Wybierz funkcje eksperymentalne, które chcesz wypróbować

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 32023R0609

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/609 tas-17 ta’ Marzu 2023 li jimponi mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fir-rigward ta’ Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co., Ltd wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-242/19

    C/2023/1627

    ĠU L 80, 20.3.2023, str. 41—53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Status prawny dokumentu Obowiązujące

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/609/oj

    20.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 80/41


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/609

    tas-17 ta’ Marzu 2023

    li jimponi mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fir-rigward ta’ Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co., Ltd wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-242/19

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“Regolament bażiku anti-dumping”), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(4) u 14(1) tiegħu,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   L-investigazzjonijiet preċedenti u l-miżuri fis-seħħ

    (1)

    Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/73 (2), il-Kummissjoni Ewropea imponiet dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ roti elettriċi (“e-bikes”), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-Regolament ikkontestat”).

    1.2.   Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea

    (2)

    Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co. Ltd (“Giant” jew “ir-rikorrent”) ikkontestat ir-Regolament ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti Ġenerali”). Fis-27 ta’ April 2022, il-Qorti Ġenerali ħarġet is-sentenza tagħha fil-Kawża T-242/19 (3) rigward ir-Regolament ikkontestat (“is-sentenza”).

    (3)

    Il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiddetermina l-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz u li kienet intitolata tibbaża l-analiżi tad-dannu tagħha u, għalhekk, ir-rabta ta’ kawżalità, fuq fenomeni oħrajn tal-prezzijiet elenkati fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku anti-dumping, bħal tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni jew il-prevenzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet sa ċertu punt notevoli. Madankollu, peress li l-Kummissjoni bbażat fuq il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz fil-kuntest tal-Artikolu 3(3), il-Qorti Ġenerali sabet li billi qieset, b’rabta mal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni, ċerti elementi li kienet naqqset mill-prezzijiet tal-applikant (jew ma kinux preżenti fir-rigward tal-bejgħ tal-OEM (4) peress li l-kummerċjalizzazzjoni downstream tal-prodott ikkonċernat (5) twettqet mix-xerrej indipendenti), il-Kummissjoni ma għamlitx paragun ġust meta kkalkolat il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz tal-applikant. Il-Qorti Ġenerali nnotat li dak l-iżball metodoloġiku li nstab kellu l-effett li jidentifika t-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, li l-importanza jew l-eżistenza tiegħu ma kinitx ġiet stabbilita kif xieraq.

    (4)

    Meta wieħed iqis l-importanza li l-Kummissjoni kienet tat lill-eżistenza tat-twaqqigħ tal-prezz fis-sejba tagħha ta’ dannu u fil-konklużjoni tagħha dwar ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u dak id-dannu, il-Qorti Ġenerali sabet li l-iżball fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz kien biżżejjed biex jinvalida l-analiżi tal-Kummissjoni tar-rabta kawżali rispettiva, li l-eżistenza tiegħu hija element essenzjali għall-impożizzjoni ta’ miżuri.

    (5)

    Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali nnotat li, irrispettivament mill-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku anti-dumping għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu skont it-tifsira tal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament, in-natura inġusta tat-tqabbil li nstab fit-tieni parti ta’ dak il-motiv xekklet, fi kwalunkwe każ, l-analiżi tal-Kummissjoni skont dawk id-dispożizzjonijiet (6).

    (6)

    Il-Qorti Ġenerali nnotat ukoll li l-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ġie ddeterminat abbażi ta’ tqabbil li jinvolvi l-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, aġġustat kif xieraq għall-kostijiet tal-importazzjoni u d-dazji doganali, kif kien ġie stabbilit għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz (7). Konsegwentement, hija sostniet li ma jistax jiġi eskluż li, kieku ma kienx għall-iżball metodoloġiku relatat mat-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-applikant, il-marġni tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni kien jiġi stabbilit f’livell saħansitra aktar baxx minn dak stabbilit fir-Regolament ikkontestat u xorta aktar baxx mill-marġni tad-dumping stabbilit fih. F’dak il-każ, f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku anti-dumping, l-ammont tad-dazju rispettiv jenħtieġ li jitnaqqas għal rata li tkun adegwata biex jitneħħa d-dannu (8).

    (7)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ikkontestat sa fejn kienet ikkonċernata Giant.

    1.3.   Implimentazzjoni tas-Sentenza tal-Qorti Ġenerali

    (8)

    L-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) jipprevedi li l-Istituzzjonijiet iridu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mas-sentenzi tagħha. F’każ ta’ annullament ta’ att adottat mill-Istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, bħall-investigazzjoni anti-dumping f’dan il-każ, il-konformità mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tikkonsisti mis-sostituzzjoni tal-att annullat b’att ġdid, fejn l-illegalità identifikata mill-Qorti hija eliminata (9).

    (9)

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura għas-sostituzzjoni tal-att annullat tista’ titkompla fil-punt stess li fih seħħet l-illegalità (10). Dan jimplika, b’mod partikolari, li f’sitwazzjoni fejn att li jikkonkludi proċedura amministrattiva jiġi annullat, dak l-annullament mhux neċessarjament jaffettwa l-atti preparatorji, bħall-bidu tal-proċedura anti-dumping. F’sitwazzjoni fejn, pereżempju, Regolament li jimponi miżuri anti-dumping definittivi jiġi annullat, dan ifisser li wara l-annullament, il-proċediment anti-dumping ikun għadu miftuħ, minħabba li l-att li jikkonkludi l-proċediment anti-dumping ikun sparixxa mill-ordni ġuridiku tal-Unjoni (11), ħlief jekk l-illegalità tkun seħħet fl-istadju tal-bidu.

    (10)

    Fil-kawża attwali, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ikkontestat għal raġuni waħda, jiġifieri li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel paragun ġust fl-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz fl-istess livell tal-kummerċ meta ddeterminat l-eżistenza ta’ twaqqigħ sinifikanti tal-prezz. Skont il-Qorti Ġenerali, dan l-iżball ippreġudika wkoll l-analiżi tal-kawżalità u potenzjalment il-marġni tad-dannu fir-rigward tar-rikorrent.

    (11)

    Is-sejbiet u l-konklużjonijiet li jifdal fir-Regolament ikkontestat li ma kinux ikkontestati, jew li ġew ikkontestati iżda li ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali, jibqgħu validi u ma humiex affettwati minn dan il-ftuħ mill-ġdid (12).

    (12)

    Wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, fis-6 ta’ Lulju 2022 il-Kummissjoni ppubblikat avviż (“l-avviż ta’ ftuħ mill-ġdid”) li jerġa’ jiftaħ l-investigazzjoni oriġinali dwar l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”), li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, sa fejn jikkonċerna lil Giant u biex terġa’ tibda l-investigazzjoni mill-punt li fih seħħet l-irregolarità (13).

    (13)

    Il-ftuħ mill-ġdid kien limitat fl-ambitu għall-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ Giant.

    (14)

    Fis-6 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni għamlet ukoll l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi, li joriġinaw mir-RPĊ, manifatturati minn Giant, soġġetti għal reġistrazzjoni u tat struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali nazzjonali biex jistennew sakemm l-eżitu tal-eżami mill-ġdid jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel ma jiddeċiedu dwar kwalunkwe talba għar-rimborż tad-dazji annullati (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”) (14).

    (15)

    Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati dwar il-ftuħ mill-ġdid u stednithom jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jitolbu seduta fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-avviż ta’ ftuħ mill-ġdid.

    (16)

    Parti interessata waħda, Giant, talbet seduta fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-avviż ta’ ftuħ mill-ġdid u ngħatat l-opportunità li tinstema’.

    (17)

    Wara d-divulgazzjoni finali, kemm Giant kif ukoll l-EBMA talbu seduti ta’ smigħ u ngħataw l-opportunità li jinstemgħu.

    (18)

    L-ebda parti interessata ma talbet seduta mal-Uffiċjal tas-Smigħ fi proċedimenti kummerċjali.

    1.4.   Passi proċedurali għall-implimentazzjoni tas-Sentenzi tal-Qorti Ġenerali

    (19)

    Wara l-ftuħ mill-ġdid, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lill-kumpaniji kummerċjali relatati tagħhom.

    (20)

    Waslu tweġibiet għat-talbiet għal informazzjoni mill-produtturi kollha tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

    (21)

    Il-Kummissjoni wettqet żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku anti-dumping fl-uffiċċji tal-kumpaniji li ġejjin:

    Accell Group (Heerenveen, in-Netherlands);

    Prophete GmbH & Co. KG (Rheda-Wiedenbruck, il-Ġermanja);

    Derby Cycle Holding GmbH (Cloppenburg, il-Ġermanja);

    Koninklijke Gazelle NV (Dieren, in-Netherlands).

    1.5.   Perjodu ta’ investigazzjoni

    (22)

    Dan il-perjodu ta’ investigazzjoni jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2016 sat-30 ta’ Settembru 2017 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sat-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

    2.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI DWAR IL-FTUĦ MILL-ĠDID TAL-INVESTIGAZZJONI

    (23)

    Il-Kummissjoni rċeviet kummenti speċifiċi għall-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni minn Giant u mill-importatur Rad Power Bikes NL.

    (24)

    Giant sostniet li, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku anti-dumping, għall-proċedimenti mibdija skont l-Artikolu 5(9), kull meta jkun possibbli, investigazzjoni jenħtieġ li tiġi konkluża fi żmien sena. Fi kwalunkwe każ, dawn l-investigazzjonijiet iridu, fil-każijiet kollha, jiġu konklużi fi żmien 15-il xahar mill-bidu, f’konformità mas-sejbiet magħmulin skont l-Artikolu 8 għall-impriżi jew is-sejbiet magħmulin skont l-Artikolu 9 għal azzjoni definittiva. Giant argumentat ukoll li l-Artikolu 5.10 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali tal-1994 dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (“il-Ftehim Anti-Dumping tad-WTO”) jipprevedi li l-investigazzjonijiet iridu, ħlief f’ċirkostanzi speċjali, jiġu konklużi fi żmien sena, u fl-ebda każ aktar minn 18-il xahar, wara l-bidu tagħhom. Giant argumentat li n-natura obbligatorja u assoluta tal-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5.10 tal-Ftehim Anti-Dumping tad-WTO ġiet ikkonfermata f’diversi okkażjonijiet mill-Korp tal-Appell tad-WTO u mill-bordijiet tad-WTO, b’mod partikolari, f’EC – Fasteners, fejn il-Korp tal-Appell tad-WTO ddikjara li l-Artikolu 5.10 jirrikjedi li l-investigazzjonijiet jitlestew fi żmien 12-il xahar, jew f’ċirkostanzi speċjali, sa mhux aktar minn 18-il xahar (15) u f’Morocco – Hot-Rolled Steel (Turkey) (16), fejn il-bord qies li l-Artikolu 5.10 ma jippermetti l-ebda eċċezzjoni fl-aderenza mal-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni. Giant argumentat ukoll li l-Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid jirrikonoxxi b’mod espliċitu li l-proċediment attwali huwa l-kontinwazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali u minħabba li l-investigazzjoni anti-dumping oriġinali nbdiet fl-20 ta’ Ottubru 2017, sabiex tikkonforma mal-iskadenza obbligatorja fl-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku anti-dumping, l-investigazzjoni kellha titlesta sal-20 ta’ Jannar 2019. B’konsegwenza ta’ dan, Giant argumentat, li l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni oriġinali f’Lulju 2022 irriżulta fl-estensjoni tal-investigazzjoni lil hinn mil-limitu ta’ żmien obbligatorju għall-konklużjoni tal-investigazzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku anti-dumping, u huwa wkoll inkonsistenti mal-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 5.10 tal-Ftehim Anti-Dumping tad-WTO.

    (25)

    Il-Kummissjoni nnotat li, skont il-ġurisprudenza stabbilita (17), l-iskadenza ta’ 15-il xahar biex tiġi konkluża investigazzjoni prevista fl-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku anti-dumping ma tapplikax għal sitwazzjonijiet fejn jerġa’ jinfetaħ proċediment wara sentenza tal-qorti. B’hekk, l-Artikolu 6(9) ikopri biss il-proċeduri inizjali u mhux dawk il-proċeduri li jkunu reġgħu nfetħu wara sentenza ta’ annullament jew invalidità. Il-każijiet tad-WTO ikkwotati minn Giant jidhru irrilevanti peress li ma jitfgħux dubju li l-Artikolu 5.10 tal-Ftehim Anti-Dumping tad-WTO jestendi lil hinn mill-investigazzjonijiet oriġinali. Għalhekk, din l-asserzjoni hija miċħuda.

    (26)

    Giant argumentat ukoll li l-Kummissjoni ma hijiex intitolata li terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni anti-dumping oriġinali fir-rigward ta’ Giant, peress li l-iżball sostantiv li sabet il-Qorti Ġenerali mhux biss affettwa l-investigazzjoni fir-rigward ta’ Giant, iżda anke l-analiżijiet ġenerali tad-dannu u l-kawżalità li kienu jiddependu, tal-anqas parzjalment, fuq is-sejbiet fir-rigward ta’ Giant. Giant argumentat ukoll li sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-242/19, il-Kummissjoni ma kinitx intitolata li tiftaħ mill-ġdid l-investigazzjoni oriġinali, iżda jenħtieġ li tħassar il-miżuri anti-dumping fuq roti elettriċi sa fejn kienet ikkonċernata Giant. Rad Power Bikes NL argumentat ukoll li s-sejbiet tal-Qorti Ġenerali jkunu jirrikjedu li l-Kummissjoni tirtira l-miżuri imposti.

    (27)

    Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dawk id-dikjarazzjonijiet li ma jkunx possibbli li investigazzjoni tinfetaħ mill-ġdid biex tiġi ttrattata illegalità li nstabet mill-Qrati Ewropej. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali sabet f’Jindal (18) li l-Kummissjoni tista’ tiftaħ investigazzjoni mill-ġdid, tkompliha mill-punt li fih seħħet l-illegalità, tikkoreġi l-irregolarità u timponi mill-ġdid miżuri matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-regolament inkwistjoni, anke fil-każ ta’ żball sostantiv/metodoloġiku. Il-Kummissjoni lanqas ma fehmet kif kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet tad-WTO jew mill-ġurisprudenza kkwotata minn Giant tappoġġa l-affermazzjonijiet tagħha fis-sens li ma jittrattawx il-korrezzjoni tal-illegalitajiet wara kawża tal-qorti.

    (28)

    Barra minn hekk, f’din l-investigazzjoni miftuħa mill-ġdid, kif inhu spjegat fit-taqsimiet 3 u 4, il-Kummissjoni kkoreġiet l-iżball metodoloġiku, kif rikjest mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha fil-Kawża T-242/19, billi rrevediet il-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ Giant. Il-Kummissjoni kkalkolat mill-ġdid ukoll il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ Giant billi neħħiet l-istess żball metodoloġiku. Minħabba l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li din il-kwistjoni taffettwa wkoll is-sejbiet ġenerali dwar id-dannu u l-kawżalità, il-Kummissjoni rrevediet l-analiżi tagħha kemm tad-dannu kif ukoll tal-kawżalità, kif inhu spjegat hawn taħt fit-taqsimiet 3 u 4. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li s-sejbiet riveduti tagħha jikkonformaw bis-sħiħ mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-242/19. Peress li s-sejbiet riveduti wasslu biex jitnaqqas il-livell tad-dazju iżda mhux biex jiġi eliminat, għalhekk ma kienx meħtieġ li jitħassru l-miżuri anti-dumping fuq l-e-bikes, sa fejn hija kkonċernata Giant. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawk l-argumenti.

    (29)

    Giant argumentat ukoll li, jekk il-Kummissjoni tkompli l-investigazzjoni li nfetħet mill-ġdid, hija trid tikkoreġi wkoll l-iżbalji l-oħrajn kollha kkontestati minn Giant quddiem il-Qorti Ġenerali. B’mod partikolari, Giant argumentat li l-Kummissjoni trid tikkoreġi l-iżbalji relatati mal-kalkoli tal-marġni tad-dumping tagħha (inklużi d-dikjarazzjoni tat-TES u l-valutazzjoni tal-valur normali tagħha). Giant sostniet li ma kienx żgurat paragun ġust f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku anti-dumping.

    (30)

    Il-Kummissjoni ma laqgħetx dan l-argument. Fil-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 125 tas-sentenza fil-Kawża T-242/19, il-Qorti Ġenerali sabet li r-regolament jenħtieġ li jiġi annullat, sa fejn jikkonċerna lil Giant, minħabba li l-iżball metodoloġiku li nstab fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz seta’ jqajjem dubji dwar il-legalità tar-Regolament ikkontestat billi jinvalida l-analiżi tal-Kummissjoni tad-dannu u l-kawżalità. Il-Qorti ma qisitx li kien meħtieġ li jiġu eżaminati jew ivvalutati l-merti ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni oħra mressqa mir-rikorrent. Kif inhu indikat fil-premessi (8) u (11), l-Artikolu 266 tat-TFUE jipprevedi li l-Istituzzjonijiet iridu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, u s-sejbiet u l-konklużjonijiet li jifdal fir-Regolament ikkontestat li ma kinux ikkontestati, jew li ġew ikkontestati iżda li ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali, jibqgħu validi għalkollox. Għalhekk, peress li l-ambitu tal-investigazzjoni li nfetħet mill-ġdid ma huwiex li jiġi rieżaminat il-każ kollu iżda li jiġu indirizzati l-iżbalji speċifiċi li nstabu mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma sabitx li huwa meħtieġ li jiġi rieżaminat il-marġni tad-dumping ta’ Giant.

    (31)

    Giant ġibdet l-attenzjoni wkoll għall-fatt li kemm fl-investigazzjonijiet oriġinali kif ukoll f’dawk li nfetħu mill-ġdid, il-Kummissjoni ma kinitx iddivulgat bis-sħiħ l-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ tevalwa jekk sarx paragun ġust bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ Giant u dawk tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, Giant talbet li, fil-kuntest tal-investigazzjoni miftuħa mill-ġdid, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiddivulga l-informazzjoni rilevanti dwar il-kanali tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

    (32)

    Għalkemm il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha dwar il-kunfidenzjalità tad-dettalji speċifiċi tal-bejgħ li sar mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni qieset li huwa xieraq li Giant tiġi informata dwar dan li ġej: l-erba’ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun biegħu madwar 46 % tal-volum tal-bejgħ tagħhom permezz ta’ negozjanti relatati. Total ta’ 10 negozjanti relatati biegħu roti elettriċi lil kumpaniji mhux relatati, minbarra l-bejgħ dirett li sar mill-produtturi inklużi fil-kampjun. Għalhekk, il-bejgħ dirett kien jirrappreżenta madwar 54 % tal-volum tal-bejgħ tal-Unjoni.

    (33)

    Giant argumentat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssuġġeriet il-Kummissjoni fl-Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid tagħha, il-Kummissjoni kienet rikjesta twettaq paragun ġust, bejn il-prezzijiet tar-roti elettriċi importati u l-prezzijiet tar-roti elettriċi mibjugħin mill-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Giant argumentat li, skont l-Artikoli 3(2) u 3(3) tar-Regolament bażiku anti-dumping, hemm obbligu pożittiv fuq il-Kummissjoni li twettaq dan il-paragun tal-prezzijiet, li jista’ jkun bejn il-prezzijiet tar-roti elettriċi importati u l-prezzijiet effettivi tal-industrija tal-Unjoni, biex jiġi eżaminat l-impatt tal-prezz tal-importazzjonijiet ikkonċernati. Dan il-paragun ġust jenħtieġ li jqis il-punt korrett ta’ kompetizzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ ikkonċernati. Jenħtieġ li jqis ukoll id-differenzi f’jekk dan il-bejgħ kienx ta’ prodotti tad-ditta jew fuq livell tal-OEM.

    (34)

    Il-Kummissjoni qieset l-argumenti magħmulin minn Giant u l-kummenti fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fl-analiżi u s-sejbiet riveduti tagħha dwar it-twaqqigħ tal-prezz, id-dannu, il-kawżalità u l-eliminazzjoni tad-dannu fit-taqsimiet 3 u 4 hawn taħt.

    (35)

    Giant indikat ukoll li r-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni rrikonoxxa b’mod espliċitu li “r-responsabbiltà finali għall-pagament tad-dazji anti-dumping u kumpensatorji … se joħorġu mis-sejbiet tal-eżami mill-ġdid” (19) u għalhekk, skont Giant, minn dan isegwi li kwalunkwe responsabbiltà finali tista’ tapplika biss għal importazzjonijiet futuri, jiġifieri prodotti li jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni libera wara ż-żmien meta tali dazji jidħlu fis-seħħ. Giant argumentat li l-pożizzjoni ta’ hawn fuq hija appoġġata mill-Konklużjoni tal-Avukat Ġenerali fil-Kawża C-458/98 (IPS), kif ukoll mill-fehmiet espressi fil-passat mill-Kummissjoni nnifisha (20). Għalhekk, Giant argumentat li kwalunkwe dazju kkalkolat mill-ġdid jista’ jiġi impost biss fir-rigward ta’ importazzjonijiet futuri ta’ roti elettriċi prodotti minn Giant, jiġifieri roti elettriċi li se jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni libera wara l-pubblikazzjoni tar-Regolamenti li jimponu d-dazji mill-ġdid. Giant argumentat ukoll li l-impożizzjoni mill-ġdid tad-dazji kkalkolati mill-ġdid fir-rigward tal-importazzjonijiet fil-passat tmur ukoll kontra n-natura tad-dazji anti-dumping, li ma humiex miżuri punittivi mmirati biex jikkumpensaw għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fil-passat, iżda huma mezz biex jiġi evitat dannu futur (21).

    (36)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament bażiku anti-dumping (22) ma jipprekludix l-impożizzjoni mill-ġdid ta’ dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet li saru matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-regolamenti ddikjarati bħala invalidi (23). Konsegwentement, kif inhu spjegat fil-premessa (14) tar-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni, it-tkomplija tal-proċedura amministrattiva u l-impożizzjoni mill-ġdid eventwali tad-dazji ma jistgħux jitqiesu li jmorru kontra r-regola ta’ nuqqas ta’ retroattività (24). Konsegwentement, id-dikjarazzjoni ta’ Giant li d-dazji ma jistgħux jiġu imposti mill-ġdid fuq importazzjonijiet li daħlu f’ċirkolazzjoni libera qabel il-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (futur) ġiet miċħuda.

    (37)

    Rad Power Bikes NL ikkummentat li hija importat prodotti mingħand esportaturi Ċiniżi oħrajn, li kienu simili għal dawk importati minn Giant u li dawn l-importazzjonijiet kienu soġġetti għal dazji li ġew ikkalkolati u imposti abbażi tal-livell rilevanti ta’ eliminazzjoni tad-dannu. Għalhekk, din argumentat li meta d-dazji applikabbli għal Giant jiġu kkalkolati mill-ġdid, il-Kummissjoni trid tirrevedi u tnaqqas ukoll ir-rati tad-dazju applikabbli għall-esportaturi Ċiniżi l-oħrajn soġġetti għad-dazji, kemm għal dawk mogħtija rati tad-dazju individwali, kif ukoll għall-esportaturi Ċiniżi l-oħrajn li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun.

    (38)

    Kif inhu spjegat fil-premessa (30), l-ambitu tal-investigazzjoni li nfetħet mill-ġdid ma huwiex li tirrieżamina s-sejbiet kollha tar-Regolament ikkontestat, iżda li timplimenta s-sejbiet speċifiċi magħmulin mill-Qorti Ġenerali, sa fejn dawn jikkonċernaw lil Giant. Il-Qorti Ġenerali ma annullatx ir-Regolament ikkontestat fir-rigward ta’ produtturi esportaturi oħrajn. Għalhekk, il-Kummissjoni ma sabitx li huwa meħtieġ jew xieraq li tirrevedi s-sejbiet oriġinali tagħha għall-esportaturi Ċiniżi l-oħrajn soġġetti għad-dazji. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dak l-argument.

    (39)

    Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali Giant tenniet l-affermazzjonijiet tagħha li jiddubitaw il-legalità tal-impożizzjoni mill-ġdid tad-dazji anti-dumping riveduti ta’ Giant b’mod retroattiv kif iddikjarat fil-premessa (35). Madankollu, peress li ma tqajmu l-ebda argumenti ġodda, iċ-ċaħda tad-dikjarazzjoni tagħha ġiet ikkonfermata.

    3.   EŻAMI MILL-ĠDID TAL-MARĠNI TAT-TWAQQIGĦ TAL-PREZZ TA’ GIANT U S-SEJBIET TAD-DANNU

    3.1.   Id-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezz fir-rigward ta’ Giant

    (40)

    Kif inhu nnotat fil-premessa (3), il-Qorti Ġenerali sabet li, peress li l-Kummissjoni bbażat fuq il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz fil-kuntest tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku anti-dumping, billi qieset, b’rabta mal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni, ċerti elementi li kienu tnaqqsu mill-prezzijiet ta’ Giant (jew ma kinux preżenti fir-rigward tal-bejgħ tal-OEM), il-Kummissjoni ma għamlitx paragun ġust meta kkalkolat il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ Giant. Għalhekk, l-importanza jew l-eżistenza ta’ dan it-twaqqigħ tal-prezz ma kienx ġie stabbilit kif xieraq.

    (41)

    Kif huwa spjegat fil-premessa (155) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1012 (25) (“ir-Regolament provviżorju”), il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta’ investigazzjoni billi qabblet:

    il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta’ prodott tal-erba’ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun iddebitati lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati fuq livell mill-fabbrika; u

    l-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta’ prodott tal-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fir-RPĊ lejn l-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi CIF, b’aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali ta’ 6 % u għall-kostijiet tal-importazzjoni; kif imsemmi fil-premessi (94) sa (96) tar-Regolament ikkontestat, fejn il-bejgħ sar permezz ta’ negozjanti relatati, il-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew aġġustati f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku anti-dumping b’analoġija. L-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) tan-negozjant relatat u l-profitt ta’ kampjun ta’ importaturi mhux relatati (9 % tal-prezz tal-bejgħ) tnaqqsu.

    (42)

    Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-prezzijiet ta’ Giant u l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkalkulat mill-ġdid il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ Giant billi aġġustat il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun imsemmija fil-premessa (41) f’żewġ aspetti.

    (43)

    L-ewwel nett, fejn il-bejgħ sar mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun permezz ta’ negozjanti relatati, sar tnaqqis mill-prezz tal-bejgħ għal (kull tip ta’) klijenti indipendenti biex jitqiesu l-ispejjeż effettivi tal-SG&A tan-negozjant ikkonċernat u profitti ta’ 9 %. Għal produttur partikolari tal-Unjoni, ġie identifikat arranġament partikolari simili għat-tolling. F’dan il-każ, fejn il-kostijiet tan-negozjant relatat kienu jikkonċernaw attivitajiet ta’ produzzjoni, dawk il-kostijiet ma tnaqqsux. Il-livell ta’ profitt użat f’dan il-kalkolu huwa l-istess livell ta’ profitt stabbilit għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku anti-dumping fil-premessa (109) tar-Regolament provviżorju (26) għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, u li ġie kkalkolat mill-importaturi mhux relatati li kkooperaw.

    (44)

    It-tieni, fejn kien meħtieġ li jiġu pparagunati l-prezzijiet fil-livell tal-OEM, sar tnaqqis ulterjuri ta’ 2,3 % għall-prezzijiet rilevanti tal-industrija tal-Unjoni biex jitqiesu l-kostijiet tad-disinn, tal-kummerċjalizzazzjoni u tar-riċerka u tal-iżvilupp (R&D). Dan it-tnaqqis ġie stabbilit kif deskritt fil-premessi (59) sa (72) tar-Regolament ikkontestat.

    (45)

    Ma tqies li kien meħtieġ l-ebda aġġustament ulterjuri għal-livell ta’ kummerċ, fis-sens tat-tip ta’ klijent, minħabba li l-investigazzjoni sabet li ma hemm l-ebda differenza konsistenti u distinta fil-prezz bejn il-bejgħ lin-negozjanti u lill-bejjiegħa bl-imnut fl-Unjoni.

    (46)

    Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali Giant argumentat li t-tqabbil bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħha u dawk tal-industrija tal-Unjoni jenħtieġ li jsir fl-istadju tal-ewwel bejgħ lil klijent mhux relatat, mingħajr aġġustamenti għall-SG&A u l-profitt fuq iż-żewġ naħat tal-kalkolu. Giant sostniet li dan l-approċċ ġie segwit mill-Kummissjoni meta implimentat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Jindal. Giant argumentat li l-użu ta’ dan il-metodu jilħaq paragun ġust.

    (47)

    Il-Kummissjoni fakkret li t-tqabbil bejn il-prezzijiet tal-produttur esportatur u dawk tal-industrija tal-Unjoni fil-każ Jindal sar fil-livell ta’ klijenti mhux relatati minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari f’dak il-każ, fejn is-suq kien ġeografikament maqsum u l-kompetizzjoni seħħet fil-livell tal-offerti. Kull każ jiġi implimentat abbażi tal-fatti u taċ-ċirkostanzi speċifiċi tiegħu, fid-dawl tas-sentenza partikolari. Giant naqset milli tispjega għaliex iċ-ċirkostanzi f’dan il-każ jiġġustifikaw l-istess approċċ bħal fil-kawża Jindal u għaliex l-approċċ segwit mill-Kummissjoni huwa inkonsistenti mas-sentenza tal-Qorti. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-prezzijiet tal-esportazzjoni fl-investigazzjoni oriġinali ġew aġġustati, fejn xieraq, għall-SG &A tan-negozjanti relatati u profitt nozzjonali, skont il-prattika tal-Kummissjoni li tapplika l-istess metodoloġija bħal fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku b’analoġija. Dan l-approċċ ġie kkonfermat b’mod espliċitu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-Sentenza Hansol (27), li enfasizzat li jaqa’ taħt id-diskrezzjoni wiesgħa li tgawdi l-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

    (48)

    Giant argumentat ukoll li, bħala alternattiva għad-dikjarazzjoni deskritta fil-premessa (46), għall-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni magħmul direttament lill-bejjiegħa bl-imnut, il-Kummissjoni għandha tagħmel tnaqqis addizzjonali mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-produttur tal-Unjoni għall-SG A u l-profitti li jikkorrispondu għad-dipartimenti tal-bejgħ intern.

    (49)

    Madankollu, il-Kummissjoni fakkret li l-approċċ deskritt fil-premessi (42) sa (45) jiżgura tqabbil ġust billi jaġġusta l-prezzijiet tal-esportazzjoni u dawk tal-industrija tal-Unjoni bl-istess mod għall-istess kanali tal-bejgħ bl-użu tal-istess metodoloġija. Dan kien ifisser li kemm il-prezzijiet tal-esportazzjoni kif ukoll il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ġew aġġustati għall-SG&A u l-profitt jekk il-bejgħ isir permezz ta’ negozjanti relatati, filwaqt li l-bejgħ dirett ma ġiex aġġustat. Għaldaqstant, l-aġġustament tal-prezzijiet tal-bejgħ dirett tal-industrija tal-Unjoni kif issuġġerit minn Giant assimetrija għall-iżvantaġġ tal-industrija tal-Unjoni fir-rigward tal-prezzijiet tal-esportazzjoni minn Giant għall-bejgħ korrispondenti tagħhom, minħabba li ma sar l-ebda tnaqqis bħal dan għall-bejgħ tal-entità produttriċi ta’ Giant fiċ-Ċina għall-bejgħ dirett. Dan imur ukoll kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għall-istess raġunijiet ta’ assimetrija li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuqhom meta ddeċidiet favur Giant. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li diġà saru aġġustamenti ulterjuri fir-rigward tal-kostijiet tad-disinn, tal-kummerċjalizzazzjoni kif ukoll tar-riċerka u l-iżvilupp (“R uŻ”) u l-livell tal-kummerċ, fejn xieraq, kif spjegat fil-premessi (44) u (45) u, biex tiġi żgurata simmetrija sħiħa bejn is-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ Giant u l-industrija tal-Unjoni, f’konformità mas-sentenza. Għalhekk, din l-affermazzjoni ma ntlaqgħetx.

    (50)

    Giant sostniet ukoll li l-bejgħ OEM tagħha għandu jitqabbel mal-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni li kienu soġġetti għal SG&A u tnaqqis tal-profitt fejn xieraq.

    (51)

    Il-Kummissjoni kkonfermat li dan l-approċċ ġie segwit.

    (52)

    Fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni finali, l-industrija tal-Unjoni argumentat li d-divulgazzjoni tal-kalkoli tal-prezzijiet riveduti tal-industrija tal-Unjoni ma kinitx korretta minħabba l-metodoloġija użata biex jiġu inkorporati n-noti ta’ kreditu. Il-produtturi tal-Unjoni sostnew li dan affettwa kemm il-kalkolu tal-prezzijiet netti kif ukoll l-aġġustamenti tal-SG &A u l-profitt.

    (53)

    Il-Kummissjoni evalwat jekk il-metodoloġija riveduta, issuġġerita mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, kellhiex xi impatt fuq il-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni rrevediet il-kalkoli tagħha, li madankollu ma kellhom l-ebda impatt materjali fuq dawk il-marġnijiet. Il-kalkoli riveduti ġew divulgati lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u l-fatt li l-kalkoli ġew riveduti ġie żvelat ukoll lil Giant u lill-partijiet interessati l-oħra fl-10 ta’ Frar 2023. Il-partijiet ingħataw perjodu biex jikkummentaw.

    (54)

    Fil-kummenti tagħha tat-13 ta’ Frar 2023, l-industrija tal-Unjoni indikat żball fil-kalkoli tan-noti ta’ kreditu għal produttur wieħed tal-Unjoni. Wara l-korrezzjoni ta’ dan l-iżball, il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ Giant kien ta’ 11,5 %. Il-kalkoli l-ġodda ġew żvelati lill-partijiet interessati kollha fl-14 ta’ Frar 2023 u l-partijiet ingħataw perjodu ieħor ta’ żmien biex jikkummentaw. Ma waslux aktar kummenti.

    (55)

    Barra minn hekk, fil-kummenti tagħha tat-13 ta’ Frar 2023, l-industrija tal-Unjoni sostniet li fit-trattament tagħha tan-noti ta’ kreditu, il-Kummissjoni kellha tikkalkula biss l-ammonti tal-SG&A u tal-profitt abbażi tal-valur EXW ta’ kull tranżazzjoni ta’ bejgħ. Madankollu, meta wieħed iżomm f’moħħu li l-SG&A ġie kkalkulat għal kull e-bike u l-marġni ta’ profitt ġie kkalkulat fuq il-valur tal-fattura, din it-talba ġiet miċħuda.

    (56)

    Matul is-seduta l-industrija tal-Unjoni sostniet li għall-bejgħ kollu fejn il-Kummissjoni naqqset il-profitt tal-importatur relatat mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, ir-rata ta’ profitt ta’ 9 % kienet għolja wisq peress li kienet ferm ogħla mill-profitt fil-mira stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali (4,3 %). L-affermazzjoni spjegat ukoll li r-rata ta’ profitt ta’ 9 % ma kienet iġġustifikata minn “ebda informazzjoni fil-fajl tal-każ” tal-investigazzjoni miftuħa mill-ġdid. Giant għamlet kumment biex tirribatti din l-affermazzjoni u ddikjarat li ma kienx xieraq li tinbidel ir-rata ta’ profitt applikata minħabba li ma kien hemm l-ebda raġuni biex tinbidel ir-rata ta’ profitt nozzjonali kkalkulata fl-investigazzjoni oriġinali.

    (57)

    Ir-rata tal-profitt fil-mira u rata nozzjonali tal-profitt ta’ importatur relatat kienu t-tnejn stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali (abbażi tad-data fil-fajl tal-każ) u ma ġewx skrutinizzati mill-Qorti Ġenerali jew imsemmija fis-Sentenza li wasslet għall-ftuħ mill-ġdid ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni mhijiex marbuta li terġa’ tinvestiga din il-kwistjoni fl-implimentazzjoni ta’ bħalissa. Barra minn hekk, il-profitt fil-mira (jiġifieri l-profitt li jista’ jsir mill-industrija tal-Unjoni għall-bejgħ domestiku f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni) u l-profitt ta’ negozjant (ammont nozzjonali li jkopri l-profitt li normalment isir minn importatur) huma żewġ kunċetti separati u huma rregolati minn dispożizzjonijiet differenti tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant għalxejn li jsir paragun dirett bejn iż-żewġ kunċetti tal-iffissar ta’ marġni ta’ profitt. Din l-affermazzjoni ġiet għalhekk miċħuda.

    (58)

    L-industrija tal-Unjoni sostniet ukoll li l-SG&A u t-tnaqqis tal-profitt ma kinux ġustifikati minħabba r-relazzjoni bejn żewġ produtturi tal-Unjoni u n-negozjanti relatati tagħhom. B’mod partikolari, ġie ddikjarat li l-ebda SG&A u l-ebda profitt ma għandhom jitnaqqsu mill-prezz tal-bejgħ li jsir minn ċerti negozjanti peress li l-produttur kien qed jopera taħt ftehim ta’ tolling. L-industrija tal-Unjoni forniet ftehimiet bejn il-kumpaniji rilevanti tal-produzzjoni u tal-bejgħ biex issostni l-affermazzjoni tagħhom.

    (59)

    Fir-rigward tal-produttur li ssemma wkoll fil-premessa (43), huwa kellu arranġament partikolari “simili għat-tolling”. Il-Kummissjoni rrevediet it-termini eżatti ta’ dan l-arranġament u kkonkludiet li, aktar milli ftehim ta’ tolling, kienet qed topera sistema ta’ manifattura ta’ kuntratti u li kemm il-produttur kif ukoll in-negozjant relatat kellhom ġarrbu kostijiet ta’ SG&A. Il-Ftehim wera wkoll relazzjoni kuntrattwali bejn partijiet relatati. Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet li ma kienx xieraq li t-tnaqqis tal-SG&A u tal-profitt mill-prezzijiet tal-bejgħ ta’ dan il-produttur permezz ta’ partijiet relatati jiġi eskluż totalment. Il-Kummissjoni qieset il-kostijiet SG&A li kienu assoċjati ma’ kostijiet imġarrba tipikament għand in-negozjant relatat u mhux dawk għal funzjonijiet li huma normalment assoċjati ma’ produttur. Barra minn hekk, il-produttur ikkonċernat kellu kostijiet SG &A relatati mal-bejgħ dirett tiegħu. Għalhekk, i-Kummissjoni kkonkludiet li l-SG&A u l-profitt jenħtieġ li jitnaqqsu mill-prezz tal-bejgħ tan-negozjant relatat u ċaħdet din l-affermazzjoni.

    (60)

    Fir-rigward tat-tieni produttur, l-industrija tal-Unjoni ssottomettiet ukoll ftehim bejn il-produttur u n-negozjant relatat biex tappoġġa l-affermazzjoni tagħha li l-Kummissjoni jenħtieġ li ma tnaqqasx l-SG&A u l-profitt mill-prezzijiet tal-bejgħ tan-negozjanti relatati tagħha. Giant issottomettiet prova kontrarja għal dan l-argument fejn iddikjarat li l-approċċ għall-industrija tal-Unjoni għandu jkun l-istess bħall-approċċ applikat għal Giant.

    (61)

    Fl-eżami ta’ din il-kwistjoni, il-Kummissjoni nnutat li l-ftehim sottomess għal dan it-tieni produttur ukoll ma kienx ftehim ta’ tolling, iżda ftehim ta’ manifattura bejn partijiet relatati, li jiddefinixxi r-rwoli tal-produttur u tan-negozjant relatat u kien jinkludi klawżoli oħra bħall-metodoloġija għall-kalkolu tal-prezzijiet ta’ trasferiment. Il-Ftehim ma kkonfermax li matul il-PI tal-investigazzjoni oriġinali r-roti elettriċi kienu manifatturati taħt ftehim ta’ tolling, jew kwalunkwe arranġament ieħor li jfisser li ma kienx xieraq li jitnaqqsu l-kostijiet SG&A mill-prezzijiet tal-bejgħ tan-negozjanti relatati. Fil-fatt il-ftehim wera wkoll relazzjoni kuntrattwali bejn partijiet relatati. Negozjant relatat aġixxa wkoll bħala produttur, u biegħ roti elettriċi direttament lis-suq kif ukoll permezz ta’ negozjanti relatati oħra. Għaldaqstant, l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

    (62)

    L-industrija tal-Unjoni sostniet ukoll li l-bejgħ ta’ produttur wieħed tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi aġġustat ’il fuq jew ma jitqiesx fit-tqabbil tal-prezzijiet minħabba li kien relatat mal-bejgħ lil ktajjen tas-supermarkets u pjattaformi online, aktar milli tipi oħra ta’ klijenti fil-livell tal-konsumatur.

    (63)

    Il-Kummissjoni ma qisitx li kien xieraq li teskludi tali bejgħ minħabba li l-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni magħżula fl-investigazzjoni oriġinali tqies li kien rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, fil-premessa (45) ġie kkonfermat li aġġustamenti ulterjuri għall-prezzijiet, lil hinn minn dawk li diġà saru, ma kinux xierqa għal tipi differenti ta’ klijenti.

    (64)

    L-industrija tal-Unjoni sostniet li l-bejgħ OEM tagħha ma għandux jitqabbel mal-bejgħ tal-esportazzjoni sakemm ma jsirx aġġustament fil-prezzijiet tagħha biex jiġi żgurat tqabbil ġust.

    (65)

    Il-Kummissjoni nnotat li l-volum tal-bejgħ OEM mill-industrija tal-Unjoni kien baxx ħafna u l-maġġoranza ta’ tali bejgħ ma ntużax fil-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz minħabba li ma kienx hemm tqabbil ma’ tip importat. Għalhekk, ġie konkluż li aġġustament għall-bejgħ OEM tal-industrija tal-Unjoni ma għandux jitqies aktar peress li l-kwistjoni ma jkollha l-ebda impatt materjali fuq il-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz.

    (66)

    Konsegwentement, il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz rivedut ta’ 11,5 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali għal Giant huwa kkonfermat.

    3.2.   Id-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezz fir-rigward ta’ esportaturi Ċiniżi oħrajn

    (67)

    Fil-Kawża T-242/19, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-iżball metodoloġiku li nstab, li kien ifisser li l-Kummissjoni ma għamlitx paragun ġust fil-kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ Giant, x’aktarx li jkollu wkoll effett fuq il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz stabbilit fir-rigward tal-produtturi esportaturi l-oħrajn inklużi fil-kampjun (28).

    (68)

    Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-prezzijiet tal-produtturi esportaturi l-oħra inklużi fil-kampjun u l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkalkulat mill-ġdid ukoll il-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz tal-produtturi esportaturi l-oħra inklużi fil-kampjun, filwaqt li qieset il-kwistjonijiet imsemmija fil-premessi (41) sa (44).

    (69)

    Ir-riżultat tal-paraguni wera marġni medju ta’ twaqqigħ tal-prezz għall-importazzjonijiet mill-esportaturi inklużi fil-kampjun (inkluża l-Giant) ta’ 17,1 %. Meta wieħed iżomm f’moħħu r-reviżjoni tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ Giant spjegata fil-premessa (53) hawn fuq, din iċ-ċifra ġiet ikkonfermata għal 17,0 %.

    3.3.   Konklużjoni riveduta dwar id-dannu

    (70)

    Il-Kummissjoni nnotat li wara l-korrezzjoni tal-iżball metodoloġiku relatat mal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz identifikat mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-242/19 (29), il-livelli li bihom l-importazzjonijiet Ċiniżi waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni naqsu għal medja ta’ 17,0 %, kif imsemmi fil-premessa (69). Għalkemm il-livelli tat-twaqqigħ tal-prezz naqsu, xorta waħda kien għad hemm twaqqigħ sinifikanti fil-prezz mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ.

    (71)

    Is-sejbiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-indikaturi tad-dannu l-oħrajn kif imsemmijin fil-premessi (200) sa (205) tar-Regolament provviżorju, u l-premessi (141) sa (156) tar-Regolament ikkontestat, għadhom validi għalkollox.

    (72)

    Filwaqt li jitqiesu l-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz sinifikanti riveduti msemmijin fil-premessa (70) u l-evidenza tal-iżvilupp negattiv ta’ kważi l-indikaturi kollha tad-dannu spjegati fil-premessi (200) sa (205) tar-regolament provviżorju u fil-premessi (141) sa (156) tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku anti-dumping.

    4.   KAWŻALITÀ

    (73)

    Il-Kummissjoni eżaminat ulterjorment jekk ikunx għad hemm rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-produtturi tal-Unjoni, fid-dawl tal-marġnijiet ta’ twaqqigħ tal-prezz riveduti għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun.

    (74)

    Minkejja t-tnaqqis fil-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz għall-esportaturi Ċiniżi kollha inklużi fil-kampjun, dan ma biddilx il-fatt li l-importazzjonijiet mill-esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni b’mod sinifikanti. Għalhekk, il-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz riveduti ma biddlux is-sejba oriġinali magħmula mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza tar-rabta ta’ kawżalità bejn id-dannu mġarrab mill-produtturi tal-Unjoni u l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ, fil-premessa (223) tar-Regolament provviżorju u kkonfermati fil-premessa (168) tar-Regolament ikkontestat.

    (75)

    Il-marġnijiet tat-twaqqigħ tal-prezz riveduti lanqas ma biddlu l-analiżi u s-sejbiet dwar kawżi oħrajn ta’ dannu kif ippreżentati fit-taqsima 5.2 tar-Regolament provviżorju u 5.2 tar-Regolament definittiv.

    (76)

    Fin-nuqqas ta’ kummenti ulterjuri, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ u li l-fatturi l-oħrajn, meqjusin individwalment jew kollettivament, ma naqqsux ir-rabta ta’ kawżalità bejn id-dannu u l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.

    5.   EŻAMI MILL-ĠDID TAL-MARĠNI TAD-DANNU FIR-RIGWARD TA’ GIANT

    (77)

    Filwaqt li qieset il-kummenti tal-Qorti Ġenerali fil-punt (123) tas-Sentenza fil-Kawża T-242/19, il-Kummissjoni kkalkolat mill-ġdid ukoll il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ Giant.

    (78)

    Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni ddeterminat il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni billi pparagunat:

    il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta’ prodott tal-erba’ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun iddebitati lill-klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell mill-fabbrika;

    il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta’ prodott tal-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fir-RPĊ lejn l-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi CIF, b’aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali ta’ 6 % u għall-kostijiet tal-importazzjoni; fejn il-bejgħ sar permezz ta’ negozjanti relatati, il-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew aġġustati f’konformità mal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku anti-dumping b’analoġija. Il-kostijiet tal-SG&A tan-negozjant relatat u l-profitt ta’ kampjun ta’ importaturi mhux relatati (9 % tal-prezz tal-bejgħ) tnaqqsu; u

    fejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu relatati ma’ bejgħ tal-OEM, il-prezzijiet fil-mira tal-industrija tal-Unjoni tnaqqsu bi 2,3 %, li jirriflettu l-kostijiet tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-produtturi tal-industrija tal-Unjoni, li ma kinux riflessi fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-OEM ta’ Giant.

    (79)

    Sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-prezzijiet ta’ Giant u l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkalkolat mill-ġdid il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ Giant billi aġġustat il-prezzijiet medji ponderati tal-mira tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun imsemmijin fil-premessa (78).

    (80)

    Fejn il-bejgħ sar mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun permezz ta’ negozjanti relatati, sar tnaqqis mill-prezz lil klijenti indipendenti biex jitqiesu l-ispejjeż effettivi SG&A tan-negozjanti u profitti ta’ 9 %. L-ammont SG&A varja skont in-negozjant ikkonċernat. Fejn il-kostijiet tan-negozjant relatat ikkonċernat ma kinux relatati mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, iżda mal-attivitajiet ta’ produzzjoni (bħall-ippjanar tal-produzzjoni u l-akkwist tal-materja prima), dawn il-kostijiet ma tnaqqsux minħabba li ma kinux relatati mal-funzjonijiet normali ta’ negozjant relatat li jikkummerċjalizza l-prodotti fis-suq tal-Unjoni. Il-livell ta’ profitt użat f’dan il-kalkolu huwa l-livell ta’ profitt stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali għall-importaturi mhux relatati li kkooperaw.

    (81)

    Ma tqies li kien meħtieġ l-ebda aġġustament ulterjuri biex jitqies il-livell tal-OEM/tal-marka kummerċjali, peress li dan l-aġġustament, li jammonta għal 2,3 % kien diġà sar.

    (82)

    Ma tqies li kien meħtieġ l-ebda aġġustament ulterjuri għal-livell ta’ kummerċ, fis-sens tat-tip ta’ klijent, minħabba li l-investigazzjoni sabet li ma hemm l-ebda differenza konsistenti u distinta fil-prezz bejn il-bejgħ lin-negozjanti u lill-bejjiegħa bl-imnut fl-Unjoni.

    (83)

    L-affermazzjonijiet li saru kemm minn Giant kif ukoll mill-industrija tal-Unjoni fil-kummenti tagħhom għad-divulgazzjoni finali fir-rigward tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz fit-taqsima 3 japplikaw bl-istess mod għall-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz f’din it-taqsima.

    (84)

    Fid-dawl tat-trattament tal-kummenti mqajma mill-partijiet interessati, il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz għal Giant huwa ta’ 13,8 %.

    6.   MIŻURI DEFINITTIVI

    (85)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni f’din l-investigazzjoni anti-dumping miftuħa mill-ġdid, jenħtieġ li jiġi impost mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fil-livell tal-marġnijiet aktar baxxi ta’ dumping u ta’ dannu li nstabu, f’konformità mar-regola tad-dazju inferjuri.

    (86)

    Qiegħed jiġi osservat li saret investigazzjoni antisussidji b’mod parallel mal-investigazzjoni anti-dumping. Skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30), fid-dawl tal-użu tar-regola tad-dazju inferjuri u l-fatt li r-rati tas-sussidju definittivi huma anqas mil-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu, huwa xieraq li jiġi impost dazju kompensatorju definittiv fil-livell tar-rati ta’ sussidju definittivi stabbiliti, u mbagħad jiġi impost dazju anti-dumping definittiv sal-livell rilevanti tal-eliminazzjoni tad-dannu.

    (87)

    Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

    Miżuri definittivi

    Kumpanija

    Marġni tad-dumping

    Rata ta’ sussidju

    Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu

    Dazju kompensatorju

    Dazju anti-dumping

    Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co., Ltd

    32,8 %

    3,9 %

    13,8 %

    3,9 %

    9,9 %

    (88)

    Il-livell rivedut tad-dazju anti-dumping japplika mingħajr ebda interruzzjoni temporali mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament provviżorju (jiġifieri mid-19 ta’ Lulju 2018) (31). L-awtoritajiet doganali jingħataw struzzjonijiet biex jiġbru l-ammont xieraq fuq l-importazzjonijiet li jikkonċernaw lil Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co., Ltd u jħallsu lura kwalunkwe ammont żejjed miġbur sa issa (jiġifieri, 10,8 %) f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

    (89)

    Il-partijiet interessati kollha ġew infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li jiġi impost mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi mir-RPĊ mill-produttur esportatur Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co., Ltd.

    (90)

    Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32), meta ammont ikun irid jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jrid jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

    (91)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   B’dan qiegħed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tar-roti, b’assistenza ta’ pedali, b’mutur elettriku awżiljarju, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8711 60 10 u ex 8711 60 90 (il-kodiċi TARIC 8711609010), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li huma manifatturati minn Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co., Ltd mid-19 ta’ Lulju 2018.

    2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u mmanifatturati minn Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co., Ltd għandha tkun 9,9 % (il-kodiċi TARIC addizzjonali C383).

    Artikolu 2

    Kwalunkwe dazju anti-dumping definittiv imħallas minn Giant Electric Vehicle (Kunshan) Co., Ltd skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/73 li jaqbeż id-dazju anti-dumping definittiv stabbilit fl-Artikolu 1 għandu jitħallas lura jew jitnaqqas.

    Il-ħlas lura jew remissjoni għandhom jintalbu mill-awtoritajiet doganali nazzjonali f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli. Kwalunkwe rimborż li jkun sar wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-242/19 Giant għandu jiġi rkuprat mill-awtoritajiet li jkunu għamlu r-rimborż sal-ammont stabbilit fl-Artikolu 1(2).

    Artikolu 3

    Id-dazju anti-dumping definittiv impost mill-Artikolu 1 għandu jinġabar ukoll fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1162 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għal reġistrazzjoni wara l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjonijiet sabiex jiġu implimentati s-sentenzi tas-27 ta’ April 2022 fil-Kawżi T-242/19 u T-243/19, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/73 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 (33).

    Artikolu 4

    L-awtoritajiet doganali huma ordnati biex ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbilita f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1162 li, b’dan, huwa mħassar.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/73 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 16, 18.1.2019, p. 108).

    (3)  Il-Kawża T-242/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:T:2022:259.

    (4)  Fabbrikant tat-Tagħmir Oriġinali.

    (5)  Kif iddefinit fir-Regolament ikkontestat.

    (6)  Il-Kawża T-242/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:T:2022:259, il-punt 126.

    (7)  Il-Kawża T-242/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:T:2022:259, il-punt 122.

    (8)  Il-Kawża T-242/19 Giant Electric Vehicle Kunshan Co. Ltd. vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:T:2022:259, il-punt 123.

    (9)  Il-Kawżi Magħquda 97, 193, 99 u 215/86 Asteris AE et al. u r-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:1988:199, il-punti 27 u 28; u l-Kawża T-440/20 Jindal Saw vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:T:2022:318, il-punt 115.

    (10)  Il-Kawża C-415/96 Spanja vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:1998:533, il-punt 31; Il-Kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Sphériques vs Il-Kunsill ECLI:EU:C:2000:531, il-punti 80 sa 85; Il-Kawża T-301/01 Alitalia vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:T:2008:262, il-punti 99 u 142; Il-Kawżi Magħquda T-267/08 u T-279/08 Région Nord-Pas de CalaisvsIl-Kummissjoni ECLI:EU:T:2011:209, il-punt 83.

    (11)  Il-Kawża C-415/96 Spanja vs il-Kummissjoni ECLI:EU:C:1998:533, il-punt 31; Il-Kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Sphériques vs Il-Kunsill ECLI:EU:C:2000:531, il-punti 80 sa 85.

    (12)  Il-Kawża T-650/17 Jinan Meide Casting Co. Ltd, ECLI:EU:T:2019:644, il-punti 333–342.

    (13)  Avviż tal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/73 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 li jimponi miżuri fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara s-sentenzi tas-27 ta’ April 2022 fil-Kawżi T-242/19 u T-243/19 (ĠU C 260, 6.7.2022, p. 5).

    (14)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1162 tal-5 ta’ Lulju 2022 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għal reġistrazzjoni wara l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjonijiet sabiex jiġu implimentati s-sentenzi tas-27 ta’ April 2022 fil-Kawżi T-242/19 u T-243/19, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/73 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72 (ĠU L 179, 6.7.2022, p. 38).

    (15)  Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, EC – Fasteners, il-paragrafu 611. Barra minn hekk, ir-Rapport tal-Korp tal-Appell f’US – Hot-Rolled Steel (il-paragrafu 73), fejn il-Korp tal-Appell indika li l-limiti ta’ żmien għall-konklużjoni tal-investigazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5.10 huma “obbligatorji” skont il-Ftehim Anti-Dumping u r-Rapport tal-Bord f’US – Softwood Lumber V (il-paragrafu 7.333), fejn il-bord iddeskriva dawn il-limiti ta’ żmien bħala “stretti”. Ara wkoll ir-Rapporti tal-Bord, Ukraine – Passenger Cars, il-punt 277 f’qiegħ il-paġna; EU – Footwear (China), il-paragrafu 7.832; EC – Salmon (Norway), il-paragrafu 7.802; US – 1916 Act (Japan), -il-paragrafu 6.255.

    (16)  Ir-Rapport tal-Bord, Morocco – Hot-Rolled Steel (Turkey), il-paragrafi 7.72 u 7.74.

    (17)  Il-Kawżi Magħquda C-283/14, Eurologistik, u C-284/14, GLS, ECLI:EU:C:2016:57, il-punt 61.

    (18)  Il-Kawża T-300/16 Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni.

    (19)  Ir-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-premessa 22.

    (20)  Il-Kawża C-458/98 P, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, il-Konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Cosmas, ECLI:EU:C:2000:138, il-punt 77.

    (21)  Il-Kawża C-458/98 P, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, il-Konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Cosmas, ECLI:EU:C:2000:138, il-punt 76.

    (22)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (23)  Il-Kawża C-256/16 Deichmann, ECLI:EU:C:2018:187, il-punti 77 u 78 u C-612/16, C & J Clark International Ltd vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019, il-punt 57.

    (24)  Il-Kawża C-256/16 Deichmann, ECLI:EU:C:2018:187, il-punt 79 u l-Kawża C-612/16, C & J Clark International Ltd vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019, il-punt 58.

    (25)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1012 tas-17 ta’ Lulju 2018 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/671 (ĠU L 181, 18.7.2018, p. 7).

    (26)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1012 tas-17 ta’ Lulju 2018 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/671 (ĠU L 181, 18.7.2018, p. 7).

    (27)  Is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2022, C-260/20 P, Hansol, il-punt 105.

    (28)  Il-Kawża T-242/19, Giant Electric Vehicle Kunshan vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2022:259, il-punt 113.

    (29)  Il-Kawża T-242/19, Giant Electric Vehicle Kunshan vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2022:259, il-punt 113.

    (30)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).

    (31)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1012 tas-17 ta’ Lulju 2018 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/671 (ĠU L 181, 18.7.2018, p. 7).

    (32)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (33)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 16, 18.1.2019, p. 5).


    Góra