Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02008O0005-20220801

    Consolidated text: Linja gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew ta’ l-20 ta’ Ġunju 2008 dwar l-immaniġġjar ta’ l-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi (abbozzata mill-ġdid) (BĊE/2008/5) (2008/596/KE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2008/596/2022-08-01

    02008O0005 — MT — 01.08.2022 — 003.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    ta’ l-20 ta’ Ġunju 2008

    dwar l-immaniġġjar ta’ l-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi (abbozzata mill-ġdid)

    (BĊE/2008/5)

    (2008/596/KE)

    (ĠU L 192 19.7.2008, p. 63)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tat-28 ta’ Novembru 2013

      L 62

    23

    4.3.2014

    ►M2

    LINJA GWIDA (UE) 2020/1514 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tat-8 ta’ Ottubru 2020

      L 344

    32

    19.10.2020

    ►M3

    LINJA GWIDA (UE) 2022/1378 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tat-28 ta’ Lulju 2022

      L 206

    55

    8.8.2022




    ▼B

    LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    ta’ l-20 ta’ Ġunju 2008

    dwar l-immaniġġjar ta’ l-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi (abbozzata mill-ġdid)

    (BĊE/2008/5)

    (2008/596/KE)



    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida:

    — 
    “BĊN taż-żona ta’ l-ewro” tfisser il-BĊN ta’ Stat Membru li adotta l-ewro; u
    — 
    ►M3  “Ġurisdizzjonijiet Ewropej” tfisser il-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri kollha li adottaw l-euro skont it-Trattat, kif ukoll id-Danimarka, l-Iżvezja, l-Isvizzera, u l-Ingilterra u Wales. ◄

    Artikolu 2

    Immaniġġjar ta’ assi barranin ta’ riżerva mill-BĊNi taż-żona ta’ l-ewro bħala l-aġenti tal-BĊE

    ▼M1

    1.  
    Kull BĊN taż-żona tal-euro huwa intitolat li jipparteċipa fl-immaniġġjar operattiv tal-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti lill-BĊE. BĊN taż-żona tal-euro jista’ jiddeċiedi li: jastjeni minn dan l-immaniġġjar jew (b) jaqsam dan l-immaniġġjar ma’ BĊN wieħed jew aktar taż-żona tal-euro. Jekk BĊN taż-żona tal-euro jiddeċiedi li jastjeni minn dan l-immaniġġjar, il-BĊNi l-oħra taż-żona tal-euro għandhom jimmaniġġjaw l-assi li kieku jkunu mmaniġġjati mill-BĊN taż-żona tal-euro li jastjeni. Għandu jkun ukoll possibbli li ssir talba minn BĊN taż-żona tal-euro lill-BĊE jew lil BĊN ieħor taż-żona tal-euro biex jassumi xi kompiti filwaqt li jżomm kompiti oħrajn relatati mal-immaniġġjar tal-assi ta’ riżerva barranija ttrasferiti lill-BĊE. Il-BĊE u l-BĊN relevanti taż-żona tal-euro huma liberi li jaċċettaw jew li jiċħdu din it-talba.

    ▼B

    2.  
    Il-BĊNi taż-żona ta’ l-ewro għandhom iwettqu l-operazzjonijiet li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE bħala l-aġenti tal-BĊE. Billi jibda dawn l-operazzjonijiet, BĊN taż-żona ta’ l-ewro għandu jitqies li jikkonferma l-istatus tiegħu bħala l-aġent tal-BĊE. Fir-rigward ta’ l-operazzjonijiet kollha li l-BĊNi taż-żona ta’ l-ewro jwettqu f’isem il-BĊE, meta jaqblu dwar kull operazzjoni dawn il-BĊNi taż-żona ta’ l-ewro għandhom jiżvelaw lill-partijiet kollha l-istatus tal-BĊE bħala prinċipal, kemm bl-isem u kif ukoll b’referenza għal numru tal-kont jew identifier.
    3.  
    Meta jwettaq operazzjonijiet li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE bħala l-aġent tal-BĊE, kull BĊN taż-żona ta’ l-ewro għandu jissubordina l-interessi tiegħu stess, jew l-interessi ta’ kull entita' oħra li għaliha jwettaq l-operazzjonijiet, għall-interessi tal-BĊE.
    4.  
    Meta mistoqsi minn kontroparti tal-BĊE għal prova ta’ l-awtorita' tiegħu biex iwettaq operazzjonijiet li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE bħala l-aġent tal-BĊE, BĊN taż-żona ta’ l-ewro għandu jipprovdi lil din il-kontroparti bi prova tal-mandat tagħha ta’ l-aġenzija.

    Artikolu 3

    Dokumentazzjoni Legali

    1.  
    L-operazzjonijiet kollha li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE għandhom jitwettqu bl-użu ta’ dokumentazzjoni legali standard, kif mitlub minn dan l-Artikolu u f’dawk il-forom kif jistgħu jiġu approvati jew emendati mill-BĊE minn żmien għal żmien. Qabel ma BĊN taż-żona ta’ l-ewro jista’ jibda jinnegozja ma’ kontroparti f’isem il-BĊE, id-dokumentazzjoni legali għandha tiġi ffirmata mill-kontroparti u l-oriġinali rreġistrati mal-BĊE.

    ▼M3

    2.  

    Operazzjonijiet ta’ xiri mill-ġdid, xiri mill-ġdid imreġġa’ lura, operazzjonijniet ta’ xiri/bejgħ lura u bejgħ/xiri lura li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE, għandhom jiġu dokumentati bl-użu tal-ftehimiet standard li ġejjin fl-edizzjoni jew verżjoni indikata, jew f’kull edizzjoni jew verżjoni aktar reċenti approvata mill-BĊE:

    (a) 

    il-Ftehim Master tal-FBE għal Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) għandu jintuża għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skont il-liġijiet ta’ kwalunkwe waħda mill-ġurisdizzjonijiet Ewropej u skont il-liġijiet tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja;

    (b) 

    Il-Ftehim Master ta’ Xiri mill-Ġdid tal-Assoċjazzjoni tas-Suq tal-Bonds (verżjoni ta’ Settembru 1996) għandu jintuża għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skont il-liġijiet federali jew statali tal-Istati Uniti; u

    (c) 

    Il-Ftehim Master Globali ta’ Xiri mill-Ġdid tat-TBMA/ISMA (verżjoni tal-2000) għandu jintuża għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skont il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minbarra dawk imniżżla fil-punti (a) jew (b).

    3.  

    Operazzjonijiet ta’ derivattivi over-the-counter li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE għandhom jiġu ddokumentati bl-użu tal-ftehimiet standard li ġejjin fl-edizzjoni jew il-verżjoni indikata, jew fi kwalunkwe edizzjoni jew verżjoni aktar reċenti approvata mill-BĊE:

    (a) 

    Il-Ftehim Master tal-FBE għal Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) għandu jintuża għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skont il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni Ewropea;

    (b) 

    Il-Ftehim Master tal-1992 tal-Assoċjazzjoni tal-Iswaps Internazzjonali u d-Derivattivi (Aktar minn valuta waħda — intra fruntieri, verżjoni tal-liġi ta’ New York) għandu jintuża għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skont il-liġi federali jew statali tal-Istati Uniti; u

    (c) 

    Il-Ftehim Master tal-1992 tal-Assoċjazzjoni tal-Iswaps Internazzjonali u d-Derivattivi (Aktar minn valuta waħda — intra fruntieri, verżjoni tal-liġi Ingliża) għandu jintuża għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skont il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minbarra dawk imniżżla fil-punti (a) jew (b).

    ▼B

    4.  
    Il-Bord Eżekuttiv jista’ jiddeċiedi li juża wieħed mill-ftehim standard imsemmijin fil-paragrafi 2(c) jew 3(c) aktar milli l-ftehim imsemmijin fil-paragrafi 2(a) jew 3(a) fir-rigward ta’ Stat Membru meta jadotta l-ewro, jekk ma tkun disponibbli l-ebda valutazzjoni legali li hija aċċettabbli għall-BĊE, kemm fil-forma kif ukoll fis-sustanza, rigward l-użu tal-ftehim standard rilevanti f’dak l-Istat Membru. Il-Bord Eżekuttiv għandu jinforma minnufih lill-Kunsill Governattiv b’kull deċiżjoni meħuda skond din id-dispożizzjoni.

    ▼M3

    5.  
    Depożiti li jinvolvu l-assi ta’ riżervi barranin tal-BĊE ma’ kontropartijiet li: (i) huma eliġibbli għall-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u/jew 3 hawn fuq; u (ii) huma organizzati jew inkorporati taħt il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni Ewropea ħlief l-Irlanda, għandhom jiġu ddokumentati bl-użu tal-Ftehim Master tal-FBE għal Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004, jew kwalunkwe edizzjoni aktar reċenti approvata mill-BĊE). F’każijiet li ma jaqgħux taħt il-punti (i) u (ii) hawn fuq, id-depożiti li jinvolvu l-assi ta’ riżervi barranin tal-BĊE għandhom jiġu ddokumentati bl-użu tal-ftehim master dwar in-netting kif speċifikat fil-paragrafu 7 hawn taħt.
    6.  
    Dokument bl-Ingliż fil-format stabbilit fl-Anness I (iktar ’il quddiem l-“Anness tal-BĊE”) għandu jiġi anness ma’ u jifforma parti integrali minn kull ftehim standard li permezz tiegħu jitwettqu operazzjonijiet ta’ xiri mill-ġdid, xiri mill-ġdid imreġġa’ lura, xiri/bejgħ lura, bejgħ/xiri lura, self ta’ titoli, operazzjonijiet ta’ triparty repo jew ta’ derivattivi over-the-counter li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE sakemm tali operazzjonijiet ma jitwettqux skont il-Ftehim Master tal-FBE għal Tranżazzjonijiet Finanzjarji.
    7.  

    Ftehim master ta’ netting għandu jiġi konkluż mal-kontropartijiet kollha, ħlief mal-kontropartijiet: (i) li magħhom il-BĊE ffirma Ftehim Master tal-FBE għal Tranżazzjonijiet Finanzjarji; u (ii) li huma organizzati jew inkorporati taħt il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni Ewropea, minbarra l-Irlanda, kif ġej:

    ▼M2

    (a) 

    ftehim prinċipali ta’ netting irregolat bil-liġi Ingliża u abbozzat bl-Ingliż għandu jiġi konkluż mal-kontropartijiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-kontropartijiet speċifikati fil-punti (b), (c) u (d);

    (b) 

    ftehim prinċipali ta’ netting irregolat bil-liġi Franċiża u abbozzat bl-Ingliż għandu jiġi konkluż ma’ kontropartijiet inkorporati fi Franza; madankollu, dawn il-ftehimiet diġà fis-seħħ li huma abbozzati bil-Franċiż għandhom ikomplu jkunu validi u jistgħu jiġu ssostitwiti bi ftehim abbozzat bl-Ingliż f’data xierqa aktar tard;

    (c) 

    ftehim prinċipali ta’ netting irregolat bil-liġi Ġermaniża u abbozzat bil-Ġermaniż għandu jiġi konkluż ma’ kontropartijiet inkorporati fil-Ġermanja; madankollu, dawn il-ftehimiet diġà fis-seħħ li huma abbozzati bil-Ġermaniż għandhom ikomplu jkunu validi u jistgħu jiġu ssostitwiti bi ftehim abbozzat bl-Ingliż f’data xierqa aktar tard; u

    (d) 

    ftehim prinċipali ta’ netting irregolat bil-liġi ta’ New York u abbozzat bl-Ingliż għandu jiġi konkluż mal-kontropartijiet inkorporati fl-Istati Uniti.

    ▼B

    8.  
    L-għoti ta’ servizzi finanzjarji li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE minn intermedjarji finanzjarji inklużi, mingħajr limitazzjoni, il-kummerċ bankarju, senserija, servizzi ta’ kustodja u ta’ investiment miksuba minn korrispondenti, kustodji u depożitarji, organizzazzjonijiet li jipprovdu settlement u entitajiet ċentrali ta’ l-ikklirjar għal derivattivi nnegozjati fuq il-borża għandhom ikunu ddokumentati taħt dawk il-ftehim speċifiċi kif il-BĊE jista’ japprova minn żmien għal żmien.

    ▼M3

    9.  
    Il-ftehimiet master kollha konklużi mill-BĊE mill-1 ta’ Awwissu 2022 jew konklużi mill-BĊE qabel dik id-data u emendati wara dan għandu jkun fihom rappreżentazzjoni fuq bażi kontinwa minn kull kontroparti li: (a) il-kontroparti tkun f’konformità fl-aspetti materjali kollha mal-liġijiet applikabbli kollha (inklużi l-istruzzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti) relatati mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; (b) il-kontroparti ma tkunx involuta fil-ħasil tal-flus u/jew fil-finanzjament tat-terroriżmu; u (c) il-kontroparti tikkonforma mal-miżuri restrittivi applikabbli kollha (komunement imsejħa “sanzjonijiet”) adottati fil-livell tal-Unjoni Ewropea u/jew tan-Nazzjonijiet Uniti, jew imposti minn kwalunkwe awtorità kompetenti oħra.

    ▼B

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    1.  
    Il-Linja Gwida BĊE/2006/28 qed tiġi hawnhekk irrevokata b’effett mill-25 ta’ Ġunju 2008.
    2.  
    Ir-referenzi għal-Linja Gwida BĊE/2006/28 għandhom jinftiehmu bħala li qed isiru għal din il-Linja Gwida.
    3.  
    Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2008.

    Artikolu 5

    Destinatarji

    Din il-Linja Gwida tapplika għall-BĊNi taż-żona ta’ l-ewro.




    ANNESS I

    ▼M3

    ANNESS BĊE

    1. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness għandhom ikunu termini u kundizzjonijiet supplimentari li japplikaw għal [isem il-ftehim standard li għalih japplika dan l-Anness] datat [id-data tal-ftehim] (il-“Ftehim”) bejn il-Bank Ċentrali Ewropew (il-“BĊE”) u [isem tal-kontroparti] (il-“Kontroparti”). Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness għandhom ikunu annessi ma’, inkorporati fi u jiffurmaw parti integrali mill-Ftehim. Jekk u sa fejn xi dispożizzjonijiet tal-Ftehim (minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness) jew il-Ftehim Master tan-Netting tal-BĊE datat minn [data] (il-“Ftehim Master tan-Netting”) bejn il-BĊE u l-Kontroparti, inkluż kwalunkwe termini u kundizzjonijiet supplimentari, anness jew skeda mal-Ftehim, ikun fihom dispożizzjonijiet inkonsistenti ma’ jew bl-istess effett jew simili għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness għandhom jipprevalu u japplikaw minflok dawk id-dispożizzjonijiet.

    2. Ħlief kif meħtieġ mil-liġi jew regolament, il-Kontroparti taqbel li għandha żżomm kunfidenzjali, u taħt l-ebda ċirkostanza ma tiżvela lil parti terza, kwalunkwe informazzjoni jew parir fornuti mill-BĊE jew kwalunkwe informazzjoni li tikkonċerna l-BĊE miksuba mill-Kontroparti bħala riżultat li tkun parti mill-Ftehim, inkluż mingħajr limitazzjoni informazzjoni dwar l-eżistenza jew it-termini tal-Ftehim (inkluż dan l-Anness) jew ir-relazzjoni bejn il-Kontroparti u l-BĊE maħluqa b’dan, u lanqas il-Kontroparti m’għandha tuża l-isem tal-BĊE fi kwalunkwe reklamar jew materjal promozzjonali.

    3. Il-Kontroparti taqbel li tinnotifika lill-BĊE bil-miktub malajr kemm jista’ jkun raġonevoli dwar: (i) kwalunkwe konsolidazzjoni jew amalgamazzjoni ma’, jew għaqda ma’ jew fi, jew trasferiment tal-assi kollha tagħha jew sostanzjalment kollha lil, entità oħra; (ii) il-ħatra ta’ xi likwidatur, riċevitur, amministratur jew uffiċjal analogu jew il-bidu ta’ xi proċedura għall-istralċ jew riorganizzazzjoni tal-Kontroparti jew kwalunkwe proċedura analoga oħra; jew (iii) bidla fl-isem tal-Kontroparti.

    4. M’għandu jkun hemm ebda rinunzja mill-BĊE ta’ immunità minn kawżi jew ġurisdizzjoni ta’ xi qorti, jew kwalunkwe eżenzjoni kontra l-BĊE permezz ta’ inġunzjoni, ordni għal eżekuzzjoni speċifika jew għall-irkupru ta’ kwalunkwe proprjetà tal-BĊE jew sekwestru tal-assi tiegħu (kemm jekk qabel jew wara s-sentenza), f’kull każ sal-limitu massimu permess mil-liġi applikabbli.

    5. M’għandux japplika fir-rigward tal-BĊE xi avveniment ta’ inadempjenza jew dispożizzjoni oħra ta’ kwalunkwe tip li fiha ssir referenza għall-falliment, insolvenza jew avveniment ieħor analogu tal-BĊE.

    6. Il-Kontroparti taqbel li daħlet fil-Ftehim (inkluż dan l-Anness) bħala prinċipali u mhux bħala aġent għal kwalunkwe entità oħra u li għandha tidħol fit-tranżazzjonijiet kollha bħala prinċipali

    ▼M2 —————

    Top