u proporzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

(18)Biex tiġi ggarantita l-protezzjoni xierqa tal-kredituri f’każijiet li fihom ma jkunux issodisfati bil-protezzjoni offruta mill-kumpanija fl-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali, il-kredituri jistgħu japplikaw mal-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru tat-tluq għas-salvagwardji adegwati. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-preġudizzju, ċertu preżunzjonijiet jenħtieġ li jiġu stipulati biex permezz tagħhom il-kredituri jittieħdu li ma humiex preġudikati minn konverżoni transkonfinali, fejn ir-risku ta’ telf għall-kreditur ikun remot. Jenħtieġ li tinħoloq preżunzjoni meta rapport ta’ espert indipendenti jikkonkludi li ma hemm ebda probabbiltà raġonevoli li l-kredituri jkunu preġudikati jew li l-kredituri jkunu offruti dritt ta’ ħlas fuq il-bażi ta’ kumpanija kkonvertita jew bażi ta’ terza persuna garanti b’valur ekwivalenti għall-pretensjoni oriġinali tal-kreditur u li tista’ tiġi ppreżentata fl-istess ġuriżdizzjoni bħal pretensjoni oriġinali. Il-protezzjoni tal-kredituri pprovduta f’din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali tal-Istat Membru tat-tluq rigward il-pagament lil korpi pubbliċi, inklużi t-tassazzjoni jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

(19)Biex jiġi żgurat li l-parteċipazzjoni tal-impjegati mhix ippreġudikata b’mod indebitu bħala riżultat tal-konverżjoni transkonfinali, fejn il-kumpanija li twettaq il-konverżjoni transkonfinali tkun qed topera taħt sistema ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati fl-Istat Membru tat-tluq, il-kumpanija jenħtieġ li tkun obbligata tieħu forma ġuridika li tippermetti l-eżerċizzju ta’ din il-parteċipazzjoni, inkluż permezz tal-preżenza ta’ rappreżentanti tal-impjegati fl-organu maniġerjali jew superviżorju xieraq tal-kumpanija fl-Istat Membru tad-destinazzjoni. Barra minn hekk, f’każ bħal dan jenħtieġ li jsiru negozjati bona fide bejn il-kumpanija u l-impjegati tagħha, b’mod li jsegwu l-proċedura prevista fid-Direttiva 2001/86/KE, bl-għan li tinstab soluzzjoni amikevoli li tirrikonċilja d-dritt tal-kumpanija li twettaq konverżjoni transkonfinali mad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati. Bħala riżultat tan-negozjati, jenħtieġ li tkun tapplika mutatis mutandis soluzzjoni mfassla apposta jew miftiehma jew, fin-nuqqas ta’ qbil, l-applikazjoni ta’ regoli standard kif stabbilit fl-Anness tad-Direttiva 2001/86/KE. Biex tiġi protetta s-soluzzjoni maqbula jew l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli standard, il-kumpanija jenħtieġ li ma tkunx tista’ tneħħi d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni billi twettaq diviżjoni domestika jew transkonfinali sussegwenti fi żmien tliet snin.

(20)Biex tipprevjeni ċ-ċirkomvenzjoni tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati permezz ta’ konverżjoni transkonfinali, il-kumpanija li tagħmel konverżjoni li hi rreġistrata fl-Istat Membru li jipprevedi d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati jenħtieġ li ma tkunx tista’ tagħmel konverżjoni transkonfinali mingħajr ma l-ewwel tidħol f’negozjati mal-impjegati tagħha jew ir-rappreżentatnti tagħhom meta l-għadd medju ta’ impjegati mħaddma minn din il-kumpanija jkun ekwivalenti għal tmenin fil-mija tal-livell limitu nazzjonali biex tiġi xprunata din il-parteċipazzjoni tal-impjegati.

(21)Biex tiġi żgurata allokazzjoni xierqa tal-kompiti bejn l-Istati Membri u kontroll ex ante effiċjenti u effettiv tal-konverżjonijiet transkonfinali, kemm l-Istat Membru tat-tluq kif ukoll dak tad-destinazzjoni jenħtieġ li jaħtar l-awtoritajiet kompetenti adegwati. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tat-tluq jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li joħorġu ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni li mingħajru l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jlestu l-proċedura ta’ konverżjoni transkonfinali.

(22)L-għoti taċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni mill-Istat Membru tat-tluq jenħtieġ li jiġi skrutinizzat sabiex tiġi żgurata l-legalità tal-konverżjoni transkonfinali tal-kumpanija. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tat-tluq jenħtieġ li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni taċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni fi żmien xahar mill-applikazzjoni mill-kumpanija, sakemm ma jkollhiex tħassib serju rigward l-eżistenza ta’ arranġament artifiċjali mmirat lejn il-kisba ta’ benefiċċji indebiti fuq it-taxxa jew li jippreġudika b’mod indebitu d-drittijiet legali jew kuntrattwali tal-impjegati, tal-kredituri jew tal-membri. F’każ bħal dan, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tagħmel valutazzjoni fil-fond. Madankollu jeħtieġ, li din il-valutazzjoni fil-fond ma ssirx b’mod sistematiku, iżda tkun valutazzjoni mwettqa skont il-każ, meta jkun hemm tħassib serju rigward l-eżistenza ta’ arranġament artifiċjali. L-awtoritajiet kompetenti għall-valutazzjoni tagħhom jenħtieġ li jqisu mill-inqas għadd ta’ fatturi stipulati f’din id-Direttiva, li madankollu għandhom jitqiesu biss bħala fatturi indikattivi fil-valutazzjoni globali u mhux jitqiesu iżolati. Biex ma jinxteħitx il-piż ta’ proċedura twila wisq fuq il-kumpaniji, din il-valutazzjoni fil-fond f’kull każ għandha tiġi konkluża fi żmien xahrejn minn mindu l-kumpanija tiġi infurmata li l-valutazzjoni fil-fond se titwettaq.

(23)Wara li jkunu rċivew ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni, u wara li jivverifikaw li r-rekwiżiti ta’ inkorporazzjoni fl-Istat Membru tad-destinazzjoni ntlaħqu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni jenħtieġ li jirreġistraw il-kumpanija fir-reġistru kummerċjali ta’ dak l-Istat Membru. Hu biss wara din ir-reġistrazzjoni li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tat-tluq jenħtieġ li tneħħi lill-kumpanija mir-reġistru tagħha. Ma għandux ikun possibbli li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni tikkontesta l-akkuratezza tal-informazzjoni pprovduta miċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni. Bħala konsegwenza tal-konverżjoni trankonfinali, il-kumpanija konvertita jenħtieġ li żżomm il-personalità ġuridika tagħha, l-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha u d-drittijiet u l-obbligi kollha, li jinkludu d-drittijiet u l-obbligi li jiġu mill-kuntratti, mill-atti jew mill-omissjonijiet.

(24)Biex jiġi previst il-livell xieraq ta’ trasparenza u għall-użu ta’ għodod u ta’ proċessi diġitali, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Mmebri ta’ tluq u ta’ destinazzjoni jenħtieġ li jiġu skambjati permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni b’mod pubbliku.

(25)L-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment minn kumpanija jinkludi wkoll il-possibbiltà li kumpanija tagħmel merger transkonfinali. Id-Direttiva 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tipprevedi fost l-oħrajn regoli biex ikunu jistgħu jsiru l-mergers transkonfinali ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti fi Stati Membri differenti. Dawn ir-regoli jirrappreżentaw stadju importanti fit-titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku għal kumpaniji billi jippermettulhom jeżerċitaw il-libertà tal-istabbiliment permezz ta’ mekkaniżmu ta’ merger transkonfinali.

(26)L-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-mergers transkonfinali fl-Istati Membri wriet li l-għadd ta’ mergers transkonfinali fl-Unjoni żdied b’mod sinifikanti. Madankollu, din l-evalwazzjoni kixfet ukoll ċerti nuqqasijiet relatati b’mod speċifiku mal-protezzjoni tal-kredituri u mal-protezzjoni tal-azzjonisti kif ukoll man-nuqqas ta’ proċeduri simplifikati li jxekklu l-effettività u l-effiċjenza sħaħ ta’ dawk ir-regoli dwar il-mergers transkonfinali.

(27)Fil-Komunikazzjoni intitolata “Naġġornaw is-Suq Uniku”: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji” 45 , il-Kummissjoni ħabbret li kienet se tivvaluta l-ħtieġa li jiġu aġġornati r-regoli eżistenti dwar il-mergers transkonfinali biex tagħmilha eħfef għall-SMEs jagħżlu l-istrateġija kummerċjali preferuta tagħhom u jadattaw aħjar għat-tibdiliet fil-kundizzjonijiet tas-suq, filwaqt li fl-istess ħin ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-impjiegi eżistenti. Fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017, It-twettiq bil-fatti ta’ Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi” 46 , il-Kummissjoni ħabbret inizjativa biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ mergers transkonfinali.

(28)Biex tkompli tissaħħaħ il-proċedura tal-mergers transkonfinali eżistenti, hemm bżonn li jiġu ssimplifikati dawk ir-regoli dwar il-mergers, fejn xieraq, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li l-partijiet ikkonċernati, u b’mod partikolari l-impjegati, huma protetti b’mod adegwat. Għaldaqstant, ir-regoli eżistenti dwar il-mergers transkonfinali jenħtieġ li jiġu mmodifikati biex jobbligaw lill-organi maniġerjali jew amministrattivi tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merġer jħejju rapporti separati li jispjegaw l-aspetti legali u ekonomiċi tal-merger transkonfinali kemm għall-membri kif ukoll għall-impjegati. L-obbligu fuq l-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija biex iħejji r-rapport għall-membri jista’ jiġi madankollu rrinunzjat, meta dawk il-membri jkunu diġà infurmati dwar l-aspetti legali u ekonomiċi tal-merger propost. Madankollu, ir-rapport imħejji għall-impjegati jista’ jiġi rrinunzjat biss meta l-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger u s-sussidjarji tagħhom ma jkollhom l-ebda impjegat minbarra dawk li jagħmlu parti mill-organu maniġerjali jew amministrattiv.

(29)Barra minn hekk, biex tissaħħaħ il-protezzjoni mogħtija lill-impjegati tal-kumpanija jew tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger, l-impjegati jew ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu jipprovdu l-opinjoni tagħhom dwar ir-rapport tal-kumpanija li jistabbilixxi l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali għalihom. Id-dispożizzjoni tar-rapport jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-proċedimenti ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni applikabbli mnedija fil-livell nazzjonali wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE 47 , id-Direttiva 2002/14/KE jew id-Direttiva 2009/38/KE.

(30)Id-diverġenzi fir-regoli kontabilistiċi jistgħu jxekklu l-operazzjoni tal-mergers transkonfinali u jistgħu jwasslu għal inċertezza tad-dritt fejn ikun hemm differenza fid-data li fiha t-tranżazzjonijiet tal-kumpanija akkwiżita jibdew jiġu ttrattati għal finijiet kontabilistiċi bħala dawk tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger bejn l-Istati Membri. Din tista’ twassal għal sitwazzjoni li fiha, matul żmien speċifiku, it-tranżazzjonijiet relatati mal-kumpanija li hija oġġett ta’ merger ma jiġux irrapportati affattu jew matul dak il-perjodu jkun hemm duplikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar għal dik il-kumpanija f’merger fl-Istat Membru oriġinali tagħha bħala entità kontabilistika separata u fl-Istat Membru tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger. Għaldaqstant, id-data kontabilistika jenħtieġ li tiġi ddeterminata skont regoli ċari u l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li din id-data tiġi ttrattata, għal finijiet kontabilistiċi, bħala data definita waħda mil-liġijiet nazzjonali għall-partijiet kollha għall-merger.

(31)In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tas-salvagwardji għall-membri jew għall-kredituri ġie identifikat bħala ostaklu għall-mergers transkonfinali minn partijiet ikkonċernati differenti. Il-membri u l-kredituri jenħtieġ li jiġu offruti l-istess livell ta’ protezzjoni, irrispettvament mill-Istati Membri fejn jinsabu l-kumpaniji f’merger. Dan hu mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-IstatI Membri dwar il-protezzjoni tal-kredituri jew tal-azzjonisti li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri armonizzati, bħar-rekwiżiti dwar it-trasparenza.

(32)Sabiex jiġi żgurat li l-membri tal-kumpaniji li jipparteċipaw f’merger transkonfinali jiġu ttratti l-istess, huwa xieraq li dawk il-membri li kellhom id-dritt tal-vot u li ma vvuttawx japprovaw l-abbozz komuni tat-termini ta’ merger, jew jenħtieġ li dawk il-membri mingħajr id-dritt tal-vot, li ma setgħux jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom, jingħataw id-dritt li joħorġu mill-kumpanija. Dawn il-membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jitilqu mill-kumpanija u jirċievu kumpens fi flus għall-ishma tagħhom ekwivalenti għall-valur tal-ishma tagħhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkollhom id-dritt li f’qorti jopponu l-kalkolu u l-adegwatezza tal-kumpens fi flus li ġew offruti. 

(33)Wara merger transkonfinali, l-ex kredituri tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger jistgħu jaraw il-pretensjonijiet tagħhom jonqsu fil-valur meta l-obbligazzjonijiet tal-kumpanija akkwirenti jaqbżu l-assi tagħha jew meta l-kumpanija li hija oġġett ta’ merger li tkun responsabbli għad-dejn tkun irregolata minn dak iż-żmien ’il quddiem mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor. Bħalissa, ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-kredituri jvarjaw bejn l-Istati Membri u dan iżid il-kumplessità fil-proċess ta’ mergers transkonfinali u jwassal għal inċertezza kemm għall-kumpaniji involuti kif ukoll għall-kredituri tagħhom fir-rigward tal-irkupru jew tal-assigurar tal-pretensjoni tagħhom.

(34)Il-kumpaniji involuti fil-fmergers transkonfinali jenħtieġ li jipproponu mezzi adegwati għall-protezzjoni tal-kredituri tagħhom fl-abbozz tat-termini komuni ta’ merger. Barra minn hekk, biex tissaħħaħ il-protezzjoni ta’ dawk il-kredituri fil-każ ta’ insolvenza wara l-merger transkonfinali, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jitolbu lill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger jagħmlu dikjarazzjoni ta’ solvenza li tistipula li huma ma jafu bl-ebda raġuni għaliex il-kumpanija li tirriżulta mill-merger jaf ma tissodisfax l-obbligazzjonijiet tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jżommu lill-membri tal-organu maniġerjali personalment responsabbli għall-akkuratezza ta’ din id-dikjarazzjoni. Billi t-tradizzjonijiet legali jvarjaw bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-użu tad-dikjarazzjonijiet ta’ solvenza u tal-konsegwenzi possibbli tagħhom, jenħtieġ li jkun f’idejn l-Istati Membri li jfasslu l-konsegwenzi xierqa dwar dikjarazzjonijiet ineżatti jew qarrieqa, inklużi sanzjonijiet u obbligazzjonijiet effettivi u proporzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

(35)Biex tiġi ggarantita l-protezzjoni xierqa tal-kredituri f’każijiet li fihom ma jkunux issodisfati bil-protezzjoni offruta mill-kumpanija fl-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali, il-kredituri li huma ppreġudikati mill-merger transkonfinali jistgħu japplikaw mal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti ta’ kull Stat Membru tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger għal salvagwardji li jqisu adegwati. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-preġudizzju, ċertu preżunzjonijiet jenħtieġ li jiġu stipulati biex permezz tagħhom il-kredituri jittieħdu li ma humiex preġudikati minn merger transkonfinali, fejn ir-risku ta’ telf għall-kreditur ikun remot. Preżunzjoni jenħtieġ li tinħoloq meta l-espert indipendenti jikkonkludi li ma hemm ebda probabbiltà raġonevoli li l-kredituri jkunu preġudikati jew li l-kredituri jkunu offruti dritt ta’ ħlas li jagħmlu tajjeb għaliha kumpanija li hija oġġett ta’ merger jew terza persuna garanti b’valur ekwivalenti għall-pretensjoni oriġinali tal-kreditur, u li tista’ tiġi ppreżentata fl-istess ġuriżdizzjoni bħal pretensjoni oriġinali.

(36)Id-dritt tal-Unjoni eżistenti ma jipprevedix qafas legali għad-diviżjojnijiet transkonfinali tal-kumpaniji jew tad-ditti, billi d-Direttiva (UE) 2017/1132 tipprevedi biss ir-regoli tal-Kapitlu III għad-diviżjonijiet domestiċi tal-kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata.

(37)Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummisjoni biex tadotta regoli armonizzati dwar id-diviżjonijiet transkonfinali. Dan il-qafas legali armonizzat ikompli jikkontribwixxi għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet dwar il-libertà tal-istabbiliment waqt li fl-istess ħin jipprovdi protezzjoni adegwata għall-partijiet kkonċernati bħall-impjegati, il-kredituri u l-membri.

(38)Din id-direttiva tistabbilixxi r-regoli dwar id-diviżjonijiet transkonfinali, kemm għad-diviżjonijiet parzjali kif ukoll għal dawk sħaħ, iżda permezz tal-ħolqien ta’ kumpaniji ġodda biss. Madankollu, din id-direttiva ma tipprevedix qafas armonizzat għad-diviżjonijiet transkonfinali li fihom kumpanija tittrasferixxi assi u obbligazzjonijiet għand aktar minn kumpanija waħda eżistenti, billi dawn l-attivitajiet huma meqjusa bħala estremament kumplessi, li jeħtieġu l-involviment tal-awtortitajiet kompetenti minn diversi Stati Membri u li jinvolvu riskji addizzjonali f’termini ta’ frodi u ta’ ċirkomvenzjoni ta’ dawn ir-regoli.

(39)Fil-każ ta’ diviżjoni transkonfinali li tinvolvi l-kumpaniji reċipjenti fformati ġodda, dawn il-kumpaniji reċipjenti, li huma regolati mil-liġijiet ta’ Stati Membri li mhumiex dawk tal-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża, jenħtieġ li jkunu obbligati jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ inkorporazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri. It-tali kundizzjonijiet jinkludu dawk relatati mal-interdizzjoni ta’ diretturi.

(40)Id-dritt tal-kumpaniji li jwettqu diviżjoni transkonfinali jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jintuża għal finijiet abbużivi bħaċ-ċirkomvenzjoni ta’ standards tax-xogħol, ta’ pagamenti tas-sigurtà soċjali, ta’ obbligi tat-taxxa, ta’ drittijiet jew ta’ regoli tal-kredituri jew tal-membri dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati. Sabiex jiġu miġġielda abbużi bħal dawn, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE, l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li l-kumpaniji ma jużawx il-proċedura ta’ diviżjoni transkonfinali biex joħolqu arranġamenti artifiċjali mmirati biex jiksbu benefiċċji indebiti fuq it-taxxa jew jippreġudikaw b’mod indebitu d-drittijiet legali jew kuntrattwali tal-impjegati, tal-kredituri jew tal-membri. Sa fejn tikkostitwixxi deroga mil-libertà fundamentali, il-ġlieda kontra l-abbużi trid tiġi interpretata strettament u trid tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni individwali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas proċedurali u sostantiv li jiddeskrivi l-marġni ta’ diskrezzjoni u jippermetti d-diversità tal-approċċi tal-Istati Membri u fl-istess ħin jistipula r-rekwiżiti biex jiġu ssimplifikati l-azzjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali għall-ġlieda kontra l-abbużi f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

(41)Fid-dawl tal-kumplessità tad-diviżjonijiet transkonfinali u l-firxa tal-interessi kkonċernati, huwa xieraq li jiġi pprevist kontroll ex ante biex tinħoloq iċ-ċertezza tad-dritt. Għal dan l-għan, jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura strutturata u mqassma fuq diversi saffi li biha l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża u tal-Istat Membru tal-kumpaniji reċipjenti jiżguraw li deċiżjoni dwar l-approvazzjoni ta’ diviżjoni transkonfinali tittieħed b’mod ġust, oġġettiv u nondiskriminatorju fuq il-bażi tal-elementi rilevanti kollha u b’kunsiderazzjoni tal-interessi pubbliċi leġittimi kollha, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-impjegati, tal-azzjonisti u tal-kredituri.

(42)Biex ikunu jistgħu jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jenħtieġ li tiddivulga l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni li jkun fih l-aktar informazzjoni importanti dwar id-diviżjoni transkonfinali proposta, inklużi l-proporzjon ta’ skambju ta’ titoli ta’ sigurtà jew ta’ ishma previst, l-istrumenti tat-twaqqif tal-kumpaniji reċipjenti u l-iskeda ta’ żmien proposta għad-diviżjoni transkonfinali. Il-membri, il-kredituri u l-impjegati tal-kumpanija li tagħmel id-diviżjoni transkonfinali jenħtieġ li jiġu nnotifikati li huma jistgħu jippreżentaw kummenti fir-rigward tad-diviżjoni.

(43)Biex tipprovdi informazzjoni lill-membri tagħha, il-kumpanija li qed tiġi diviża jenħtieġ li tħejji rapport. Ir-rapport jenħtieġ li jispjega u jissostanzja l-aspetti legali u ekonomiċi tad-diviżjoni transkonfinali proposta, b’mod partikolari billi jispjega l-implikazzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali għall-membri fir-rigward tan-negozju futur tal-kumpanija u l-pjan strateġiku tal-organu tal-maniġment. Jenħtieġ li jinkludi wkoll spjegazzjonijiet dwar il-proporzjon ta’ skambju, fejn applikabbli, u l-kriterji biex jiġu ddeterminati l-allokazzjoni tal-ishma u r-rimedji potenzjali disponibbli għall-membri, jekk dawn ma jaqblux mad-deċiżjoni li ssir diviżjoni transkonfinali.

(44)Biex tipprovdi informazzjoni lill-impjegati tagħha, il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jenħtieġ li tħejji rapport li jispjega l-implikazzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali għall-impjegati. Ir-rapport jenħtieġ li jispjega b’mod partikolari l-implikazzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali proposta fuq is-salvagwardja tal-impjiegi tal-impjegati, jekk hux se jkun hemm xi tibdil materjali fil-kundizzjonijiet tal-impjieg u fil-lokalitajiet tal-post tan-negozju tal-kumpaniji, u kif kull wieħed minn dawn il-fatturi se jkun relatat ma’ kwalunkwe sussidjarja tal-kumpanija. Id-dispożizzjoni tar-rapport jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-proċedimenti ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni applikabbli mnedija fil-livell nazzjonali wara l-implimentazzjoni tad-Direttivi 2001/23/KE, 2002/14/KE jew 2009/38/KE.

(45)Biex tiġi żgurata l-akkuratezza tal-informazzjoni li tinsab fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni u fir-rapporti indirizzati lill-membri u lill-impjegati, u biex jiġu pprovduti l-elementi fattwali neċessarji għall-valutazzjoni ta’ jekk id-diviżjoni proposta tikkostitwixxix arranġament artifiċjali li ma jistax jiġi awtorizzat, għandu jkun meħtieġ rapport ta’ espert indipendenti biex jiġi vvalutat il-pjan tad-diviżjoni. Biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-espert, l-espert jenħtieġ li jinħatar mill-awtorità kompetenti, wara applikazzjoni mill-kumpanija. F’dan il-kuntest, ir-rapport tal-espert jenħtieġ li jippreżenta l-informazzjoni kollha relevanti sabiex l-awtorità kompetenti, ta’ Stat Membru ta’ kumpanija li tkun qed tiġi diviża, tkun tista’ tieħu deċiżjoni infurmata dwar jekk għandhiex toħroġ ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni. Għal dan l-għan, l-espert jenħtieġ li jakkwista l-informazzjoni u d-dokumenti kollha relevanti tal-kumpanija u jwettaq l-invertigazzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġbor l-evidenza neċessarja. L-espert jenħtieġ li juża l-informazzjoni, b’mod partikolari l-fatturat nett, u l-profitt u t-telf, l-għadd ta’ impjegati u t-tifsila tal-karta bilanċjali miġbura mill-kumpanija, minħabba l-preparazzjoni tar-rapporti finanzjarji skont id-dritt tal-Unjoni u l-liġi tal-Istati Membri. Madankollu, sabiex tiġi protetta kull informazzjoni kunfidenzjali, inklużi sigriet kummerċjali tal-kumpanija, tali informazzjoni jenħtieġ li ma tiffurmax parti mir-rapport finali tal-espert li minnu nnifsu jkun pubblikament disponibbli.

(46)Biex jiġu evitati spejjeż u piżijiet sproporzjonati għal kumpaniji iżgħar li jwettqu diviżjoni transkonfinali, l-intrapriżi mikro u żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 jenħtieġ li jkunu eżentati mir-rekwiżit li jkollhom jipproduċu rapport ta’ espert indipendenti.

(47)Fuq il-bażi tal-abbozz tat-termini ta’ diviżjoni transkonfinali u tar-rapporti, fil-laqgħa ġenerali tal-membri tal-kumpanija li qed tiġi diviża jenħtieġ li jiġi deċiż dwar jekk jiġix approvat dan l-abbozz tat-termini. Huwa importanti li r-rekwiżit ta’ maġġoranza għal vot bħal dan jkun għoli biżżejjed sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjoni għad-diviżjoni tkun waħda kollettiva.

(48)Huwa xieraq li l-membri li kellhom id-dritt tal-vot u li ma vvutawx japprovaw l-abbozz tat-termini ta’ diviżjoni transkonfinali, u jenħtieġ li dawk il-membri mingħajr id-dritt tal-vot, li ma setgħux jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom, jingħataw id-dritt li joħorġu mill-kumpanija. Dawn il-membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jitilqu mill-kumpanija u jirċievu kumpens fi flus għall-ishma tagħhom ekwivalenti għall-valur tal-ishma tagħhom. Barra minn hekk, huma jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jikkuntestaw il-kalkolu u l-adegwatezza ta’ dan il-kumpens offrut fi flus kif ukoll li jaqsmu l-proporzjon ta’ skambju meta jkunu jixtiequ jibqgħu membri ta’ xi kumpanija reċipjenti quddiem qorti. Bħala parti minn dawn il-proċedimenti, il-qorti jenħtieġ li tkun tista’ tordna lil kwalunkwe kumpanija involuta fid-diviżjoni transkonfinali biex jew tħallas il-kumpens addizzjonali fi flus jew inkella toħroġ ishma addizzjonali.

(49)Il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jenħtieġ li tipproponi fl-abbozz tat-termini mezzi adegwati biex tipproteġi lill-kredituri fid-dawl tad-diviżjoni transkonfinali. Barra minn hekk, biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-kredituri fil-każ ta’ insolvenza wara d-diviżjoni transkonfinali, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jitolbu lill-kumpanija tagħmel dikjarazzjoni li tistipula li hi ma taf bl-ebda raġuni għaliex il-kumpanija konvertita jaf ma tissodisfax l-obbligazzjonijiet tagħha. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jżommu lill-organu maniġerjali personalment responsabbli għall-akkuratezza tad-dikjarazzjoni. Billi t-tradizzjonijiet legali jvarjaw bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ solvenza u tal-konsegwenzi possibbli tagħhom, għandu jkun f’idejn l-Istati Membri li jfasslu l-konsegwenzi xierqa ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew qarrieqa, inklużi sanzjonijiet u obbligazzjonijiet f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

(50)Sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni xierqa tal-kredituri f’każijiet li fihom ma jkunux issodisfati bil-protezzjoni offruta mill-kumpanija fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, il-kredituri li jkunu ppreġudikati mid-diviżjoni transkonfinali jistgħu japplikaw mal-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża għas-salvagwardji li huma jqisu adegwati. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-preġudizzju, ċertu preżunzjonijiet jenħtieġ li jiġu stipulati biex permezz tagħhom il-kredituri jittieħdu li ma humiex preġudikati minn diviżjoni transkonfinali, fejn ir-risku ta’ telf għall-kreditur ikun remot. Preżunzjoni jenħtieġ li tinħoloq meta rapport ta’ espert indipendenti jikkonkludi li ma hemm ebda probabbiltà raġonevoli li l-kredituri jkunu preġudikati jew li l-kredituri jkunu offruti dritt ta’ ħlas fuq il-bażi ta’ kumpanija li tirriżulta mid-diviżjoni jew fuq il-bażi ta’ terza persuna garanti b’valur ekwivalenti għall-pretensjoni oriġinali tal-kreditur u li tista’ tiġi ppreżentata fl-istess ġuriżdizzjoni bħal pretensjoni oriġinali. Il-protezzjoni tal-kredituri pprovduta f’din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali tal-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża rigward il-pagament lil korpi pubbliċi, inklużi t-tassazzjoni jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

(51)Biex jiġu żgurati l-allokazzjoni xierqa tal-kompiti bejn l-Istati Membri u kontroll ex ante effiċjenti u effettiv tad-diviżjonijiet transkonfinali, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jenħtieġ li jkollha s-setgħa li toħroġ ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni li mingħajru l-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti ma għandhomx ikunu jistgħu jlestu l-proċedura ta’ diviżjoni transkonfinali.

(52)L-għoti taċ-ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni mill-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża jenħtieġ li jiġi skrutinizzat sabiex tiġi żgurata l-legalità tad-diviżjoni transkonfinali. L-awtorità kompetenti jenħtieġ li tiddeċiedi jekk toħroġx ċertifikat ta’ qabel id-diviżjon fi żmien xahar mindu tiġi sottomessa l-applikazzjoni mill-kumpanija, sakemm ma jkollhiex tħassib serju rigward l-eżistenza ta’ arranġament artifiċjali mmirat lejn il-kisba ta’ benefiċċji indebiti fuq it-taxxa jew li jippreġudika b’mod indebitu d-drittijiet legali jew kuntrattwali tal-impjegati, tal-kredituri jew tal-membri. F’każ bħal dan, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tagħmel valutazzjoni fil-fond. Madankollu jeħtieġ, li din il-valutazzjoni fil-fond ma ssirx b’mod sistematiku, iżda tkun valutazzjoni mwettqa skont il-każ, meta jkun hemm tħassib serju rigward l-eżistenza ta’ arranġament artifiċjali. L-awtoritajiet kompetenti għall-valutazzjoni tagħhom jenħtieġ li jqisu mill-inqas għadd ta’ fatturi stipulati f’din id-Direttiva, li madankollu għandhom jitqiesu biss bħala fatturi indikattivi fil-valutazzjoni globali u mhux jitqiesu iżolati. Biex ma jinxteħitx il-piż ta’ proċedura twila wisq fuq il-kumpaniji, din il-valutazzjoni fil-fond f’kull każ jenħtieġ li tiġi konkluża fi żmien xahrejn minn mindu l-kumpanija tiġi infurmata li l-valutazzjoni fil-fond se titwettaq.

(53)Wara li jkunu rċivew ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni, u wara li jivverifikaw li r-rekwiżiti ta’ inkorporazzjoni tal-Istat Membru tal-kumpanija jew tal-kumpaniji reċipjenti ntlaħqu, l-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-kumpaniji reċipjenti jenħtieġ li jirreġistraw il-kumpaniji fir-reġistri kummerċjali ta’ dak l-Istat Membru. Hu biss wara din ir-reġistrazzjoni li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża jenħtieġ li tneħħi lill-kumpanija mir-reġistru tagħha. L-akkuratezza tal-informazzjoni pprovduta miċ-ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti.

(54)Bħala konsegwenza tad-diviżjoni transkonfinali, l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jenħtieġ li jiġu ttrasferiti lill-kumpaniji reċipjenti skont l-allokazzjoni speċifikata fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni u l-membri tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandhom isiru membri tal-kumpaniji reċipjenti jew jibqgħu membri fil-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jew isiru membri tat-tnejn.

(55)Biex jiġi żgurat li l-parteċipazzjoni tal-impjegati mhix ippreġudikata b’mod indebitu bħala riżultat tad-diviżjoni transkonfinali, fejn il-kumpanija li twettaq id-diviżjoni transkonfinali tkun qed topera taħt sistema ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati, il-kumpaniji li jirriżultaw mid-diviżjoni jenħtieġ li jkunu obbligati jieħdu forma ġuridika li tippermetti l-eżerċizzju tal-parteċipazzjoni, inkluż permezz tal-preżenza ta’ rappreżentanti tal-impjegati fl-organi maniġerjali jew superviżorji xierqa tal-kumpaniji. Barra minn hekk, f’każ bħal dan jenħtieġ li jsiru negozjati bona fide bejn il-kumpanija u l-impjegati tagħha, b’mod li jsegwu l-proċedura prevista fid-Direttiva 2001/86/KE, bl-għan li tinstab soluzzjoni amikevoli li tirrikonċilja d-dritt tal-kumpanija li twettaq diviżjoni transkonfinali mad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati. Bħala riżultat tan-negozjati, jenħtieġ li tkun tapplika mutatis mutandis soluzzjoni mfassla apposta jew miftiehma jew, fin-nuqqas ta’ qbil, l-applikazjoni ta’ regoli standard kif stabbilit fl-Anness tad-Direttiva 2001/86/KE. Biex tiġi protetta s-soluzzjoni maqbula jew l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli standard, il-kumpanija jenħtieġ li ma tkunx tista’ tneħħi d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni billi twettaq konverżjonijiet, mergers, diviżjonijiet domestiċi jew transkonfinali sussegwenti fi żmien tliet snin.

(56)Biex tipprevjeni ċ-ċirkomvenzjoni tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati permezz ta’ diviżjoni transkonfinali, il-kumpanija li tagħmel diviżjoni li hi rreġistrata fl-Istat Membru li jipprevedi d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati jenħtieġ li ma tkunx tista’ tagħmel diviżjoni transkonfinali mingħajr ma l-ewwel tidħol f’negozjati mal-impjegati tagħha jew ir-rappreżentatnti tagħhom meta l-għadd medju ta’ impjegati mħaddma minn din il-kumpanija jkun ekwivalenti għal tmenin fil-mija tal-livell limitu nazzjonali biex tiġi xprunata din il-parteċipazzjoni tal-impjegati.

(57)Sabiex jiġu garantiti d-drittijiet tal-impjegati ħlief dawk tal-parteċipazzjoni, id-Direttiva 2009/38/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE 48 , id-Direttiva 2001/23/KE, u d-Direttiva 2002/14/KE, ma humiex affettwati minn din id-Direttiva. Il-liġijiet nazzjonali jenħtieġ li japplikaw ukoll għal kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva bħat-taxxa jew is-sigurtà soċjali.

(58)Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jaffettwawx id-dispożizzjonijiet legali jew aministrattivi, inkluż l-infurzar tar-regoli tat-taxxa f’konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali, tad-dritt nazzjonali li għandu x’jaqsam mat-taxxi tal-Istati Membri, jew is-sottodiviżjonijiet territorjali jew amministrattivi tagħhom.

(59)Din id-Direttiva ma taffettwax id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 49 li jindirizzaw ir-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, b’mod partikolari l-obbligi relatati mat-twettiq tal-miżuri xierqa tad-diliġenza dovuta tal-klijent fuq bażi ta' sensittività għar-riskju u għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni tas-sid benefiċjarju ta’ xi entità ġdida li tinħoloq fi Stat Membru fejn tiġi inkorporata.

(60)Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu ffaċilitati u rregolati l-konverżjonijiet, il-mergers u d-diviżjonijiet transkonfinali, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif inhu stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tilħaq dawk l-objettivi.

(61)Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(62)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 50 , l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hi ġustifikata.

(63)Il-Kummissjoni jeħtieġ li twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva. Skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar Regolamentazzjoni Aħjar, tat-13 ta’ April 2016 51 , din l-evalwazzjoni jenħtieġ li tkun msejsa fuq ħames kriterji, tal-effiċenza, tal-effettività, tar-relevanza, tal-koerenza u tal-valur miżjud, u jenħtieġ li tipprovdi l-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri possibbli oħra.

(64)L-informazzjoni jenħtieġ li tinġabar sabiex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-leġiżlazzjoni apparagun tal-objettivi li trid tilħaq, u bħala tagħtif għal evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar Regolamentazzjoni Aħjar tat-13 ta’ April 2016.

(65)Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva (UE) 2017/1132 tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva (UE) 2017/1132

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 hi emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 24, il-punt (e) hu ssostitwit b’dan li ġej:

“(e) il-lista dettaljata ta' data li għandha tiġi trażmessa għall-iskop ta' skambju ta' informazzjoni bejn ir-reġistri, kif imsemmija fl-Artikoli 20, 34, 86h, 86o, 86p, 86q, 123, 127, 128, 130, 160j, 160q, 160r u 160s”;

(2)it-titolu tat-Titolu II hu ssostitwit b’dan li ġej:

“KONVERŻJONIJIET, MERGERS U DIVIŻJONIJIET TA’ KUMPANIJI B'RESPONSABBILTÀ LIMITATA”;

(3)fit-Titolu II, jiddaħħal il-Kapitolu - I li ġej:

“KAPITOLU - I

Konverżjonijiet transkonfinali

Artikolu 86a
Kamp ta' applikazzjoni

1.Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-konverżjoni ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata fformata f’konformità mal-liġi ta’ Stat Membru u bl-uffiċċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew is-sede prinċipali tan-negozju tagħha fl-Unjoni, għal kumpanija regolata bil-liġi ta’ Stat Membru ieħor.

2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jistabbilixxu proċedura għal konverżjoni transkonfinali msemmija fil-paragrafu 1.

3.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan il-Kapitolu għall-konverżjonijiet transkonfinali li jkunu jinvolvu soċjetà koperattiva anki fil-każijiet fejn din tal-aħħar tkun taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “kumpanija b’responsabbiltà limitata” kif stabbilit fl-Artikolu 86a(1).

4.Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għall-konverżjonijiet transkonfinali li jinvolvu kumpanija li l-għan tagħha hu l-investiment kollettiv ta’ kapital ipprovdut mill-pubbliku, li topera bil-prinċipju ta’ tifrix tar-riskju u li l-unitajiet tagħha jkunu, fuq it-talba tad-detenturi, riakkwistati jew mifdija, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dik il-kumpanija. Azzjoni meħuda minn kumpanija bħal din, sabiex jiġi żgurat li l-valur tal-unitajiet tagħha fuq il-borża ma jvarjax b’mod sinifikanti mill-valur nett tal-assi tagħha għandha titqies bħala ekwivalenti għal riakkwist jew fidi.

Artikolu 86b
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

(1)“kumpanija b’responsabbiltà limitata” minn hawn ’il quddiem imsejħa “kumpanija”, tfisser kumpanija tat-tip elenkata fl-Anness II;

(2)“konverżjoni transkonfinali” tfisser operazzjoni li biha kumpanija, bla ma tiġi xolta, tiġi stralċata jew tidħol f’likwidazzjoni, tikkonverti l-forma ġuridika li biha hi rreġistrata fi Stat Membru tat-tluq f’forma ġuridika ta’ kumpanija ta’ Stat Membru tad-destinazzjoni, u tittrasferixxi tal-anqas l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Istat Membru tad-destinazzjoni filwaqt li żżomm il-personalità ġuridika tagħha;

(3)“Stat Membru tat-tluq” tfisser Stat Membru li fih kumpanija hi reġistrata fil-forma ġuridika tagħha qabel il-konverżjoni transkonfinali;

(4)“Stat Membru tad-destinazzjoni” tfisser Stat Membru li fih kumpanija għandha tkun reġistrata bħala riżultat tal-konverżjoni transkonfinali;

(5)“reġistru” tfisser ir-reġistru ċentrali, kummerċjali jew tal-kumpaniji msemmi fl-Artikolu 16(1);

(6)“kumpanija konvertita” tfisser il-kumpanija fformata ġdida fl-Istat Membru tad-destinazzjoni mid-data li fiha tidħol fis-seħħ il-konverżjoni transkonfinali.

Artikolu 86c
Kundizzjonijiet relatati mal-konverżjonijiet transkonfinali

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta kumpanija jkun biħsiebha twettaq konverżjoni transkonfinali, l-Istati Membri tat-tluq u tad-destinazzjoni jivverifikaw li l-konverżjoni transkonfinali tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2.

2.Kumpanija ma għandha tkun intitolata tagħmel konverżjoni transkonfinali fl-ebda waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)ikunu tnedew proċedimenti għall-istralċ, għal-likwidazzjoni, jew għall-insolvenza ta’ dik il-kumpanija;

(b)il-kumpanija tkun soġġetta għal proċedimenti preventivi ta’ ristrutturar imnedija minħabba l-probabbiltà ta’ insolvenza;

(c)tkun għaddejja s-sospensjoni tal-pagamenti;

(d)il-kumpanija hi soġġetta għal għodod, għal setgħat u għal mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*);

(e)ittieħdu miżuri preventivi mill-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi evitat il-bidu tal-proċedimenti msemmija fil-punti (a), (b) jew (d).

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tat-tluq ma għandhiex tawtorizza l-konverżjoni transkonfinali meta tiddetermina, wara eżami tal-każ speċifiku u b’kunsiderazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li din tikkostitwixxi arranġament artifiċjali li għandu l-għan li jikseb benefiċċji indebiti fuq it-taxxa jew li jippreġudika b’mod indebitu d-drittijiet legali jew kuntrattwali tal-impjegati, tal-kredituri jew tal-membri ta’ minoranza. 

4.Il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tat-tluq għandha tirregola dik il-parti tal-proċeduri u l-formalitajiet li għandhom jiġu rrispettati b’rabta mal-konverżjoni transkonfinali biex jinkiseb ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni, u l-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tirregola dik il-parti tal-proċeduri u l-formalitajiet li għandhom jiġu rrispettati wara l-wasla taċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

Artikolu 86d
L-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali

1.L-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija li jkun biħsiebha twettaq konverżjoni transkonfinali għandu jfassal l-abbozz tat-termini ta’ konverżjoni transkonfinali. L-abbozz tat-termini ta’ konverżjoni transkonfinali għandu jinkludi tal-anqas dawn li ġejjin:

(a)il-forma ġuridika, l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija fl-Istat Membru tat-tluq;

(b)il-forma ġuridika, l-isem u l-post tal-uffiċċju reġistrat propost għall-kumpanija li tirriżulta mill-konverżjoni transkonfinali fl-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(c)l-istrument jew l-istrumenti tat-twaqqif ta’ kumpanija fl-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(d)l-iskeda ta’ żmien proposta għall-konverżjoni transkonfinali;

(e)id-drittijiet mogħtija mill-kumpanija konvertita lill-membri li jgawdu drittijiet speċjali jew lid-detenturi ta’ titoli li mhumiex ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpanija, jew il-miżuri proposti li jikkonċernawhom;

(f)id-dettalji tas-salvagwardji offruti lill-kredituri;

(g)id-data li minnha t-transazzjonijiet tal-kumpanija fformata u reġistrata fl-Istat Membru tat-tluq se jiġu ttrattati għal finijiet kontabilistiċi bħala dawk tal-kumpanija konvertita;

(h)kwalunkwe vantaġġ speċjali mogħti lill-membri tal-organu amministrattiv, maniġerjali, superviżorju jew ta’ kontroll tal-kumpanija konvertita;

(i)id-dettalji tal-offerta ta’ kumpens fi flus għall-membri li jopponu l-konverżjoni transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 86j;

(j)ir-riperkussjonijiet probabbli tal-konverżjoni transkonfinali fuq l-impjiegi

(k)fejn xieraq, informazzjoni dwar il-proċeduri li bihom jiġu ddeterminati arranġamenti għall-involviment tal-impjegati fid-definizzjoni tad-drittijiet tagħhom li jipparteċipaw fil-kumpanija konvertita huma ddeterminati skont mal-Artikolu 86l u fuq l-għażliet possibbli għat-tali arranġamenti.

2.Minbarra l-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri tat-tluq u tad-destinazzjoni, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-kumpanija li tkun qed twettaq il-konverżjoni transkonfinali li tuża lingwa li komunement hija użata fl-isfera tan-negozju u tal-finanzi internazzjonali sabiex tfassal l-abbozz tat-termini ta’ konverżjoni transkonfinali u tad-dokumenti relatati l-oħra kollha. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw liema lingwa se tipprevali f’każ ta’ diskrepanzi identifikati bejn il-verżjonijiet lingwisitċi differenti ta’ dawk id-dokumenti.

Artikolu 86e
Rapport tal-organu maniġerjali jew amministrattiv lill-membri

1.L-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija li twettaq il-konverżjoni transkonfinali għandu jfassal rapport li jispjega u jiġġustifika l-aspetti legali u ekonomiċi tal-konverżjoni transkonfinali.

2.Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jispjega b’mod partikolari dan li ġej:

(a)l-implikazzjonijiet tal-konverżjoni transkonfinali fuq in-negozju futur tal-kumpanija u fuq il-pjan strateġiku tal-maniġment;

(b)l-implikazzjonijiet tal-konverżjoni transkonfinali għall-membri;

(c)id-drittijiet u r-rimedji disponibbli għall-membri li jopponu l-konverżjoni f’konformità mal-Artikolu 86j.

3.Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri, tal-anqas b’mod elettroniku, mhux anqas minn xahrejn qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86i. Dan ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni b’mod simili wkoll tar-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija li twettaq il-konverżjoni transkonfinali jew, fejn ma jkun hemm ebda rappreżentant bħal dan, għad-dispożizzjoni tal-impjegati nfushom.

4.Madankollu, dan ir-rapport m’għandux ikun meħtieġ meta l-membri kollha tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali jkunu qablu li jirrinunzjaw għal dan ir-rekwiżit.

Artikolu 86f
Rapport tal-organu maniġerjali jew amministrattiv lill-impjegati

1.L-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija li twettaq il-konverżjoni transkonfinali għandu jfassal rapport li jispjega l-implikazzjonijiet tal-konverżjoni transkonfinali għall-impjegati.

2.Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jispjega b’mod partikolari dan li ġej:

(a)l-implikazzjonijiet tal-konverżjoni transkonfinali fuq in-negozju futur tal-kumpanija u fuq il-pjan strateġiku tal-maniġment;

(b)l-implikazzjonijiet tal-konverżjoni transkonfinali għas-salvagwardja tar-relazzjonijiet tax-xogħol;

(c)kwalunkwe tibdil materjali fil-kundizzjonijiet tal-impjieg u fil-lokalitajiet tal-post tan-negozju tal-kumpanija;

(d)jekk il-fatturi stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) humiex relatati wkoll ma’ xi sussidjarja tal-kumpanija.

3.Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni, tal-anqas b’mod elettroniku, tar-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija li twettaq il-konverżjoni transkonfinali jew, fejn ma jkun hemm l-ebda rappreżentant bħal dan, tal-impjegati nfushom mhux anqas minn xahrejn qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86i. B’mod simili, dan ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni wkoll tal-membri tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali.

4.Meta l-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali jirċievi opinjoni fil-ħin mingħand ir-rappreżentanti tal-impjegati tiegħu jew, fejn ma jkun hemm l-ebda rappreżentant bħal dan, mingħand l-impjegati nfushom, kif previst fil-liġi nazzjonali, il-membri għandhom ikunu informati dwar dan u dik l-opinjoni għandha tiġi mehmuża ma’ dak ir-rapport.

5.Madankollu, meta kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali u s-sussidjarji tagħha, jekk ikun hemm, ma jkollhom l-ebda impjegat minbarra dawk li jagħmlu parti mill-organu maniġerjali jew amministrattiv, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 m’għandux ikun meħtieġ.

6.Il-paragrafi minn 1 sa 6 huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-proċedimenti ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni applikabbli, medija fil-livell nazzjonali wara t-traspożizzjoni tad-Direttivi 2002/14/KE jew 2009/38/KE.

Artikolu 86g
Eżami minn espert indipendenti

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija li twettaq il-konverżjoini transkonfinali tapplika, mhux anqas minn xahrejn qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86i, mal-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 86m(1), biex taħtar espert biex jeżamina u jivvaluta l-abbozz ta’ termini tal-konverżjoni transkonfinali kif ukoll ir-rapporti msemija fl-Artikoli 86e u 86f, soġġett għall-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

L-applikazzjoni għall-ħatra ta’ espert għandha tkun akkumpanjata b’li ġej:

(a)l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali msemmi fl-Artikolu 86d;

(b)ir-rapporti msemmija fl-Artikoli 86e u 86f.

2.L-awtorità kompetenti għandha taħtar espert indipendenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mill-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u mill-wasla tal-abbozz tat-termini u tar-rapporti. L-espert għandu jkun indipendenti mill-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali u jista’ jkun persuna fiżika jew ġuridika skont il-liġi tal-Istat Membru tat-tluq. L-Istati Membri għandhom iqisu, meta jivvalutaw l-indipendenza tal-espert, il-qafas stabbilit fl-Artikoli 22 u 22b tad-Direttiva 2006/43/KE.

3.L-espert għandu jfassal rapport bil-miktub li tal-anqas jipprovdi:

(a)valutazzjoni dettaljata tal-akkuratezza tar-rapporti u tal-informazzjoni sottomessa mill-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali;

(b)Deskrizzjoni tal-elementi kollha fattwali meħtieġa għall-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 86m(1), biex twettaq valutazzoni profonda sabiex tiddetermina jekk il-konverżjoni transkonfinali maħsuba tikkostitwixxix arranġament artifiċjali skont l-Artikolu 86n, inkluż mill-inqas dan li ġej: il-karatteristiċi tal-istabbiliment fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, inklużi l-intenzjoni, is-settur, l-investiment, il-fatturat nett u l-profitt jew it-telf, l-għadd ta’ impjegati, il-format tal-karta bilanċjali, ir-residenza tat-taxxa, l-assi u fejn jinsabu, il-post tax-xogħol normali tal-impjegati u ta’ gruppi speċifiċi ta’ impjegati, il-post fejn huma dovuti l-kontribuzzjonijiet soċjali u r-riskji kummerċjali assunti mill-kumpanija konvertita fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u fl-Istat Membru tat-tluq.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-espert indipendenti jkun intitolat jikseb mingħand il-kumpanija li twettaq il-konverżjoni transkonfinali l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha kif ukoll jwettaq l-investigazzjonijiet neċessarji kollha biex jivverifika l-elementi kollha tal-abbozz tat-termini jew tar-rapporti maniġerjali. L-espert għandu jkun intitolat jirċievi wkoll kummenti u opinjonijiet mingħand ir-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija, jew, meta ma jkun hemm l-ebda rappreżentant bħal dan, mingħand l-impjegati nfushom u, anki mingħand il-kredituri u l-membri tal-kumpanija.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni sottomessa lill-espert indipendenti, tista’ tintuża biss għall-fini ta’ abbozzar tar-rapport tagħhom u tal-istess informazzjoni kunfidenzjali, inklużi s-sigrieti kummerċjali, u li ma tiġix ddivulgata. Fejn xieraq, l-espert jista’ jissottometti dokument separat li jkollu t-tali informazzjoini kunfidenzjali lill-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 86m(1), u dan id-dokument separat għandu jkun disponibbli għall-kumpanija li twettaq il-konverżjoni transkonfinali mingħajr ma jiġi żvelat lil xi parti oħra.

6.L-Istati Membri għandhom jeżentaw lil l-intrapriżi “mikro” u l-“intrapriżi żgħar” kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (**) mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 86h
Divulgazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li Stat Membru tat-tluq jiddivulga u jagħmel pubblikament disponibbli fir-reġistru, tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar dawn, id-dokumenti li ġejjin:

(a)l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali;

(b)ir-rapport ta’ espert indipendenti msemmi fl-Artikolu 86g, fejn applikabbli;

(c)avviż li jinforma lill-membri, lill-kredituri u lill-impjegati tal-kumpanija li jwettqu l-konverżjoni transkonfinali li dawn jistgħu jissottomettu, qabel id-data tal-laqgħa ġenerali, kummenti dwar id-dokumenti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu lill-kumpanija u lill-awtorità kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 86m(1).

Id-dokumenti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu aċċessibbli wkoll permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 22.

2.L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-kumpanija li tagħmel konverżjoni transkonfinali mir-rekwiżit ta’ żvelar imsemmi fil-paragrafu 1, fejn, għal perjodu kontinwu ta’ żmien li jibda tal-anqas xahar qabel id-data stabbilita għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni u li jispiċċa mhux qabel il-konklużjoni ta’ dik il-laqgħa, din tagħmel disponibbli għall-pubbliku d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 fuq is-sit web tagħha mingħajr ħlas.

Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għal xi rekwiżit jew restrizzjoni ħlief dawk li huma meħtieġa biex ikunu żgurati s-sigurtà tas-sit web u l-awtentiċità ta’ dawk id-dokumenti sakemm u biss sa fejn dawn ikunu proporzjonali sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

3.Fejn il-kumpanija li jkun biħsiebha tagħmel il-konverżjoni transkonfinali tiddivulga l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali f’konformità mal-paragrafu 2, din għandha tissottomettih, tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwaru, lir-reġistru tal-Istat Membru tat-tluq, l-informazzjoni li ġejja:

(a)il-forma ġuridika, l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija fl-Istat Membru tat-tluq kif ukoll dawk proposti għall-kumpanija konvertita fl-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(b)ir-reġistru li fih ġew ippreżentati d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 14 fir-rigward tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali, u n-numru tal-entrata f’dak ir-reġistru;

(c)indikazzjoni tal-arranġamenti li saru għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-kredituri, tal-impjegati u tal-membri;

(d)id-dettalji tas-sit web fejn l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali, l-avviż u l-perizja msemmija fil-paragrafu 1 u l-informazzjoni kompluta dwar l-arranġamenti msemmija fil-punt (c) ta’ dan il-paragrafu jistgħu jinkisbu online u mingħajr ħlas.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 1 u 3 jistgħu jitlestew kollha kemm huma online mingħajr il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika quddiem xi awtorità kompetenti fl-Istat Membru tat-tluq.

Madankollu, f’każijiet ta’ suspett ġenwin ta’ frodi fuq il-bażi ta’ motivazzjonijiet raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jitolbu preżenza fiżika quddiem awtorità kompetenti.

5.Minbarra d-divulgazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali, jew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jiġu ppubblikati fil-gazzetta nazzjonali. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru jibgħat l-informazzjoni rilevanti lill-gazzetta nazzjonali.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun aċċessibbli mill-pubbliku mingħajr ħlas. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li kwalunkwe tariffa mitluba, lill-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali, mir-reġistri għad-divulgazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 u, fejn applikabbli, għall-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, ma għandhiex taqbeż l-ispejjeż amministrattivi biex jingħata s-servizz.

Artikolu 86i
Approvazzjoni fil-laqgħa ġenerali

1.Wara li tittieħed nota tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 86e, 86f u 86g, fejn applikabbli, fil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni għandu jiġi deċiż, permezz ta’ riżoluzzjoni, jekk l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali għandux jiġi approvat. Il-kumpanija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 86m(1) bid-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali.

2.Il-laqgħa ġenerali tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni tista’ tirriżerva d-dritt li tagħmel l-implimentazzjoni tal-konverżjoni transkonfinali bil-kundizzjoni li din tirratifika b’mod ċar l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 86l.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-approvazzjoni ta’ kwalunkwe emenda għall-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali tkun teħtieġ maġġoranza ta’ mhux anqas minn żewġ terzi iżda mhux aktar minn 90 % tal-voti marbuta mal-ishma jew mal-kapital sottoskritt rappreżentati. Fi kwalunkwe każ, il-livell limitu tal-votazzjoni ma għandux ikun ogħla minn dak previst fil-liġi nazzjonali għall-approvazzjoni ta’ mergers transkonfinali.

4.Il-laqgħa ġenerali għandha tiddeċiedi wkoll jekk il-konverżjoni transkonfinali tkunx teħtieġ emendi għall-istrumenti tal-kostituzzjoni tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-approvazzjoni tal-konverżjoni transkonfinali mil-laqgħa ġenerali ma tkunx tista’ tiġi kkontestata biss fuq il-bażi li l-kumpens fi flus imsemmi fl-Artikolu 86j ġie stabbilit b’mod inadegwat.

Artikolu 86j
Protezzjoni tal-membri

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri li ġejjin ta’ kumpanija li twettaq konverżjoni transkonfinali jkollhom id-dritt li jċedu l-parteċipazzjoni azzjonarja tagħhom bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 6:

(a)il-membri li jkunu detenturi ta’ ishma bi drittijiet tal-vot u li ma vvotawx għall-approvazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali;

(b)il-membri li jkunu detenturi tal-ishma mingħajr drittijiet tal-vot.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri msemmija fil-paragrafu 1 ikunu jistgħu jċedu l-parteċipazzjoni azzjonarja tagħhom, għall-ħlas ta’ kumpens adegwat fi flus, ladarba tidħol fis-seħħ il-konverżjoni transkonfinali skont l-Artikolu 86r, lil xi ħadd jew xi wħud minn dawn:

(a)il-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali;

(b)il-membri li jifdal ta’ din il-kumpanija;

(c)terzi persuni bi qbil mal-kumpanija li twettaq il-konverżjoni.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kumpanija li twettaq konverżjoni transkonfinali tagħmel offerta ta’ kumpens adegwat fl-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali kif speċifikat fl-Artikolu 86d(1)(i) lill-membri, imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jċedu l-parteċipazzjoni azzjonarja tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll il-perjodu għall-aċċettazzjoni tal-offerta li fl-ebda każ ma għandha taqbeż ix-xahar wara l-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86i. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-kumpanija tkun tista’ taċċetta offerta kkomunikata b’mod elettroniku lil indirizz ipprovdut mill-kumpanija għal dan l-għan.

Madankollu, l-akkwiżizzjoni mill-kumpanija li twettaq konverżjoni transkonfinali tal-ishma tagħha stess għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-akkwiżizzjoni minn kumpanija tal-parteċipazzjoni azzjonarja tagħha stess.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-offerta ta’ kumpens fi flus tkun kundizzjonali għad-dħul fis-seħħ tal-konverżjoni transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 86r. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll il-perjodu li fih għandu jitħallas il-kumpens fi flus, li fl-ebda każ ma għandu jkun itwal minn xahar wara li tidħol fis-seħħ il-konverżjoni transkonfinali.

5.L-Istati Membri għandhom jipprevedu li kwalunkwe membru li jkun aċċetta l-offerta ta’ kumpens fi flus imsemmija fil-paragrafu 3 iżda li jqis li l-kumpens ma ġiex stabbilit b’mod adegwat, ikun intitolat li jitlob il-kalkolu mill-ġdid tal-kumpens fi flus offrut quddiem qorti nazzjonali fi żmien xahar mill-aċċettazzjoni tal-offerta.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi tal-Istat Membru tat-tluq tirregola d-drittijiet imsemmija fil-paragrafi minn 1 sa 5 u li l-qrati ta’ dak l-Istat Membru jkollhom il-ġuriżdizzjoni. Kwalunkwe membru li jkun aċċetta l-offerta ta’ kumpens fi flus biex jakkwista l-ishma tagħha għandu jkun intitolat iniedi l-proċedimenti msemmija fil-paragrafu 5 jew ikun parti minnhom.

Artikolu 86k
Protezzjoni tal-kredituri

1.L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali jipprovdi dikjarazzjoni li tirrifletti b’mod preċiż l-istatus finanzjarju tal-kumpanija bħala parti mill-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali msemmi fl-Artikolu 86d. Id-dikjarazzjoni għandha tistipula li, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għall-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija fid-data tad-dikjarazzjoni, u wara li jkunu saru l-inkjesti raġonevoli, dan ma jkun jaf b’ebda raġuni għaliex il-kumpanija, wara li tidħol fis-seħħ il-konverżjoni, jaf ma tkunx tista’ tissodisfa l-obbligazzjonijiet meta jsiru dovuti dawn l-obbligazzjonijiet. Id-dikjarazzjoni għandha ssir mhux qabel xahar qabel ma jiġi ddivulgat l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 86h.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri li ma jkunux sodisfatti bil-protezzjoni tal-interessi tagħhom previsti fl-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali, kif stabbilit fl-Artikolu 86d(f), ikunu jistgħu japplikaw mal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja xierqa għal salvagwardji adegwati fi żmien xahar mid-divulgazzjoni msemmija fl-Artikolu 86h.

3.Il-kredituri tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali għandhom jiġu preżunti li ma ġewx preġudikati minn konverżjoni transkonfinali f’xi waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)meta l-kumpanija tiddivulga, flimkien mal-abbozz tat-termini tal-konverżjoni, rapport ta’ espert indipendenti li kkonkluda li ma hemm ebda probabbiltà raġonevoli li d-drittijiet tal-kredituri jiġu preġudikati b’mod indebitu. L-espert indipendenti għandu jinħatar jew jiġi approvat mill-awtorità kompetenti u għandu jkun jissodisfa r-rekwiżiti stabiliti fl-Artikolu 86g(2);

(b)meta l-kredituri jiġu offruti dritt ta’ pagament, jew permezz ta’ terza persuna garanti, jew permezz tal-kumpanija li tirriżulta mill-konverżjoni transkonfinali b’valur tal-anqas ekwivalenti għall-pretensjoni oriġinali, li tista’ tiġi ppreżentata fl-istess ġuriżdizzjoni bħall-pretensjoni oriġinali tagħhom, u li tkun ta’ kwalità kreditizja li tal-anqas tkun proporzjonali għall-pretensjoni oriġinali tal-kreditur eżatt wara li titlesta l-konverżjoni.

4.Il-paragrafi 1, 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-Istat Membru tat-tluq rigward l-issodisfar jew l-assigurar tal-pagamenti dovuti lil korpi pubbliċi.

Artikolu 86l
Parteċipazzjoni tal-impjegati

1.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-kumpanija li tirriżulta mill-konverżjoni transkonfinali għandha tkun soġġetta għar-regoli fis-seħħ li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati, jekk ikun hemm, fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

2.Madankollu, ir-regoli fis-seħħ li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati, jekk jeżistu, fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, ma għandhomx japplikaw, meta l-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni jkollha, fis-sitt xhur ta’ qabel il-pubblikazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali kif imsemmi fl-Artikolu 86d ta’ din id-Direttiva, għadd medju ta’ impjegati ekwivalenti għal tmenin fil-mija tal-livell limitu applikabbli, stipulat mill-liġi tal-Istat Membru tat-tluq, li jiskatta l-parteċipazzjoni tal-impjegati skont it-tifsira tal-punt (k) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/86/KE, jew meta l-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tad-destinazzjoni ma tistipulax dan:

(a)ma tipprevedix għal tal-anqas l-istess livell ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati kif operata fil-kumpanija qabel il-konverżjoni, imkejla b’referenza għall-proporzjon ta’ rappreżentanti tal-impjegati fost il-membri tal-organu amministrattiv jew superviżorju jew il-kumitati tagħhom jew tal-grupp maniġerjali li jkopri l-unitajiet tal-profitt tal-kumpanija, soġġetti għar-rappreżentazzjoni tal-impjegati; jew

(b)ma tipprevedix għall-impjegati tal-istabbilimenti tal-kumpanija konvertita li jinsabu fi Stati Membri oħra l-istess intitolament biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni li jitgawda minn dawk l-impjegati mħaddma fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

3.Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kumpanija konvertita u l-involviment tagħhom fid-definizzjoni ta’ drittijiet bħal dawn għandhom ikunu regolati mill-Istati Membri, mutatis mutandis u soġġetti għall-paragrafi minn 4 sa 7 ta’ dan l-Artikolu, f’konformità mal-prinċipji u mal-proċeduri stipulati fl-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 2157/2001 u fid-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva 2001/86/KE:

(a)l-Artikolu 3(1), (2)(a)(i), 2(b) u (3), l-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(4), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4), l-Artikolu 3(5), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(6) u l-Artikolu 3(7);

(b)l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 4(2)(a), (g) u (h), l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 4(4);

(c)l-Artikolu 5;

(d)l-Artikolu 6;

(e)    l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1);

(f)    l-Artikoli 8, 9, 10 u 12;

(g)    il-punt (a) tal-Parti 3 tal-Anness.

4.Meta jkunu qed jirregolaw il-prinċipji u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3, l-Istati Membri:

(a)għandhom jagħtu lill-korp speċjali tan-negozjar id-dritt li jiddeċiedi, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw tal-anqas żewġ terzi mill-impjegati, li ma jiftaħx negozjati jew li jtemm in-negozjati diġà miftuħa u li jibbaża fuq ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(b)jistgħu, fil-każ meta, wara negozjati preċedenti, japplikaw regoli standard għall-parteċipazzjoni u, minkejja tali regoli, jiddeċiedu li jillimitaw il-proporzjon ta’ rappreżentanti tal-impjegati fl-organu amministrativ tal-kumpanija konvertita. Madankollu, jekk fil-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni r-rappreżentanti tal-impjegati jikkostitwixxu tal-anqas terz mill-bord amministrattiv jew superviżorju, il-limitazzjoni qatt ma tista’ tirriżulta fi proporzjon iżgħar minn terz ta’ rappreżentanti tal-impjegati fl-organu amministrattiv;

(c)għandhom jiżguraw li r-regoli tal-parteċipazzjoni tal-impjegati li kienu japplikaw qabel il-konverżjoni transkonfinali jibqgħu japplikaw sad-data tal-applikazzjoni ta’ kull regola sussegwenti maqbula, jew fin-nuqqsas ta’ regoli maqbula, sal-applikazzjoni tar-regoli prestabbiliti skont il-punt (a) tal-Parti 3 tal-Anness.

5.L-estensjoni tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni għall-impjegati tal-kumpanija konvertita li huma impjegati fi Stati Membri oħra, imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2, ma għandhiex twassal għal xi obbligu fuq l-Istati Membri li jagħmlu dik l-għażla biex jikkunsidraw lil dawk l-impjegati meta jikkalkolaw il-livelli limitu tad-daqs tal-forza tax-xogħol li jwasslu għal drittijiet ta’ parteċipazzjoni skont il-liġi nazzjonali.

6.Meta l-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni tkun qed topera skont sistema ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati, din il-kumpanija għandha tkun obbligata tieħu forma ġuridika li tippermetti l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni.

7.Meta l-kumpanija konvertita tkun qed topera taħt sistema ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati, din il-kumpanija għandha tkun obbligata tieħu miżuri biex tiżgura li d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati jkunu protetti fil-każ ta’ kwalunkwe merger, diviżjoni jew konverżjoni transkonfinali jew domestika sussegwenti għal perjodu ta’ tliet snin wara li tidħol fis-seħħ il-konverżjoni transkonfinali, billi tapplika mutatis mutandis ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi minn 1 sa 6.

8.Kumpanija għandha tikkomunika lill-impjegati tagħha l-eżitu tan-negozjati li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 86m
Ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni

1.L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità nazzjonali kompetenti biex tiskrutinizza l-legalità tal-konverżjoni transkonfinali fir-rigward ta’ dik il-parti tal-proċedura li hi regolata mil-liġi tal-Istat Membru tat-tluq u toħroġ ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni li jattesta l-konformità mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha u t-tlestija xierqa tal-atti u tal-formalitajiet kollha fl-Istat Membru tat-tluq.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni biex jinkiseb ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni mill-kumpanija li twettaq il-konverżjoni transkonfinali hija akkumpanjata minn dawn li ġejjin:

(a)l-abbozzi tat-termini ta’ konverżjoni msemmija fl-Artikolu 86d;

(b)ir-rapporti msemmija fl-Artikoli 86e, 86f u 86g, kif xieraq;

(c)l-informazzjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali li tapprova l-konverżjoni msemmija fl-Artikolu 86i.

L-abbozz tat-termini u r-rapporti ppreżentati skont l-Artikolu 86g ma għandhomx għalfejn jerġgħu jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 2, inkluża l-preżentazzjoni ta’ xi informazzjoni jew dokumenti, tista’ timtela online fis-sħuħija tagħha mingħajr il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika quddiem l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1.

Madankollu, fil-każijiet ta’ suspett ġenwin ta’ frodi fuq il-bażi ta’ motivazzjonijiet raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jitolbu preżenza fiżika quddiem awtorità kompetenti fejn tkun meħtieġa l-preżentazzjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti.

4.Fir-rigward tal-konformità mar-regoli li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema kif stabbiliti fl-Artikolu 86l, l-Istat Membru tat-tluq għandu jivverifika biss li l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jinkludi informazzjoni dwar il-proċeduri li bihom huma ddeterminati l-arranġamenti rilevanti u fuq l-għażliet possibbli għat-tali arranġamenti.

5.Bħala parti mill-valutazzjoni tal-legalità msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha teżamina li ġej:

(a)id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2;

(b)il-kummenti u l-opinjonijiet kollha ppreżentati mill-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 86h(1);

(c)indikazzjoni mill-kumpanija li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 86l(3) u (4) bdiet, fejn rilevanti.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1 jistgħu jikkonsultaw ma’ awtoritajiet rilevanti oħra b’kompetenza fl-oqsma differenti kkonċernati mill-konverżjoni transkonfinali.

7.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valutazzjoni mill-awtorità kompetenti ssir fi żmien xahar mid-data tar-riċevuta tal-informazzjoni li tikkonċerna l-approvazzjoni tal-konverżjoni mil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija. Għandu jkollha wieħed mir-riżultati li ġejjin:

(a)fejn l-awtorità kompetenti tiddetermina li l-konverżjoni transkonfinali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, li din tikkonforma mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha u li l-proċeduri u l-formalitajiet neċessarji kollha tlestew, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ iċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni;

(b)jekk l-awtorità kompetenti tiddetermina li l-konverżjoni transkonfinali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti ma għandhiex toħroġ iċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni u għandha tinforma lill-kumpanija bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha. L-istess għandu japplika għas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità kompetenti tiddetermina li konverżjoni transkonfinali ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha rilevanti jew li mhux il-proċeduri u l-formalitajiet kollha meħtieġa jkunu tlestew u l-kumpanija, wara li tiġi mistiedna tieħu l-passi meħtieġa, naqset milli tagħmel dan;

(c)jekk l-awtorità kompetenti jkollha tħassib serju li konverżjoni transkonfinali jikkostitwixxi arranġament artifiċjali msemmija fl-Artikolu 86c(3), tista’ tiddeċiedi li twettaq valutazzjoni fil-fond skont l-Artikolu 86n u għandha tinforma lill-kumpanija dwar id-deċiżjoni tagħha li twettaq tali valutazzjoni u l-eżitu sussegwenti.

Artikolu 86n
Valutazzjoni fil-fond

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw sabiex jiġi vvalutat jekk konverżjoni transkonfinali tikkostitwixxix arranġament artifiċjali fis-sens tal-Artikolu 86c(3), li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tat-tluq twettaq valutazzjoni fil-fond tal-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha u għandha tieħu kont ta’ mill-inqas dawn li ġejjin: il-karatteristiċi tal-istabbiliment fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, inklużi l-intenzjoni, is-settur, l-investiment, il-fatturat nett u l-profitt jew telf, in-numru ta’ impjegati, il-kompożizzjoni tal-karta tal-bilanċi, ir-residenza tat-taxxa, l-assi u fejn jinsabu, il-post tax-xogħol normali tal-impjegati u ta’ gruppi speċifiċi ta’ impjegati, il-post fejn huma dovuti l-kontribuzzjonijiet soċjali u r-riskji kummerċjali assunti mill-kumpanija konvertita fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u fl-Istat Membru tat-tluq.

Dawn l-elementi jistgħu jitqiesu biss bħala fatturi indikattivi fil-valutazzjoni ġenerali u għaldaqstant ma għandhomx jiġu kkunsidrati separati minn xulxin.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 tiddeċiedi li tagħmel valutazzjoni fil-fond, din tkun tista’ tisma’ lill-kumpanija u lill-partijiet kollha li jkunu ppreżentaw kummenti skont l-Artikolu 86h(1)(c) f’konformità mal-liġi nazzjonali. L-awtoritajiet kompetenti li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 jistgħu jisimgħu wkoll lil xi terza persuna oħra f’konformità mal-liġi nazzjonali. L-awtorità kompetenti għandha tieħu d-deċiżjoni finali tagħha rigward il-kwistjoni taċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni fi żmien xahrejn mill-bidu tal-valutazzjoni fil-fond.

Artikolu 86o
Rieżami u trażmissjoni taċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tat-tluq ma tkunx qorti, id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li toħroġ jew li tirrifjuta li toħroġ ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni, tkun soġġetta għal rieżami ġudizzjarju, f’konformità mal-liġi nazzjonali. Barra hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni ma għandhiex tidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ ċertu perjodu biex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jieħdu passi quddiem il-qorti kompetenti u jiksbu, fejn xieraq, miżuri interim.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni ta’ ħruġ taċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni tintbagħat lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 86m(1) u li d-deċiżjonijiet ta’ għoti jew ta’ rifjut taċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni jkunu disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri stabbilita f’konformità mal-Artikolu 22.

Artikolu 86p
Skrutinju tal-legalità tal-konverżjoni transkonfinali mill-Istat Membru tad-destinazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti biex tiskrutinizza l-legalità tal-konverżjoni transkonfinali fir-rigward ta’ dik il-parti tal-proċedura li hi regolata mil-liġi tal-Istat Membru tad-destinazzjoni u tapprova l-konverżjoni transkonfinali fejn il-konverżjoni hi konformi mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha u t-tlestija xierqa tal-atti u tal-formalitajiet kollha fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha, b’mod partikolari, tiżgura li l-kumpanija konvertita tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar l-inkorporazzjoni ta’ kumpaniji u, fejn xieraq, li l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema ġew iddeterminati f’konformità mal-Artikolu 86l.

2.Għall-fini tal-paragrafu 1, il-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali għandha tippreżenta lill-awtorità msemmija fil-paragrafu 1 l-abbozz tat-termini tal-konverżjoni transkonfinali approvat mil-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 86i.

3.Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 mill-kumpanija li twettaq il-konverżjoni transkonfinali li tinkludi l-preżentazzjoni ta’ xi informazzjoni u dokumenti, tista’ timtela online fis-sħuħija tagħha mingħajr il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika quddiem l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1.

Madankollu, fil-każijiet ta’ suspett ġenwin ta’ frodi fuq il-bażi ta’ motivazzjonijiet raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jitolbu preżenza fiżika quddiem awtorità kompetenti ta’ Stat Membru fejn tkun meħtieġa l-preżentazzjoni tal-informazzjoni u tad-dokumenti rilevanti.

4.L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha, mingħajr dewmien, tikkonferma r-riċevuta taċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni msemmi fl-Artikolu 86m u l-informazzjoni u d-dokumenti l-oħra meħtieġa mil-liġi tal-Istat Membru tad-destinazzjoni. Din għandha toħroġ deċiżjoni biex tapprova l-konverżjoni transkonfinali malli tlesti l-valutazzjoni tagħha tal-kundizzjonijiet rilevanti.

5.Iċ-ċertifikat ta’ qabel il-konverżjoni msemmi fil-paragrafu 4 għandu jiġi aċċettat mill-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 bħala prova konklużiva tat-tlestija xierqa tal-proċeduri u tal-formalitajiet skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tat-tluq li mingħajrhom il-konverżjoni transkonfinali ma tistax tiġi approvata.

Artikolu 86q
Reġistrazzjoni

1.Il-liġi tal-Istat Membru tat-tluq u tad-destinazzjoni għandha tiddetermina, fir-rigward tat-territorju ta’ dawk l-Istati, l-arranġamenti għad-divulgazzjoni tat-tlestija tal-konverżjoni transkonfinali fir-reġistru.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas l-informazzjoni li ġejja għandha tiddaħħal fir-reġistri tagħhom, li jagħmluha pubblikament disponibbli u aċċessibbli permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 22:

(a)in-numru tal-entrata fir-reġistru tal-kumpanija konvertita bħala riżultat tal-konverżjoni transkonfinali;

(b)id-data tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija konvertita fl-Istat Membru tad-destinazzjoni;

(c)id-data tat-tneħħija mir-reġistru fl-Istat Membru tat-tluq tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali;

(d)in-numri ta’ reġistrazzjoni tal-Istat Membru tat-tluq tal-kumpanija li twettaq il-konverżjoni u l-kumpanija konvertita fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru fl-Istat Membru tad-destinazzjoni jinnotifika lir-reġistru fl-Istat Membru tat-tluq permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 22, li l-kumpanija konvertita ġiet reġistrata. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li r-reġistrazzjoni tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni titneħħa minnufih mar-riċevuta ta’ dik in-notifika, iżda mhux qabel.

Artikolu 86r
Data li fiha sseħħ il-konverżjoni transkonfinali

Il-konverżjoni transkonfinali għandha tidħol fis-seħħ mid-data tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija konvertita fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, wara l-iskrutinju tal-legalità u l-approvazzjoni msemmija fl-Artikolu 86p.

Artikolu 86s
Konsegwenzi tal-konverżjoni transkonfinali

1.Konverżjoni transkonfinali, imwettqa f’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, għandu jkollha l-konsegwenzi li ġejjin:

(a)l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni transkonfinali li jinkludu l-kuntratti, il-krediti, id-drittijiet u l-obbligi kollha għandhom jiġu ttrasferiti lill-kumpanija konvertita u għandhom jissoktaw magħha

(b)il-membri tal-kumpanija li twettaq konverżjoni għandhom isiru membri tal-kumpanija ttrasformata, sakemm huma jeżerċitaw id-dritt ta’ ħruġ msemmija fl-Artikolu 86j(2);

(c)id-drittijiet u l-obbligi tal-kumpanija li twettaq il-konverżjoni transkonfinali li tirriżulta minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg u dawk eżistenti fid-data li fiha l-konverżjoni transkonfinali tidħol fis-seħħ għandu, minħabba d-dħul fis-seħħ tal-konverżjoni transkonfinali, jiġi trasferit lil kumpanija li tirriżulta mill-konverżjoni transkonfinali fid-data meta tidħol fis-seħħ il-konverżjoni transkonfinali.

(d)il-post tal-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija konvertita fl-Istat Membru tat-tluq jista’ jintuża sakemm il-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni titneħħa mir-reġistru fl-Istat Membru tat-tluq, sakemm ma jintweriex bil-provi li terza persuna kienet taf, jew missha kienet taf, bl-uffiċċju reġistrat fl-Istat Membru tad-destinazzjoni.

2.Kull attività tal-kumpanija konvertita mwettqa wara d-data ta’ reġistrazzjoni fl-Istat Membru tad-destinazzjoni u qabel ma l-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni tkun tneħħiet mir-reġistru fl-Istat Membru tat-tluq għandha tiġi ttrattata bħala l-attività tal-kumpanija konvertita.

3.Il-kumpanija konvertita għandha tkun responsabbli għal kull telf li jirriżulta mid-differenzi fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tal-Istati Membri tat-tluq u tad-destinazzjoni, fejn kwalunkwe parti kontraenti jew kontroparti tal-kumpanija li tagħmel il-konverżjoni ma tkunx ġiet informata bil-konverżjoni transkonfinali minn dik il-kumpanija qabel il-konklużjoni ta’ dak il-kuntratt.

Artikolu 86t
Responsabbiltà ċivili tal-esperti indipendenti

L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli li jistabbilixxu tal-anqas ir-responsabbiltà ċivili tal-esperti indipendenti responsabbli għat-tfassil tar-rapport imsemmi fl-Artikoli 86g u 86k(2)(a), fir-rigward ta’ mġiba ħażina min-naħa ta’ dawn l-esperti meta jwettqu dmirijiethom.

Artikolu 86u
Validità

Konverżjoni transkonfinali li tkun saret f’konformità mal-proċedura li tittrasponi din id-Direttiva ma tistax tiġi ddikjarata nulla u bla effett.

________

(*)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(**)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).”;

(4)fl-Artikolu 119, il-punt (2) hu emendat kif ġej:

(a)fi tmiem il-punt (c) jiżdied dan li ġej"; jew”;

(b)jiżdied il-punt (d) li ġej:

"(d)    kumpanija waħda jew aktar, wara li tiġi dissolta bla ma tidħol f’likwidazzjoni, tittrasferixxi l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tagħha lil kumpanija eżistenti oħra, il-kumpanija akkwirenti, mingħajr il-ħruġ ta’ kwalunkwe sehem ġdid mill-kumpanija akkwirenti, dment li persuna waħda tkun id-detenturi dirett jew indirett tal-ishma kollha fil-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger jew il-membri tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger jkunu d-detenturi tal-ishma tagħhom bl-istess proporzjon fil-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger kollha.”;

(5)l-Artikolu 120, il-paragrafu 4 hu ssostitwit b’dan li ġej:

“4.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan il-Kapitolu ma japplikax għall-kumpanija jew għall-kumpaniji fejn:

(a)ikunu tnedew proċedimenti għall-istralċ, għal-likwidazzjoni, jew għall-insolvenza ta’ dik il-kumpanija jew dawk il-kumpaniji;

(b)    il-kumpanija tkun soġġetta għal proċedimenti preventivi ta’ ristrutturar imnedija minħabba l-probabbiltà ta’ insolvenza;

(c)    tkun għaddejja s-sospensjoni tal-pagamenti;

(d)    il-kumpanija hi soġġetta għal għodod, għal setgħat u għal mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE;

(e)    ikunu ttieħdu miżuri preventivi mill-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi evitat il-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fil-punti (a), (b) jew (d).”;

(6)l-Artikolu 121 hu emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, jitħassar il-punt (a);

(b)il-paragrafu 2 hu ssostitwit b’dan li ġej:

“2. Id-dispożizzjonijiet u l-formalitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom, b’mod partikolari, jinkludu dawk li jikkonċernaw il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet relatat mal-merger u mal-protezzjoni tal-impjegati fir-rigward ta’ drittijiet li mhumiex dawk regolati mill-Artikolu 133.”;

(7)l-Artikolu 122 hu emendat kif ġej:

(a)il-punt (i) hu ssostitwit b’dan li ġej:

“(i) l-istrument jew l-istrumenti tal-kostituzzjoni tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali”;

(b)jiżdiedu l-punti (m) u (n) li ġejjin:

"(m)    id-dettalji tal-offerta ta’ kumpens fi flus għall-membri li jopponu l-merger transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 126a;

(n)    dettalji tal-garanziji offruti lill-kredituri.”;

(c)jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

“Minbarra l-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger jużaw lingwa li tintuża komunement fl-isfera tan-negozju u tal-finanzi internazzjonali biex ifasslu l-abbozz tat-termini komuni ta’ merger transkonfinali u d-dokumenti relatati l-oħra kollha. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw liema lingwa se tipprevali f’każ ta’ diskrepanzi identifikati bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ dawk id-dokumenti.”;

(8)jiddaħħal l-Artikolu 122a li ġej:

“Artikolu 122a:
Id-data kontabilistika 

1.Meta l-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali tħejji dikjarazzjonijiet annwali f’konformità mal-istandards kontabilistiċi internazzjonali previsti fir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*), id-data li minnha t-tranżazzjonijiet tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger għandhom jiġu ttrattati bħala dawk tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali għandha tiġi ddeterminata f’konformità ma’ dawk l-istandards kontabilistiċi.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, id-data kontabilistika pprovduta fl-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali, għandha tkun id-data li fiha tidħol fis-seħħ il-merger transkonfinali, kif imsemmi fl-Artikolu 129, sakemm il-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger ma jiddeterminawx xi data oħra biex jiffaċilitaw il-proċess ta’ merger. F’dak il-każ, id-data kontabilistika għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)ma tistax tiġi qabel id-data tal-karta bilanċjali tal-aħħar kontijiet annwali mfassla u ppubblikati minn kwalunkwe waħda mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger;

(b)din għandha tippermetti lill-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali biex tfassal il-kontijiet annwali tagħha, inklużi l-effetti tal-merger, f’konformità mal-istandards kontabilistiċi rilevanti sad-data tal-karta bilanċjali li tiġi eżatt wara d-data li fiha tidħol fis-seħħ il-merger transkonfinali.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din id-data li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1, tiġi ttrattata għall-finijiet kontabilistiċi bħala d-data li minnha t-tranżazzjonijiet tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger se jiġu ttrattati bħala dawk tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali mil-liġijiet nazzjonali tal-kumpaniji kollha f’merger.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għar-rikonoxximent u għall-valutazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti skont il-merger transkonfinali permezz ta’ akkwiżizzjoni, ir-reġim kontabilistiku tal-kumpanija akkwirenti għandu jintuża bħala bażi komuni mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger kollha mid-data speċifikata fil-paragrafu 1.

_______

(*)    Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).”

(9)L-Artikoli 123 u 124 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 123
Divulgazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali jiġi ddivulgat u jitqiegħed għad-dispożizzjoni pubblikament fir-reġistri nazzjonali rispettivi tagħhom, imsemmija fl-Artikolu 16, tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwaru. Dan l-abbozz tat-termini komuni għandu jkun aċċessibbli wkoll permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 22.

2.L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger mir-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 1 fejn, għal perjodu kontinwu li jibda tal-anqas xahar qabel id-data stabbilita għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali u li jintemm mhux qabel il-konklużjoni ta’ din il-laqgħa, dawk il-kumpaniji jagħmlu l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali disponibbli fuq is-siti web tagħhom mingħajr ħlas.

Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx jissoġġettaw din l-eżenzjoni għal xi rekwiżit jew restrizzjoni minbarra dawk li huma meħtieġa biex ikunu żgurati s-sigurtà tas-sit web u l-awtentiċità tad-dokumenti sakemm u biss sa fejn dawn ikunu proporzjonati biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

3.Meta l-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger jiddivulgaw l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ddivulgata tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwaru fir-reġistri nazzjonali rispettivi msemmija fl-Artikolu 16:

(a)il-forma ġuridika, l-isem u l-uffiċċju reġistrat ta’ kull waħda mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger u l-forma ġuridika, l-isem u l-uffiċċju reġistrat propost għal kwalunkwe kumpanija maħluqa ġdida;

(b)ir-reġistru li fih ġew ippreżentati d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 14 fir-rigward ta’ kull waħda mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger u n-numru tal-entrata f’dan ir-reġistru;

(c)indikazzjoni, għal kull waħda mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger, tal-arranġamenti li saru għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-kredituri, tal-impjegati u tal-membri;

(d)id-dettalji tas-sit web fejn l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali u informazzjoni sħiħa dwar l-arranġamenti msemmija fil-punt (c) jistgħu jinkisbu mingħajr ħlas.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 1 u 3 jkunu jistgħu jiġu ssodisfati online fis-sħuħija tagħhom mingħajr il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika quddiem xi awtorità kompetenti fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri kkonċernati.

Madankollu, f’każijiet ta’ suspett ġenwin ta’ frodi fuq il-bażi ta’ motivazzjonijiet raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jitolbu preżenza fiżika quddiem awtorità kompetenti.

5.Jekk l-approvazzjoni tal-merger ma tkunx meħtieġa mil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija akkwirenti f’konformità mal-Artikolu 126(3), id-divulgazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandha ssir tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali tal-kumpanija jew tal-kumpaniji li huma l-oġġett ta’ merger.

6.Minbarra d-divulgazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-abbozz tat-termini tal-merger transkonfinali, jew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jiġu ppubblikati fil-gazzetta nazzjonali. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru msemmi fl-Artikolu 16 jibgħat l-informazzjoni rilevanti lill-gazzetta nazzjonali.

7.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-abbozz tat-termini komuni ddivulgat tal-merger transkonfinali u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ikunu aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li kwalunkwe tariffa mitluba mir-reġistri lill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger għad-divulgazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 u, fejn applikabbli, għall-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, ma għandhiex taqbeż l-ispejjeż amministrattivi għall-provvista tas-servizz.

L-Artikolu 124
Rapport tal-organu maniġerjali jew amministrattiv lill-membri

1.L-organu maniġerjali jew amministrattiv ta’ kull waħda mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger għandu jfassal rapport li jispjega u jiġġustifika l-aspetti legali u ekonomiċi tal-merger transkonfinali.

2.Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jispjega b’mod partikolari dan li ġej:

(a)l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali fuq in-negozju futur tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger u fuq il-pjan strateġiku tal-maniġment;

(b)spjegazzjoni u ġustifikazzjoni tal-proporzjon ta’ skambju tal-ishma;

(c)deskrizzjoni ta’ kwalunkwe diffikultà speċjali li nstabet fil-valwazzjoni;

(d)    l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali għall-membri;

(e)    id-drittijiet u r-rimedji disponibbli għall-membri li jopponu l-merger f’konformità mal-Artikolu 126a.

3.Ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni, tal-anqas b’mod elettroniku, tal-membri ta’ kull waħda mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger mhux anqas minn xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 126. Ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni b’mod simili wkoll tar-rappreżentanti tal-impjegati ta’ kull waħda mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger, jew fejn ma jkun hemm ebda rappreżentant bħal dan, għad-dispożizzjoni tal-impjegati nfushom. Madankollu, fejn l-approvazzjoni tal-merger ma tkunx meħtieġa mil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija akkwirenti f’konformità mal-Artikolu 126(3), ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali tal-kumpanija jew tal-kumpaniji l-oħra li huma l-oġġett ta’ merger.

4.Madankollu, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux ikun meħtieġ meta l-membri kollha tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger jkunu qablu li jirrinunzjaw għal dan ir-rekwiżit.”;

(10)jiddaħħal l-Artikolu 124a li ġej:

“L-Artikolu 124 a:
Rapport tal-organu maniġerjali jew amministrattiv lill-impjegati

1.L-organu maniġerjali jew amministrattiv ta’ kull waħda mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger għandu jfassal rapport li jispjega l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali għall-impjegati.

2.Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jispjega b’mod partikolari dan li ġej:

(a)l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali fuq in-negozju futur tal-kumpanija u fuq il-pjan strateġiku tal-maniġment;

(b)    l-implikazzjonijiet tal-merger transkonfinali għas-salvagwardja tar-relazzjonijiet tax-xogħol;

(c)    kwalunkwe tibdil materjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fil-postijiet tal-postijiet tan-negozju tal-kumpanija;

(d)jekk il-fatturi stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) humiex relatati wkoll ma’ xi sussidjarja tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger.

3.Ir-rapport li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni, tal-anqas b’mod elettroniku, tar-rappreżentanti tal-impjegati ta’ kull waħda mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger jew, fejn ma jkun hemm ebda tali rappreżentant, tal-impjegati nfushom mhux anqas minn xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 126. B’mod simili, ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni wkoll tal-membri ta’ kull waħda mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger.

Madankollu, fejn l-approvazzjoni tal-merger ma tkunx meħtieġa minn laqgħa ġenerali tal-kumpanija akkwirenti f’konformità mal-Artikolu 126(3), ir-rapport għandu jkun disponibbli tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali tal-kumpanija jew tal-kumpaniji l-oħra li huma l-oġġett ta’ merger.

4.Jekk l-organu maniġerjali jew amministrattiv ta’ kumpanija waħda jew aktar li huma oġġett ta’ merger jirċievi opinjoni fil-ħin mingħand ir-rappreżentanti tal-impjegati tiegħu jew, fejn ma jkun hemm ebda rappreżentant bħal dan, mingħand l-impjegati nfushom, kif previst fil-liġi nazzjonali, il-membri għandhom ikunu informati dwar dan u din l-opinjoni għandha tiġi mehmuża mar-rapport.

5.Madankollu, jekk kumpaniji li jkunu oġġett ta’ merger u s-sussidjarji tagħhom, jekk ikun hemm, ma jkollhom ebda impjegat minbarra dawk li jagħmlu parti mill-organu maniġerjali jew amministrattiv, ma għandux ikun meħtieġ it-tfassil tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

6.Il-preżentazzjoni tar-rapport hi mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-proċedimenti ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni applikabbli mnedija fil-livell nazzjonali wara l-implimentazzjoni tad-Direttivi 2001/23/KE, 2002/14/KE jew 2009/38/KE.”;

(11)fl-Artikolu 125(1) jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri għandhom iqisu, meta jivvalutaw l-indipendenza tal-espert, il-qafas stabbilit fl-Artikoli 22 u 22b tad-Direttiva 2006/43/KE.”;

(12)l-Artikolu 126 hu emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 hu ssostitwit b’dan li ġej:

“1. Wara li tieħu nota tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 124, 124a u 125, kif xieraq, il-laqgħa ġenerali ta’ kull waħda mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger għandha tiddeċiedi, permezz ta’ riżoluzzjoni, dwar l-approvazzjoni tal-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali.”;

(b)jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżoluzzjoni biex tapprova l-merger transkonfinali msemmi fil-paragrafu 1, ma tkunx tista’ tiġi kkontestata quddiem l-awtorità kompetenti unikament fuq il-bażi ta’ waħda mill-motivazzjonijiet li ġejjin:

(a)il-proporzjon ta’ skambju tal-ishma msemmi fl-Artikolu 122(b) ġie stabbilit b’mod inadegwat;

(b)il-kumpens fi flus imsemmi fl-Artikolu 122(m) ġie stabbilit b’mod inadegwat;

(c)il-valur totali tal-parteċipazzjoni azzjonarja allokata lil membru mhuwiex ekwivalenti għall-valur tal-ishma miżmuma minn dak il-membru fil-kumpanija li hi oġġett ta’ merger.”;

(13)jiddaħħlu l-Artikoli 126a u 126b li ġejjin:

“L-Artikolu 126a:
Protezzjoni tal-membri

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri li ġejjin tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger jkollhom id-dritt li jċedu l-parteċipazzjoni azzjonarja tagħhom bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 6;

(a)il-membri li jkunu detenturi ta’ ishma bi drittijiet tal-vot u li ma vvutawx għall-approvazzjoni tal-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali;

(b)il-membri li jkunu detenturi tal-ishma mingħajr drittijiet tal-vot.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ikunu jistgħu jċedu l-parteċipazzjoni azzjonarja tagħhom, b’kunsiderazzjoni ta’ kumpens fi flus adegwat imħallas, ladarba jidħol fis-seħħ il-merger transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 129, lil wieħed/waħda jew aktar minn fost dawn li ġejjin:

(a)il-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger kkonċernati;

(b)il-membri li jifdal tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger kkonċernati;

(c)terzi persuni bi qbil mal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger kkonċernati.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull waħda mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger tagħmel offerta ta’ kumpens adegwat fi flus fl-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali kif speċifikat fl-Artikolu 122(1)(m) lil dawk il-membri, imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jċedu l-parteċipazzjoni azzjonarja tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll il-perjodu għall-aċċettazzjoni tal-offerta, li qatt ma għandu jaqbeż ix-xahar wara l-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 126 jew, f’każijiet li fihom l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali ma tkunx meħtieġa, fi żmien xahrejn wara d-divulgazzjoni tal-abbozz tat-termini komuni tal-merger imsemmi fl-Artikolu 123. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger jkunu jistgħu jaċċettaw offerta komunikata b’mod elettroniku lil indirizz ipprovdut minn dawk il-kumpaniji għal dak l-għan.

Madankollu, l-akkwiżizzjoni mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger tal-ishma tagħhom stess għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-akkwiżizzjoni minn kumpanija tal-parteċipazzjoni azzjonarja tagħha stess.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-offerta ta’ kumpens fi flus tkun kundizzjonali għad-dħul fis-seħħ tal-merger transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 129. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll il-perjodu li fih għandu jitħallas il-kumpens fi flus, li fl-ebda każ ma għandu jkun itwal minn xahar wara li jidħol fis-seħħ il-merger transkonfinali.

5.L-espert indipendenti maħtur skont l-Artikolu 125 għandu jirrieżamina l-adegwatezza tal-kumpens fi flus. L-espert għandu jqis kwalunkwe prezz tas-suq ta’ dawk l-ishma fil-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger qabel it-tħabbir tal-proposta ta’ merger u l-valur tal-kumpanija eskluż l-effett tal-merger propost kif determinat skont il-metodi ta’ valwazzjoni ġeneralment aċċettati.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe membru li jkun aċċetta l-offerta ta’ kumpens fi flus imsemmija fil-paragrafu 3 iżda li jqis li l-kumpens fi flus ma ġiex stabbilit b’mod adegwat, ikun intitolat li jitlob il-kalkolu mill-ġdid tal-kumpens fi flus offrut minn qorti nazzjonali fi żmien xahar mill-aċċettazzjoni tal-offerta.

7.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li għaliha hi soġġetta kumpanija li hi oġġett ta’ merger tirregola d-drittijiet imsemmija fil-paragrafi minn 1 sa 6 u li l-qrati ta’ dak l-Istat Membru jkollhom ġuriżdizzjoni. Kwalunkwe membru li jkun aċċetta l-offerta ta’ kumpens fi flus għall-akkwiżizzjoni tal-ishma tiegħu għandu jkun intitolat iniedi l-proċedimenti msemmija fil-paragrafu 6 jew ikun parti minnhom.

8.L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-membri tal-kumpaniji f’merger li ma jopponux il-merger transkonfinali, iżda li jqisu li l-proporzjon ta’ skambju tal-ishma hu inadegwat jistgħu jikkontestaw dak il-proporzjon ta’ skambju tal-ishma stabbilit fl-abbozz tat-terminu komuni tal-merger transkonfinali msemmi fl-Artikolu 122 quddiem qorti nazzjonali fi żmien xahar mindu tidħol fis-seħħ il-merger transkonfinali.

9.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn qorti nazzjonali ssib li proporzjon ta’ skambju tal-ishma ma ġiex stabbilit b’mod adegwat, il-qorti jkollha s-setgħa li tordna lill-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali tħallas kumpens lil dawk il-membri li kkontestaw b’suċċess il-proporzjon. Dan il-kumpens għandu jikkonsisti f’pagament addizzjonali fi flus ikkalkolat fuq il-bażi ta’ proporzjon adegwat applikabbli għall-iskambju ta’ titoli jew ta’ ishma kif iddeterminati mill-qorti. B'talba ta’ xi wieħed minn dawn il-membri tal-kumpaniji f’merger, il-qorti nazzjonali għandha tingħata s-setgħa li tordna lill-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali tipprovdi ishma addizzjonali minflok il-pagament fi flus.

10.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi applikabbli għall-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali tirregola l-obbligu li tħallas kumpens addizzjonali fi flus jew li tipprovdi ishma addizzjonali.

Artikolu 126b
Protezzjoni tal-kredituri

1.L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija f’merger jipprovdi dikjarazzjoni li tirrifletti b’mod preċiż l-istatus finanzjarju tal-kumpanija bħala parti mill-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali msemmi fl-Artikolu 122. Id-dikjarazzjoni għandha tistipula li, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għall-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija fid-data ta’ dik id-dikjarazzjoni, u wara li jkunu saru l-inkjesti raġonevoli, dan ma jkun jaf b’ebda raġuni għaliex il-kumpanija li tirriżulta mill-merger jaf ma tkunx tista’ tissodisfa l-obbligazzjonijiet meta jsiru dovuti dawk l-obbligazzjonijiet. Id-dikjarazzjoni għandha ssir mhux qabel xahar qabel ma l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali jiġi ddivulgat f’konformità mal-Artikolu 123.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri tal-kumpaniji f’merger li ma jkunux sodisfatti bil-protezzjoni tal-interessi tagħhom previsti fl-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali, kif stabbilit fl-Artikolu 122(1)(n), ikunu jistgħu japplikaw mal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja xierqa għal salvagwardji adegwati fi żmien xahar mid-divulgazzjoni msemmija fl-Artikolu 123.

3.Il-kredituri tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger għandhom jiġu preżunti li ma ġewx preġudikati minn merger transkonfinali f’xi waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)fejn il-kumpaniji f’merger jiddivulgaw, flimkien mal-abbozz tat-termini tal-merger transkonfinali, rapport ta’ espert indipendenti li kkonkluda li ma hemm ebda probabbiltà raġonevoli li d-drittijiet tal-kredituri jiġu preġudikati b’mod indebitu. L-espert indipendenti għandu jinħatar jew jiġi approvat mill-awtorità kompetenti u għandu jkun jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 125(1).

(b)fejn il-kredituri jiġu offruti dritt ta’ pagament, jew permezz ta’ terza persuna garanti, jew permezz tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger b’valur tal-anqas ekwivalenti għall-pretensjoni oriġinali li tista’ tiġi ppreżentata fl-istess ġuriżdizzjoni bħall-pretensjoni oriġinali tagħhom, u li tkun ta’ kwalità kreditizja li tal-anqas tkun proporzjonata għall-pretensjoni oriġinali tal-kreditur eżatt wara t-tlestija tal-merger.

4.Il-paragrafi 1, 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-Istat Membru tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger rigward l-issodisfar jew l-assigurar tal-pagamenti dovuti lil korpi pubbliċi.”;

(14)l-Artikolu 127 hu emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1 jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni għall-kisba taċ-ċertifikat ta’ qabel il-merger mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger li tinkludi preżentazzjoni ta’ xi informazzjoni u dokumenti, tista’ timtela online fis-sħuħija tagħha mingħajr il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika quddiem l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1.

Madankollu, fil-każijiet ta’ suspett ġenwin ta’ frodi fuq il-bażi ta’ motivazzjonijiet raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jitolbu preżenza fiżika quddiem awtorità kompetenti fejn tkun meħtieġa l-preżentazzjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti.”;

(b)fil-paragrafu 2 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċertifikat jintbagħat lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 128(1) permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri f’konformità mal-Artikolu 22.”;

(c)jitħassar il-paragrafu 3;

(15)l-Artikolu 128 hu emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 2 hu ssostitwit b’dan li ġej:

“2.     Għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kull kumpanija f’merger għandha tippreżenta lill-awtorità msemmija f’dak il-paragrafu, l-abbozz tat-termini tal-merger transkonfinali approvat mil-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 126.”;

(b)jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

“3.    Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-applikazzjoni għat-tlestija tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 1 minn kwalunkwe waħda mill-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger, li tinkludi l-preżentazzjoni ta’ xi informazzjoni u dokument, tista’ timtela online fis-sħuħija tagħha mingħajr il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika quddiem kwalunkwe awtorità kompetenti.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri fil-każijiet ta’ suspett ġenwin ta’ frodi fuq il-bażi ta’ motivazzjonijiet raġonevoli, li jistgħu jitolbu preżenza fiżika quddiem awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fihom tkun meħtieġa l-preżentazzjoni tal-informazzjoni u tad-dokumenti rilevanti.

4.    Iċ-ċertifikat jew iċ-ċertifikati ta’ qabel il-merger imsemmija fl-Artikolu 127(2) għandhom jiġu aċċettati minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ta’ kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali bħala prova konklużiva tat-tlestija kif suppost tal-atti u tal-formalitajiet ta’ qabel il-merger fl-Istat Membru rispettiv jew fl-Istati Membri rispettivi. Iċ-ċertifikat għandu jiġi kondiviż mill-awtorità jew mill-awtoritajiet kompetenti tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-kumpanija li tirriżulta mill-merger permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri f’konformità mal-Artikolu 22.”;

(16)l-Artikolu 131 hu emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 1, il-punt (a) hu ssostitwit b’dan li ġej:

"(a)    “l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-kumpanija li tkun qed tinxtara skont dan inklużi l-kuntratti, il-krediti, id-drittijiet u l-obbligi kollha għandhom jiġu ttrasferiti lill-kumpanija akkwirenti u għandhom jissoktaw magħha;”;

(b)fil-paragrafu 2, il-punt (a) hu ssostitwit b’dan li ġej:

“(a)    l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-kumpaniji li huma oġġett ta’ merger skont dan inklużi l-kuntratti, il-krediti, id-drittijiet u l-obbligi kollha għandhom jiġu ttrasferiti lill-kumpanija ġdida u għandhom jissoktaw magħha;”;

(17)l-Artikolu 132 hu emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 1 hu ssostitwit b’dan li ġej:

“1. Jekk merger transkonfinali permezz ta’ akkwiżizzjoni jitwettaq minn kumpanija li tkun id-detentur tal-ishma kollha u ta’ titoli oħra li jagħtu d-dritt tal-vot fil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija jew tal-kumpaniji li jkunu qed jinxtraw jew minn persuna li tkun id-detentur dirett jew indirett tal-ishma kollha fil-kumpanija akkwirenti u fil-kumpaniji li jkunu qed jinxtraw u l-kumpanija akkwirenti ma talloka ebda sehem skont il-merger:

il-punti (b), (c), (e) u (m) tal-Artikolu 122, l-Artikolu 125, u l-punt (b) tal-Artikolu 131(1) ma għandhomx japplikaw;

l-Artikolu 124 u l-Artikolu 126(1) ma għandhomx japplikaw għall-kumpanija jew għall-kumpaniji li jkunu qed jinxtraw.”;

(b)jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3. Jekk il-liġijiet tal-Istati Membri tal-kumpaniji li jkunu oġġett ta’ merger kollha jipprovdu għall-eżenzjoni mill-approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali f’konformità mal-Artikolu 126(3) u mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-abbozz tat-termini komuni tal-merger transkonfinali jew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi minn 1 sa 3 tal-Artikolu 123 rispettivament u r-rapporti msemmija fl-Artikoli 124 u 124a għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-anqas xahar qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar il-merger mill-kumpanija f’konformità mal-liġi nazzjonali.”;

(18)l-Artikolu 133 hu emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 7 hu ssostitwit b’dan li ġej:

“7. Jekk il-kumpanija li tirriżulta mill-merger transkonfinali tkun qed topera taħt sistema ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema, dik il-kumpanija għandha tkun obbligata tieħu miżuri biex tiżgura li d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema jkunu protetti f’każ ta’ kwalunkwe merger, diviżjoni jew konverżjoni transkonfinali jew domestika sussegwenti għal perjodu ta’ tliet snin wara li tidħol fis-seħħ il-merger transkonfinali, billi tapplika mutatis mutandis ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi minn 1 sa 6.”;

(b)jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:

“8. Kumpanija għandha tikkomunika lill-impjegati tagħha jekk tagħżilx li tapplika r-regoli standard għall-parteċipazzjoni msemmija fil-punt (h) tal-paragrafu 3 jew jekk tidħolx f’negozjati fil-korp speċjali ta’ negozjar. F’dan l-aħħar każ, il-kumpanija għandha tikkomunika lill-impjegati tagħha l-eżitu tan-negozjati mingħajr demwien żejjed.”;

(19)jiddaħħal l-Artikolu 133 a li ġej:

“L-Artikolu 133 a
Responsabbiltà ċivili tal-esperti indipendenti

L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli li jistabbilixxu r-responsabbiltà ċivili tal-esperti indipendenti responsabbli għat-tfassil tar-rapport imsemmi fl-Artikoli 125 u 126b(2)(a), fir-rigward ta’ mġiba ħażina min-naħa ta’ dawn l-esperti meta jwettqu dmirijiethom.”;

(20)Fit-Titolu II, jiżdied il-Kapitolu IV li ġej:

“KAPITOLU IV

Diviżjonijiet transkonfinali ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata

Artikolu 160 a
Kamp ta' applikazzjoni

1.Dan il-Kapitolu għandu japplika għad-diviżjoni transkonfinali ta’ kumpanija b’responsabbiltà limitata ffurmata f’konformità mal-liġi ta’ Stat Membru u bl-uffiċċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew is-sede prinċipali tagħha fl-Unjoni dment li tal-anqas żewġ terzi mill-kumpaniji involuti fid-diviżjoni jkunu rregolati mil-liġijiet ta’ Stati Membri differenti (“diviżjoni transkonfinali”).

2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jistabbilixxu proċedura għal diviżjoni transkonfinali msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 160b
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

(1)“kumpanija b’responsabbiltà limitata” minn hawn ’il quddiem imsejħa “kumpanija”, tfisser kumpanija kif definita fl-Anness II;

(2)“kumpanija li tkun qed tiġi diviża” tfisser kumpanija li tinsab fi proċess ta’ diviżjoni transkonfinali li fih din tittrasferixxi l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tagħha lil kumpanija waħda jew aktar, jew fil-każ ta’ diviżjoni parzjali din tittrasferixxi parti mill-assi u mill-obbligazzjonijiet tagħha lil kumpanija waħda jew aktar;

(3)“diviżjoni” tfisser operazzjoni li biha:

(a) kumpanija li tkun qed tiġi diviża, li tkun ġiet stralċata bla ma daħlet f’likwidazzjoni, tittrasferixxi l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tagħha lil żewġ kumpaniji ffurmati ġodda jew aktar (“il-kumpaniji reċipjenti”), bi skambju mal-ħruġ lill-membri tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża ta’ titoli jew ta’ ishma fil-kumpaniji reċipjenti u, jekk ikun hemm, pagament fi flus li ma jaqbiżx l-10 % tal-valur nominali ta’ dawk it-titoli jew l-ishma jew, fejn dawn ma jkollhom ebda valur nominali, pagament fi flus li ma jaqbiżx l-10 % tal-valur nominali kontabilistiku tat-titoli jew tal-ishma tagħhom (“diviżjoni sħiħa”);

(b)kumpanija li tkun qed tiġi diviża tittrasferixxi parti mill-assi u mill-obbligazzjonijiet tagħha lil kumpanija waħda ffurmata ġdida jew aktar (“il-kumpaniji reċipjenti”), bi skambju mal-ħruġ lill-membri tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża ta’ titoli jew ta’ ishma fil-kumpaniji reċipjenti jew, fil-kumpanija li tkun qed tiġi diviża, jew fiż-żewġ kumpaniji reċipjenti u fil-kumpanija li tkun qed tiġi diviża u, jekk ikun hemm, pagament fi flus li ma jaqbiżx l-10 % tal-valur nominali ta’ dawk it-titoli jew l-ishma jew, fin-nuqqas ta’ valur nominali, pagament fi flus li ma jaqbiżx l-10 % tal-valur nominali kontabilistiku tat-titoli jew tal-ishma tagħhom (“diviżjoni parzjali”).

Artikolu 160c
Dispożizzjonijiet ulterjuri li jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni

1.Minkejja l-Artikolu 160b(3), dan il-Kapitolu għandu japplika wkoll għad-diviżjonijiet transkonfinali fejn il-liġi nazzjonali ta’ tal-anqas wieħed mill-Istati Membri kkonċernati tippermetti li l-pagament fi flus imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 160b(3) jaqbeż l-10 % tal-valur nominali jew, fin-nuqqas ta’ valur nominali, 10 % tal-valur nominali kontabilistiku tat-titoli jew tal-ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpaniji reċipjenti.

2.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx dan il-Kapitolu għad-diviżjonijiet transkonfinali li jkunu jinvolvu soċjetà koperattiva anki fil-każijiet fejn din tal-aħħar tkun taqa’ fid-definizzjoni ta’ “kumpanija b’responsabbiltà limitata” kif stabbilita fl-Artikolu 160b(1).

3.Dan il-Kapitolu ma għandux japplika għal diviżjonijiet transkonfinali li jinvolvu kumpanija li l-għan tagħha hu l-investiment kollettiv ta’ kapital ipprovdut mill-pubbliku, li topera bil-prinċipju ta’ tifrix tar-riskju u li l-unitajiet tagħha jkunu, bit-talba tad-detenturi, riakkwistati jew mifdija, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dik il-kumpanija. Azzjoni meħuda minn kumpanija bħal din, sabiex tiżgura li l-valur tal-unitajiet tagħha fuq il-borża ma jvarjax b’mod sinifikanti mill-valur nett tal-assi tagħha għandha titqies bħala ekwivalenti għal riakkwist jew fidi.

Artikolu 160d
Kundizzjonijiet relatati mad-diviżjonijiet transkonfinali

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta kumpanija jkun biħsiebha twettaq diviżjoni transkonfinali, l-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża u l-kumpanija jew il-kumpaniji riċeventi jivverifikaw li d-diviżjoni transkonfinali tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.

2.Kumpanija m’għandhiex tkun intitolata tagħmel diviżjoni transkonfinali fl-ebda waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)ikunu tnedew proċedimenti għall-istralċ, għal-likwidazzjoni, jew għall-insolvenza ta’ dik il-kumpanija;

(b)il-kumpanija tkun soġġetta għal proċedimenti preventivi ta’ ristrutturar imnedija minħabba l-probabbiltà ta’ insolvenza;

(c)    tkun għaddejja s-sospensjoni tal-pagamenti;

(d)il-kumpanija hi soġġetta għal għodod, għal setgħat u għal mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE;

(e)ikunu ttieħdu l-miżuri preventivi mill-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi evitat il-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fil-punti (a), (b) jew (d).

3.L-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandu jigura li l-awtorità kompetenti ma tawtorizzax id-diviżjoni meta hi tiddetermina hekk, wara eżami tal-każ speċifiku u b’kunsiderazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li din tikkostitwixxi arranġament artifiċjali li għandu l-għan li jikseb benefiċċji indebiti fuq it-taxxa jew li jippreġudika b’mod indebitu d-drittijiet legali jew kuntrattwali tal-impjegati, tal-kredituri jew tal-membri.

4.Il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandha tirregola l-parti tal-proċeduri u l-formalitajiet li għandhom jiġu rrispettati b’rabta mad-diviżjoni transkonfinali biex jinkiseb ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni, u l-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti għandhom jirregolaw il-parti tal-proċedura u l-formalitajiet li għandhom jiġu segwiti wara r-riċevuta taċ-ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

Artikolu 160e
Abbozz tat-termini tad-diviżjonijiet transkonfinali

1.L-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandu jfassal l-abbozz tat-termini ta’ diviżjoni transkonfinali. L-abbozz tat-termini ta’ diviżjoni transkonfinali għandu jinkludi tal-anqas dawn li ġejjin:

(a)il-forma ġuridika, l-isem u l-uffiċċju reġistrat propost għall-kumpanija jew għall-kumpaniji l-ġodda li jirriżultaw mid-diviżjoni transkonfinali;

(b)il-proporzjon applikabbli għall-iskambju ta’ titoli jew ta’ ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpaniji u l-ammont ta’ pagament fi flus, fejn xieraq;

(c)it-termini għall-allokazzjoni tat-titoli jew tal-ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpaniji reċipjenti jew, tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża;

(d)l-iskeda ta’ żmien proposta għad-diviżjoni transkonfinali;

(e)ir-riperkussjonijiet probabbli tad-diviżjoni transkonfinali fuq l-impjiegi;

(f)    id-data li minnha ż-żamma tat-titoli jew tal-ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpaniji se tintitola lid-detenturi li jirċievu parti mill-profitti u kull kundizzjoni speċjali li taffettwa dak l-intitolament;

(g)    id-data jew dati li minnha t-tranżazzjonijiet tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża se jiġu ttrattati għall-finijiet kontabilistiċi bħala dawk tal-kumpaniji reċipjenti;

(h)dettalji ta’ kwalunkwe vantaġġ speċjali mogħti lill-membri tal-organu amministrattiv, maniġerjali, superviżorju jew ta’ kontroll tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża;

(i)    id-drittijiet mogħtija mill-kumpaniji reċipjenti lill-membri tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża li jgawdu drittijiet speċjali jew lid-detenturi ta’ titoli li mhumiex ishma li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpanija diviża, jew il-miżuri proposti li jikkonċernawhom;

(j)    kull vantaġġ speċjali mogħti lill-esperti li jeżaminaw l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali;

(k)    l-istrumenti tal-kostituzzjoni tal-kumpaniji reċipjenti u kwalunkwe tibdil fl-istrument tal-kostituzzjoni tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża fil-każ ta’ diviżjoni parzjali;

(l)    fejn xieraq, informazzjoni dwar il-proċeduri li bihom jiġu ddeterminati arranġamenti għall-involviment tal-impjegati fid-definizzjoni tad-drittijiet tagħhom li jipparteċipaw fil-kumpaniji reċipjenti hi stabbilita f’konformità mal-Artikolu 160n u fuq l-għażliet possibbli għat-tali arranġamenti;

(m)    id-deskrizzjoni preċiża tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża u dikjarazzjoni dwar kif dawn l-assi u l-obbligazzjonijiet għandhom jiġu allokati bejn il-kumpaniji reċipjenti, jew jinżammu mill-kumpanija li tkun qed tiġi diviża fil-każ ta’ diviżjoni parzjali, inkluża dispożizzjoni għat-trattament tal-assi jew tal-obbligazzjonijiet mhux allokati b’mod espliċitu fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, bħall-assi jew l-obbligazzjonijiet li ma jkunux magħrufa fid-data li fiha jitfassal l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali;

(n)    informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet li huma allokati lil kull kumpanija involuta f’diviżjoni transkonfinali;

(o)id-data tal-kontijiet tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża, li tintuża biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali;

(p)    fejn xieraq, l-allokazzjoni lill-membri tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża tal-ishma u tat-titoli fil-kumpaniji reċipjenti jew fil-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jew fit-taħlita tal-kumpanija reċipjenti u tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża u l-kriterji li fuqhom hi bbażata tali allokazzjoni;

(q)    id-dettalji tal-offerta ta’ kumpens fi flus għall-membri li jopponu d-diviżjoni transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 160l;

(r)dettalji tas-salvagwardji offruti lill-kredituri.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta assi tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża ma jiġix allokat b’mod espliċitu skont l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali u fejn l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini ma tiħux deċiżjoni dwar l-allokazzjoni possibbli tiegħu, l-assi jew il-korrispettiv għalih jiġi allokat lill-kumpaniji reċipjenti kollha jew, fil-każ ta’ diviżjoni parzjali, lill-kumpaniji reċipjenti kollha u lill-kumpanija li tkun qed tiġi diviża b’mod proporzjonat għas-sehem tal-assi netti allokati lil kull waħda minn dawk il-kumpaniji skont l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li fejn obbligazzjoni tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża ma tiġix allokata b’mod espliċitu skont l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, l-obbligazzjoni tiġi allokata lill-kumpaniji reċipjenti u lill-kumpanija li tkun qed tiġi diviża, b’mod proporzjonat għas-sehem tal-assi netti allokati lil kull waħda minn dawk il-kumpaniji skont l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali. B’mod simili, kwalunkwe obbligazzjoni konġunta u proporzjonali għandha tkun limitata għall-valur tal-assi netti allokati lil kull kumpanija fid-data tad-diviżjoni.

4.Minbarra l-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti u ta’ dik li tkun qed tiġi diviża, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-kumpanija tuża lingwa li tintuża komunement fl-isfera tan-negozju u tal-finanzi internazzjonali biex tfassal l-abbozz tat-termini ta’ diviżjoni transkonfinali u d-dokumenti relatati l-oħra kollha. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw liema lingwa se tipprevali f’każ ta’ diskrepanzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ dawk id-dokumenti.

Artikolu 160f
Id-data kontabilistika

1.L-organu tal-maniġment jew amministrattiv tal-kumpanija li qed tiġi diviża għandu jkun intitolat li jiddetermina d-data tal-kontabbiltà jew id-dati fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ diviżjoni.

Id-data kontabilistika pprovduta fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali għandha tkun id-data li fiha tidħol fis-seħħ id-diviżjoni transkonfinali, kif imsemmi fl-Artikolu 160t, sakemm il-kumpanija ma tiddeterminax xi data oħra biex tiffaċilita l-proċess ta’ diviżjoni.

F’dak il-każ, kull data kontabilistika għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)ma tistax tiġi qabel id-data tal-karta bilanċjali tal-aħħar kontijiet annwali mfassla u ppubblikati mill-kumpanij li qed tiġi diviża;

(b)fir-rigward ta’ kull kumpanija riċeventi, ma tistax tkun aktar kmieni mid-data li fiha l-kumpanija riċeventi ġiet iffurmata;

(c)id-dati msemmija fil-punti (a) u (b) għandhom jippermettu lill-kumpaniji reċipjenti, u fil-każ ta’ diviżjoni parzjali tal-kumpanija li qed tiġi diviża, biex ifasslu r-rapporti finanzjarji annwali rispettivi tagħhom, inklużi l-effetti ta’ diviżjoni, skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġi tal-Istati Membri hekk kif kienu fid-data tal-karta tal-bilanċ rispettiva tal-kumpaniji involuti fid-diviżjoni immedjatament wara d-data meta sseħħ id-diviżjoni transkonfinali.

Għall-finijiet tal-punti (a) u (b), id-determinazzjoni tad-data tal-kontabbiltà tista’ tikkunsidra r-reġim ta’ kontabbiltà użat minn kumpanija riċeventi.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dati li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 huma ttrattati għall-finijiet kontabilistiċi bħala d-dati li minnhom it-tranżazzjonijiet ittrasferiti mill-kumpanija li tkun qed tiġi diviża se jiġu ttrattati bħala dawk ta’ kull kumpanija riċevitriċi, f’konformità mal-liġijiet nazzjonali tal-kumpaniji kollha li jirriżultaw mid-diviżjoni transkonfinali.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għar-rikonoxximent u għall-valutazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet fir-rapporti finanzjarji li għandhom jiġu ttrasferiti skont id-diviżjoni transkonfinali, ir-reġimi kontabilistiċi tal-kumpaniji reċipjenti għandhom jintużaw bħala bażi mid-dati rispettivi speċifikati fil-paragrafu 1.

Artikolu 160g
Rapport tal-organu maniġerjali jew amministrattiv lill-membri 

1.L-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandu jfassal rapport li jispjega u jiġġustifika l-aspetti legali u ekonomiċi tad-diviżjoni transkonfinali.

2.Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jispjega b’mod partikolari dan li ġej:

(a)l-implikazzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali fuq in-negozju futur tal-kumpaniji reċipjenti u, fil-każ ta’ diviżjoni parzjali, tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża wkoll u fuq il-pjan strateġiku tal-maniġments;

(b)spjegazzjoni u ġustifikazzjoni tal-proporzjon ta’ skambju tal-ishma, fejn applikabbli;

(c)    deskrizzjoni ta’ kwalunkwe diffikultà speċjali li nstabet fil-valwazzjoni;

(d)l-implikazzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali għall-membri;

(e)id-drittijiet u r-rimedji disponibbli għall-membri li jopponu d-diviżjoni transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 160l.

3.Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni, tal-anqas b’mod elettroniku, tal-membri tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża mhux anqas minn xahrejn qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160k. Dan ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni b’mod simili wkoll tar-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jew, fejn ma jkun hemm ebda rappreżentant bħal dan, għad-dispożizzjoni tal-impjegati nfushom.

4.Madankollu, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ma għandux ikun meħtieġ meta l-membri kollha tal-kumpaniji li qed tiġi diviża jkunu qablu li jirrinunzjaw għal dan id-dokument.

Artikolu 160h
Rapport tal-organu maniġerjali jew amministrattiv lill-impjegati

1.L-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandu jfassal rapport li jispjega l-implikazzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali għall-impjegati.

2.Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jispjega b’mod partikolari dan li ġej:

(a)l-implikazzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali fuq in-negozju futur tal-kumpaniji reċipjenti u, fil-każ ta’ diviżjoni parzjali, tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża wkoll u fuq il-pjan strateġiku tal-maniġment;

(b)l-implikazzjonijiet tad-diviżjoni transkonfinali għas-salvagwardja tar-relazzjonijiet tax-xogħol;

(c)kull tibdil materjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fil-lok tal-postijiet tan-negozju tal-kumpanija;

(d)jekk il-fatturi stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) humiex relatati wkoll ma’ xi sussidjarja tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża.

3.Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni, tal-anqas b’mod elettroniku, tar-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jew, fejn ma jkun hemm ebda tali rappreżentant, tal-impjegati nfushom mhux anqas minn xahrejn qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160k. B’mod simili, ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni wkoll tal-membri tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża.

4.Jekk l-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jirċievi opinjoni fil-ħin mingħand ir-rappreżentanti tal-impjegati tiegħu jew, fejn ma jkun hemm ebda rappreżentant bħal dan, mingħand l-impjegati nfushom, kif previst fil-liġi nazzjonali, il-membri għandhom ikunu infurmati dwar dan u dik l-opinjoni għandha tiġi mehmuża ma’ dak ir-rapport.

5.Madankollu, jekk il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża u s-sussidjarji kollha tagħha, jekk ikun hemm, ma jkollhom ebda impjegat minbarra dawk li jagħmlu parti mill-organu maniġerjali jew amministrattiv, ma għandux ikun meħtieġ ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

6.Il-paragrafi minn 1 sa 5 huma mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni u għad-drittijiet u għall-proċedimenti ta’ konsultazzjoni applikabbli mnedija fil-livell nazzjonali wara l-implimentazzjoni tad-Direttivi 2001/23/KE, 2002/14/KE jew 2009/38/KE.

Artikolu 160i
Eżami minn espert indipendenti

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija li qed tiġi diviża tapplika lill-awtorità kompetenti, maħtura skont l-Artikolu 160o(1), mhux inqas minn xahrejn qabel id-data tal-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160k, biex taħtar espert sabiex jeżamina u jivvaluta l-abbozz tat-termini ta’ diviżjoni transkonfinali u r-rapporti msemmija fl-Artikoli 160g u 160h, u suġġett għall-kundizzjoni stipulata fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

L-applikazzjoni għall-ħatra ta’ espert għandha tiġi akkumpanjata minn dawn li ġejjin:

(a)l-abbozzi tat-termini tad-diviżjoni msemmija fl-Artikolu 160e;

(b)ir-rapporti msemmija fl-Artikoli 160g u 160h.

2.L-awtorità kompetenti għandha taħtar espert indipendenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol tal-applikazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 u r-riċevuta tal-abbozz tat-termini u tar-rapporti. L-espert għandu jkun indipendenti mill-kumpanija li tkun qed tiġi diviża u jista’ jkun persuna fiżika jew ġuridika skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri għandhom iqisu, meta jivvalutaw l-indipendenza tal-espert, il-qafas stabbilit fl-Artikoli 22 u 22b tad-Direttiva 2006/43/KE.

3.L-espert għandu jfassal rapport bil-miktub li tal-anqas jipprovdi:

(a)indikazzjoni tal-metodu jew tal-metodi użati għad-determinazzjoni tal-proporzjon ta’ skambju tal-ishma propost;

(b)    dikjarazzjoni dwar jekk il-metodu jew il-metodi msemmija fil-punt (a) humiex adegwati;

(c)kalkolu tal-valuri stabbiliti bl-użu tal-metodi msemmija fil-punt (a) u l-għoti ta’ opinjoni dwar l-importanza relattiva attribwita lit-tali metodi fil-kisba tal-valur propost;

(d)valutazzjoni ta’ jekk il-proporzjon ta’ skambju tal-ishma huwiex ġust u raġonevoli;

(e)    valutazzjoni dettaljata tal-akkuratezza tar-rapporti u tal-informazzjoni preżentata mill-kumpanija;

(f)    deskrizzjoni tal-elementi fattwali neċessarji kollha biex l-awtorità kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 160o(1), twettaq valutazzjoni fil-fond biex tiddetermina jekk id-diviżjoni transkonfinali maħsuba tikkostitwixxix arranġament artifiċjali f’konformità mal-Artikolu 160p, bil-minimu jkun li ġej: il-karatteristiċi tal-istabbilimenti fl-Istati Membri kkonċernati tal-kumpaniji reċipjenti, inklużi l-intenzjoni, is-settur, l-investiment, il-fatturat nett u l-profitt jew telf, in-numru ta’ impjegati, il-kompożizzjoni tal-karta tal-bilanċi, ir-residenza tat-taxxa, l-assi u fejn jinsabu, il-post tax-xogħol normali tal-impjegati u ta’ gruppi speċifiċi ta’ impjegati, il-post fejn huma dovuti l-kontribuzzjonijiet soċjali u r-riskji kummerċjali assunti mill-kumpanija konvertita fl-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-espert indipendenti jkun intitolat jikseb mingħand il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha u jagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji kollha biex jivverifika l-elementi kollha tal-abbozz tat-termini jew tar-rapporti maniġerjali. L-espert indipendenti għandu jkun intitolat jirċievi wkoll kummenti u opinjonijiet mingħand ir-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija, jew, meta ma jkun hemm ebda rappreżentant bħal dan, mingħand l-impjegati nfushom u anki mingħand il-kredituri u l-membri tal-kumpanija.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni preżentata lill-espert indipendenti tista’ tintuża biss għall-fini ta’ abbozzar tar-rapport u dik l-informazzjoni kunfidenzjali, li tinkludi sigrieti kummerċjali, ma għandhiex tiġi ddivulgata. Fejn xieraq, l-espert jista’ jippreżenta dokument separat li jkun fih informazzjoni kunfidenzjali lill-awtorità kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 160o(1) u li dan id-dokument separat għandu jkun disponibbli biss għall-kumpanija li qed tiġi diviża u ma tiġix żvelata lil kwalunkwe terza persuna.

6.L-Istati Membri għandhom jeżentaw lill-intrapriżi mikro u żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (**), mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 160j
Divulgazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Istati Membri tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jiddivulgaw u jagħmlu pubblikament disponibbli fir-reġistru, tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali dwar dawn, id-dokumenti li ġejjin:

(a)l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali;

(b)ir-rapport tal-espert indipendenti msemmi fl-Artikolu 160i, fejn applikabbli,

(c)avviż li jinforma lill-membri, lill-kredituri u lill-impjegati tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża li dawn jistgħu jippreżentaw, qabel id-data tal-laqgħa ġenerali, kummenti dwar id-dokumenti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu lill-kumpanija u lill-awtorità kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 160o(1).

Id-dokumenti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu aċċessibbli wkoll permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 22.

2.L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-kumpanija li tkun qed tiġi diviża mir-rekwiżit ta’ żvelar imsemmi fil-paragrafu 1, fejn, għal perjodu kontinwu ta’ żmien li jibda tal-anqas xahar qabel id-data stabbilita għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni u li jispiċċa mhux qabel il-konklużjoni ta’ dik il-laqgħa, din tagħmel disponibbli d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 fuq is-sit web tagħha mingħajr ħlas għall-pubbliku.

Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għal xi rekwiżit jew restrizzjoni minbarra dawk li huma meħtieġa biex ikunu żgurati s-sigurtà tas-sit web u l-awtentiċità ta’ dawk id-dokumenti sakemm u biss sa fejn dawn ikunu proporzjonati biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

3.Jekk il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża tiddivulga l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, din għandha tippreżenta, tal-anqas xahar qabel id-data tal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwaru, lir-reġistru, l-informazzjoni li ġejja:

(a)il-forma ġuridika, l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża u l-forma ġuridika, l-isem u l-uffiċċju reġistrat propost għal kwalunkwe kumpanija maħluqa ġdida li tirriżulta mid-diviżjoni transkonfinali;

(b)ir-reġistru li fih ġew ippreżentati d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 14 fir-rigward tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża u n-numru tal-entrata f’dak ir-reġistru;

(c)indikazzjoni tal-arranġamenti li saru għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-kredituri, tal-impjegati u tal-membri;

(d)id-dettalji tas-sit web fejn l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, l-avviż u l-perizja msemmija fil-paragrafu 1 u informazzjoni kompluta dwar l-arranġamenti msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu jistgħu jinkisbu online u mingħajr ħlas.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafi 1 u 3 jkunu jistgħu jiġu ssodisfati online fis-sħuħija tagħhom mingħajr il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika quddiem xi awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat.

Madankollu, f’każijiet ta’ suspett ġenwin ta’ frodi fuq il-bażi ta’ motivazzjonijiet raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jitolbu preżenza fiżika quddiem awtorità kompetenti.

5.Minbarra d-divulgazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, jew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jiġu ppubblikati fil-gazzetta nazzjonali. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru jibgħat l-informazzjoni rilevanti lill-gazzetti nazzjonali.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun aċċessibbli mill-pubbliku mingħajr ħlas. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe tariffa mitluba mir-reġistri lill-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għad-divulgazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 u, fejn applikabbli, għall-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, ma għandhiex taqbeż l-ispejjeż amministrattivi għall-provvista tas-servizz.

Artikolu 160k
Approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali

1.Wara li tieħu nota tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 160g, 160h u 160i, fejn applikabbli, il-laqgħa ġenerali tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandha tiddeċiedi, permezz ta’ riżoluzzjoni, jekk tapprovax l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali. Il-kumpanija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 160o(1) bid-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali.

2.Il-laqgħa ġenerali tista’ tirriżerva d-dritt li tagħmel l-implimentazzjoni tad-diviżjoni transkonfinali kondizzjonali għar-ratifika espliċita minnha tal-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 160n.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-approvazzjoni ta’ kwalunkwe emenda għall-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali tkun teħtieġ maġġoranza ta’ xejn anqas minn żewġ terzi iżda mhux aktar minn 90 % tal-voti marbuta mal-ishma jew mal-kapital sottoskritt rappreżentat. F'kull każ, il-livell limitu tal-votazzjoni ma għandux ikun ogħla minn dak previst fil-liġi nazzjonali għall-approvazzjoni ta’ mergers transkonfinali.

4.Il-laqgħa ġenerali għandha tiddeċiedi wkoll jekk id-diviżjoni transkonfinali tkunx teħtieġ emendi għall-istrumenti tal-kostituzzjoni tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-approvazzjoni tad-diviżjoni transkonfinali mil-laqgħa ġenerali ma tkunx tista’ tiġi kkontestata unikament fuq il-bażi tal-motivazzjonijiet li ġejjin:

(a)il-proporzjon ta’ skambju tal-ishma msemmi fl-Artikolu 160e ġie stabbilit b’mod inadegwat;

(b)il-kumpens fi flus imsemmi fl-Artikolu 160l ġie stabbilit b’mod inadegwat;

(c)il-valur totali tal-parteċipazzjoni azzjonarja allokata lil membru mhuwiex ekwivalenti għall-valur tal-ishma miżmuma minn dak il-membru fil-kumpanija li tkun qed tiġi diviża.

Artikolu 160l:
Protezzjoni tal-membri

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri li ġejjin ta’ kumpanija li tkun qed tiġi diviża jkollhom id-dritt li jċedu l-parteċipazzjoni azzjonarja tagħhom bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 6:

(a)il-membri li jkunu detenturi ta’ ishma bi drittijiet tal-vot u li ma vvutawx għall-approvazzjoni tal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali;

(b)il-membri li jkunu detenturi tal-ishma mingħajr drittijiet tal-vot.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri msemmija fil-paragrafu 1 ikunu jistgħu jċedu l-parteċipazzjoni azzjonarja tagħhom, b’kunsiderazzjoni ta’ kumpens adegwat imħallas fi flus, ladarba tidħol fis-seħħ id-diviżjoni transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 160t, minn wieħed/waħda jew aktar minn fost dawn li ġejjin:

(a)il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża;

(b)il-membri li jifdal ta’ dik il-kumpanija;

(c)terzi persuni, bi qbil mal-kumpanija li qed tiġi diviża.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kumpanija li tkun qed tiġi diviża tagħmel offerta ta’ kumpens adegwat fi flus fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali kif speċifikat fl-Artikolu 160e(1)(q) lill-membri, imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jċedu l-parteċipazzjoni azzjonarja tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll il-perjodu għall-aċċettazzjoni tal-offerta li fl-ebda każ ma għandha taqbeż ix-xahar wara l-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160k. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li kumpanija tkun tista’ taċċetta offerta komunikata b’mod elettroniku lil indirizz ipprovdut mill-kumpanija għal dak l-għan.

Madankollu, l-akkwiżizzjoni mill-kumpanija tal-ishma tagħha stess prevista fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-akkwiżizzjoni minn kumpanija tal-parteċipazzjoni azzjonarja tagħha stess.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-offerta ta’ kumpens fi flus tkun kundizzjonali għad-dħul fis-seħħ tad-diviżjoni transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 160t. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ulterjorment wkoll il-perjodu li fih jitħallas il-kumpens fi flus, li ma għandux ikun itwal minn xahar wara li tidħol fis-seħħ id-diviżjoni transkonfinali.

5.L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kwalunkwe membru li jkun aċċetta l-offerta ta’ kumpens fi flus imsemmija fil-paragrafu 3 iżda li jqis li l-kumpens fi flus ma ġiex stabbilit b’mod adegwat, ikun intitolat li jitlob il-kalkolu mill-ġdid tal-kumpens fi flus offrut minn qorti nazzjonali fi żmien xahar mill-aċċettazzjoni tal-offerta.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li għaliha hi soġġetta kumpanija li tkun qed tiġi diviża tirregola d-drittijiet imsemmija fil-paragrafi minn 1 sa 5 u li l-qrati ta’ dak l-Istat Membru jkollhom ġuriżdizzjoni. Kwalunkwe membru li jkun aċċetta l-offerta biex għall-akkwiżizzjoni tal-ishma tiegħu għandu jkun intitolat iniedi l-proċedimenti msemmija fil-paragrafu 5 jew ikun parti minnhom.

7.L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-membri tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża li ma jopponux id-diviżjoni transkonfinali, iżda li jqisu li l-proporzjon ta’ skambju tal-ishma hu inadegwat fejn jistgħu jikkontestaw dak il-proporzjon ta’ skambju tal-ishma stabbilit fl-abbozz tat-terminu tad-diviżjoni transkonfinali quddiem qorti nazzjonali fi żmien xahar mindu tidħol fis-seħħ id-diviżjoni transkonfinali.

8.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn qorti nazzjonali ssib li proporzjon ta’ skambju tal-ishma ma ġiex stabbilit b’mod adegwat, il-qorti jkollha s-setgħa li tordna lill-kumpanija riċevitriċi tħallas kumpens lil dawk il-membri li kkontestaw b’suċċess il-proporzjon. Dan il-kumpens għandu jikkonsisti f’pagament addizzjonali fi flus ikkalkolat fuq il-bażi ta’ proporzjon adegwat applikabbli għall-iskambju ta’ titoli jew ta’ ishma kif iddeterminati mill-qorti. B'talba ta’ xi wieħed minn dawn, il-qorti nazzjonali għandha tingħata s-setgħa li tordna lill-kumpanija riċevitriċi tipprovdi ishma addizzjonali minflok il-pagament fi flus.

9.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi applikabbli għall-kumpanija li tirriżulta mid-diviżjoni transkonfinali tirregola l-obbligu li tħallas kumpens addizzjonali fi flus jew li tipprovdi ishma addizzjonali.

Artikolu 160m
Protezzjoni tal-kredituri

1.L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jipprovdi dikjarazzjoni li tirrifletti b’mod preċiż l-istatus finanzjarju tal-kumpanija bħala parti mill-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali msemmi fl-Artikolu 160e. Id-dikjarazzjoni għandha tiddikjara li, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għall-organu maniġerjali jew amministrattiv tal-kumpanija fid-data tad-dikjarazzjoni, u wara li jkunu saru l-inkjesti raġonevoli, dan ma jkun jaf b’ebda raġuni għaliex kwalunkwe kumpanija riċevitriċi u, fil-każ ta’ diviżjoni parzjali, il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża, wara li tidħol fis-seħħ id-diviżjoni, jaf ma tkunx tista’ tissodisfa l-obbligazzjonijiet allokati lilha skont l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali meta jsiru dovuti dawk l-obbligazzjonijiet. Id-dikjarazzjoni għandha ssir mhux qabel xahar qabel ma l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali jiġi ddivulgat f’konformità mal-Artikolu 160j.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri li ma jkunux sodisfatti bil-protezzjoni tal-interessi tagħhom previsti fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, kif stabbilit fl-Artikolu 160e, ikunu jistgħu japplikaw mal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja xierqa għal salvagwardji adegwati fi żmien xahar mid-divulgazzjoni msemmija fl-Artikolu 160j.

3.Il-kredituri tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandhom jiġu preżunti li ma ġewx preġudikati minn diviżjoni transkonfinali f’xi waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)fejn il-kumpanija tiddivulga, flimkien mal-abbozz tat-termini tal-konverżjoni, rapport ta’ espert indipendenti li kkonkluda li ma hemm ebda probabbiltà raġonevoli li d-drittijiet tal-kredituri jiġu preġudikati b’mod indebitu. L-espert indipendenti għandu jinħatar jew jiġi approvat mill-awtorità kompetenti u għandu jkun jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 160i(2);

(b)fejn il-kredituri jiġu offruti dritt ta’ pagament, jew permezz ta’ terza persuna garanti, jew permezz tal-kumpaniji reċipjenti, jew fil-każ ta’ diviżjoni parzjali permezz tal-kumpanija reċipjenti u permezz ta’ kumpanija li tkun qed tiġi diviża b’valur tal-anqas ekwivalenti għall-pretensjoni oriġinali li tista’ tiġi ppreżentata fl-istess ġuriżdizzjoni bħall-pretensjoni oriġinali tagħhom, u li tkun ta’ kwalità kreditizja li tal-anqas tkun proporzjonata għall-pretensjoni oriġinali tal-kreditur eżatt wara t-tlestija tad-diviżjoni.

4.Jekk kreditur tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża li t-talba tagħha tiġi ttrasferita lil kumpanija reċipjenti ma jkunx sodisfatt mill-kumpanija riċevitriċi, il-kumpaniji reċipjenti l-oħrajn, u fil-każ ta’ diviżjoni parzjali l-kumpanija li tkun qed tiġi diviża, għandhom ikunu responsabbli b’mod konġunt u in solidum mal-kumpaniji reċipjenti għal dak l-obbligu. Madankollu, l-ammont massimu ta’ responsabbiltà konġunta u in solidum ta’ kwalunkwe kumpanija involuta fid-diviżjoni għandu jkun limitat għall-valur, fid-data li fiha tidħol fis-seħħ id-diviżjoni, tal-assi netti allokati lil dik il-kumpanija.

5.Il-paragrafi minn 1 sa 4 huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża rigward l-issodisfar tal-assigurar tal-pagamenti dovuti lil korpi pubbliċi.

Artikolu 160n
Parteċipazzjoni tal-ħaddiema

1.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, kull kumpanija riċevitriċi għandha tkun soġġetta għar-regoli fis-seħħ li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, jekk teżisti, fl-Istat Membru fejn ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

2.Madankollu, ir-regoli fis-seħħ li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, jekk jeżistu, fl-Istat Membru fejn il-kumpanija li tirriżulta mid-diviżjoni transkonfinali jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha ma għandhomx japplikaw, fejn il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jkollha, fis-sitt xhur ta’ qabel il-pubblikazzjoni tal-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali kif imsemmija fl-Artikolu 160e ta’ din id-Direttiva, numru medju ta’ impjegati ekwivalenti għal 80 fil-mija tal-livell limitu applikabbli, stabbilit fil-liġi tal-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża, li jiskatta l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema skont it-tifsira tal-punt (k) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/86/KE, jew fejn il-liġi nazzjonali applikabbli għal kull waħda mill-kumpaniji reċipjenti:

(a)ma tipprovdix għal tal-anqas l-istess livell ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema kif operata fil-kumpanija li tkun qed tiġi diviża qabel id-diviżjoni, imkejla b’referenza għall-proporzjon ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema fost il-membri tal-organu amministrattiv jew superviżorju jew il-kumitati tagħhom jew tal-grupp maniġerjali li jkopri l-unitajiet tal-profitt tal-kumpanija, soġġetti għar-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema; jew

(b)ma tipprovdix għall-impjegati tal-istabbilimenti tal-kumpaniji reċipjenti li jinsabu fi Stati Membri oħra l-istess intitolament biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni li jitgawda minn dawk l-impjegati mħaddma fl-Istat Membru fejn il-kumpanija reċipjenti għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

3.Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kumpaniji li jirriżultaw mid-diviżjoni transkonfinali u l-involviment tagħhom fid-definizzjoni ta’ drittijiet bħal dawn għandhom ikunu regolati mill-Istati Membri, mutatis mutandis u soġġetti għall-paragrafi minn 4 sa 7 ta’ dan l-Artikolu, f’konformità mal-prinċipji u mal-proċeduri stipulati fl-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 2157/2001 u fid-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva 2001/86/KE:

(a)l-Artikolu 3(1), (2)(a)(i), 2(b) u (3), l-ewwel inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(4), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4), l-Artikolu 3(5), it-tielet inċiż tal-Artikolu 3(6) u l-Artikolu 3(7);

(b)l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 4(2)(a), (g) u (h), l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 4(4);

(c)l-Artikolu 5;

(d)l-Artikolu 6;

(e)l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1);

(f)l-Artikoli 8, 9, 10 u 12;

(g)il-punt (a) tal-parti 3 tal-Anness.

4.Meta jkunu qed jirregolaw il-prinċipji u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 3, l-Istati Membri:

(a)għandhom jagħtu lill-korp speċjali tan-negozjar id-dritt li jiddeċiedi, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu li jirrappreżentaw tal-anqas żewġ terzi mill-impjegati, li ma jiftaħx negozjati jew li jtemm in-negozjati diġà miftuħa u li jibbaża fuq ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni fis-seħħ fl-Istati Membri ta’ kull waħda mill-kumpaniji reċipjenti;

(b)jistgħu, fil-każ fejn, wara negozjati preċedenti, japplikaw regoli standard għall-parteċipazzjoni u, minkejja tali regoli, jiddeċiedu li jillimitaw il-proporzjon ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema fl-organu amministrativ tal-kumpaniji reċipjenti. Madankollu, jekk fil-kumpanija li tkun qed tiġi diviża r-rappreżentanti tal-ħaddiema jikkostitwixxu tal-anqas terz mill-bord amministrattiv jew superviżorju, il-limitazzjoni qatt ma tista’ tirriżulta fi proporzjon iżgħar minn terz ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema fl-organu amministrattiv;

(c)għandu jiġi żgurat li r-regoli dwar il-parteċipazzjoni li kienu japplikaw qabel id-diviżjoni transkonfinali jibqgħu japplikaw sad-data ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwa regola sussegwentement miftehma jew fin-nuqqas ta’ regoli miftehma sakemm l-applikazzjoni ta’ regoli prestabbiliti f’konformità mal-punt (a) tal-Parti 3 tal-Anness.

5.L-estensjoni tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni għall-ħaddiema tal-kumpaniji reċipjenti li huma impjegati fi Stati Membri oħrajn, imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2, ma għandhiex twassal għal xi obbligu fuq l-Istati Membri li jagħmlu dik l-għażla biex jikkunsidraw lil dawk l-impjegati meta jikkalkolaw il-livelli limitu tad-daqs tal-forza tax-xogħol li jwasslu għal drittijiet ta’ parteċipazzjoni skont il-liġi nazzjonali.

6.Jekk xi waħda mill-kumpaniji reċipjenti tkun se tiġi rregolata b’sistema ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema f’konformità mar-regoli msemmija fil-paragrafu 2, dawn il-kumpaniji għandhom ikunu obbligati jieħdu forma ġuridika li tippermetti għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni,

7.Jekk il-kumpanija li tirriżulta mid-diviżjoni transkonfinali tkun qed topera taħt sistema ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema, dik il-kumpanija għandha tkun obbligata tieħu miżuri biex tiżgura li d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema jkunu protetti f’każ ta’ kwalunkwe merger, diviżjoni jew konverżjoni transkonfinali jew domestika sussegwenti għal perjodu ta’ tliet snin wara li tidħol fis-seħħ id-diviżjoni transkonfinali, billi tapplika mutatis mutandis ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi minn 1 sa 6.

8.Kumpanija għandha tikkomunika lill-impjegati tagħha l-eżitu tan-negozjati li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 160o
Ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni

1.L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità nazzjonali kompetenti biex tiskrutinizza l-legalità tad-diviżjonijiet transkonfinali fir-rigward tal-parti tal-proċedura li hi regolata mil-liġi tal-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża, u toħroġ ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni li jattesta l-konformità mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha u t-tlestija xierqa tal-proċeduri u tal-formalitajiet kollha f’dak l-Istat Membru.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni biex jinkiseb ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni mill-kumpanija li qed tiġi diviża hija akkumpanjata minn dawn li ġejjin:

(a)l-abbozzi tat-termini tad-diviżjoni msemmija fl-Artikolu 160e;

(b)ir-rapporti msemmija fl-Artikoli 160g, 160h u 160i, kif xieraq;

(c)l-informazzjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-laqgħa ġenerali li tapprova d-diviżjoni msemmija fl-Artikolu 160k.

L-abbozz tat-termini u r-rapporti ppreżentat skont l-Artikolu 160i ma għandhomx għalfejn jerġgħu jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 2, inkluża l-preżentazzjoni ta’ xi informazzjoni jew dokumenti ta’ kumpanija, tista’ timtela online fis-sħuħija tagħha mingħajr il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika quddiem l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1.

Madankollu, fil-każijiet ta’ suspett ġenwin ta’ frodi fuq il-bażi ta’ motivazzjonijiet raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jitolbu preżenza fiżika quddiem awtorità kompetenti fejn tkun meħtieġa l-preżentazzjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti.

4.Fir-rigward tal-konformità mar-regoli li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema kif stabbiliti fl-Artikolu 160n, l-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandu jivverifika li l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali msemmi fl-Artikolu 160e jinkludi informazzjoni dwar il-proċeduri li bihom huma ddeterminati l-arranġamenti rilevanti u fuq l-għażliet possibbli għat-tali arranġamenti.

5.Bħala parti mill-valutazzjoni tal-legalità msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha teżamina l-informazzjoni li ġejja:

(a)id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2;

(b)il-kummenti kollha ppreżentati mill-partijiet interessati f’konformità mal-Artikolu 160j(1);

(c)indikazzjoni mill-kumpanija li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 160n(3) u (4) bdiet, fejn rilevanti.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 1 jistgħu jikkonsultaw ma’ awtoritajiet rilevanti oħra b’kompetenza fl-oqsma differenti kkonċernati mid-diviżjoni transkonfinali.

7.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valutazzjoni mill-awtorità kompetenti ssir fi żmien xahar mir-riċevuta tal-informazzjoni li tikkonċerna l-approvazzjoni tad-diviżjoni transkonfinali mil-laqgħa ġenerali tal-kumpanija. Għandu jkollhom wieħed mir-riżultati li ġejjin:

(a)    fejn l-awtorità kompetenti tiddetermina li d-diviżjoni transkonfinali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, li din tikkonforma mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha u li l-proċeduri u l-formalitajiet neċessarji kollha tlestew, l-awtorità kompetenti għandha toħroġ iċ-ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni;

(b)fejn l-awtorità kompetenti tiddetermina li d-diviżjoni transkonfinali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, m’għandhiex toħroġ iċ-ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni u għandha tinforma lill-kumpanija bir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha. L-istess għandu japplika għas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità kompetenti tiddetermina li diviżjoni transkonfinali ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha rilevanti jew li mhux il-proċeduri u l-formalitajiet kollha meħtieġa jkunu tlestew u l-kumpanija, wara li tiġi mistiedna tieħu l-passi meħtieġa, naqset milli tagħmel dan;

(c)fejn l-awtorità kompetenti għandha tħassib serju li diviżjoni transkonfinali tikkostitwixxi arranġament artifiċjali msemmija fl-Artikolu 160d(3), tista’ tiddeċiedi li twettaq valutazzjoni fil-fond skont l-Artikolu 160p u għandha tinforma lill-kumpanija dwar id-deċiżjoni tagħha li twettaq tali valutazzjoni u l-eżitu sussegwenti.

Artikolu 160p
Valutazzjoni fil-fond 

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw sabiex jiġi vvalutat jekk diviżjoni transkonfinali tikkostitwixxix arranġament artifiċjali fis-sens tal-Artikolu 160d(3) ta’ din id-Direttiva, li l-awtorità kompetenti tal-kumpanija li qed tiġi diviża twettaq valutazzjoni fil-fond tal-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha u għandha tieħu kont ta’ mill-inqas dawn li ġejjin: il-karatteristiċi tal-istabbiliment fl-Istati Membri kkonċernati, inklużi l-intenzjoni, is-settur, l-investiment, il-fatturat nett u l-profitt jew telf, in-numru ta’ impjegati, il-kompożizzjoni tal-karta tal-bilanċi, ir-residenza tat-taxxa, l-assi u fejn jinsabu, il-post tax-xogħol normali tal-impjegati u ta’ gruppi speċifiċi ta’ impjegati, il-post fejn huma dovuti l-kontribuzzjonijiet soċjali u r-riskji kummerċjali assunti mill-kumpanija li qed tiġi diviża fl-Istat Membru ta’ dik il-kumpanija u l-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti.

Dawn l-elementi jistgħu jitqiesu biss bħala fatturi indikattivi fil-valutazzjoni ġenerali u għaldaqstant ma għandhomx jiġu kkunsidrati separati minn xulxin.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tiddeċiedi li tagħmel valutazzjoni fil-fond, din tkun tista’ tisma’ lill-kumpanija u lill-partijiet kollha li jkunu ppreżentaw kummenti skont l-Artikolu 160j(1) f’konformità mal-liġi nazzjonali. L-awtoritajiet kompetenti li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 jistgħu jisimgħu wkoll lil xi terza persuna oħra f’konformità mal-liġi nazzjonali. L-awtorità kompetenti għandha tieħu d-deċiżjoni finali tagħha rigward il-kwistjoni taċ-ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni fi żmien xahrejn mill-bidu tal-valutazzjoni fil-fond.

Artikolu 160q
Rieżami u trażmissjoni taċ-ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-awtorità kompetenti ma tkunx qorti, id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li toħroġ jew li tirrifjuta li toħroġ ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni, tkun soġġetta għal rieżami ġudizzjarju, f’konformità mal-liġi nazzjonali. Barra hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni ma għandhiex tidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ ċertu perjodu biex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jieħdu passi quddiem il-qorti kompetenti u jiksbu, fejn xieraq, miżuri interim.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni ta’ ħruġ taċ-ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni tintbagħat lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 160r(1) u li d-deċiżjonijiet ta’ għoti jew ta’ rifjut taċ-ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni jkunu disponibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri stabbilita f’konformità mal-Artikolu 22.

Artikolu 160r
Skrutinju tal-legalità tad-diviżjoni transkonfinali

1.L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti biex tiskrutinizza l-legalità tad-diviżjonijiet transkonfinali fir-rigward ta’ dik il-parti tal-proċedura li tikkonċerna t-tlestija tad-diviżjoni transkonfinali rregolata mil-liġi tal-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti u tapprova d-diviżjoni transkonfinali fejn hi konformi mal-kundizzjonijiet u li l-proċeduri u l-formalitajiet rilevanti kollha f’dak l-Istat Membru ġew mlestija b’mod xieraq.

L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li l-kumpaniji reċipjenti proposti jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar l-inkorporazzjoni ta’ kumpaniji u, fejn xieraq, li l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema ġew iddeterminati f’konformità mal-Artikolu 160n.

2.Għall-fini tal-paragrafu 1, kull kumpanija riċevitriċi għandha tippreżenta lill-awtorità msemmija f’dak il-paragrafu, l-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali approvat mil-laqgħa ġenerali msemmija fl-Artikolu 160k.

3.Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, minn kwalunkwe kumpanija reċipjenti li tinkludi l-preżentazzjoni ta’ xi informazzjoni u dokumenti, tista’ timtela online fis-sħuħija tagħha mingħajr il-ħtieġa ta’ preżenza fiżika quddiem l-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1.

Madankollu, fil-każijiet ta’ suspett ġenwin ta’ frodi fuq il-bażi ta’ motivazzjonijiet raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jitolbu preżenza fiżika quddiem awtorità kompetenti ta’ Stat Membru fejn tkun meħtieġa l-preżentazzjoni tal-informazzjoni u tad-dokumenti rilevanti.

4.L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha, mingħajr dewmien, tikkonferma r-riċevuta taċ-ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni msemmi fl-Artikolu 160o u l-informazzjoni u d-dokumenti l-oħra meħtieġa mil-liġijiet tal-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti. Din għandha toħroġ deċiżjoni biex tapprova d-diviżjoni transkonfinali malli tlesti l-valutazzjoni tagħha tal-kundizzjonijiet rilevanti.

5.Iċ-ċertifikat ta’ qabel id-diviżjoni msemmi fil-paragrafu 4 għandu jiġi aċċettat minn kwalunkwe awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bħala prova konklużiva tat-tlestija xierqa tal-proċeduri u tal-formalitajiet ta’ qabel id-diviżjoni fl-Istat Membru tal-kumpanija li qed tiġi diviża li mingħajrhom id-diviżjoni transkonfinali ma tistax tiġi approvata.

Artikolu 160s
Reġistrazzjoni

1.Il-liġi ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li tirregola lill-kumpaniji reċipjenti, u fil-każ ta’ diviżjoni parzjali lill-kumpaniji reċipjenti u lill-kumpanija li tkun qed tiġi diviża, għandha tiddetermina, fir-rigward tat-territorju ta’ dak l-Istat, l-arranġamenti għad-divulgazzjoni tat-tlestija tad-diviżjoni transkonfinali fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 16.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas l-informazzjoni li ġejja għandha tiddaħħal fir-reġistri tagħhom, li jagħmluha pubblikament disponibbli u aċċessibbli permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 22:

(a)in-numru tal-entrata fir-reġistru tal-kumpanija riċeventi bħala riżultat tad-diviżjoni transkonfinali;

(b)id-dati tar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji reċipjenti;

(c)fil-każ ta’ diviżjoni sħiħa, id-data tat-tneħħija mir-reġistru fl-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża;

(d)fejn xieraq, in-numri ta’ reġistrazzjoni fl-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża u fl-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri fl-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti jinnotifikaw lir-reġistru fl-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża, permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 22, li l-kumpaniji reċipjenti ġew reġistrati. Fil-każ ta’ diviżjoni sħiħa, it-tneħħija tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża mir-reġistru għandha tidħol fis-seħħ minnufih mar-riċevuta ta’ dik in-notifika. 

Artikolu 160 t
Data li fiha sseħħ id-diviżjoni transkonfinali

Il-liġi tal-Istat Membru tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandha tiddetermina d-data li fiha tidħol fis-seħħ id-diviżjoni transkonfinali. Id-data għandha tkun wara li jkun sar l-iskruntiju msemmi fl-Artikoli 160o, 160p u 160r u wara li jiġu riċevuti n-notifiki kollha msemmija fl-Artikolu 160s(3).

Artikolu 160u
Konsegwenzi tad-diviżjoni transkonfinali

1.Diviżjoni transkonfinali sħiħa mwettqa f’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva għandu jkollha l-konsegwenzi li ġejjin:

(a)l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża, li jinkludu l-kuntratti, il-krediti, id-drittijiet u l-obbligi kollha għandhom jiġu ttrasferiti lill-kumpaniji reċipjenti u għandhom jissoktaw ma’ dawn f’konformità mal-allokazzjoni speċifikata fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali;

(b)il-membri tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandhom isiru membri tal-kumpaniji reċipjenti f’konformità mal-allokazzjoni tal-ishma speċifikata fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali, sakemm huma jeżerċitaw id-dritt ta’ ħruġ imsemmija fl-Artikolu 160l(2);

(c)id-drittijiet u l-obbligi tal-kumpanija li qed tiġi diviża li jirriżultaw minn kuntratti ta’ impjieg jew minn relazzjoni ta’ impjieg u dawk eżistenti fid-data li fiha d-diviżjoni transkonfinali tidħol fis-seħħ għandu, minħabba d-dħul fis-seħħ tad-diviżjoni transkonfinali, jiġi trasferit lil kumpanija jew kumpaniji riċeventi fid-data meta tidħol fis-seħħ id-diviżjoni transkonfinali.

(d)il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża ma għandhiex tibqa’ teżisti;

(e)il-post tal-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jista’ jintuża minn terzi persuni sakemm il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża titneħħa mir-reġistru fl-Istat Membru tat-tluq, sakemm ma jintweriex bil-provi li terza persuna kienet taf, jew missha kienet taf, bl-uffiċċju reġistrat fl-Istati Membri tal-uffiċċju reġistrat fl-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti.

2.Kwalunkwe attività tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża mwettqa wara d-data ta’ reġistrazzjoni fl-Istati Membri tal-kumpaniji reċipjenti u qabel ma l-kumpanija li tagħmel id-diviżjoni tkun tneħħiet mir-reġistru f’dak l-Istat Membru tat-tluq għandha tiġi ttrattata bħala l-attività tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża.

Il-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe telf li jirriżulta mid-differenzi fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tal-Istati Membri tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża u tal-kumpaniji reċipjenti, fejn kwalunkwe parti kontraenti jew kontroparti tal-kumpanija li tagħmel id-diviżjoni ma tkunx ġiet informata bid-diviżjoni transkonfinali minn dik il-kumpanija qabel il-konklużjoni ta’ dak il-kuntratt.

3.Diviżjoni transkonfinali parzjali mwettqa f’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva għandu jkollha l-konsegwenzi li ġejjin:

(a)l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża, li jinkludu l-kuntratti, il-krediti, id-drittijiet u l-obbligi kollha għandhom jiġu ttrasferiti lill-kumpaniji reċipjenti u għandhom jissoktaw ma’ dawn u għandhom jinżammu mill-kumpanija li tkun qed tiġi diviża f’konformità mal-allokazzjoni speċifikata fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali;

(b)il-membri tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandhom isiru membri tal-kumpaniji reċipjenti u tal-anqas uħud mill-membri għandhom jibqgħu fil-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jew għandhom isiru membri tat-tnejn f’konformità mal-allokazzjoni tal-ishma speċifikata fl-abbozz tat-termini tad-diviżjoni transkonfinali;

(c)il-kumpaniji reċipjenti u l-kumpanija li tkun qed tiġi diviża għandhom jirrispettaw it-termini tar-relazzjonijiet tax-xogħol tal-kumpanija li tkun qed tiġi diviża li kienu jeżistu fid-data tad-diviżjoni.

4.Jekk, fil-każ ta’ diviżjoni transkonfinali sħiħa jew parzjali, il-liġijiet tal-Istati Membri jeħtieġu t-tlestija ta’ formalitajiet speċjali qabel it-trasferiment ta’ ċerti assi, drittijiet u obbligi mill-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jidħlu fis-seħħ permezz ta’ terzi persuni, dawk il-formalitajiet għandhom jitwettqu mill-kumpanija li tkun qed tiġi diviża jew mill-kumpaniji reċipjenti, kif xieraq.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ishma f’kumpanija riċevitriċi ma jkunux jistgħu jiġu skambjati ma’ ishma fil-kumpanija li tkun qed tiġi diviża li la jkunu miżmuma mill-kumpanija nfisha u lanqas permezz ta’ persuna li taġixxi f’isimha stess iżda għan-nom tal-kumpanija.

Artikolu 160v
Responsabbiltà ċivili tal-esperti indipendenti

L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli li jistabbilixxu tal-anqas ir-responsabbiltà ċivili tal-esperti indipendenti responsabbli għat-tfassil tar-rapporti msemmija fl-Artikoli 160i u 160m(2)(a), fir-rigward ta’ mġiba ħażina min-naħa ta’ dawk l-esperti meta jwettqu dmirijiethom.

Artikolu 160w
Validità

Diviżjoni transkonfinali li tkun seħħet f’konformità mal-proċedura li tittrasponi din id-Direttiva ma tistax tiġi ddikjarata nulla u bla effett."

L-Artikolu 2
Traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva [OP jistabbilixxu d-data = mhux aktar tard mill-aħħar jum tax-xahar ta’ 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva

L-Artikolu 3
Rapportar u rieżami

1.Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn ħames snin wara [OP jekk jogħġbok daħħal id-data tal-għeluq tal-perijodu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġiżlattiva. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-preparazzjoni ta’ dak ir-rapport, b’mod partikolari billi jipprovdu dejta dwar l-għadd ta’ konverżjonijiet, mergers u diviżjonijiet transkonfinali, id-durata u l-ispejjeż relatati tagħhom.

2.Ir-rapport b’mod partikolari għandu jevalwa l-proċeduri msemmija fil-Kapitolu I tat-Titolu II u fil-Kapitolu IV tat-Titolu II, speċjalment f’termini tad-durata u tal-kostijiet tagħhom.

3.Ir-rapport għandu jinkludi fih valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-forniment tar-regoli għat-tipi ta’ diviżjonijiet transkonfinali li mhumiex koperti minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 4
Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 5
Destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46.
(2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji, COM(2015) 550 final.
(3)    Ara wkoll il-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew - Id-Direttiva dwar it-trasferiment transfruntier tal-uffiċċju reġistrat ta’ kumpanija, l-14-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji (il-Parlament Ewropew).
(4)    Cartesio, C-210/06, EU:C:2008:723, il-paragrafi minn 109 sa 112; VALE, C-378/10, EU:C:2012:440, il-paragrafu 32.
(5)    Polbud – Wykonawstwo, il-Kawża C-106/16, ECLI:EU:C:2017:804.
(6)    Polbud – Wykonawstwo, il-Kawża C-106/16, ECLI:EU:C:2017:804, il-paragrafi. 33 et seq.
(7)    Polbud – Wykonawstwo, il-Kawża C-106/16, ECLI:EU:C:2017:804, il-paragrafu 40; Daily Mail and General Trust, 81/87, EU:C:1988:456, il-paragrafi minn 19 sa 21; Cartesio, C-210/06, EU:C:2008:723, il-paragrafi minn 109 sa 112; VALE, C-378/10, EU:C:2012:440, il-paragrafu 32.
(8)    Polbud – Wykonawstwo, il-Kawża C-106/16, ECLI:EU:C:2017:804, il-paragrafu 40; Daily Mail and General Trust, 81/87, EU:C:1988:456, il-paragrafi minn 19 sa 21; Cartesio, C-210/06, EU:C:2008:723, il-paragrafi minn 109 sa 112; VALE, C-378/10, EU:C:2012:440, il-paragrafu 32).
(9)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Ġunju 2017 dwar fużjonijiet u xissjonijiet transfruntieri ( 2016/2065(INI) ), ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2009 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta’ kumpanija ( 2008/2196(INI) ). Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Frar 2012 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-erbatax-il (14) direttiva dwar il-liġi tal-kumpaniji rigward it-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji ( 2011/2046(INI) ).
(10)    Id-Direttiva 2005/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1); mibdula u mħassra fid-19 ta’ Lulju 2017 bid-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (kodifikazzjoni) (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).
(11)    L-Anness 5 tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja din il-proposta.
(12)    COM(2015) 550 final. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u n-negozji.
(13)    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Ġunju 2017 dwar fużjonijiet u xissjonijiet transfruntieri (2016/2065(INI).
(14)    Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Dritt Soċjetarju u l-Governanza Korporattiva (COM/2012/0740 final) saħaq ukoll li d-Direttiva dwar il-Mergers Transkonfinali kienet pass kbir ’il quddiem għall-mobilità transkonfinali tal-kumpaniji fl-UE u, fl-istess ħin, għaraf li jaf ikun hemm bżonn li din tiġi aġġustata biex tissodisfa l-ħtiġijiet li jinbidlu tas-suq uniku.
(15)     http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2014/cross-border-mergers-divisions/index_en.htm .
(16)    COM(2015) 550 final.
(17)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut għal kumpanija Ewropea (SE).
(18)    Id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpaniji kkwotati.
(19)    Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza.
(20)    Id-Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE u d-Direttivi 2005/56/KE u 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji
(21)    COM (2015) 550 final. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u n-negozji.
(22)    COM (2015) 468 final. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali.
(23)    COM(2017) 2600 final. Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
(24)    COM (2015) 302 final. Sistema ta’ Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: Ħames (5) Oqsma Ewlenin għal Azzjoni.
(25)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/2376 tat-8 ta’ Diċembru 2015 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 332 18.12.2015, p. 1).
(26)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/881 tal-25 ta’ Mejju 2016 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 146 3.6.2016, p. 8).
(27)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 1).
(28)    COM(2017) 335 final
(29)    COM(2017) 340 final
(30)    Barra minn hekk, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja, tinżamm f’reġistru ċentrali nazzjonali.
(31)    L-Anness 5 tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja din il-proposta.
(32)    Id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar mergers transkonfinali ta’ kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata (ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1); Id-direttiva issa ġiet sostitwita bid-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (kodifikazzjoni) (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).
(33)    Bech-Bruun/Lexidale, Study on the application of the cross-border mergers directive (Settembru 2013) http://ec.europa.eu/internal_market/company/docs/mergers/131007_study-cross-border-merger-directive_en.pdf .
(34)    Schmidt, Cross-border mergers and divisions, transfers of seat: Is there a need to legislate? Studju għall-Kumitat JURI, Ġunju 2016. Reynolds/Scherrer/Truli, Ex-post analysis of the EU framework in the area of cross-border mergers and divisions, Studju għall-Parlament Ewropew, Diċembru 2016.
(35)    Schmidt, Cross-border mergers and divisions, transfers of seat: Is there a need to legislate? Studju għall-Kumitat JURI, Ġunju 2016. Reynolds/Scherrer/Truli, Ex-post analysis of the EU framework in the area of cross-border mergers and divisions, Studju għall-Parlament Ewropew, Diċembru 2016.
(36)    Il-Valutazzjoni tal-Impatt u l-Opinjoni tal-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju huma disponibbli fl-indirizz: http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/?fuseaction=ia&year=&serviceId=10226&s=Search&language=mt  
(37)    Id-data tirreferi għall-perjodu 2008-2012, Bech-Bruun/Lexidale, 2013 p.80
(38)    Polbud – Wykonawstwo C-106/16
(39)    ĠU C , , p. .
(40)    Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (kodifikazzjoni) (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).
(41)    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C-106/16, ECLI:EU:C:2017:804, il-paragrafu 29.
(42)    Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29).
(43)    Id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28).
(44)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummisjjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 fir-rigward tad-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(45)    COM(2015) 550 final tat-28 ta’ Ottubru 2015.
(46)    COM(2016) 710 final tal-25 ta’ Ottubru 2016.
(47)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16).
(48)    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 1).
(49)    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
(50)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(51)    ĠU L123, 12.5. 2016, p. 1.
Top