This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017D0145
Commission Decision (EU) 2017/145 of 25 January 2017 on the maintenance with a restriction in the Official Journal of the European Union of the reference of harmonised standard EN 14904:2006 ‘Surfaces for sport areas — Indoor surfaces for multi-sports use: Specification’ in accordance with Regulation (EU) No 305/2011 of the European Parliament and of the Council (Text with EEA relevance. )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/145 tal-25 ta' Jannar 2017 dwar iż-żamma b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 14904:2006 “Superfiċji għal spazji għall-isport — Superfiċji fuq ġewwa li jintużaw għal aktar minn sports wieħed: Speċifikazzjoni” skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/145 tal-25 ta' Jannar 2017 dwar iż-żamma b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 14904:2006 “Superfiċji għal spazji għall-isport — Superfiċji fuq ġewwa li jintużaw għal aktar minn sports wieħed: Speċifikazzjoni” skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2017/0293
ĠU L 22, 27.1.2017, pp. 62–64
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
27.1.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 22/62 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/145
tal-25 ta' Jannar 2017
dwar iż-żamma b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 14904:2006 “Superfiċji għal spazji għall-isport — Superfiċji fuq ġewwa li jintużaw għal aktar minn sports wieħed: Speċifikazzjoni” skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011, l-istandards armonizzati previsti fl-Artikolu 17 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sistema armonizzata stabbiliti f'dan ir-Regolament jew permezz tiegħu. |
|
(2) |
F'Marzu tal-2006, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) adotta l-istandard armonizzat EN 14904:2006 “Superfiċji għal spazji għall-isport — Superfiċji fuq ġewwa li jintużaw għal aktar minn sports wieħed: Speċifikazzjoni”. Ir-referenza tal-istandard ġiet ippubblikata sussegwentement f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
|
(3) |
Fil-21 ta' Awwissu 2015, il-Ġermanja nediet oġġezzjoni formali fir-rigward tal-istandard armonizzat EN 14904:2006. L-oġġezzjoni formali rreferiet għan-Nota 1 tal-Anness ZA.1 ta' dak l-istandard, rigward il-metodi u l-kriterji ta' valutazzjoni għal sustanzi perikolużi oħrajn minbarra l-formaldeid jew il-pentaklorofenol (PCP), u talbet għat-tneħħija tar-referenza tal-istandard minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew, inkella, restrizzjoni li teskludi n-Nota 1 tal-Anness ZA.1 ta' dak l-istandard mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dik ir-referenza. |
|
(4) |
Skont il-Ġermanja, dak l-istandard ma fihx metodi armonizzati għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini inkwistjoni b'rabta mal-karatteristika essenzjali tas-sustanzi perikolużi, fir-rigward ta' sustanzi perikolużi oħrajn minbarra l-formaldeid jew il-pentaklorofenol (PCP). Fil-fatt, in-Nota 1 tal-Anness ZA.1 ta' dak l-istandard tiddikjara li fir-rigward tas-sustanzi perikolużi jistgħu japplikaw rekwiżiti addizzjonali, inklużi liġijiet nazzjonali, għall-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-istandard, u li meta jkun applikabbli jridu jiġu segwiti kollha. Il-Ġermanja enfasizzat li l-unika klawsoli speċifiċi fir-rigward tas-sustanzi perikolużi f'dak l-istandard (il-Klawsoli 5.5 u 5.6) jikkonċernaw il-formaldeid jew il-pentaklorofenol (PCP). |
|
(5) |
Il-Ġermanja kkunsidrat li dan in-nuqqas jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, minħabba li l-istandard inkwistjoni ma ssodisfax għalkollox ir-rekwiżiti stabbiliti fil-mandat rilevanti kif previst fl-Artikolu 18. |
|
(6) |
Barra minn hekk, il-Ġermanja enfasizzat l-importanza ta' trattament xieraq tar-rilaxxi ta' sustanzi perikolużi oħrajn bħal dawn, b'mod partikolari l-komposti organiċi volatili (KOV), fi ħdan l-istandards armonizzati b'mod partikolari għall-prodotti inkwistjoni. |
|
(7) |
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Ġermanja talbet għat-tneħħija tar-referenza ta' dan l-istandard, jew inkella għar-restrizzjoni tagħha billi tiġi eskluża n-Nota 1 tal-Anness ZA.1 mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw dispożizzjonijiet nazzjonali għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni fir-rigward tal-karatteristika essenzjali inkwistjoni, fir-rigward tar-rilaxx ta' sustanzi perikolużi oħrajn minbarra l-formaldeid jew il-pentaklorofenol (PCP). |
|
(8) |
Meta tiġi vvalutata l-ammissibilità tat-talbiet imressqa, jenħtieġ li jiġi ddikjarat li jekk it-talba alternattiva tal-Ġermanja kellha tinftiehem bħala li tikkostitwixxi talba separata bl-għan li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimplimentaw dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali, talba bħal din ma kinitx tiffoka fuq il-kontenut ta' EN 14904:2006, u għaldaqstant jenħtieġ li titqies inammissibbli. Madankollu, minħabba li l-kliem tat-talba b'mod ċar qed jirreferi direttament għar-restrizzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-referenza ta' dak l-istandard, jenħtieġ li d-dikjarazzjonijiet tal-Ġermanja dwar il-konsegwenzi ta' restrizzjoni bħal din jitqiesu biss bħala partijiet tal-argumentazzjoni mogħtija fi ħdan l-oġġezzjoni formali u għaldaqstant ma jitqisux separati. |
|
(9) |
Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, l-istandards armonizzati għandhom jipprovdu l-metodi u l-kriterji għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti koperti minnhom fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tagħhom. Kif affermat il-Ġermanja, in-Nota 1 tal-Anness ZA.1 ta' EN 14904:2006 tippreżenta biss referenza għar-rekwiżiti nazzjonali fis-seħħ. F'dan ir-rigward, EN 14904:2006 mhuwiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011. |
|
(10) |
Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (3) tindika li l-Istati Membri mhumiex intitolati jimplimentaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni b'rabta ma' kwalunkwe karatteristika essenzjali lil hinn minn dak li hemm fl-istandards armonizzati, fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu tal-prodotti għall-bini koperti minnhom. Għaldaqstant, il-kontenut ta' EN 14904:2006 huwa wkoll f'kunflitt ma' dawk il-prinċipji. |
|
(11) |
Għaldaqstant u fid-dawl tal-fatt li r-Regolamenti huma applikabbli direttament, jenħtieġ li n-Nota 1 tal-Anness ZA.1 ta' EN 14904:2006 ma tiġix applikata, irrispettivament mill-eżitu ta' din il-proċedura formali ta' oġġezzjoni. |
|
(12) |
Madankollu, minħabba li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (4) tikkonferma n-natura eżawrjenti tas-sistema armonizzata stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 305/2011 jew permezz tiegħu, l-invalidità tan-Nota 1 tal-Anness ZA.1 ta' EN 14904:2006 ma timplikax li l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni fir-rigward tal-karatteristika essenzjali tas-sustanzi perikolużi, fir-rigward tar-rilaxx ta' sustanzi perikolużi oħrajn minbarra l-formaldeid jew il-pentaklorofenol (PCP). |
|
(13) |
Abbażi tal-kontenut ta' EN 14904:2006 kif ukoll tal-informazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja, mill-Istati Membri l-oħrajn, mis-CEN u mill-industrija, u wara li ġew ikkonsultati l-kumitati stabbiliti bl-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 u bl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jenħtieġ li jiġi nnotat li ma ġiet espressal-ebda oġġezzjoni sostanzjali kontra l-pubblikazzjoni kontinwa tar-referenza ta' dak l-istandard f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-esklużjoni tan-Nota 1 tal-Anness ZA.1 mill-kamp ta' applikazzjoni tar-referenza ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qajmet tħassib abbażi tal-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħallikieku tħalli lill-Istati Membri jistabbilixxu rekwiżiti li jillimitaw iċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' dawk il-prodotti, jekk jieħdu l-pożizzjoni li s-sikurezza ta' prodott mhijiex żgurata biżżejjed. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja stess diġà ddikjarat li interpretazzjoni bħal din se toħloq dubju dwar l-effettività [(“effet utile”)] tal-armonizzazzjoni f'dan il-qasam (6). |
|
(14) |
Għaldaqstant jenħtieġ li n-natura allegatament inkompleta ta' dak l-istandard ma tkunx meqjusa bħala raġuni biżżejjed sabiex tiġi aċċettata l-ewwel talba tal-Ġermanja, jiġifieri t-tneħħija kompleta tar-referenza tal-istandard EN 14904:2006 minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant jenħtieġ li dik it-talba tiġi miċħuda. |
|
(15) |
Għat-talba alternattiva dwar ir-restrizzjoni tar-referenza billi tiġi eskluża n-Nota 1 tal-Anness ZA.1 mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, l-ewwel nett jenħtieġ li jiġi mfakkar li, kif diġà ntwera, dik il-klawsola ma għandhiex tiġi applikata, irrispettivament mill-eżitu ta' din il-proċedura formali ta' oġġezzjoni. Madankollu, għal raġunijiet ta' ċarezza, huwa meħtieġ li dik il-klawsola invalida tiġi eskluża mir-referenza. |
|
(16) |
Għaldaqstant jenħtieġ li r-referenza ta' EN 14904:2006 tinżamm, imma hemm bżonn li tiġi introdotta restrizzjoni li teskludi n-Nota 1 tal-Anness ZA.1 ta' dak l-istandard mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI
Artikolu 1
Ir-referenza tal-istandard armonizzat EN 14904:2006 “Superfiċji għal spazji għall-isport — Superfiċji fuq ġewwa li jintużaw għal aktar minn sports wieħed: Speċifikazzjoni” għandha tinżamm b'restrizzjoni.
Il-Kummissjoni għandha żżid ir-restrizzjoni li ġejja fil-lista ta' referenzi tal-istandards armonizzati ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea: “In-Nota 1 tal-Anness ZA.1 tal-istandard EN 14904:2006 hija eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni tar-referenza ppubblikata”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Jannar 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU C 304, 13.12.2006, p. 1). L-aktar pubblikazzjoni riċenti: Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU C 398, 28.10.2016, p. 7).
(3) Ara b'mod partikolari l-paragrafu 55 tas-sentenza tal-QĠE dwar il-kawża C-100/13 (Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja).
(4) Ara l-paragrafu 62 tas-sentenza tal-QĠE dwar il-kawża C-100/13 (Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).
(6) Ara l-paragrafu 60 tas-sentenza tal-QĠE dwar il-kawża C-100/13 (Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja).