Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1373

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1373 tal-5 ta’ Awwissu 2022 li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-idrossidu tal-ħadid adipat tartrat bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/5554

    ĠU L 206, 8.8.2022, p. 28–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1373/oj

    8.8.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 206/28


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1373

    tal-5 ta’ Awwissu 2022

    li jawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-idrossidu tal-ħadid adipat tartrat bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari, l-Artikolu 12(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel il-ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid biss jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

    (2)

    Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid.

    (3)

    Fil-21 ta’ Frar 2020, il-kumpanija Nemysis Limited (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex tqiegħed fis-suq tal-Unjoni l-idrossidu tal-ħadid adipat tartrat (“IHAT”) bħala ikel ġdid biex jintuża bħala sors tal-ħadid fis-supplimenti tal-ikel kif iddefinit fid-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fil-forma ta’ kapsuli, f’livelli ta’ massimu ta’ 100 mg/jum li jikkorrispondu għal massimu ta’ 36 mg ta’ ħadid (Fe) kuljum, maħsuba għall-popolazzjoni ġenerali minbarra t-trabi u t-tfal żgħar. Fl-applikazzjoni, l-applikant indika li l-IHAT, bħala nanomaterjal maħdum, huwa ikel ġdid skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2)(a)(viii) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (4)

    Fil-21 ta’ Frar 2020, l-applikant għamel ukoll talba lill-Kummissjoni għall-protezzjoni ta’ data proprjetarja għal test in vitro tal-mikronukleu taċ-ċelloli tal-mammiferi (4), test in vitro tal-mutazzjoni ġenetika fuq ċelloli tal-mammiferi bl-użu tal-ġene timidina kinażi (5), u studju ta’ 90 jum dwar it-tossiċità orali fir-rodituri (6), ippreżentata b’appoġġ għall-applikazzjoni.

    (5)

    Fit-3 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) twettaq valutazzjoni tal-IHAT bħala ikel ġdid.

    (6)

    Fis-27 ta’ Ottubru 2021, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika tagħha dwar is-“Sikurezza tal-Idrossidu tal-Ħadid Adipat Tartrat bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 u bħala sors ta’ ħadid fil-kuntest tad-Direttiva 2002/46/KE” (7) f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (7)

    Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li l-IHAT huwa sikur fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti għall-popolazzjonijiet fil-mira proposti, f’livelli li ma jaqbżux il-100 mg kuljum u li huwa sors li minnu l-ħadid huwa bijodisponibbli. Madankollu, f’dik l-opinjoni, l-Awtorità nnutat li, peress li ma kinitx stabbiliet Limitu Massimu tollerabbli (Upper Intake Limit, “UL”), il-konsum tal-ħadid mis-supplimenti tal-ikel li fihom l-ikel ġdid jista’ jaqbeż il-livelli ta’ gwida għall-popolazzjoni li ġew stabbiliti mill-Istati Membri, u li l-konsum ikkombinat tal-ħadid mis-supplimenti tal-ikel li fihom l-ikel ġdid u mid-dieta fl-isfond, ikun għoli. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tal-Awtorità u tar-rwol ċentrali tal-ħadid fil-fiżjoloġija, fit-tkabbir u fl-iżvilupp tal-bniedem, b’mod partikolari fl-istadji bikrija tal-ħajja, u l-linja pjuttost fina bejn l-effetti tal-ħadid ta’ benefiċċju u dawk negattivi fuq is-saħħa skont il-konsum, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ approċċ prekawzjonarju.

    (8)

    Il-Kummissjoni għalhekk talbet lill-applikant biex jikkunsidra mill-ġdid il-livelli tal-IHAT proposti fl-applikazzjoni tagħhom (livelli sa massimu ta’ 100 mg/jum li jikkorrispondu għal massimu ta’ 36 mg ta’ ħadid (Fe) kuljum għall-popolazzjoni ġenerali, minbarra t-trabi u t-tfal żgħar). Bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni, l-applikant immodifika t-talba tiegħu u ppropona l-użu tal-IHAT f’livelli li ma jisbqux il-100 mg/jum u li jillimitaw il-livelli ta’ ħadid korrispondenti sa massimu ta’ 30 mg Fe/jum fis-supplimenti tal-ikel maħsuba għall-popolazzjoni adulta, u f’livelli li ma jisbqux il-50 mg IHAT/jum u li jillimitaw il-livelli ta’ ħadid korrispondenti sa massimu ta’ 14 mg Fe/jum fis-supplimenti tal-ikel maħsuba għat-tfal u l-adolexxenti taħt l-età ta’ 18-il sena, minbarra tfal taħt l-età ta’ erba’ snin. Barra minn hekk, l-applikant indika li se jaġġusta l-livelli tal-IHAT fis-supplimenti tal-ikel imqiegħda fis-suq ta’ Stat Membru biex jillimita l-livelli massimi korrispondenti tal-ħadid għall-valuri ta’ gwida stabbiliti minn dak l-Istat Membru għal kull grupp ta’ età tal-popolazzjoni. Il-Kummissjoni tqis li l-użi riveduti jissodisfaw il-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-IHAT f’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (9)

    Huwa xieraq li l-inklużjoni tal-IHAT bħala ikel ġdid fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid ikun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (10)

    Fl-istess opinjoni xjentifika, l-Awtorità qieset li, minħabba l-preżenza tan-nikil fl-ikel ġdid, il-konsum tas-supplimenti tal-ikel li fihom 100 mg ta’ IHAT jista’ jeliċita reazzjonijiet allerġiċi relatati mad-dermatite f’persuni ta’ 10 snin u iżgħar li qabel kienu ġew sensitizzati għan-nikil wara kuntatt mal-ġilda, peress li l-konsum tan-nikil mill-ikel ġdid ma jirriżultax f’Marġni ta’ Esponiment (“MoE”) għall-konsum tan-nikil meqjus mill-Awtorità li huwa ta’ tħassib baxx għas-saħħa tat-tfal u tal-adolexxenti taħt it-18-il sena fil-95 perċentil superjuri tal-esponiment għan-nikil djetetiku (8). Madankollu, fid-dawl tal-użi modifikati proposti tal-ikel ġdid f’livelli li ma jisbqux il-50 mg IHAT/jum fis-supplimenti tal-ikel maħsuba għat-tfal u l-adolexxenti taħt l-età ta’ 18-il sena u li jeskludu t-tfal taħt l-erba’ snin, il-konsum tan-nikil mill-ikel ġdid se jkun jew ogħla jew qrib tal-MoE meqjus mill-Awtorità bħala ta’ tħassib baxx għas-saħħa, u mhux se jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-konsum ġenerali tan-nikil mill-ikel u mill-ilma tax-xorb. Filwaqt li tqis dawn il-kunsiderazzjonijiet u l-konservativiżmu inkorporat fil-valutazzjoni tal-konsum tal-Awtorità li użat l-esponiment djetetiku tal-95 perċentil biex jinkiseb l-MoE tan-nikil ta’ tħassib baxx għas-saħħa, il-Kummissjoni tqis li r-riskju ta’ eliċitazzjoni tar-reazzjonijiet allerġiċi tad-dermatite mill-kuntatt għal dak il-grupp ta’ età tal-popolazzjoni x’aktarx li ma jirriżultax f’sitwazzjonijiet tal-ħajja reali. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li ma huwa meħtieġ l-ebda rekwiżit ta’ tikkettar previst fl-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament (UE) 2015/2283 fir-rigward tal-allerġeniċità.

    (11)

    Barra minn hekk, fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità qieset ukoll li l-konklużjoni tagħha dwar is-sikurezza tal-IHAT u l-bijodisponibbiltà tal-ħadid hija marbuta mill-qrib mal-proprjetajiet fiżikokimiċi speċifiċi u mal-profil tad-distribuzzjoni tad-daqs tal-partikoli u tal-agglomerazzjoni tal-ikel ġdid li jinkiseb bl-effett ikkombinat tal-użu tal-forma kapsulari tas-supplimenti tal-ikel li fihom l-ikel ġdid, u tan-nuqqas ta’ sustanzi għajr l-adipat, it-tartrat u l-klorur tas-sodju użati fil-produzzjoni tal-IHAT. Għalhekk, l-Awtorità qieset li l-profil tas-sikurezza tal-ikel ġdid u l-bijodisponibbiltà tas-sors tan-nutrijenti jistgħu jiġu affettwati u se jkollhom jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk jintużaw forom oħra ta’ supplimenti tal-ikel (eż. pilloli, pastilji, qratas tat-trabijiet, gummies, ġuleppijiet, eċċ.) waħedhom jew flimkien mal-adipat, mat-tartrat u mal-klorur tas-sodju jew ma’ sustanzi oħra għajr l-adipat, it-tartrat u l-klorur tas-sodju jew, jekk jintużaw sustanzi oħra fil-forom kapsulari tas-supplimenti tal-ikel. Għalhekk huwa xieraq li meta forom oħra ta’ supplimenti tal-ikel (eż. pilloli, pastilji, qratas tat-trabijiet, gummies, ġuleppijiet, eċċ.) jintużaw flimkien mal-adipat, mat-tartrat u mal-klorur tas-sodju jew flimkien ma’ sustanzi oħra, jew jekk jintużaw sustanzi oħra fis-supplimenti tal-ikel bil-forma kapsulari li fihom l-ikel ġdid, id-distribuzzjoni tad-daqs tal-partiċelli u l-istat tal-agglomerazzjoni tal-ikel ġdid jenħtieġ li jkunu f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet awtorizzati u li l-bijodisponibbiltà tal-ħadid jenħtieġ li tkun f’konformità mal-bijodisponibbiltà vvalutata mill-Awtorità fl-opinjoni xjentifika tagħha.

    (12)

    Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità għamlet l-osservazzjoni li l-konklużjoni tagħha dwar is-sikurezza tal-ikel il-ġdid kienet ibbażata fuq id-data xjentifika mit-test in vitro tal-mikronukleu taċ-ċelloli, mit-test in vitro tal-mutazzjoni ġenetika fuq ċelloli tal-mammiferi bl-użu tal-ġene timidina kinażi, u mill-istudju ta’ 90 jum dwar it-tossiċità orali fir-rodituri, li tinsab fil-fajl tal-applikant, u li mingħajrha ma setgħetx tivvaluta l-ikel il-ġdid u tasal għall-konklużjoni tagħha.

    (13)

    Il-Kummissjoni talbet lill-applikant jiċċara aktar il-ġustifikazzjoni pprovduta fir-rigward tal-pretensjoni proprjetarja tiegħu fuq dawk l-istudji u jiċċara l-pretensjoni tiegħu għad-dritt esklużiv ta’ referenza għalihom f’konformità mal-Artikolu 26(2)(b) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (14)

    L-applikant iddikjara li kellu drittijiet proprjetarji u esklużivi ta’ referenza għad-data xjentifika mit-test in vitro tal-mikronukleu taċ-ċelloli mammiferi, mit-test in vitro tal-mutazzjoni ġenetika fuq ċelloli tal-mammiferi bl-użu tal-ġene timidina kinażi, u mill-istudju ta’ 90 jum dwar it-tossiċità orali fir-rodituri fiż-żmien li ppreżentaw l-applikazzjoni, u li partijiet terzi ma jistgħux jaċċessaw, jużaw jew jirreferu b’mod legali għal dik id-data.

    (15)

    Il-Kummissjoni vvalutat l-informazzjoni kollha pprovduta mill-applikant u qieset li kien issostanzja biżżejjed it-twettiq tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għalhekk, id-data xjentifika mit-test in vitro tal-mikronukleu taċ-ċelloli tal-mammiferi, mit-test in vitro tal-mutazzjoni ġenetika fuq ċelloli tal-mammiferi bl-użu tal-ġene timidina kinażi u mill-istudju ta’ 90 jum dwar it-tossiċità orali fir-rodituri jenħtieġ li tiġi protetta f’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għaldaqstant jenħtieġ li l-applikant biss ikun awtorizzat iqiegħed l-IHAT fis-suq fl-Unjoni matul perjodu ta’ ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (16)

    Madankollu, ir-restrizzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-IHAT u tar-referenza għad-data xjentifika fil-fajl tal-applikant għall-użu tiegħu biss ma twaqqafx lil applikanti sussegwenti milli japplikaw għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-istess ikel ġdid, dment li l-applikazzjoni tagħhom tissejjes fuq informazzjoni miksuba legalment li tappoġġa t-tali awtorizzazzjoni.

    (17)

    IHAT huwa nanomaterjal maħdum kif definit fl-Artikolu 3(2)(f) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għalhekk huwa xieraq li l-ikel il-ġdid jenħtieġ li jiġi indikat b’mod ċar fil-lista tal-ingredjenti tal-oġġetti tal-ikel li fihom dan l-ikel segwit mill-kelma “nano” fil-parentesi, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    (18)

    Jenħtieġ li l-IHAT jiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470. Għalhekk jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan.

    (19)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-idrossidu tal-ħadid adipat tartrat hu awtorizzat li jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

    L-idrossidu tal-ħadid adipat tartrat għandu jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

    2.   L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Il-kumpanija “Nemysis Limited” (10) biss hija awtorizzata li tqiegħed fis-suq tal-Unjoni l-ikel il-ġdid imsemmi fl-Artikolu 1, għal perjodu ta’ ħames snin mit-28 ta’ Awwissu 2022, sakemm xi applikant sussegwenti ma jiksibx awtorizzazzjoni għal dak l-ikel il-ġdid mingħajr referenza għad-data xjentifika protetta skont l-Artikolu 3 jew bi qbil ma’ “Nemysis Limited”.

    Artikolu 3

    Id-data xjentifika li tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 ma għandhiex tintuża għall-benefiċċju ta’ applikant sussegwenti għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mingħajr qbil ma’ “Nemysis Limited”.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

    (3)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).

    (4)  Nemysis Limited (2019, mhux ippubblikat).

    (5)  Nemysis Limited (2019, mhux ippubblikat).

    (6)  Nemysis Limited (2019, mhux ippubblikat).

    (7)  EFSA Journal 2021;19(12):6935.

    (8)  EFSA Journal 2020;18(11):6268.

    (9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

    (10)  Indirizz: Suite 4.01 Ormond Building 31-36 Ormond Quay Upper Arran Quay Dublin 7, D07 F6DC Dublin, l-Irlanda.


    ANNESS

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

    1.

    fit-Tabella 1 (L-ikel il-ġdid awtorizzat), tiddaħħal l-entrata li ġejja:

    Ikel ġdid awtorizzat

    Kundizzjonijiet fejn jista’ jintuża l-ikel ġdid

    Rekwiżiti addizzjonali tat-tikkettar speċifiku

    Rekwiżiti oħra

    Protezzjoni tad-Data

    Idrossidu tal-ħadid adipat tartrat

    Kategorija tal-ikel speċifikat

    Livelli massimi

    Id-deżinjazzjoni tal-ikel il-ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun ‘idrossidu tal-ħadid adipat tartrat (nano)’

    It-tikketti tas-supplimenti tal-ikel li fihom l-idrossidu tal-ħadid adipat tartrat għandu jkollhom dikjarazzjoni li tgħid li dawn ma għandhomx jiġu kkunsmati mit-tfal u mill-adolexxenti taħt l-età ta’ 18/tfal taħt l-4 snin (*)

    (*)

    Skont il-grupp tal-età li jkun maħsub għalih is-suppliment tal-ikel.

     

    Awtorizzat nhar it-28.8.2022. Din l-inklużjoni hija bbażata fuq data xjentifika proprjetarja protetta f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    Applikant: Nemyses Limited, Suite 4.01 Ormond Building 31-36 Ormond Quay Upper Arran Quay Dublin 7, D07 F6DC, Dublin, l-Irlanda. Matul il-perjodu tal-protezzjoni tad-data, l-ikel ġdid “idrossidu tal-ħadid adipat tartrat” huwa awtorizzat għat-tqegħid fis-suq fl-Unjoni biss minn Nemyses Limited, sakemm applikant sussegwenti ma jiksibx l-awtorizzazzjoni għall-ikel ġdid mingħajr referenza għad-data xjentifika propretarja protetta f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/2283 jew bi qbil ma’ Nemyses Limited.

    Id-data ta’ tmiem il-protezzjoni tad-data: it-28.8.2027.”

    Is-supplimenti tal-ikel kif iddefiniti fid-Direttiva 2002/46/KE għall-popolazzjoni adulta.

    ≤ 100 mg/jum (≤ 30 mg Fe/jum)

    Supplimenti tal-ikel kif definiti fid-Direttiva 2002/46/KE għat-tfal u għall-adolexxenti taħt it-18-il sena, minbarra tfal taħt l-erba’ snin

    ≤ 50 mg/jum (≤ 14 mg Fe/jum)

    (2)

    fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), tiddaħħal l-entrata li ġejja:

    Ikel ġdid awtorizzat

    Speċifikazzjoni

    Idrossidu tal-ħadid adipat tartrat

    Deskrizzjoni/Definizzjoni:

    It-tartrat tal-adipat tal-idrossidu tal-ħadid (IHAT) huwa nanomaterjal maħdum mingħajr riħa f’forma ta’ trab li ma jinħallx fl-ilma u li huwa mmanifatturat permezz ta’ sinteżi kimika li tinvolvi serje ta’ passi li jinvolvu reazzjoni aċidu-bażi, preċipitazzjoni, filtrazzjoni, u tnixxif.

    Is-supplimenti tal-ikel li fihom l-ikel ġdid huma manifatturati f’forma kapsulari. Jintuża eċċess ta’ adipat, tartrat u klorur tas-sodju f’livelli li jirriżultaw mill-proċess tal-produzzjoni biex jgħinu jistabbilizzaw l-IHAT u jiżguraw id-distribuzzjoni awtorizzata tad-daqs tal-partikoli. Jekk forom oħra ta’ supplimenti tal-ikel (eż. pilloli, pastilji, qratas tat-trab, gummies, ġuleppijiet, eċċ.) jintużaw flimkien mal-adipat, mat-tartrat u mal-klorur tas-sodju jew flimkien ma’ sustanzi oħra, jew jekk jintużaw sustanzi oħra fis-supplimenti tal-ikel f’forma kapsulari li jkun fihom l-ikel ġdid, irid jiġi żgurat li tinżamm id-distribuzzjoni awtorizzata tad-daqs tal-partikoli tal-IHAT.

    Isem komuni

    Ossoidrossidu tal-ħadid adipat tartrat

    Ismijiet oħra

    Idrossidu tal-ħadid adipat tartrat, Ossoidrossidu tal-ħadid adipat tartrat

    Isem kummerċjali

    IHAT

    Nru CAS

    2460638-28-0

    Formula molekulari

    (ikkalkulata)

    FeOm(OH)n(H2O)x(C4H6O6)y(C6H10O4)z

    fejn: m u n mhumiex definiti, skont il-prattika aċċettata għall-ossoidrossidi tal-ħadid ferriku  (*1)

    x = 0,28–0,88

    y = 0,78–1,50

    z = 0,04–0,19

    L-aċidu tartariku (C4H6O6) u l-aċidu adipiku (C6H10O4) huma rrappreżentati fil-forma protonata tagħhom.

    Piż molekulari

    Piż molekolari medju: 35 803,4 Da (livell inferjuri-superjuri: 27 670,5 –45 319,4 Da)

    Karatteristiċi/Kompożizzjoni:

    Fiżiċi/kimiċi

    Ħadid (% ta’ materja niexfa): 24,0–36,0

    Adipat: (% ta’ materja niexfa): 1,5–4,5

    Tartrat: (% ta’ materja niexfa): 28,0–40,0

    Kontenut ta’ ilma (%): 10,0–21,0

    Sodju (% ta’ materja niexfa): 9,0–11,0

    Klorur (% ta’ materja niexfa): 2,6–4,2

    Distribuzzjoni tal-fażijiet

    Solubbli (%): 2,0–4,0

    Nano (%): 92,0–98,0

    Mikro (%): 0,0–3,0

    Daqs tal-partikoli primarji

    Dijametru medjan (1): 1,5–2,3 nm

    Dijametru medju (1): 1,8–2,8 nm

    Dv(10) (2): 1,5–2,5 nm

    Dv(50)  (2): 2,5–3,5 nm

    Dv(90)  (2): 5,0–6,0 nm

    Metalli tqal

    Arseniku: < 0,80 mg/kg

    Nikil: < 50,0 mg/kg

    Solvent residwi:

    Etanol: < 500 mg/kg

    Kriterji mikrobijoloġiċi

    Għadd totali ta’ mikrobi aerobiċi: < 10 CFU/g

    Total tal-għadd ta’ ħmira u moffa: < 10 CFU/g


    (*1)  Cornell RM and Schwertmann U, 2003. The Iron Oxides: Structure, Properties, Reactions, Occurences and Uses. 2nd Edition. Wiley. https://doi.org/10.1002/3527602097

    (1)  Ibbażat fuq in-numri (bil-Mikroskopija tal-Elettroni tat-Trażmissjoni (TEM));

    (2)  Ibbażat fuq il-volumi (dijametru idrodinamiku bid-Dispersjoni Dinamika tad-Dawl (DLS)); CFU: Colony Forming Units (Unitajiet li Jiffurmaw il-Kolonji).”


    Top