Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1376

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1376 tas-26 ta’ Lulju 2022 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fid-Danimarka (notifikata bid-dokument C(2022) 5046) (It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/5046

    ĠU L 206, 8.8.2022, p. 42–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1376/oj

    8.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 206/42


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1376

    tas-26 ta’ Lulju 2022

    dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fid-Danimarka

    (notifikata bid-dokument C(2022) 5046)

    (It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 35(3) tiegħu,

    Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv dwar l-akkwist pubbliku,

    Billi:

    1.   FATTI

    1.1.   IT-TALBA

    (1)

    Fl-24 ta’ Settembru 2021, l-Awtorità Daniża tal-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur (DCCA) (“l-applikant”) ressqet talba lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/25/UE (“it-talba”). It-talba hija konformi mal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 (2).

    (2)

    It-talba tikkonċerna l-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali u rinnovabbli fid-Danimarka.

    (3)

    Madankollu, it-talba ma tkoprix dan li ġej:

    l-elettriku prodott minn turbini eoliċi fuq l-art u fuq il-baħar barra mill-offerti;

    l-elettriku prodott minn turbini eoliċi konnessi ma’ grilja mill-21 ta’ Frar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2013 jew wara, ħlief għal turbini eoliċi li huma konnessi mal-installazzjoni tal-konsum tagħhom stess u turbini eoliċi fuq il-baħar (l-elettriku prodott mill-installazzjoni tal-konsum (il-punt 41 tal-Att dwar il-Promozzjoni tal-Enerġija Rinnovabbli) u t-turbini eoliċi fuq il-baħar skont il-punt 35 b ta’ dak l-Att huma esklużi mill-applikazzjoni u għalhekk għadhom soġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25/UE);

    l-elettriku prodott minn turbini eoliċi konnessi ma’ grilja mhux aktar tard mill-20 ta’ Frar 2008, ħlief għal turbini eoliċi li jirċievu supplimenti tal-prezzijiet skont it-Taqsimiet 39 sa 41 tal-Att dwar il-Promozzjoni tal-Enerġija Rinnovabbli;

    l-elettriku prodott minn turbini eoliċi konnessi ma’ grilja mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2002;

    l-elettriku prodott minn turbina eolika ġdida fjamanta li tuża ċertifikati ta’ skrappjar maħruġa għaż-żarmar tat-turbini eoliċi (suppliment addizzjonali tal-prezz); l-elettriku prodott mill-bijoenerġija (bijomassa u bijogass);

    l-elettriku prodott minn pannelli fotovoltajċi solari, mill-mewġ u mill-enerġija idroelettrika;

    l-elettriku prodott minn installazzjonijiet speċjali oħrajn tal-enerġija rinnovabbli (elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jew teknoloġiji ta’ sinifikat għall-espansjoni futura tal-elettriku rinnovabbli jew tal-elettriku prodott minn sorsi oħrajn tal-enerġija rinnovabbli minbarra dawk imsemmija);

    l-elettriku prodott minn impjanti deċentralizzati tas-sħana u tal-enerġija u minn impjanti tal-inċinerazzjoni;

    l-elettriku prodott minn impjanti oħrajn tas-sħana u tal-enerġija maħsuba sabiex jipprovdu tisħin distrettwali;

    l-elettriku prodott minn impjanti tal-enerġija industrijali konnessi ma’ grilja mhux aktar tard mill-21 ta’ Marzu 2012;

    is-servizzi anċillari.

    (4)

    Il-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-bejgħ bl-ingrossa minn sorsi konvenzjonali u rinnovabbli jikkostitwixxu attività relatata mal-provvista tal-elettriku f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/25/UE.

    (5)

    F’konformità mal-Anness IV, il-punt 1(a) tad-Direttiva 2014/25/UE, peress li l-aċċess liberu għas-suq jista’ jiġi preżunt abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(3) ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni dwar it-talba fi żmien 90 jum ta’ xogħol.

    (6)

    Skont l-Anness IV, l-ewwel paragrafu, ir-raba’ subparagrafu tad-Direttiva 2014/25/UE, l-iskadenza tista’ tiġi estiża mill-Kummissjoni bil-kunsens ta’ dawk li jkunu talbu l-eżenzjoni. Peress li d-DCCA tat aktar informazzjoni fl-4 ta’ Marzu 2022, il-perjodu disponibbli għall-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba huwa b’dan stabbilit għall-31 ta’ Lulju 2022.

    2.   QAFAS ĠURIDIKU

    (7)

    Id-Direttiva 2014/25/UE tapplika għall-għoti ta’ kuntratti għat-twettiq ta’ attivitajiet relatati mal-provvista tal-elettriku lil networks fissi maħsuba sabiex jipprovdu servizz lill-pubbliku b’rabta mal-produzzjoni, it-trasport jew id-distribuzzjoni tal-elettriku, sakemm l-attività ma tkunx eżentata skont l-Artikolu 34 ta’ dik id-Direttiva.

    (8)

    Skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, kuntratti intiżi sabiex jippermettu t-twettiq ta’ attività li għaliha tapplika d-Direttiva ma humiex soġġetti għal dik id-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq l-attività, din tkun esposta direttament għall-kompetizzjoni fi swieq li għalihom l-aċċess ma huwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni huwa vvalutat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tas-settur ikkonċernat (3). Madankollu, din il-valutazzjoni hija limitata mill-iskadenzi qosra applikabbli u mill-ħtieġa li wieħed jibbaża fuq l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, li ma tistax tiġi ssupplimentata b’metodi li jieħdu aktar ħin, inklużi, b’mod partikolari, inkjesti pubbliċi indirizzati lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati (4). F’dak il-kuntest, filwaqt li l-kwistjoni ta’ jekk attività hijiex esposta direttament għall-kompetizzjoni għandha tiġi deċiża abbażi ta’ kriterji li huma konformi mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-kompetizzjoni, ma huwiex meħtieġ li dawk il-kriterji jenħtieġ li jkunu eżattament l-istess bħal dawk imsemmija fid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE (5).

    (9)

    L-aċċess jitqies mhux ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu għall-kompetizzjoni. Dik il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE. Għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, dak l-Anness jirreferi għad-Direttiva 2009/72/KE, imħassra bid-Direttiva (UE) 2019/944 (6) b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021. Skont l-applikant, id-Danimarka ttrasponiet id-Direttiva (UE) 2019/944 (7). Konsegwentement, skont l-Artikolu 34(3) tad-Direttiva 2014/25/UE, l-aċċess liberu għas-suq jista’ jiġi preżunt.

    (10)

    Jenħtieġ li l-esponiment dirett għall-kompetizzjoni jiġi evalwat abbażi ta’ diversi indikaturi, li l-ebda wieħed minnhom ma jkun neċessarjament deċiżiv għalih waħdu. Fir-rigward tas-suq ikkonċernat minn din id-Deċiżjoni, l-ishma tas-suq jikkostitwixxu kriterju wieħed li jenħtieġ li jitqies, flimkien ma’ kriterji oħrajn, bħall-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-ġeneraturi minn pajjiżi ġirien jew in-numru ta’ offerenti f’offerti għall-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli.

    (11)

    L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tistabbilixxi jekk is-servizzi kkonċernati mit-talba humiex esposti għal livell tali ta’ kompetizzjoni (fis-swieq li għalihom l-aċċess ma huwiex ristrett skont it-tifsira tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE) suffiċjenti sabiex jiżgura li, anke fin-nuqqas tad-dixxiplina miġjuba mir-regoli dettaljati dwar l-akkwist stipulati fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati jitwettaq b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi tal-kriterji li jippermettu lill-akkwirenti jidentifikaw is-soluzzjoni li b’mod ġenerali tkun l-aktar waħda ekonomikament vantaġġuża.

    3.   VALUTAZZJONI

    (12)

    Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali minn Settembru 2021, kif jidher mill-informazzjoni sottomessa mill-applikant u minn informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

    3.1.   L-AĊĊESS MHUX RISTRETT GĦAS-SUQ

    (13)

    L-aċċess għal suq jitqies mhux ristrett jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu għall-kompetizzjoni. Id-Danimarka ttrasponiet id-Direttiva (UE) 2019/944 permezz ta’ 29 miżura nazzjonali, skont l-applikant. Dan ġie kkonfermat mill-Aġenzija Daniża tal-Enerġija (8). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet għall-aċċess għas-suq ħieles huma ssodisfati de jure.

    (14)

    Fir-rigward tal-aċċess liberu de facto, il-Kummissjoni tinnota l-progress tal-liberalizzazzjoni tas-suq Daniż tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-ftuħ tiegħu għall-kompetizzjoni fl-1999. Il-parteċipazzjoni tad-Danimarka fil-borża tal-enerġija ta’ Nord Pool u l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni kellhom rwol sinifikanti fit-trawwim ta’ pressjoni kompetittiva. Fir-rigward tal-ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli, b’mod partikolari parks eoliċi fuq il-baħar, l-offerti organizzati mill-awtoritajiet Daniżi attiraw numru dejjem akbar ta’ parteċipanti.

    (15)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-aċċess għas-suq huwa meqjus de jure u de facto ħieles fit-territorju tad-Danimarka għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

    3.2.   VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

    3.2.1.   ID-DEFINIZZJONI TAS-SUQ TAL-PRODOTT

    (16)

    Skont il-prattika tal-fużjoni tal-Kummissjoni (9), fis-settur tal-elettriku wieħed jista’ jiddistingwi s-swieq tal-prodotti rilevanti li ġejjin: (i) il-ġenerazzjoni u l-provvista bl-ingrossa; (ii) it-trażmissjoni; (iii) id-distribuzzjoni u (iv) il-provvista bl-imnut. Filwaqt li wħud minn dawn is-swieq jistgħu jiġu suddiviżi ulterjorment, sal-lum, il-prattika preċedenti tal-Kummissjoni (10) ċaħdet id-distinzjoni bejn suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u suq tal-provvista bl-ingrossa billi l-ġenerazzjoni fil-fatt hija biss l-ewwel stadju fil-katina tal-valur, iżda l-volumi tal-elettriku ġġenerati jiġu kkummerċjalizzati permezz tas-suq bl-ingrossa. Dan ġie kkonfermat b’mod aktar speċifiku għan-Nordiċi (11).

    (17)

    Fil-prattika tagħha dwar il-fużjoni, il-Kummissjoni, barra minn hekk, qieset li s-suq tal-prodotti rilevanti fir-reġjun Nordiku kien ikopri l-elettriku mibjugħ kemm permezz ta’ kuntratti bilaterali kif ukoll fuq il-pjattaforma tan-Nord Pool, kemm f’Elspot (il-jum ta’ qabel) kif ukoll f’Elbas (tal-istess ġurnata) (12).

    (18)

    L-applikant jargumenta li l-Ftehimiet korporattivi dwar ix-Xiri tal-Enerġija (cPPAs) jenħtieġ li jiġu inklużi fl-ambitu tas-suq rilevanti. Tali ftehimiet huma kuntratti bilaterali bejn ġeneratur tal-elettriku u klijent (normalment utent kbir tal-elettriku) li permezz tagħhom l-utent jixtri l-elettriku direttament mingħand il-ġeneratur. Il-kumpaniji kummerċjali jidħlu fi Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija (PPAs) mal-produtturi kemm tal-enerġija konvenzjonali kif ukoll ta’ dik rinnovabbli, li jikkompetu għall-konklużjoni tal-PPAs.

    (19)

    Fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet bilaterali oħrajn, il-klijenti li jidħlu għal PPAs iridu jidħlu fi ftehim ma’ parti responsabbli għall-bilanċ sabiex jimmaniġġjaw l-iżbilanċi tagħhom. Fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-ġenerazzjoni/tal-produzzjoni, il-ġeneraturi tal-enerġija (bħas-sidien tal-parks eoliċi fuq il-baħar) iridu jaqblu mal-produzzjoni prevista tagħhom tal-elettriku f’ħin reali, jiġifieri jadattaw il-produzzjoni prevista mal-produzzjoni attwali. Din ir-responsabbiltà ma hijiex affettwata minn kif il-ġeneratur jagħżel li jbigħ l-elettriku prodott, inkluż minn cPPAs.

    (20)

    Fir-rigward ta’ jekk l-elettriku konvenzjonali u rinnovabbli jagħmilx parti mill-istess suq tal-prodotti, il-Kummissjoni waslet għal konklużjonijiet differenti skont is-sitwazzjoni fattwali. Hija sabet li l-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali u dik rinnovabbli fil-Ġermanja (13) u fl-Italja (14) jenħtieġ li jitqiesu bħala swieq ta’ prodotti differenti.

    (21)

    Madankollu, fil-każ tan-Netherlands (15), il-Kummissjoni sabet li l-ġenerazzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali u rinnovabbli kienu parti mill-istess suq tal-prodotti rilevanti. Għar-reġjun Nordiku, il-Kummissjoni qieset, fil-prattika tagħha dwar il-fużjoni, li s-sors tal-elettriku huwa irrilevanti għall-finijiet tad-definizzjoni tal-prodott (16).

    (22)

    L-applikant jargumenta li s-sitwazzjoni fid-Danimarka hija differenti minn dik fil-Ġermanja u fl-Italja msemmija fid-deċiżjoni ta’ hawn fuq, u hija simili għal dik inkwistjoni fin-Netherlands. L-applikant ipprovda tabelli li jagħtu dettalji dwar is-similaritajiet u d-differenzi bejn il-każijiet Daniżi u, rispettivament, Ġermaniżi, Taljani u Netherlandiżi. L-applikant jindika li d-differenzi ewlenin mas-sitwazzjoni Ġermaniża u dik Taljana huma n-nuqqas ta’ rata statutorja ta’ remunerazzjoni, in-nuqqas ta’ prijorità ta’ injezzjoni u l-fatt li l-elettriku rinnovabbli jinbiegħ fis-suq bl-ingrossa bl-istess prezz bħall-elettriku konvenzjonali.

    (23)

    Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-fużjoni Fortum/Uniper (17), il-Kummissjoni fakkret li s-suq tal-prodott rilevanti fir-reġjun Nordiku kien ikopri kemm il-ġenerazzjoni kif ukoll il-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, irrispettivament mis-sorsi ta’ ġenerazzjoni u l-kanali tan-negozjar, u li kien jinkludi l-elettriku mibjugħ permezz ta’ kuntratti bilaterali u fuq il-borża Nordika tal-Enerġija, Nord Pool.

    (24)

    Fir-rigward tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli, it-talba tkopri l-parks eoliċi fuq il-baħar Horns Rev 3, Vesterhav Syd, Vesterhav Nord u Kriegers Flask, kif ukoll il-parks eoliċi futuri, inkluż il-park eoliku ta’ fuq il-baħar Thor. L-iskemi ta’ appoġġ ikkonċernati kollha kienu soġġetti għal deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li kkonfermaw il-kompatibbiltà tagħhom mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat (18).

    (25)

    Barra minn hekk, il-primjums imħallsa għall-produzzjoni tar-riħ naqsu għal minimu bis-saħħa ta’ kompetizzjoni akbar għall-ġenerazzjoni. Għall-parks eoliċi kollha msemmija hawn fuq, l-Aġenzija Daniża tal-Enerġija organizzat sejħa miftuħa għall-offerti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli. Il-Horns Rev 3 (400 MW), li sar fl-2015, kellu erba’ offerenti, il-Kriegers Flak (600 MW), li sar fl-2016, sebgħa u l-Vesterhav Nord/Sud (350 MW), li sar fl-2016, tlieta.

    (26)

    L-iħħeġġjar kontra r-riskju qiegħed isir qabel il-proċeduri tal-offerti, u l-awtoritajiet Daniżi issa għandhom fehim aħjar tas-suq u stabbilew djalogu reali tas-suq.

    (27)

    Il-kostijiet totali tat-teknoloġiji rinnovabbli bħat-turbini eoliċi fuq il-baħar jew il-fotovoltajċi solari naqsu wkoll b’mod sinifikanti. Konsegwentement, l-offerta rebbieħa fl-2010 għall-park eoliku ta’ fuq il-baħar ta’ Anholt kienet primjum ta’ 105 øre/kWh filwaqt li l-offerta rebbieħa fl-2016 għall-park eoliku ta’ fuq il-baħar Kriegers Flak kienet primjum ta’ 37 øre/kWh.

    (28)

    Id-Danimarka beħsiebha wkoll tniedi tliet parks eoliċi ġodda fuq skala kbira fuq il-baħar. L-ewwel park eoliku fuq il-baħar se jkollu kapaċità ta’ madwar 800 MW, filwaqt li l-parks eoliċi fuq il-baħar li jifdal se jkollhom kapaċità ta’ mill-anqas 800 MW. L-Aġenzija Daniża tal-Enerġija se titlob offerti fi skemi ta’ offerti għal kull park eoliku futur fuq il-baħar.

    (29)

    Kif għamlet fid-deċiżjoni ta’ eżenzjoni tagħha tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/71 (19) dwar il-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-bejgħ bl-ingrossa fin-Netherlands, il-Kummissjoni tinnota li l-allokazzjoni tas-sussidji hija esposta għall-kompetizzjoni permezz ta’ proċess ta’ offerti li jirregola l-imġiba tal-produtturi tal-elettriku rinnovabbli fir-rigward tal-politika tal-akkwist tagħhom. Dan iqiegħed il-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali u rinnovabbli (għal dawk il-parks eoliċi fuq il-baħar soġġetti għat-talba) fuq l-istess livell fid-Danimarka.

    (30)

    Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tqis li s-suq tal-prodott rilevanti huwa s-suq għall-ġenerazzjoni u għall-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, inklużi s-cPPAs, prodotti minn parks eoliċi konvenzjonali kif ukoll minn parks eoliċi fuq il-baħar li huma soġġetti għall-applikazzjoni għal eżenzjoni.

    3.2.2.   DEFINIZZJONI TAS-SUQ ĠEOGRAFIKU

    (31)

    Fl-2006, il-Kummissjoni f’deċiżjoni dwar il-fużjoni ddefiniet (20) żewġ swieq ġeografiċi separati għas-suq tal-elettriku bl-ingrossa: dak tad-Danimarka tal-Lvant (“DK2”) u dak tad-Danimarka tal-Punent (“DK1”), peress li f’dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda interkonnessjoni diretta bejn iż-żewġ żoni tal-offerti (jew tal-prezzijiet) Daniżi. Il-Kummissjoni waslet għall-istess konklużjoni fid-deċiżjoni DE/DK Interconnector fl-2018 (21).

    (32)

    Fl-2014, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni Daniż investiga s-suq għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fid-Danimarka fid-deċiżjoni tiegħu dwar l-Impjant Virtwali tal-Enerġija (“VPP”) (22). Permezz ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni Daniż ħassar l-impenji preċedenti li saru minn Elsam A/S f’fużjoni bejn Elsam A/S u Nesa A/S fl-2004. Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni Daniż appoġġa parzjalment suq ġeografiku akbar minn DK1. DK1 huwa konness man-Norveġja, mal-Iżvezja u mal-Ġermanja permezz ta’ konnessjonijiet ta’ trażmissjoni. Il-prezz bl-ingrossa għall-elettriku fiżiku f’DK1 kien differenti miż-żoni tal-prezzijiet konnessi kollha f’anqas minn 10 % tas-sigħat matul l-2013. Fil-biċċa l-kbira tas-sigħat, DK1 kellu prezz bl-ingrossa ugwali għal mill-anqas waħda miż-żoni tal-prezzijiet konnessi, li kien jappoġġa suq ġeografiku usa’ mid-Danimarka tal-Punent. Madankollu, tħalliet miftuħa l-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm suq ġeografiku usa’ mid-Danimarka tal-Punent. Fl-2019, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni Daniż (23) indika li s-suq għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku kellu ambitu nazzjonali, iżda ħalla l-kwistjoni miftuħa dwar jekk għandhiex tiġi ddefinita definizzjoni ta’ suq ġeografiku usa’ u aktar dejqa. Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-każijiet preċedenti li ġejjin: 1) id-Deċiżjoni M.8660 Fortum/Uniper li fiha l-Kummissjoni kkonkludiet dwar l-eżistenza ta’ suq nazzjonali fl-Iżvezja, 2) id-Deċiżjoni M.3268 Sydkraft and Graninge li fiha l-Kummissjoni sabet li l-Iżvezja kienet tikkostitwixxi biss suq separat mill-Finlandja u mid-Danimarka f’numru insinifikanti ta’ sigħat, li indika li s-suq bl-ingrossa għall-elettriku kellu ambitu usa’ minn dak nazzjonali, u 3) id-Deċiżjoni VPP tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni Daniż li fiha sab indikazzjonijiet ta’ suq ġeografiku akbar minn DK1 minħabba żviluppi fis-suq għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fid-Danimarka. Il-kapaċità ta’ interkonnessjoni bejn id-Danimarka u l-pajjiżi ġirien ġiet estiża b’mod sinifikanti mill-2006. B’mod partikolari, l-interkonnetturi ta’ Skagerrak (man-Norveġja), Kontiskan (mal-Iżvezja) u Kontek (mal-Ġermanja) tqiegħdu fis-servizz jew ġew estiżi. Il-kejbil Cobra (man-Netherlands) ġie kkummissjonat fl-2019. Fid-Danimarka, il-Great Belt issa jgħaqqad id-Danimarka tal-Punent u tal-Lvant.

    (33)

    L-evidenza pprovduta mill-applikant (24) turi żieda fil-korrelazzjoni tal-prezzijiet bejn id-Danimarka tal-Lvant u tal-Punent, kif ukoll maż-żoni tal-prezzijiet ġirien tal-Iżvezja, tan-Norveġja u tal-Ġermanja (SE3, SE4, NO2 u DE). Pereżempju, DK1 kellha l-istess prezz bħal waħda miż-żoni l-oħrajn (DK2, SE3, SE4, NO2 u DE) għal 91,7 % fl-2013 u 96,3 % fl-2018; għad-DK2, iċ-ċifri kienu 97,8 % fl-2013 u 98,6 % fl-2018. Min-naħa l-oħra, is-sigħat li matulhom iż-żona DK1 kellha prezz differenti miż-żoni l-oħrajn naqsu minn 8,3 % għal 3,7 % mill-2013 sal-2018; għad-DK2, il-perċentwal naqas minn 2,2 % għal 1,4 %.

    (34)

    Skont Energinet, id-Danimarka għandha kapaċità kbira ħafna fuq l-interkonnetturi mal-pajjiżi ġirien tagħha, ekwivalenti għal madwar 90 % tad-domanda domestika massima tagħha. L-integrazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi ġirien tad-Danimarka timplika li d-Danimarka għandha biss prezz tas-suq spot separat għall-elettriku f’madwar 10 % tal-ħin. Fil-bqija tal-ħin, il-prezz bl-ingrossa huwa komuni jew man-Norveġja, jew mal-Iżvezja jew mal-Ġermanja.

    (35)

    Fl-2019, il-konnessjoni internazzjonali bejn id-Danimarka tal-Lvant (DK2) u l-Ġermanja kellha kapaċità kummerċjali disponibbli ta’ 90 % tal-kapaċità totali tal-interkonnettur fid-direzzjoni tal-esportazzjoni, u ta’ 95 % fid-direzzjoni tal-importazzjoni. Il-konnessjonijiet barranin li jifdal kellhom kapaċità kummerċjali disponibbli fid-direzzjoni tal-esportazzjoni ta’ bejn 60 u 88 % tal-kapaċità totali tal-interkonnettur. Il-kapaċità kummerċjali kienet aktar baxxa bejn id-Danimarka tal-Punent (DK1) u n-Norveġja u l-Iżvezja fl-2019 meta mqabbla mal-2018. Min-naħa l-oħra, il-kapaċità kummerċjali mqabbla mal-Ġermanja kienet ogħla għaż-żewġ żoni tal-offerti Daniżi. Il-konnessjoni Cobra kellha kapaċità kummerċjali disponibbli fid-direzzjoni tal-esportazzjoni u tal-importazzjoni ta’ 87 % tal-kapaċità totali tal-interkonnettur fl-2019.

    (36)

    Il-Kummissjoni tosserva l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet fuq l-ipprezzar fuq iż-żewġ żoni minn barra: DK1 għandu l-istess prezzijiet bħal żoni oħrajn f’89,3 % tas-sigħat, u DK2 għal 98,4 % tas-sigħat. Għal referenza, fil-paragrafu 28 tad-Deċiżjoni dwar il-fużjoni Fortum/Uniper, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-erba’ żoni tal-offerti Żvediżi kienu jifformaw suq ġeografiku wieħed minħabba li kellhom prezz komuni għal 89,7 % tas-sigħat. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, skont l-applikant, l-akbar erba’ atturi b’ishma tas-suq ogħla minn 10 % huma preżenti kemm f’DK1 kif ukoll f’DK2.

    (37)

    Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tqis li s-suq ġeografiku rilevanti għall-ġenerazzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku, inklużi s-cPPAs, prodotta minn sorsi konvenzjonali kif ukoll minn dawk is-sorsi rinnovabbli li huma soġġetti għall-applikazzjoni jistgħu jitħallew miftuħa, jew fil-każ ta’ suq separat għal DK1 u DK2 jew fil-każ ta’ suq nazzjonali uniku Daniż.

    3.2.3.   ANALIŻI TAS-SUQ

    (38)

    Il-kalkoli kollha tal-ishma tas-suq u l-indikazzjonijiet relatati mas-sehem tal-ġenerazzjoni tal-elettriku huma bbażati fuq input mill-applikant.

    (39)

    Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni tqis bosta fatturi. Filwaqt li l-ishma tas-suq huma aspett importanti, jitqiesu wkoll il-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-ġeneraturi minn pajjiżi ġirien u n-numru ta’ offerenti f’offerti għall-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli.

    (40)

    Dwar il-ġenerazzjoni tal-elettriku u s-suq bl-ingrossa fid-Danimarka, bħalissa hemm tliet atturi ewlenin fis-suq soġġetti għar-regoli dwar l-akkwist pubbliku skont id-Direttiva 2014/25/UE. Dawn huma Ørsted A/S (minn hawn ’il quddiem Ørsted) (50,1 % proprjetà tal-Istat Daniż), is-sussidjarja Daniża ta’ Vattenfall, Vattenfall AB) (minn hawn ’il quddiem Vattenfall) (100 % proprjetà tal-Istat Żvediż) u HOFOR Energiproduktion A/S (minn hawn ’il quddiem HOFOR), li hija proprjetà tal-muniċipalità ta’ Copenhagen.

    (41)

    Bħalissa hemm 18-il kumpanija Daniża jinnegozjaw f’Nord Pool. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kumpaniji, bħal Danske Commodities u Centrica Energy Trading, ma humiex impriżi pubbliċi skont id-Direttiva 2014/25/UE.

    (42)

    Fl-2018 u fl-2019, is-sehem mis-suq ta’ Ørsted fuq is-suq ikkombinat ta’ DK1-DK2 (f’termini ta’ ġenerazzjoni) kien ta’ [20 sa 30] % u [10 sa 20] % rispettivament, is-sehem mis-suq ta’ Vattenfall kien ta’ [5 sa 10] % u [10 sa 20] % u s-sehem mis-suq ta’ HOFOR kien ta’ [0 sa 5] % u [0 sa 5] %. Il-kompetituri l-kbar ta’ dawn il-kumpaniji, li ma humiex koperti mir-regoli dwar l-akkwist pubbliku, huma Vindenergi Danmark ([40 sa 50] % u [40 sa 50] % tal-ishma mis-suq) u Energi Danimarka ([10 sa 20] % u [10 sa 20] %). L-ishma mis-suq fis-swieq ta’ DK1 u DK2 kienu ġeneralment fl-istess medda (Ørsted [20 sa 30] % f’DK1 u [10 sa 20] % f’DK2 fl-2018, [20 sa 30] % f’DK1 u [10 sa 20] % f’DK2 fl-2019, Vattenfall [5 sa 10] % f’DK1 u [0 sa 5] % f’DK2 fl-2018, [10 sa 20] % f’DK1 u [0 sa 5] % f’DK2 fl-2019, HOFOR [0 sa 5] % f’DK1 u [5 sa 10] % f’DK2 fl-2019). Jekk is-suq ġeografiku rilevanti jkun usa’ mid-Danimarka, dawn l-ishma mis-suq ikunu iżgħar.

    (43)

    L-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet huma karatteristika sinifikanti ħafna tas-suq tal-elettriku Daniż. Fl-2018 u fl-2019, il-konsum tal-elettriku kien ta’ madwar 33,5 TWh. L-importazzjonijiet kienu jirrappreżentaw madwar 45,6 % tal-konsum totali fl-2018, filwaqt li l-produzzjoni nazzjonali kopriet 41 % tal-konsum fl-2018 u 48 % fl-2019. L-esportazzjonijiet huma sinifikanti wkoll, peress li kienu jammontaw għal 73 % u għal 62 % tal-produzzjoni tal-elettriku Daniża fl-2018 u fl-2019.

    (44)

    Dan juri l-kobor tal-integrazzjoni tas-suq tal-elettriku Daniż f’suq ġeografiku usa’ u, b’riżultat ta’ dan, il-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-ġeneraturi tal-elettriku minn, primarjament iżda mhux biss, pajjiżi ġirien fuq produtturi Daniżi permezz tal-interkonnetturi transfruntiera.

    (45)

    Fir-rigward tal-prezzijiet spot bl-ingrossa, il-prezzijiet Nordiċi huma stabbiliti fil-borża ta’ Nord Pool. Il-prezz medju fis-siegħa fis-suq spot għal DK1 u DK2 kien ta’ EUR 38,50 u EUR 39,84 MWh rispettivament fl-2019, li huwa tnaqqis ta’ 13 % fiż-żewġ żoni mill-2018. Il-prezz tas-sistema kien ta’ EUR 38,94/MWh fl-2019. Il-prezz tas-sistema Nordika huwa l-prezz spot fittizju li kien iseħħ kieku r-reġjun Nordiku kollu kien żona ta’ offerti waħda. DK1 ġeneralment ikollu prezzijiet aktar baxxi minn DK2 minħabba l-kapaċità ta’ turbini eoliċi relattivament kbar installati f’DK1, li jgħin sabiex jonqsu l-prezzijiet. Il-prezz spot medju fl-2019 kien ta’ EUR 39,28/MWh fin-Norveġja, EUR 37,68/MWh fil-Ġermanja u EUR 38,79/MWh fl-Iżvezja, simili ħafna għall-prezz f’DK1 u DK2.

    (46)

    Fid-Danimarka, madwar 6 fil-mija tal-elettriku jiġi nnegozjat fis-suq uniku Ewropew tal-istess ġurnata Xbid. Is-suq tal-istess ġurnata huwa bbażat fuq negozjar kontinwu b’negozjar li jsir pay-as-bid għall-kuntrarju tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem, li huwa bbażat fuq l-irkant bi prezz tal-ikklerjar uniku. Is-suq tal-istess ġurnata jintuża sabiex jiġu aġġustati l-pjanijiet ta’ konsum u produzzjoni fir-rigward ta’, fost l-oħrajn, ir-restawr tal-bilanċi tal-portafolji. Dan ifisser li l-prezz fis-suq tal-istess ġurnata għal kull siegħa jibda bil-prezz spot u mbagħad jogħla jew jinżel jekk ikun hemm avvenimenti mhux previsti matul il-perjodu ta’ negozjar. Il-prezz medju annwali għas-suq tal-istess ġurnata f’DK1 kien ta’ EUR 35,1/MWh fl-2019. F’DK2, dan kien ta’ EUR 36,7/MWh. Fl-2018, il-prezz medju f’DK1 kien ta’ EUR 40,4/MWh u f’DK2 kien EUR 41,9/MWh.

    (47)

    Kalkoli ulterjuri inklużi fl-applikazzjoni (25) juru li l-prezzijiet f’DK1 u f’DK2 huma l-istess bħal żona jew żoni oħrajn tal-prezzijiet ġirien fil-parti l-kbira taż-żmien. Fl-2018 u l-2019, il-prezzijiet f’DK1 kienu l-istess bħal f’żona oħra tal-ipprezzar tar-reġjun (DK2, SE3, SE4, NO2 u DE) 94,8 % u 96,3 % tal-ħin; il-prezzijiet f’DK2 kienu l-istess bħal f’żona oħra tal-ipprezzar tar-reġjun (DK1, SE3, SE4, NO2 u DE) 98,8 % u 98,6 % tal-ħin. Barra minn hekk, il-korrelazzjoni bejn iż-żewġ żoni Daniżi u s-sistema Nordika u l-prezz bl-ingrossa Ġermaniż hija pjuttost għolja u varjat bejn 64 % u 83 % matul il-perjodu tal-2017 u l-2018.

    (48)

    Id-Danimarka għandha kapaċità kbira ħafna fuq l-interkonnetturi mal-pajjiżi ġirien tagħha, ekwivalenti għal madwar 90 % tad-domanda domestika massima tagħha. L-integrazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi ġirien tad-Danimarka timplika li d-Danimarka għandha biss prezz tas-suq spot separat għall-elettriku f’DK1 u DK2 f’madwar 10 % tal-ħin. Fil-bqija tal-ħin, il-prezz bl-ingrossa f’DK1 u DK2 huwa komuni jew man-Norveġja, jew mal-Iżvezja jew mal-Ġermanja.

    (49)

    Il-Kummissjoni tqis li dawn l-elementi juru konverġenza qawwija ħafna tal-prezzijiet tal-elettriku fid-Danimarka mal-prezzijiet fil-pajjiżi tar-reġjun Nordiku u fil-Ġermanja.

    3.2.4.   KONKLUŻJONI

    (50)

    L-entitajiet kontraenti għandhom sehem mis-suq limitat fuq is-suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tal-bejgħ bl-ingrossa fid-Danimarka soġġett għat-talba.

    (51)

    Il-livell għoli ta’ importazzjonijiet u esportazzjonijiet tal-elettriku meta mqabbel mal-ġenerazzjoni tal-elettriku Daniża, flimkien mal-kapaċità ta’ interkonnessjoni mal-pajjiżi ġirien, juru li s-suq tal-elettriku u tal-bejgħ bl-ingrossa fid-Danimarka huwa fil-biċċa l-kbira integrat f’suq tranżnazzjonali usa’. Anke jekk is-suq ġeografiku ma huwiex neċessarjament tranżnazzjonali, l-importazzjonijiet tal-elettriku lejn id-Danimarka fi kwalunkwe każ jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq il-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku Daniżi matul numru sinifikanti ta’ sigħat kull sena.

    (52)

    Dan huwa kkonfermat ukoll mid-data pprovduta mill-applikant dwar il-prezzijiet bl-ingrossa, li turi li l-prezzijiet Daniżi huma simili ħafna għall-prezzijiet f’Nordpool kollha u l-prezzijiet fil-Ġermanja.

    (53)

    L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li jiġi stabbilit jekk l-attivitajiet tal-ġenerazzjoni u tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku humiex esposti għal tali livell ta’ kompetizzjoni (fis-swieq b’aċċess liberu) li jkun jiżgura li, anke fin-nuqqas tad-dixxiplina introdotta mir-regoli dettaljati dwar l-akkwisti stipulati fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għat-twettiq tal-attivitajiet ikkonċernati jitwettaq b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi ta’ kriterji li jippermettu lill-entità kontraenti tidentifika s-soluzzjoni li b’mod ġenerali tkun l-aktar waħda vantaġġuża ekonomikament.

    (54)

    Fid-dawl tal-fatturi eżaminati hawn fuq, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-attività tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tal-bejgħ bl-ingrossa minn sorsi konvenzjonali u minn parks eoliċi fuq il-baħar soġġetti għal proċedura ta’ sejħa għall-offerti fid-Danimarka hija esposta direttament għall-kompetizzjoni f’suq b’aċċess mhux ristrett, skont it-tifsira tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE.

    4.   KONKLUŻJONI

    (55)

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, mill-premessi 11 sa 53 jirriżulta li l-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali u minn parks eoliċi fuq il-baħar soġġetti għal proċedura ta’ sejħa għall-offerti fid-Danimarka huma esposti għall-kompetizzjoni f’suq b’aċċess mhux ristrett, skont it-tifsira tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE. Konsegwentement, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/25/UE ma tkomplix tapplika għal kuntratti intenzjonati sabiex jippermettu t-twettiq ta’ dik l-attività fid-Danimarka.

    (56)

    Id-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li tkompli tapplika għal kuntratti maħsuba sabiex jippermettu t-twettiq ta’ attivitajiet li huma speċifikament esklużi mit-talba.

    (57)

    Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali minn Ottubru 2021 sa Marzu 2022 kif tidher mill-informazzjoni li ġiet sottomessa mill-applikanti. Jekk il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE ma jibqgħux jiġu ssodisfati, wara bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali u fattwali, din tista’ tiġi riveduta.

    (58)

    Jitfakkar li l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/23/UE (26) jipprevedi eżenzjoni mill-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva għal konċessjonijiet mogħtija minn entitajiet kontraenti fejn, għall-Istat Membru li fih ikunu se jitwettqu l-konċessjonijiet, ikun ġie stabbilit skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE li l-attività hija esposta direttament għall-kompetizzjoni f’konformità mal-Artikolu 34 ta’ dik id-Direttiva. Billi ġie konkluż li l-attività tal-produzzjoni u tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku soġġetta għat-talba hija esposta għall-kompetizzjoni f’suq b’aċċess mhux ristrett, il-kuntratti ta’ konċessjoni maħsubin sabiex jippermettu t-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet fid-Danimarka se jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23/UE.

    (59)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu Uniku

    Id-Direttiva 2014/25/UE ma għandhiex tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u maħsuba sabiex jippermettu l-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali u rinnovabbli fid-Danimarka, koperti mit-talba magħmula skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/25/UE.

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Thierry BRETON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 35 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 275, 12.10.2016, p. 39).

    (3)  Id-Direttiva 2014/25/UE, il-premessa 44.

    (4)  Ibid.

    (5)  Is-sentenza tas-27 ta’ April 2016 fil-Kawża T-463/14, Österreichische Post AG vs Il-Kummissjoni, EU:T:2016:243, il-punt 28 u l-premessa 44 tad-Direttiva 2014/25/UE.

    (6)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

    (7)  Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fid-Danimarka.

    (8)  Ara p. 28 tal-applikazzjoni.

    (9)  Il-Każ COMP/M.4110 — E.ON/ENDESA, tal-25.4.2006, il-paragrafu 10, p. 3.

    (10)  Il-Każ COMP/M.3696 — E.ON/MOL, tal-21.1.2005, il-paragrafu 223, il-Każ COMP/M.5467 — RWE/ESSENT tat-23.6.2009, il-paragrafu 23.

    (11)  Ara l-Każ M.8660 Fortum/Uniper tal-15 ta’ Ġunju 2018, il-paragrafu 18. Ara wkoll COMP/M.7927 – EPH/ENEL/SE, il-paragrafi 9-12; COMP/M.6984 – EPH/Stredoslovenska Energetika, il-paragrafu 15; M.3268 – Sydkraft/Graninge, il-paragrafi 19-20.

    (12)  Ara l-Każ M.8660 Fortum/Uniper tal-15 ta’ Ġunju 2018, il-paragrafu 18. Ara wkoll COMP/M.7927 – EPH/ENEL/SE, il-paragrafi 9-12; COMP/M.6984 – EPH/Stredoslovenska Energetika, il-paragrafu 15; M.3268 – Sydkraft/Graninge, il-paragrafi 19-20.

    (13)  ĠU L 114, 26.4.2012, p. 21, il-paragrafi 36-40.

    (14)  ĠU L 271, 5.10.2012, p. 4, il-paragrafi 46-50.

    (15)  ĠU L 12, 17.1.2018, p. 53, il-paragrafi 19-23.

    (16)  Ara l-Każ M.8660 Fortum/Uniper tal-15 ta’ Ġunju 2018, il-paragrafu 18.

    (17)  Ara l-Każijiet M.8660 Fortum/Uniper tal-15 ta’ Ġunju 2018, il-paragrafu 18, kif ukoll il-Każijiet COMP/M.7927 – EPH/ENEL/SE, il-paragrafi 9-12; COMP/M.6984 – EPH/Stredoslovenska Energetika, il-paragrafu 15; M.3268 – Sydkraft/Graninge, il-paragrafi 19-20.

    (18)  Il-Każijiet SA.40305, SA.43751, SA.45974 u SA.57858.

    (19)  Ara l-paragrafu 21 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/71 tat-12 ta' Diċembru 2017 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fin-Netherlands mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 12, 17.1.2018, p. 53).

    (20)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/353/KE tal-14 ta’ Marzu 2006 li tistqarr li konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq komuni u mal-ħidma tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/M.3868 — Dong/Elsam/Energi E2) (ĠU L 133, 25.5.2007, p. 24), il-paragrafi 258-260.

    (21)  Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2018 li jirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Il-Każ AT.40461 — DK/DE Interconnector) (ĠU C 58, 14.2.2019, p. 7), il-paragrafi 49-50.

    (22)  Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni Daniż, DONG Energys anmodning om ophævelse af VPP tilsagn, 2014:

    https://www.kfst.dk/media/13295/20140528-ikkefortrolig-afgoerelse-dong.pdf

    (23)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni Daniż tal-25 ta’ Ġunju 2019; https://www.kfst.dk/media/54483/20190625-fusion-se-eniig.pdf

    (24)  Ara l-applikazzjoni, il-paragrafi 94 sa 97.

    (25)  Ara l-paragrafu 95 tal-applikazzjoni.

    (26)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).


    Top