This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R0355
Regulation (EU) 2017/355 of the European Parliament and of the Council of 15 February 2017 on certain procedures for applying the Stabilisation and Association Agreement between the European Union and the European Atomic Energy Community, of the one part, and Kosovo * of the other part
Regolament (UE) 2017/355 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 dwar ċerti proċeduri għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo * min-naħa l-oħra
Regolament (UE) 2017/355 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 dwar ċerti proċeduri għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo * min-naħa l-oħra
ĠU L 57, 3.3.2017, p. 59–62
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
3.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 57/59 |
REGOLAMENT (UE) 2017/355 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-15 ta’ Frar 2017
dwar ċerti proċeduri għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo (*1) min-naħa l-oħra
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo (*1), min-naħa l-oħra (2), (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fis-27 ta’ Ottubru 2015. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2016. |
(2) |
Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim, kif ukoll il-proċeduri għall-adozzjoni ta’ regoli ddettaljati ta’ implimentazzjoni. |
(3) |
Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Ftehim, jinħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jinħtieġ li dawn is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). F’konformità ma’ dak ir-Regolament, il-proċedura ta’ eżami tapplika, b’mod partikolari, għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni relatati mal-politika kummerċjali komuni. Madankollu, il-proċedura konsultattiva tista’ tapplika f’każijiet debitament ġustifikati. Fejn il-Ftehim jipprovdi l-possibbiltà, f’ċirkostanzi eċċezzjonali u kritiċi, li jiġu applikati minnufih miżuri meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni, jinħtieġ li l-Kummissjoni tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni immedjatament. Jinħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu immedjatament applikabbli fejn, f’każijiet debitament ġustifikati relatati ma’ miżuri li jikkonċernaw prodotti agrikoli u tas-sajd, hekk ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza. |
(4) |
Il-Ftehim jistipula li ċerti prodotti agrikoli u tas-sajd li joriġinaw mill-Kosovo jistgħu jiġu importati fl-Unjoni b’dazju doganali mnaqqas, fil-limiti tal-kwoti tariffarji. Għalhekk, hu meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ġestjoni u r-rieżami ta’ dawk il-kwoti tariffarji sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni bir-reqqa tagħhom. |
(5) |
Fejn ikunu meħtieġa miżuri għad-difiża tal-kummerċ, jinħtieġ li dawn jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew, jekk ikun il-każ, ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
(6) |
Fejn Stat Membru jipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ frodi jew nuqqas milli tiġi pprovduta kooperazzjoni amministrattiva, għandha tapplika l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 (7). |
(7) |
Dan ir-Regolament fih miżuri ta’ implimentazzjoni għall-Ftehim, u għalhekk jinħtieġ li japplika mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Is-suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-adozzjoni ta’ regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo (*1), min-naħa l-oħra (il-‘Ftehim’).
Artikolu 2
Konċessjonijiet fir-rigward tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd
Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 31 tal-Ftehim, li jikkonċerna l-kwoti tariffarji għall-ħut u għall-prodotti tas-sajd, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12(3) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Tnaqqis tariffarju
1. Soġġett għall-paragrafu 2, ir-rati ta’ dazju preferenzjali għandhom jitnaqqsu għad-dritt sal-ewwel post deċimali.
2. Ir-rata preferenzjali għandha titqies bħala eżenzjoni sħiħa fejn ir-riżultat tal-kalkolu tar-rata ta’ dazju preferenzali f’konformita’ mal-paragrafu 1 ikun wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) |
1 % jew inqas fil-każ ta’ dazji ad valorem; |
(b) |
EUR 1 jew inqas għal kull ammont individwali fil-każ ta’ dazji speċifiċi. |
Artikolu 4
Adattamenti tekniċi
Il-Kummissjoni għandha tadotta emendi u adattamenti tekniċi għad-dispożizzjonijiet adottati skont dan ir-Regolament li jkunu meħtieġa wara t-tibdiliet fil-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda u fis-subdiviżjonijiet tat-Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej jew tibdiliet derivanti mill-konklużjoni ta’ ftehimiet, protokolli, skambji ta’ ittri jew atti oħra ġodda jew modifikati bejn l-Unjoni u l-Kosovo, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12(3) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Klawżola ta’ salvagwardja ġenerali
Fejn l-Unjoni jkollha tieħu miżura kif previst fl-Artikolu 43 tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tadotta dik il-miżura permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12(3) ta’ dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-Artikolu 43 tal-Ftehim.
Artikolu 6
Klawżola ta’ nuqqas
Fejn l-Unjoni jkollha tieħu miżura kif prevista fl-Artikolu 44 tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tadotta dik il-miżura permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12(3) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Ċirkostanzi eċċezzjonali u kritiċi
Fejn jinqalgħu ċirkostanzi eċċezzjonali u kritiċi fis-sens tal-Artikolu 43(5)(b) u l-Artikolu 44(4) tal-Ftehim, il-Kummissjoni tista’ tieħu miżuri li jkunu immedjatament applikabbli kif previst fl-Artikoli 43 u 44 tal-Ftehim, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(4) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 8
Klawżola ta’ salvagwardja għal prodotti agrikoli u tas-sajd
1. Minkejja l-proċeduri previsti fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament, fejn l-Unjoni jkollha tieħu miżura kif previst fl-Artikolu 34 jew 43 tal-Ftehim, dwar prodotti agrikoli u tas-sajd, il-Kummissjoni għandha, fuq talba minn Stat Membru jew bl-inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi dwar il-miżuri meħtieġa wara li, fejn ikun applikabbli, tkun irrikorriet għall-proċedura ta’ riferiment prevista fl-Artikolu 43 tal-Ftehim. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12(3) ta’ dan ir-Regolament.
Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu debitament ġustifikati, inkluż il-każ imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu immedjatament applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(4) ta’ dan ir-Regolament.
2. Jekk il-Kummissjoni tirċievi t-talba msemmija fil-paragrafu 1 mingħand Stat Membru, hija għandha tieħu deċiżjoni dwarha:
(a) |
fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol minn meta tasal it-talba, fejn il-proċedura ta’ riferiment prevista fl-Artikolu 43 tal-Ftehim ma tapplikax; jew |
(b) |
fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol mit-tmiem tal-perjodu ta’ 30 jum imsemmi fl-Artikolu 43(5)(a) tal-Ftehim, fejn tkun tapplika l-proċedura ta’ riferiment prevista fl-Artikolu 43 tal-Ftehim. |
Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill bil-miżuri li fuqhom tkun ħadet deċiżjoni.
Artikolu 9
Dumping u sussidji
Fil-każ ta’ prattika li tista’ twassal lill-Unjoni biex tieħu l-miżuri previsti fl-Artikolu 42(2) tal-Ftehim, l-introduzzjoni ta’ miżuri antidumping jew miżuri kompensatorji, jew tat-tnejn li huma, għandha tiġi deċiża skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1036 u fir-Regolament (UE) 2016/1037, rispettivament.
Artikolu 10
Kompetizzjoni
1. Fil-każ ta’ prattika li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala mhux kompatibbli mal-Artikolu 75 tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha, wara li teżamina l-każ bl-inizjattiva tagħha stess jew wara li ssir talba minn Stat Membru, tiddeċiedi dwar il-miżura adatta prevista fl-Artikolu 75 tal-Ftehim.
Il-miżuri previsti fl-Artikolu 75(9) tal-Ftehim għandhom jiġu adottati fil-każijiet ta’ għajnuna f’konformita’ mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1037.
2. Fil-każ ta’ prattika li tista’ twassal għall-applikazzjoni ta’ miżuri lill-Unjoni mill-Kosovo fuq il-bażi tal-Artikolu 75 tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha, wara li teżamina l-każ, tiddeċiedi jekk il-prattika tkunx kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummisjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet xierqa fuq il-bażi ta’ kriterji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli 101, 102 u 107 tat-Trattat.
Artikolu 11
Frodi jew nuqqas ta’ kooperazzjoni amministrattiva
1. Fejn il-Kummissjoni, abbażi ta’ informazzjoni pprovduta minn xi Stat Membru jew bl-inizjattiva tagħha stess, issib li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Ftehim huma sodisfatti, hija għandha, mingħajr dewmien żejjed:
(a) |
tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill; u |
(b) |
tinnotifika lill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bis-sejba tagħha flimkien mal-informazzjoni oġġettiva li fuqha hija bbażata, u tidħol f’konsultazzjonijiet fil-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. |
2. Kwalunkwe pubblikazzjoni li ssir skont l-Artikolu 48(5) tal-Ftehim għanda ssir mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
3. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li tissospendi temporanjament it-trattament preferenzjali rilevanti tal-prodotti kif previst fl-Artikolu 48(4) tal-Ftehim. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 12(3) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 12
Proċedura ta’ kumitat
1. Għall-finijiet tal-Artikoli 2, 4 u 11 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar il-Kodiċi Doganali stabbilit mill-Artikolu 285 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Għall-finijiet tal-Artikoli 5 sa 8 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit bl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/478. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
4. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8(1) sa (4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
Artikolu 13
Notifika
Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’isem l-Unjoni, għandha tkun responsabbli għan-notifiki lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u lill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, rispettivament, kif meħtieġ mill-Ftehim.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ April 2016.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Frar 2017.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
I. BORG
(*1) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(1) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Jannar 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2017.
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(4) Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).
(5) Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).
(6) Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).