Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0341

    2007/341/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ April 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-ammissjoni mill-ġdid

    ĠU L 129, 17.5.2007, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/341/oj

    Related international agreement

    17.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 129/38


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tad-19 ta’ April 2007

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-ammissjoni mill-ġdid

    (2007/341/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (3)(b) ta’ l-Artikolu 63 tiegħu, flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2) u l-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Il-Kummissjoni nnegozjat f'isem il-Komunità Ewropea Ftehim mal-Federazzjoni Russa dwar l-ammissjoni mill-ġdid.

    (2)

    Il-Ftehim ġie ffirmat, f'isem il-Komunità Ewropea, fil-25 ta’ Mejju 2006, suġġett għall-konklużjoni eventwalment possibbli tiegħu f'data aktar tard, skond Deċiżjoni tal-Kunsill adottata fit-22 ta’ Mejju 2006.

    (3)

    Il-Ftehim għandu jiġi approvat.

    (4)

    Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt ta’ Ammissjoni mill-Ġdid li jista' jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Huwa kunsiljabbli li tkun prevista proċedura simplifikata sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Komunità f'dan il-każ.

    (5)

    Skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda, anness mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    (6)

    Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ l-imsemmi Protokoll, l-Irlanda ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u m'hijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (7)

    Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u m'hijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-ammissjoni mill-ġdid huwa b'dan approvat f'isem il-Komunità.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 23(2) tal-Ftehim (1).

    Artikolu 3

    Il-Kummissjoni, megħjuna minn esperti mill-Istati Membri, għandha tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt ta’ l-Ammissjoni mill-Ġdid stabbilit mill-Artikolu 19 tal-Ftehim.

    Artikolu 4

    Il-pożizzjoni tal-Komunità fi ħdan il-Kumitat Konġunt dwar l-Ammissjoni mill-Ġdid dwar l-adozzjoni tar-regoli tal-proċedura tiegħu kif meħtieġ taħt l-Artikolu 19(5) tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 19 ta’ April 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. ZYPRIES


    (1)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar l-Ammissjoni mill-Ġdid se tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top