Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0718

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/718 tal-14 ta' Mejju 2018 dwar is-sospensjoni tal-kwalifika ta' Malta bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi fir-rigward tal-annimali bovini u li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/467/KE (notifikata bid-dokument C(2018) 2762) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2018/2762

    ĠU L 120, 16.5.2018, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/718/oj

    16.5.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 120/12


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/718

    tal-14 ta' Mejju 2018

    dwar is-sospensjoni tal-kwalifika ta' Malta bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi fir-rigward tal-annimali bovini u li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/467/KE

    (notifikata bid-dokument C(2018) 2762)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ tal-annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari l-paragrafu 5 tal-Anness A.I tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 64/432/KEE tapplika għall-kummerċ intra-Unjoni tal-annimali bovini. Hija tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom l-Istat Membru jista' jiġi ddikjarat uffiċjalment ħieles mit-tuberkulożi fir-rigward tal-annimali bovini, kif ukoll il-kundizzjonijiet biex tinżamm din il-kwalifika.

    (2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/467/KE (2) tipprevedi li l-Istati Membri elenkati fil-Kapitolu 1 tal-Anness I ikunu ddikjarati bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi fir-rigward tal-annimali bovini.

    (3)

    Malta kienet elenkata fil-Kapitolu 1 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/467/KE permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/448 (3).

    (4)

    F'Novembru 2017, Malta rrapportat tifqigħa ta' tuberkulożi tal-bovini kkonfermata mill-iżolazzjoni tal-M. bovis fl-eżami tal-laboratorju. Matul l-investigazzjonijiet ta' segwitu, annimali bovini minn merħla oħra rriżultaw pożittivi għat-test tat-tuberkulożi tal-bovini. Din it-tieni merħla kienet irċeviet annimali mill-każ tal-indiċi.

    (5)

    Malta ħadet il-miżuri stabbiliti fl-Anness A.I tad-Direttiva 64/432/KEE u b'mod partikolari rtirat il-kwalifika ta' uffiċjalment ħielsa tal-ewwel merħla u ssospendiet il-kwalifika tat-tieni merħla. Sussegwentement, Malta ma tistax tibqa' tikkonforma mal-kriterji għaż-żamma tal-kwalifika ta' uffiċjalment ħielsa fil-każ tat-tuberkulożi tal-bovini kif stipulat fil-paragrafu 4 tal-Anness A.I tad-Direttiva 64/432/KEE; barra minn hekk, is-sors tal-infezzjoni baqa' ma ġiex konkluż.

    (6)

    Wara t-tagħrif minn Malta dwar it-tuberkulożi tal-bovini, il-Kummissjoni tqis li hemm evidenza ta' bidla sinifikanti fis-sitwazzjoni fir-rigward tat-tuberkulożi tal-bovini f'dak l-Istat Membru.

    (7)

    Għaldaqstant, il-kwalifika ta' uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi tal-bovini ta' Malta jenħtieġ li jiġi sospiż sakemm ir-riżultati tat-testijiet ta' sorveljanza u l-investigazzjonijiet epidjemoloġiċi juru li t-tifqigħat huma kkontrollati, il-miżuri huma applikati skont il-paragrafu 4(b), (c) u (d) tal-Anness A.I tad-Direttiva 64/432/KEE, u l-persentaġġ ta' annimali bovini kkonfermati bħala infettati bit-tuberkulożi ma jkunx qabel iż-0,1 % tal-merħliet kollha għal perjodu kontinwu ta' 12-il xahar, li fi tmiemu, minn tal-anqas 99,9 % tal-annimali bovini jenħtieġ li jkunu kisbu l-kwalifika ta' uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi.

    (8)

    Għaldaqstant, l-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/467/KE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-kwalifika ta' Malta bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi fir-rigward tal-annimali bovini għandu jiġi sospiż.

    2.   Sabiex terġa' tikseb il-kwalifika bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi fir-rigward l-annimali bovini, Malta għandha tkun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4(b), (c) u (d) tal-Anness A.I tad-Direttiva 64/432/KEE jibqgħu jiġu ssodisfati;

    (b)

    l-annimali bovini kollha jkunu ġew soġġetti għal ittestjar għat-tuberkulożi tal-bovini skont il-proċeduri stipulati fil-paragrafu 1 tal-Anness A.I tad-Direttiva 64/432/KEE;

    (c)

    il-persentaġġ tal-annimali bovini kkonfermati li huma infettati bit-tuberkulożi ma jkunx qabeż iż-0,1 % tal-merħliet kollha matul perjodu kontinwu ta' 12-il xahar;

    (d)

    fi tmiem il-perjodu ta' 12-il xahar imsemmi fil-punt (c), minn tal-inqas 99,9 % tal-annimali bovini jkunu kisbu il-kwalifika bħala uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi.

    Artikolu 2

    L-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/467/KE hu emendat skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Mejju 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/467/KE tat-23 ta' Ġunju 2003 li tistabbilixxi l-kwalifika ta' uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi, bruċellożi u lewkożi bovina enzootika ta' xi Stati Membri u reġjuni fl-Istati Membri rigward annimali bovini (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 74).

    (3)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/448 tat-23 ta' Marzu 2016 li temenda l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2003/467/KE b'rabta mal-kwalifika ta' uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi u mill-bruċellożi ta' Malta fir-rigward tal-merħliet bovini (ĠU L 78, 24.3.2016, p. 78).


    ANNESS

    Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/467/KE, il-Kapitolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    “KAPITOLU 1

    Stati Membri uffiċjalment ħielsa mit-tuberkulożi

    Kodiċi ISO

    Stat Membru

    BE

    Il-Belġju

    CZ

    Ir-Repubblika Ċeka

    DK

    Id-Danimarka

    DE

    Il-Ġermanja

    EE

    L-Estonja

    FR

    Franza

    LV

    Il-Latvja

    LT

    Il-Litwanja

    LU

    Il-Lussemburgu

    HU

    L-Ungerija

    NL

    In-Netherlands

    AT

    L-Awstrija

    PL

    Il-Polonja

    SI

    Is-Slovenja

    SK

    Is-Slovakkja

    FI

    Il-Finlandja

    SE

    L-Iżvezja”.


    Top