Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2369

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2369 tal-11 ta' Novembru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll tal-Adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador

    ĠU L 356, 24.12.2016, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/2369/oj

    Related international agreement

    24.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 356/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2369

    tal-11 ta' Novembru 2016

    dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll tal-Adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fid-19 ta' Jannar 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim kummerċjali multipartitiku f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-Pajjiżi Membri tal-Komunità Andina li kellhom l-istess objettiv li jintlaħaq ftehim kummerċjali ambizzjuż, komprensiv u bbilanċjat.

    (2)

    Fis-26 ta' Ġunju 2012 l-Unjoni ffirmat il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”). Il-Ftehim ġie applikat proviżorjament mill-1 ta' Marzu 2013 għall-Perù u mill-1 ta' Awwissu 2013 għall-Kolombja.

    (3)

    L-Artikolu 329 tal-Ftehim jistipula d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-adeżjoni ta' Pajjiżi Membri oħrajn tal-Komunità Andina għall-Ftehim.

    (4)

    Negozjati għal protokoll ta' adeżjoni mal-Ftehim twettqu bejn l-Unjoni u l-Ekwador f'Lulju 2014. In-negozjati ġew konklużi fis-17 ta' Lulju 2014.

    (5)

    It-test tal-Protokoll tal-Adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, minn naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador (“il-Protokoll”) kien approvat mill-Kumitat tal-Kummerċ stabbilit bis-saħħa tal-Ftehim fil-laqgħa tiegħu fit-8 ta' Frar 2016, kif mitlub mill-Artikolu 329(4) tal-Ftehim.

    (6)

    Il-Protokoll għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u jiġi applikat, fuq bażi proviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għall-konklużjoni tiegħu. L-Artikolu 27(4) tal-Protokoll jipprevedi l-applikazzjoni proviżorja tiegħu. Bħala riżultat tal-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll, il-Ftehim għandu japplika b'mod proviżorju.

    (7)

    L-applikazzjoni proviżorja prevista f'din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont it-Trattati.

    (8)

    Il-Protokoll ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati jew it-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Protokoll tal-Adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-istess Protokoll.

    2.   It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Il-Protokoll għandu jiġi applikat bejn l-Unjoni u l-Ekwador fuq bażi proviżorja mill-Unjoni kif previst fl-Artikolu 27(4) tiegħu (2), sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għall-konklużjoni tiegħu. Bħala riżultat, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għandhom jiġi applikati fuq bażi proviżorja mill-Unjoni kif previst fl-Artikolu 330(3) tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 2, l-Artikolu 202(1) u l-Artikoli 291 u 292 tal-Ftehim.

    Artikolu 4

    Il-Protokoll ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati jew it-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Novembru 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. ŽIGA


    (1)  ĠU L 354, 21.12.2012, p. 3.

    (2)  Id-data minn meta l-Protokoll ser jiġi applikat b'mod proviżorju se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top