Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0747

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/747 tal-14 ta' Mejju 2018 li tissottoponi s-sustanza psikoattiva l-ġdida N-(1-ammino-3,3-dimetil-1-ossobutan-2-il)-1-(ċikloessilmetil)-1H-indażolu-3-karbossammid (ADB-CHMINACA) għal miżuri ta' kontroll

ĠU L 125, 22.5.2018, pp. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/747/oj

22.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/8


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/747

tal-14 ta' Mejju 2018

li tissottoponi s-sustanza psikoattiva l-ġdida N-(1-ammino-3,3-dimetil-1-ossobutan-2-il)-1-(ċikloessilmetil)-1H-indażolu-3-karbossammid (ADB-CHMINACA) għal miżuri ta' kontroll

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI, tfassal rapport ta' valutazzjoni tar-riskji dwar is-sustanza psikoattiva l-ġdida N-(1-ammino-3,3-dimetil-1-ossobutan-2-il)-1-(ċikloessilmetil)-1H-indażolu-3-karbossammid (“ADB-CHMINACA”) minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u r-rapport ġie ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fl-14 ta' Novembru 2017.

(2)

L-ADB-CHMINACA hija kannabinojdi sintetika. Għandha effetti simili għal dawk tat-THC, li hija responsabbli għall-effetti psikoattivi kbar tal-kannabis, iżda l-ADB-CHMINACA għandha tossiċità addizzjonali ta' theddida għall-ħajja. Il-potenza għolja tal-ADB-CHMINACA minn naħa waħda, u l-fatt li tista' tirrapreżenta proporzjon varjabbli kbir jew mhux magħruf f'taħlitiet tat-tipjip min-naħa l-oħra, ifisser li din tikkostitwixxi riskju sinifikanti ta' avvelenament.

(3)

L-ADB-CHMINACA ilha disponibbli fl-Unjoni mill-inqas minn Awwissu 2014 u ġiet individwata fi 17-il Stat Membru. Minħabba n-natura tal-ADB-CHMINACA, x'aktarx li d-detezzjonijiet ma jiġux rapportati billi l-ADB-CHMINACA mhijiex soġġetta għal kontrolli sistematiċi. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-ADB-CHMINACA ġiet issekwestrata bħala materjal veġetali jew tal-pjanti u fil-forma ta' trab, iżda ġiet issekwestrata wkoll, għalkemm fuq livell aktar limitat, f'forom fiżiċi oħrajn, pereżempju fil-forma ta' assorbent. Saru aktar minn 630 sekwestru fl-Unjoni.

(4)

Tliet Stati Membri rrapportaw 13-il każ ta' mewt assoċjati mal-ADB-CHMINACA minn tliet Stati Membri. F'mill-inqas disa' każijiet ta' mewt, l-ADB-CHMINACA jew kienet il-kawża tal-mewt jew inkella x'aktarx li kkontribwixxiet għall-mewt. Barra minn hekk, Stat Membru wieħed irrapporta tliet każijiet mhux fatali ta' intossikazzjoni akuta assoċjati mal-ADB-CHMINACA. Minħabba n-natura tal-ADB-CHMINACA, kemm lintossikazzjonijiet mhux fatali kif ukoll l-imwiet x'aktarx ma ġewx individwati kollha u ma ġewx irrapportati kollha.

(5)

Ma hemm ebda informazzjoni dwar l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, id-distribuzzjoni, it-traffikar u l-forniment tal-ADB-CHMINACA fl-Unjoni. Id-data disponibbli tissuġġerixxi li l-ADB-CHMINACA hija prodotta minn kumpaniji kimiċi bbażati fiċ-Ċina.

(6)

L-ADB-CHMINACA tipikament tinbiegħ f'ammonti żgħar u bl-ingrossa fi ħwienet speċjalizzati (head shops), indikata bħala qisha l-hekk imsejħa droga legali (legal high), bħala taħlitiet tat-tipjip jew bħala trab, kif ukoll fuq l-Internet, indikata bħala qisha l-hekk imsejħa sostituzzjoni legali għall-kannabis. Huwa probabbli wkoll li tinbiegħ direttament fis-suq tad-drogi illeċiti. Billi l-imballaġġ ta' tali prodotti rarament jindikaw l-ingredjenti, ħafna mill-utenti mhumiex konxji li qegħdin jużaw l-ADB-CHMINACA, jew anke kannabinojdi sintetiċi inġenerali.

(7)

L-ADB-CHMINACA ma għandha l-ebda użu mediku għall-bniedem jew veterinarju rikonoxxut fl-Unjoni u lanqas, mid-dehra, barra mill-Unjoni. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-ADB-CHMINACA tista' tintuża għal xi skop ieħor minbarra bħala standard analitiku ta' referenza u fir-riċerka xjentifika.

(8)

Ir-rapport ta' valutazzjoni tar-riskju juri li ħafna mill-mistoqsijiet relatati mal-ADB-CHMINACA li jqumu minħabba n-nuqqas ta' data dwar ir-riskji għas-saħħa individwali, ir-riskji għas-saħħa pubblika, u r-riskji soċjali, jista' jkollhom risposta permezz ta' iktar riċerka. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji għas-saħħa u soċjali li toħloq is-sustanza jipprovdu raġunijiet suffiċjenti biex l-ADB-CHMINACA tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

(9)

L-ADB-CHMINACA mhijiex elenkata għall-kontroll skont il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonizxjiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi jew skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. L-ADB-CHMINACA bħalissa mhijiex qed tiġi vvalutata taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

(10)

Billi 13-il Stat Membru jikkontrolla l-ADB-CHMINACA fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-kontroll tad-drogi u erba' Stati Membri jikkontrollaw l-ADB-CHMINACA taħt leġiżlazzjoni oħra, il-fatt li l-ADB-CHMINACA tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jgħin biex jiġi evitat li jfeġġu ostakli fl-infurzar tal-liġi u fil-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntieri, u jgħin fil-protezzjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha joħolqu.

(11)

Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tikkonferixxi setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni fil-każ li jfiġġu sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrapportati mill-Istati Membri, billi tissotoponi dawn is-sustanzi għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Billi l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew issodisfati, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex l-ADB-CHMINACA tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

(12)

Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(13)

L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(14)

Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sustanza psikoattiva l-ġdida N-(1-ammino-3,3-dimetil-1-ossobutan-2-il)-1-(ċikloessilmetil)-1H-indażolu-3-karbossammid (“ADB-CHMINACA”), għandha tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

Artikolu 2

Sat-23 ta' Mejju 2019, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, biex jissottoponu l-ADB-CHMINACA għal miżuri ta' kontroll u għal pieni kriminali, kif previst fil-leġiżlazzjoni tagħhom, b'mod konformi mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika b'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)   ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.

(2)  Opinjoni tat-3 ta' Mejju 2018 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


Top