Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0138

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/138 tad- 29 ta' Jannar 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

    ĠU L 24, 30.1.2015, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/138/oj

    30.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 24/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/138

    tad-29 ta' Jannar 2015

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK tal-5 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014 (2) jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2014/119/PESK u jipprevedi l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni identifikati bħala responsabbli għall-miżapproprijazzjoni ta' fondi tal-Istat tal-Ukrajna u ta' persuni li huma responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.

    (2)

    Fid-29 ta' Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/143 (3) li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK u tiċċara l-kriterji ta' deżinjazzjoni għall-iffriżar ta' fondi mmirati lejn persuni identifikati li huma responsabbli għall-miżapproprijazzjoni ta' fondi tal-Istat tal-Ukrajna.

    (3)

    Dik l-emenda taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, b'mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi implimentata. Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 208/2014 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    F-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 208/2014, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, persuni identifikati bħala responsabbli għall-miżapproprijazzjoni ta' fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludi persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

    (a)

    għall-miżapproprijazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f'tali misapproprjazzjoni; jew

    (b)

    għall-abbuż tal-uffiċċju bħala detentur ta' pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza u li b'hekk jikkawża telf ta' fondi pubbliċi jew assi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f'tali abbuż.”

    .

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Jannar 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  ĠU L 66, 6.3.2014, p. 26.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 208/2014 tal-5 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 66, 6.3.2014, p. 1).

    (3)  Ara l-paġna 16 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top