Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016DC0278

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL It-Tielet Rapport dwar il-progress mit-Turkija biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tagħha dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża

    COM/2016/0278 final

    Brussell, 4.5.2016

    COM(2016) 278 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    It-Tielet Rapport dwar il-progress mit-Turkija biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tagħha dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża

    {SWD(2016) 161 final}


    1. INTRODUZZJONI

    L-Unjoni Ewropea (l-UE) nediet id-Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża ("DLV") mat-Turkija fis-16 ta' Diċembru 2013, b'mod parallel mal-iffirmar tal-Ftehim ta' Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija. 1 Id-DLV huwa bbażaa fuq Pjan Direzzjonali lejn reġim mingħajr viża mat-Turkija (il-Pjan Direzzjonali), dokument li jistabbilixxi r-rekwiżiti li t-Turkija jeħtiġilha tissodisfa sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill inkunu jistgħu jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jippermetti liċ-ċittadini Torok li jkollhom passaporti bijometriċi konformi mal-istandards tal-UE li jivvjaġġaw lejn iż-żona ta' Schengen mingħajr viża għal żmien qasir (jiġifieri sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum). It-72 rekwiżit elenkati fil-Pjan Direzzjonali ġew organizzati f'ħames gruppi tematiċi ("blokki"): is-sigurtà tad-dokumenti; il-ġestjoni tal-migrazzjoni; l-ordni pubblika u s-sigurtà; id-drittijiet fundamentali u r-riammissjoni ta' migranti irregolari.

    Fl-20 ta' Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Ewwel rapport tagħha dwar il-progress mit-Turkija biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tagħha dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża (l-Ewwel Rapport). 2 L-Ewwel Rapport ivvaluta l-issodisfar ta' kull rekwiżit u ħareġ rakkomandazzjonijiet biex isir aktar progress fihom kollha.

    Fid-29 ta’ Novembru 2015, sar Summit bejn l-UE u t-Turkija, fejn iż-żewġ naħat qablu dwar il-modalitajiet biex japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom speċjalment fil-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati Sirjani u l-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari. Fis-summit, in-naħa Torka esprimiet l-impenn tagħha biex tħaffef it-twettiq tal-Pjan direzzjonali, inkluż billi tantiċipa l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija, bl-objettiv li tinkiseb il-liberalizzazzjoni tal-viża minn Ottubru 2016 3 . L-impenn intlaqa’ tajjeb mill-UE.

    Fl-4 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni adottat it-Tieni rapport tagħha dwar il-progress mit-Turkija biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tagħha dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża (it-Tieni Rapport) akkumpanjat minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (CSWD). 4 Is-CSWD iddeskriva l-progress li sar mit-Turkija sa mill-Ewwel Rapport fit-twettiq ta’ kull rekwiżit, filwaqt li t-Tieni Rapport elenka r-rakkomandazzjonijiet għal progress ulterjuri fihom kollha. Barra minn hekk, is-CSWD inkluda valutazzjoni tal-impatti possibbli tal-liberalizzazzjoni tal-viża tat-Turkija fuq is-sitwazzjoni migratorja tal-UE.

    Fis-7 u t-18 ta’ Marzu 2016, saru laqgħat tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE u t-Turkija. L-aħħar laqgħa spiċċat b'dikjarazzjoni tal-UE-Turkija 5 (id-dikjarazzjoni) li tistipula li "it-twettiq tal-pjan direzzjonali tal-liberalizzazzjoni tal-viża se jiġi aċċellerat fir-rigward tal-Istati Membri kollha parteċipanti bl-għan li jitneħħew ir-rekwiżiti għall-viżi għaċ-ċittadini Torok mhux aktar tard mill-aħħar ta' Ġunju 2016, sakemm il-parametri referenzjarji kollha jkunu ġew issodisfati. Għal dan l-għan, it-Turkija se tieħu l-passi meħtieġa biex tissodisfa l-bqija tar-rekwiżiti biex il-Kummissjoni, filwaqt li ssegwi l-valutazzjoni ta' konformità meħtieġa mal-parametri referenzjarji, tkun tista' tagħmel proposta sal-aħħar ta' April li fuq il-bażi tagħha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni finali".

    Dan it-Tielet Rapport jippreżenta l-valutazzjoni tal-konformità kif mitlub fid-Dikjarazzjoni. Huwa jiddeskrivi l-passi ewlenin 'il quddiem li għamlet it-Turkija mit-Tieni Rapport biex tissodisfa r-rekwiżiti elenkati fil-Pjan Direzzjonali. Huwa jipprovdi wkoll rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar dawk il-miżuri li, sal-4 ta’ Mejju 2016, it-Turkija għad trid tieħu sabiex twettaq l-aħħar kriterji pendenti tal-Pjan Direzzjonali u biex tippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jadottaw il-proposta leġiżlattiva magħmula mill-Kummissjoni.

    It-Tielet Rapport huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (CSWD) li jagħti informazzjoni fattwali dwar is-sitwazzjoni attwali ta’ twettiq ta' kull rekwiżit. Is-CSWD jinkludi wkoll valutazzjoni tal-impatt possibbli tal-liberalizzazzjoni tal-viża tat-Turkija fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-UE.

    It-Tielet Rapport isegwi l-istruttura tal-Pjan Direzzjonali, u għalhekk jindirizza wieħed wieħed, il-ħames blokki u jindika għal kull waħda minnhom ir-rekwiżiti li għadhom mhumiex issodisfati għal kollox, u l-miżuri li għandhom jittieħdu mit-Turkija biex tilħaq dawn ir-rekwiżiti pendenti.

     2. BLOKKA 1: SIGURTÀ TAD-DOKUMENTI

    Minn mindu ġie ppubblikat it-Tieni Rapport, it-Turkija kompliet tagħmel progress biex tissodisfa r-rekwiżiti taħt din il-blokka.

    B’mod partikolari, l-awtoritajiet Torok bdew joħorġu liċ-ċittadini Torok, fil-livell pilota, karti tal-identità ġodda u aktar siguri inklużi identifikaturi bijometriċi. Il-bdil ta’ karti qodma b’dawk ġodda għaċ-ċittadini kollha tat-Turkija se jieħu madwar tliet snin. Il-proċess issa qabad ritmu tajjeb.

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet Torok bdew jikkooperaw mal-Istati Membri tal-UE fl-iskambju ta’ informazzjoni dwar dokumenti tal-ivjaġġar foloz u ffalsifikati. Il-Pulizija Nazzjonali Torka (TNP - Turkish National Police) issa qed iddaħħal fil-bażi tad-dejta Dial-doc tal-Interpol b’mod regolari u f’waqtu, li għalih l-Istati Membri kollha għandhom aċċess, informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar foloz u ffalsifikati identifikati fit-Turkija matul l-attivitajiet tal-kontroll fil-fruntieri. B’mod parallel, fl-ajruporti ewlenin tat-Turkija (l-ajruport Atatürk f’Istanbul u l-ajruport ta' Antalya), it-TNP stabbiliet uffiċċji speċjalizzati li tqabbdu jiskambjaw informazzjoni u pariri mal-uffiċjali ta’ kollegament tal-immigrazzjoni tal-Istati Membri dwar dokumenti tal-ivvjaġġar suspettużi misjuba fuq persuni li jivvjaġġaw lejn l-UE. Barra minn hekk, bdew jiġu offruti aktar opportunitajiet ta’ taħriġ mit-TNP lill-uffiċjali tagħha impjegati fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera bl-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jiskopru dokumenti foloz, b’enfasi fuq dokumenti maħruġa mill-Istati Membri tal-UE.

    Bħala riżultat ta’ dawn l-iżviluppi, wieħed biss mill-kriterji ta’ Blokka 1 għadu mhux issodisfat kompletament mit-Turkija, jiġifieri r-rekwiżit li jinħarġu passaporti bijometriċi liċ-ċittadini konformi mal-istandards tal-UE kif spjegat fir-Regolament tal-Kunsill 2252/2004, jiġifieri passaporti b’ċippa tat-tip ta’ bla kuntatt li tinkludi mhux biss l-immaġni tal-wiċċ tad-detentur tal-passaport iżda wkoll il-marki ta’ swaba’ tiegħu/tagħha, u li hi protetta permezz ta’ sistema ta’ kriptaġġ ta' Kontroll ta’ Aċċess Supplimentari (SAC - Supplementary Access Control). 6  

    L-awtoritajiet Torok ilhom jaħdmu xhur fuq livell tekniku, inkluż bl-għajnuna ta’ proġett iffinanzjat mill-UE, lejn it-twettiq ta’ dan il-kriterju. Madankollu, l-awtoritajiet Torok informaw li għal raġunijiet tekniċi, dawn ser ikunu biss kapaċi jilħqu l-kriterju sa minn Ottubru 2016. Minħabba l-aċċellerazzjoni tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża deċiża mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE u tat-Turkija, huwa oġġettivament impossibbli li l-awtoritajiet Torok iwettqu dan il-kriterju fiż-żmien.

    Madankollu, bħala soluzzjoni temporanja sa minn Ġunju 2016 u sa tmiem is-sena, l-awtoritajiet Torok qablu li joħorġu passaporti liċ-ċittadini tagħhom biex jinkludu kemm ix-xbiha tal-wiċċ kif ukoll il-marki tas-swaba’ tad-detentur tal-passaport sabiex jippermettu lid-detentur tal-passaport il-benefiċċju ta' reġim ħieles mill-viżi meta u jekk jingħata. Dawn il-passaporti temporanji, li għandhom jinħarġu biss sa tmiem l-2016 b’tul ta’ validità qasir, se jvarjaw mill-passaporti meħtieġa taħt il-kriterju biss sakemm iċ-ċippa tagħhom se tkun protetta taħt il-Kontroll tal-Aċċess Estiż (EAC - Extended Access Control). Din is-sistema ta’ kriptaġġ hija f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), u sa tmiem l-2014 irrappreżentat ukoll l-istandard għall-Unjoni Ewropea.

    L-awtoritajiet Torok għandhom jiftakru li, qabel tista' tibda s-sistema tal-ivvjaġġar mingħajr viża, għandhom ukoll jikkondividu mal-Istati Membri kollha ċ-ċertifikati li jippermettu lil dawn tal-aħħar li jawtentikaw u jaqraw l-informazzjoni maħżuna fiċċippa ta' passaport Tork.

    3. BLOKKA 2: IL-ĠESTJONI TAL-MIGRAZZJONI

    Permezz ta’ sensiela ta’ inizjattivi li kienu mnedija progressivament mill-awtoritajiet Torok fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri, tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, tal-protezzjoni internazzjonali u l-politika tal-viżi, il-ħtiġiet kollha f’din il-blokka ġew issodisfati.

    Permezz ta’ azzjonijiet fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-awtoritajiet Torok irnexxielhom inaqqsu sostanzjalment in-numru ta’ persuni li qasmu illegalment mit-territorju Tork lejn il-gżejjer Griegi. Filwaqt li f’Jannar u Frar 2016, il-wasliet medji ta’ kuljum kienu 1 987 u 1 942 rispettivament, f’Marzu u April kienu 852 u 140. Dan ir-riżultat inkiseb parzjalment permezz ta’ iktar viġilanza taż-żoni kostali u l-ibħra tal-Eġew, u parzjalment billi ttieħdu miżuri aktar stretti li jillimitaw il-mobbiltà interna tal-persuni li jfittxu ażil u r-rifuġjati fit-Turkija. L-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 kellha wkoll rwol importanti sabiex jiġi skoraġġut tluq irregolari ta’ migranti.

    Fix-xhur li ġejjin, se jkun importanti li l-awtoritajiet Torok ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiġi evitat tluq irregolari, inkluż permezz tal-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ migranti, u li l-awtoritajiet jibqgħu viġilanti dwar il-possibbiltà ta’ rotot migratorji ġodda alternattivi lejn l-UE.

    L-awtoritajiet Torok irratifikaw il-Ftehim dwar l-Istabbiliment ta’ Ċentru ta’ Kooperazzjoni fil-Fruntieri bejn Tliet Partijiet fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera ta' Capitan Andreevo. Dan il-Ftehim għandu jiġi implimentat malajr kemm jista’ jkun. L-awtoritajiet Torok ikkomunikaw formalment lill-kontropartijiet Griegi tagħhom ir-rieda tagħhom li jistabbilixxu linja ta’ komunikazzjoni sikura li tgħaqqad il-Gwardji tal-Kosta taż-żewġ pajjiżi. Bdew diskussjonijiet fil-livell tekniku. L-istabbiliment ta’ linja ta’ komunikazzjoni bħal din għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-traffikar tal-migranti u l-koordinazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ pattulja fuq il-baħar.

    L-awtoritajiet Torok ħadu wkoll id-deċiżjoni biex jiġi stabbilit Ċentru Nazzjonali ta’ Analiżi tar-Riskji (NACORAC), li l-iżvilupp ttiegħu se jkun appoġġat permezz ta’ proġett iffinanzjat mill-UE. Proġetti oħra ffinanzjati mill-UE diġà previsti se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-sorveljanza tal-fruntieri tul il-fruntieri tal-Lvant tat-Turkija għall-prevenzjoni ta' qsim tal-fruntiera mhux skopert. Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Torok adottaw ukoll Kodiċi ta’ Kondotta Komuni u Regoli kontra l-Korruzzjoni applikabbli għall-persunal impjegat minn aġenziji ta’ ġestjoni transkonfruntiera.

    Fil-qasam tal-ażil it-Turkija ħadet ukoll miżuri importanti ħafna.

    L-ewwel nett, id-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni (DGMM), inkarigat mill-ġestjoni tas-sistema tal-ażil tat-Turkija, issa qed jipproċessa mingħajr dewmien kull applikazzjoni ġdida għall-protezzjoni internazzjonali. Id-DGMM beda wkoll inaqqas l-akkumulazzjoni ta’ talbiet għall-ażil antiki li kienu pendenti għal valutazzjoni, u li l-ammont totali tagħhom laħaq, fl-aħħar ta’ Frar, il-livell ta’ madwar 140 000. Permezz tal-approċċ proattiv ġdid meħud mid-DGMM, u l-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi umani addizzjonali, l-akkumulazzjoni diġà naqset għal madwar 100 000 talba għall-ażil pendenti fl-aħħar ta’ April. Minkejja li d-DGMM issa qed jipproċedi b'pass mgħaġġel bl-ipproċessar tat-talbiet għall-ażil, huwa oġġettivament impossibbli għal dawn it-talbiet għall-ażil pendenti li jiġu pproċessati sal-aħħar ta’ Ġunju 2016, jiġifieri sad-data mmirata stabbilita mid-Dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu tal-UE u t-Turkija għall-konklużjoni tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża. Madankollu, l-DGMM elabora u qed jimplimenta pjan direzzjonali li fuq il-bażi tiegħu qed jippjana li jlesti l-ħidma tiegħu sa tmiem l-2016.

    L-awtoritajiet Torok komplew ukoll jagħmlu progress fil-provvediment ta’ assistenza soċjali lir-refuġjati ospitati fil-pajjiż. Fis-27 ta’ April 2015, il-Gvern Tork adotta regolament li jagħti lill-applikanti u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali aċċess għal permessi tax-xogħol b’kundizzjonijiet paragunabbli ma’ dawk li kienu diġà mogħtija f’Jannar 2015 lir-rifuġjati mis-Sirja taħt protezzjoni temporanja.

    Se jkun importanti li fil-futur qrib, u filwaqt li jittieħed vantaġġ mill-għajnuna finanzjarja provduta mill-UE u l-Istati Membri tagħha li żdiedet minn mindu bdiet l-operazzjonalizzazzjoni tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (FRIT - Facility for the Refugees in Turkey), l-awtoritajiet Torok ikomplu jattwaw miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess ta’ applikanti u benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għal servizzi soċjali, akkomodazzjoni deċenti, taħriġ vokazzjonali u lingwistiku, u li jappoġġaw kull inizjattiva li tikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali tagħhom u l-awtonomija ekonomika fi ħdan is-soċjetà Torka.

    Sar ukoll progress mill-awtoritajiet Torok, matul il-perjodu ta’ rappurtar, anki fil-qasam tal-immaniġġjar tal-migrazzjoni.

    Il-proċeduri u l-prinċipji ta' implimentazzjoni li jirregolaw ir-ritorn volontarju tal-barranin ġew adottati fis-26 ta’ April 2016. Il-ftehim dwar ir-riammissjoni mal-Pakistan ġie ratifikat u daħal fis-seħħ fl-20 ta’ April 2016. Il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni ġie wkoll propost mill-awtoritajiet Torok lil erbatax-il pajjiż ta’ oriġini tal-migrazzjoni irregolari, inklużi l-Afganistan, l-Alġerija, il-Bangladexx, il-Kamerun, il-Kongo, l-Eritrea, il-Gana, l-Iran, l-Iraq, il-Marokk, il-Mjanmar, is-Somalja, is-Sudan u t-Tuneżija. In-negozjati ma’ wħud minn dawn il-pajjiżi bdew.

    Fil-qasam tal-politika dwar il-viżi, fit-2 ta’ Mejju 2016, il-Gvern Tork adotta digriet li jiddikjara li ċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jidħlu fit-Turkija mid-data tat-tneħħija tar-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini Torok. Dan jiżgura t-tmiem ta' rekwiżit diskriminatorju ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ ħdax-il Stat Membru tal-UE li għadhom suġġetti għalih. 

    L-awtoritajiet Torok ħadu diversi miżuri biex isaħħu s-sistema tal-viża tagħhom lejn pajjiżi li jitqiesu bħala esposti għal riskju għoli ta’ migrazzjoni.

    Huma saħħu l-proċeduri u r-rekwiżiti għall-ħruġ ta’ viżi mill-ambaxxati tagħhom permezz tal-adozzjoni, fis-26 ta’ April 2016, ta' Direttiva dwar il-Prinċipji u l-Proċeduri li Jirrigwardaw l-Evalwazzjoni tal-Applikazzjonijiet għal Viża. 

    L-awtoritajiet Torok iddeċidew ukoll li jimponu viżi għal tranżitu fl-ajruport għal ċittadini ta’ 18-il pajjiż (l-Afganistan, il-Bangladexx, il-Kamerun, il-Kongo, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Eritrea, il-Gana, il-Kosta tal-Avorju, il-Mali, il-Mjanmar, in-Niġerja, il-Pakistan, is-Somalja, l-Afrika t’Isfel, is-Sri Lanka, is-Sudan, l-Uganda) b’dispożizzjoni li se tibda tapplika mill-1 ta’ Settembru 2016. 

    Is-sistema Torka ta' viżi elettroniċi saret ukoll ħafna aktar sigura. Il-possibilità sabiex wieħed jibbenefika minn din is-sistema ġiet limitata jew għal ċittadini ta’ pajjiżi li mhumiex pajjiżi li huma sors ta’ flussi migratorji irregolari, jew għal ċittadini ta’ pajjiżi li huma sors li jkollhom viża valida jew permess ta’ residenza maħruġ minn pajjiż ta’ Schengen jew mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit jew l-Irlanda. L-awtoritajiet Torok stabbilixxew ukoll uffiċċji speċjali, f’bosta punti ta’ qsim tal-fruntieri tal-pajjiż, fejn il-persunal tal-pulizija b’taħriġ speċjalizzat jivverifika l-preżenza effettiva ta’ dawn il-viżi jew permessi ta’ residenza fil-passaporti ta’ detenturi ta’ viżi elettroniċi.

    Fil-futur qrib, se jkun ta’ importanza kruċjali li t-Turkija tkompli tallinja b’mod progressiv aktar is-sistema tal-viża tagħha mal-istandards tal-UE.

    Fil-perjodu iqsar, l-awtoritajiet Torok se jkollhom ikomplu jimmonitorjaw l-effetti prattiċi li jirriżultaw mill-fatt li l-lista ta’ pajjiżi li huma ddikjarati eżenti mill-viża taħt is-sistema Torka tibqa’ differenti mil-lista stabbilita għad-dħul fl-UE, u jirreaġixxu fil-ħin f’każ li jidher li din id-differenza tiffaċilita l-wasla ta’ migrazzjoni irregolari mit-Turkija lejn l-UE.

    F’Jannar u Frar 2016, l-awtoritajiet Torok, wara li nnotaw li dan kien il-każ għas-Sirjani u l-Iraqqini, imponew obbligi aktar effettivi tal-viża fuq dawn iż-żewġ nazzjonalitajiet. Dan ikkontribwixxa biex intemmu l-flussi migratorji irregolari għoljin diretti lejn l-UE. L-awtoritajiet Torok għandhom ikunu lesti li jerġgħu jagħmlu l-istess fil-ġejjieni u li jimponu l-obbligi tal-viża mingħajr dewmien fuq pajjiżi eżenti mill-viża addizzjonali billi jidher li ħafna ċittadini ta’ tali pajjiżi mingħajr viża jabbużaw mill-possibilità li jidħlu mingħajr viża fit-Turkija. Dan huwa iktar u iktar il-każ jekk ikun hemm riskju ta’ migrazzjoni irregolari sussegwenti lejn l-UE. L-eżempji tal-Iran, il-Marokk u l-Lebanon, tliet pajjiżi mingħajr viża li minnhom fl-2015 rispettivament, 23 087, 7 419 u 2 044 migrant irregolari waslu fl-UE mit-territorju Tork, huma ta’ importanza partikolari.

    4. BLOKKA 3: L-ORDNI PUBBLIKU U S-SIGURTÀ

    Mill-adozzjoni tat-Tieni Rapport, l-awtoritajiet Torok ħadu ħafna miżuri taħt il-Blokka 3 li wasslu għal passi importanti 'l quddiem.

    B’mod partikolari, it-Turkija adottat strateġija ġdida u pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, li issa jeħtieġ li jiġi implimentat bis-sħiħ, b’mod speċjali rigward azzjonijiet bl-għan li jnaqqsu r-reati transfruntiera, pereżempju t-traffikar tal-armi tan-nar. Fit-18 ta’ April 2016, it-Turkija adottat ukoll strateġija ġdida u pjan ta’ azzjoni pluriennali dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, li jkopri l-perjodu 2016–2018. Fit-30 ta’ April 2016, l-awtoritajiet Torok adottaw ukoll pjan ta’ azzjoni nazzjonali dwar il-korruzzjoni.

    Barra minn hekk, it-Turkija rratifikat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (KtE) dwar il-ħasil tal-flus, it-tiftix, il-qabda u l-konfiska ta' profitti minn attività kriminali u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, filwaqt li adottat ukoll il-leġiżlazzjoni li tallinja l-qafas nazzjonali tagħha mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni. L-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni l-ġdida f’konformità mal-verżjoni riveduta tal-Istandard tat-Task Force għal Azzjoni Finanzjarja hija essenzjali. Sadanittant, ukoll bl-għajnuna ta’ proġett iffinanzjat mill-UE, l-awtoritajiet Torok komplew isaħħu l-kapaċitajiet tal-MASAK — l-Unità Torka ta' Intelligence Finanzjarja (FIU) biex jikkoperaw mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tat-Turkija fl-identifikazzjoni u l-analiżi ta’ ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, u biex tikkoopera mal-FIUs tal-Istati Membri f’dan il-qasam.

    It-Turkija rratifikat ukoll il-Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kundannati, it-tliet protokolli taħt il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-estradizzjoni u protokoll wieħed taħt il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assistenza reċiproka f’materji kriminali, li hija ma kinitx għadha parti għalihom.

    Barra minn hekk, it-Turkija rratifikat ukoll il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-traffikar tal-bnedmin u adottat liġi sekondarja dwar it-traffikar tal-bnedmin. Apparti dan, it-Turkija rratifikat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Ipproċessar ta’ dejta personali u l-Protokoll tagħha, u adottat liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta personali li, madankollu, mhijiex kompletament konformi mal-acquis tal-UE.

    It-Turkija adottat liġi komprensiva unika li tiddefinixxi l-proċeduri li għandhom isegwu l-awtoritajiet Torok kollha rilevanti fit-Turkija meta jimplimentaw l-obbligi internazzjonali relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. Anki jekk din il-liġi ma tistipulax skadenzi stretti għall-ikkompletar tal-proċeduri deskritti mil-liġi, u ma tinkludix kriterji oġġettivi u trasparenti għall-aċċettazzjoni jew għaċ-ċaħda ta’ talba ta’ kooperazzjoni, hija madankollu tikkostitwixxi titjib ċar li għandu jtejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali bejn it-Turkija u l-Istati Membri.

    It-Turkija ħadet ukoll passi konkreti biex ittejjeb ir-relazzjonijiet ta’ ħidma tagħha mal-Eurojust u esprimiet b’mod formali l-intenzjoni soda li tikkonkludi ftehim ta’ kooperazzjoni mill-aktar fis possibbli. Sakemm jiġi konkluż ftehim bħal dan, huwa importanti li l-uffiċjali Torok li nħatru bħala uffiċjali ta’ kollegament għall-Aġenzija jibdew jagħtu segwitu effettiv għat-talbiet ta’ informazzjoni u kooperazzjoni li jirċievu mingħand partijiet oħra.

    Fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, it-Turkija fil-25 ta’ April 2016 irratifikat kemm il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, kif ukoll il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali tal Manteniment għat-Tfal u Forom Oħra ta’ Manteniment tal-Familja.

    It-Turkija ddepożitat l-istrumenti tagħha tar-ratifika tal-Konvenzjonijiet u Protokolli ratifikati kollha, ħlief għaż-żewġ Konvenzjonijiet tal-Aja msemmija hawn fuq, u għal Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Personali, li għalihom din il-proċedura għadha għaddejja u għandha titlesta malajr kemm jista’ jkun.

    Fl-aħħar nett, it-Turkija ħadet miżuri biex tindirizza l-problema tad-dewmien esperjenzat fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta' minuri. Wara li fehem li dan id-dewmien huwa r-riżultat prinċipalment minn dewmien fl-istadju tal-appell, u b’mod partikolari miċ-ċirkustanza li, fis-sistema attwali, l-appelli kollha jiġu kkonċentrati fil-Qorti Suprema f’Ankara, il-Kunsill Għoli tal-Imħallfin u l-Prosekuturi ħareġ digriet fil-25 ta’ Marzu 2016 li jistabbilixxi Tribunali Ċivili Reġjonali f’Ankara, Antalya, Erzurum, Gaziantep, İstanbul, İzmir u Samsun. It-tribunali se jittrattaw kawżi ta’ appell u se jkunu operattivi mill-20 ta’ Lulju 2016.

    Minkejja dawn l-iżviluppi konsiderevoli, l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ blokka 3 xorta hija inqas avvanzata minn dik għal blokki 1 u 2. Hemm xi rekwiżiti importanti ta' blokka 3 li għadhom ma ġewx issodisfati. Biex jiġu sodisfati dawn ir-rekwiżiti pendenti, it-Turkija hija mistiedna tieħu l-miżuri li ġejjin:

    li temenda l-leġiżlazzjoni adottata dan l-aħħar dwar il-ħarsien tad-dejta personali u tiżgura li din tkun konformi mal-acquis tal-UE, b’mod partikolari tiżgura li l-awtorità tal-protezzjoni tad-dejta tista' taġixxi b’mod indipendenti u li l-attivitajiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jaqgħu fl-ambitu tal-liġi;

    min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni ġdida dwar il-protezzjoni tad-dejta personali se tippermetti lit-Turkija biex tikkonkludi n-negozjati ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni operattiva mal-Europol;

    li tadotta leġiżlazzjoni li tagħti segwitu effettiv lir-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-Grupp ta’ Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni (GRECO) fil-fażijiet ta’ evalwazzjoni kollha tagħha, partikolarment leġiżlazzjoni dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi, dwar l-immunitajiet, dwar it-tixħim, u fuq l-indipendenza tal-ġudikatura;

    li tiżgura kooperazzjoni ġudizzjarja mal-Istati Membri kollha, inkluż billi jiġu żviluppati relazzjonijiet ta’ ħidma mal-uffiċjali ta’ kollegament tagħhom stazzjonati fit-Turkija sabiex tiffaċilita l-fehim reċiproku u l-implimentazzjoni tal-proċeduri rispettivi, jew, meta dawn l-uffiċjali ta’ kollegament ma jkunux disponibbli, permezz ta’ kull forma oħra ta’ komunikazzjoni u kooperazzjoni adatta maż-żewġ partijiet.

    5. BLOKKA 4: DRITTIJIET FUNDAMENTALI

    Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni taħt blokka 4 hija simili għal dik tas-sitwazzjoni taħt blokka 3: Sar progress biex jiġu ssodisfati għadd ta’ rekwiżiti, filwaqt li jeħtieġ isir progress ulterjuri dwar xi rekwiżiti pendenti.

    B’mod partikolari, fis-6 ta’ April 2016, ġiet adottata mill-Parlament Liġi dwar l-Istituzzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, li tindirizza, inter alia, id-diskriminazzjoni għal raġunijiet etniċi u razzjali.

    Fis-26 ta’ April 2016, il-Gvern adotta l-Istrateġija Nazzjonali u pjan ta’ azzjoni li jindirizza l-ostakli ewlenin tal-inklużjoni soċjali tal-popolazzjoni Torka bi sfond Roma u simili għar-Roma.

    L-awtoritajiet Torok irratifikaw il-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, u bagħtu informazzjoni li turi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali Torka diġà tinkludi dispożizzjonijiet ekwivalenti għal dawk meħtieġa mill-Protokoll 4, li huma ffirmaw mingħajr ma rratifikaw.

    Madankollu, l-iktar kriterju importanti taħt Blokka 4 għad irid jiġi indirizzat, jiġifieri dak li jirrikjedi lit-Turkija li “tirrevedi — f’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), il-ġurisprudenza, l-acquis tal-UE u l-prattiki tal-Istati Membri — il-qafas legali rigward il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, kif ukoll l-interpretazzjoni tagħha mill-qrati u mill-forzi tas-sigurtà u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, sabiex tiżgura d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, id-dritt għal proċess ġust u l-libertà tal-espressjoni, ta’ assemblea u ta’ assoċjazzjoni fil-prattika.”

    L-awtoritajiet Torok jeħtieġu jindirizzaw dan il-kriterju bħala kwistjoni ta’ urġenza. F’dan ir-rigward, huma mistiedna li jallinjaw aħjar il-leġiżlazzjoni Torka dwar it-terroriżmu mal-istandards tal-UE, il-Kunsill tal-Ewropa u l-QEDB, billi jadottaw linji gwida biex jiżguraw interpretazzjoni mill-Qorti, il-forzi tas-sigurtà u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi f’konformità ma’ dawn l-istandards, b’mod partikolari billi jallinjaw aħjar id-definizzjoni tat-terroriżmu ma’ dik li tinsab fid-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI kif emendata sabiex jonqos il-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni, permezz tal-introduzzjoni tal-kriterju ta’ proporzjonalità.

    6. BLOKKA 5: RIAMMISSJONI TA' MIGRANTI IRREGOLARI

    Blokka 5 tirrappreżenta qasam tal-Pjan Direzzjonali fejn it-Turkija għamlet progress sinifikanti mit-Tieni Rapport.

    Dan huwa biċ-ċar, riżultat tal-impenn meħud mit-Turkija fis-summit tat-18 ta’ Marzu 2016. B’riżultat ta’ dan, it-Turkija issa taċċetta li terġa' ddaħħal il-migranti irregolari kollha li waslu fil-gżejjer Griegi mit-Turkija wara l-20 ta’ Marzu 2016. L-importanza ta’ dan il-pass m’għandhiex tiġi sottovalutata, peress li kkontribwixxiet b’mod sostanzjali biex jitnaqqsu l-flussi ta’ migranti irregolari li jitilqu mit-territorju Tork lejn l-UE.

    Żvilupp importanti ieħor kienid-deċiżjoni li jiġi avvanzat għall-1 ta’ Ġunju 2016 id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija, li inizjalment kienu ppjanati li jibdew japplikaw mill-1 ta’ Ottubru 2017.

    It-Turkija impenjat ruħha li tagħmel ħidma preparatorja bil-ħsieb li tistabbilixxi sistema elettronika ta’ trażmissjoni u ġestjoni ta’ talbiet ta’ riammissjoni mal-Istati Membri. Is-sistema kienet ittestjata fil-livell pilota fit-2 ta’ Mejju 2016.

    L-awtoritajiet Torok ukoll adottaw dokument li jiddefinixxi l-proċeduri interni li għandhom ikunu segwiti b’risposta għal talbiet ta’ riammissjoni, kif rakkomandat mill-Pjan Direzzjonali.

    Madankollu, fil-mument tal-ħruġ ta’ dan it-Tielet Rapport, kriterju ewlieni taħt din il-Blokka għadu ma ġiex sodisfatt, jiġifieri l-ħtieġa għat-Turkija li “timplimenta bis-sħiħ u b’mod effettiv il-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija fid-dispożizzjonijiet kollha tagħha, b’mod li tipprovdi rekord tajjeb tal-fatt li l-proċeduri ta’ riammissjoni jiffunzjonaw sew fir-rigward tal-Istati Membri kollha”. 

    Hemm żewġ raġunijiet differenti għaliex dan ir-rekwiżit għadu ma ġiex issodisfat.

    Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija relatat mar-riammissjoni taċ-ċittadini taż-żewġ naħat, u li huma fis-seħħ sa mill-1 ta’ Ottubru 2014, id-dispożizzjonijiet ma ġewx infurzati b’mod sistematiku u koerenti permezz tal-missjonijiet diplomatiċi Torok kollha fl-UE. Fis-27 ta’ April 2016 l-awtoritajiet Torok ħarġu linji gwida lill-missjonijiet diplomatiċi bl-għan li jiżguraw li minn issa 'l quddiem talbiet ta’ riammissjoni jkunu ttrattati f’konformità mal-limiti taż-żmien u l-proċeduri previsti fil-Ftehim, u li tkun disponibbli statistika affidabbli tal-każijiet trattati.

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija li huma marbuta mar-riammissjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ir-raġuni għaliex il-Kummissjoni f’dan ir-rapport għadha ma tistax tiddikjara dan il-kriterju bħala ssodisfat hija sempliċement il-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet se jidħlu fis-seħħ biss fl-1 ta’ Ġunju 2016. 

    7. KONKLUŻJONIJIET U T-TRIQ 'IL QUDDIEM

    Filwaqt li s-Summit bejn l-UE u t-Turkija tad-29 ta’ Novembru 2015 diġà stabbilixxa aġenda ambizzjuża għall-awtoritajiet Torok li timmira għal-liberalizzazzjoni tal-viża fil-ħarifa tal-2016, id-dikjarazzjoni tat-18 ta’ Marzu bejn l-UE u t-Turkija għaġġlet aktar il-proċess. Id-Dikjarazzjoni ħabbret li "it-twettiq tal-pjan direzzjonali tal-liberalizzazzjoni tal-viża se jiġi aċċellerat fir-rigward tal-Istati Membri kollha parteċipanti bl-għan li jitneħħew ir-rekwiżiti għall-viżi għaċ-ċittadini Torok mhux aktar tard mill-aħħar ta' Ġunju 2016, sakemm il-parametri referenzjarji kollha jkunu ġew issodisfati. Għal dan l-għan, it-Turkija se tieħu l-passi meħtieġa biex tissodisfa l-bqija tar-rekwiżiti biex il-Kummissjoni, filwaqt li ssegwi l-valutazzjoni ta' konformità meħtieġa mal-parametri referenzjarji, tkun tista' tagħmel proposta sal-aħħar ta' April li fuq il-bażi tagħha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni finali".

    Filwaqt li wieħed jibni fuq il-livell ġdid ta’ impenn u determinazzjoni muri mit-Turkija mis-Summit bejn l-UE u t-Turkija tad-29 ta' Novembru 2015, fl-aħħar xhur l-awtoritajiet Torok komplew jintensifikaw aktar l-isforzi tagħhom biex jissodisfaw din il-kundizzjoni. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-progress li sar mill-awtoritajiet Torok s’issa, u tħeġġiġhom biex iżidu b’mod urġenti l-isforzi tagħhom sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha biex tinkiseb il-liberalizzazzjoni tal-viża, sal-aħħar ta’ Ġunju.

    Kif indikat f’dan ir-Rapport, madankollu, l-awtoritajiet Torok għadhom ma rnexxilhomx jilħqu din il-mira ambizzjuża, minħabba li 7 rekwiżiti minn 72 għadhom ma ġewx issodisfati. Uħud minnhom huma ta’ importanza partikolari.

    Tnejn minn dawn is-seba’ rekwiżiti pendenti jeħtieġu għal raġunijiet prattiċi u proċedurali skadenza itwal ta’ żmien għall-implimentazzjoni, u dan għamilha impossibbli li jiġu ssodisfati b’mod sħiħ sad-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Rapport. Dan jinkludi dawn iż-żewġ kriterji:

    l-aġġornament ta' passaporti bijometriċi eżistenti sabiex jinkludu karatteristiċi ta’ sigurtà skont l-aħħar standards tal-UE;

    l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija, inklużi dawk relatati mar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

    Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Torok qablu dwar modi prattiċi ta’ implimentazzjoni ta’ dawn il-kriterji qabel ma dawn jiġu ssodisfati bis-sħiħ.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet Torok biex jattwaw b’urġenza, wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, il-miżuri li huma neċessarji biex jissodisfaw il-kriterji pendenti l-oħra tal-Pjan Direzzjonali, jiġifieri:

    li jadottaw miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni previsti mill-Pjan Direzzjonali, jiġifieri jiġi żgurat segwitu effikaċi għar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Grupp ta’ Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni (GRECO).

    allinjament tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ta' dejta personali mal-istandards tal-UE, b’mod partikolari biex jiżguraw li l-awtorità tal-protezzjoni tad-dejta tista' taġixxi b’mod indipendenti u li l-attivitajiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi; 

    in-negozjar ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni operazzjonali mal-Europol. Dan jiddependi wkoll fuq il-bidliet ta' hawn fuq għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta. ;

    joffru kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva fi kwistjonijiet kriminali lill-Istati Membri kollha tal-UE;

    jirrevedu l-leġiżlazzjoni u l-prattiki dwar it-terroriżmu f’konformità mal-istandards Ewropej, b’mod partikolari billi jallinjaw aħjar id-definizzjoni tat-terroriżmu ma’ dik li tinsab fid-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI kif emendata sabiex tirrestrinġi l-ambitu tad-definizzjoni u billi tintroduċi kriterju ta’ proporzjonalità. 

     

    Bil-ftehim li l-awtoritajiet Torok iwettqu bħala kwistjoni ta’ urġenza u kif impenjaw li jagħmlu fit-18 ta’ Marzu, il-kriterji pendenti tal-Pjan Direzzjonali, il-Kummissjoni tippreżenta flimkien ma' dan ir-Rapport, il-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament 539/2001 biex jitneħħa l-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini Torok li għandhom passaporti bijometriċi konformi mal-istandards tal-UE.

    Sabiex tassisti l-koleġiżlaturi fid-deliberazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni se tkompli timmoniterja l-passi li l-awtoritajiet Torok jieħdu biex jissodisfaw ir-rekwiżiti pendenti tal-Pjan Direzzjonali.

    (1)

    http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-1259_en.htm.

    (2)

    COM(2014) 646 final Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress tat-Turkija fl-issodisfar tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tagħha dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża http://europa.eu/rapid/press-release_IP-14-1173_en.htm.

    (3)

    Għat-test tad-dikjarazzjoni adottata fil-Laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE mat-Turkija, ara http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2015/11/29-eu-turkey-meeting-statement/

    (4)

    COM(2014) 646 final Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress tat-Turkija fl-issodisfar tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tagħha tal-liberalizzazzjoni tal-viża http://europa.eu/rapid/press-release_IP-14-1173_en.htm.

    (5)

    Għat-test sħiħ tad-Dikjarazzjoni adottata fil-Laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE mat-Turkija, ara http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/18-eu-turkey-statement/

    (6)

    Kif indikat fil-Pjan direzzjonali, ladarba jingħata, id-dritt għall-ivvjaġġar ħieles mill-viża se tapplika biss għal ċittadini Torok li għandhom passaporti bijometriċi konformi mal-istandards tar-Regolament tal-Kunsill 2252/2004.

    Top