This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R1143
Regulation (EU) No 1143/2014 of the European Parliament and of the Council of 22 October 2014 on the prevention and management of the introduction and spread of invasive alien species
Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi
Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi
ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35–55
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/12/2019
4.11.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 317/35 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1143/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-22 ta' Ottubru 2014
dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Il-feġġ ta' speċijiet aljeni, sew jekk ta' annimali, pjanti, fungi jew ta' mikroorganiżmi, f'postijiet ġodda mhux dejjem jikkawża tħassib. Madankollu, sottokategorija sinifikanti ta' speċijiet aljeni tista' ssir invażiva u jkollha impatt negattiv serju fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema relatati magħha, kif ukoll ikollha impatti soċjali u ekonomiċi oħrajn, li għandhom jiġu prevenuti. Madwar 12 000 speċi fl-ambjent fl-Unjoni u f'pajjiżi Ewropej oħra hija aljena, u minnhom huwa stmat li madwar 10 sa 15% huma invażivi. |
(2) |
L-ispeċijiet aljeni invażivi jirrappreżentaw waħda mit-theddidiet ewlenin għall-bijodiversità u s-servizzi relatati tal-ekosistema, speċjalment f'ekosistemi iżolati mil-lat ġeografiku u mil-lat evoluzzjonarju, bħal gżejjer żgħar. Ir-riskji imposti minn dawn l-ispeċijiet jistgħu jikbru minħabba iktar kummerċ globali, trasport, turiżmu u t-tibdil fil-klima. |
(3) |
It-theddida imposta mill-ispeċijiet aljeni invażivi għall-bijodiversità u għas-servizzi relatati tal-ekosistema tieħu xejriet differenti, inklużi impatti severi fuq speċijiet nattivi u l-istruttura u l-funzjoni tal-ekosistema b'tibdil tal-ħabitat, il-predazzjoni, il-kompetizzjoni, it-trażmissjoni tal-mard, is-sostituzzjoni ta' speċijiet nattivi f'parti konsiderevoli f'termini ta' firxa u minħabba effetti ġenetiċi tal-ibridazzjoni. Barra minn hekk, l-ispeċijiet aljeni invażivi jista' jkollhom ukoll impatt negattiv konsiderevoli fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ekonomija. Huma biss l-eżemplari ħajjin, u partijiet li jistgħu jirriproduċu, li jirrappreżentaw theddida għall-bijodiversità u s-servizzi relatati tal-ekosistema, għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ekonomija, u għalhekk dawk biss għandhom ikunu soġġetti għar-restrizzjonijiet taħt dan ir-Regolament. |
(4) |
L-Unjoni, bħala Parti għall-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE (3), hi marbuta mill-Artikolu 8(h) ta' dik il-Konvenzjoni, li taħthom kull Parti għandha, kemm jista' jkun u fejn xieraq, 'timpedixxi d-dħul ta’, tikkontrolla jew teqred dawk l-ispeċijiet aljeni li jheddu lil ekosistemi, ambjenti jew speċijiet'. |
(5) |
L-Unjoni, bħala Parti għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni ta' Annimali Slavaġ u Ambjenti Naturali Ewropej, approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE (4), impenjat ruħha li tieħu l-miżuri adatti kollha biex tiżgura l-konservazzjoni tal-ħabitats tal-ispeċijiet ta' flora u fawna selvaġġi. |
(6) |
Biex jgħin jinkisbu l-għanijiet tad-Direttivi 2000/60/KE (5), 2008/56/KE (6) u 2009/147/KE (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttiva 92/43/KEE tal-Kunsill (8), dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, minimizzazzjoni u mitigazzjoni tal-effetti negattivi tal-ispeċijiet aljeni invażivi fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema relatati u fuq is-saħħa tal-bniedem u s-sigurtà, kif ukoll biex jitnaqqas l-impatt soċjali u ekonomiku tagħhom. |
(7) |
Ċerti speċijiet jemigraw b'mod naturali bħala rispons għal bidliet ambjentali. Dawn m'għandhomx jitqiesu bħala speċijiet aljeni fl-ambjent il-ġdid tagħhom u għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu jiffoka biss fuq speċijiet introdotti fl-Unjoni bħala konsegwenza tal-intervent tal-bniedem. |
(8) |
Attwalment hemm aktar minn 40 att leġiżlattiv tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali li jinkludu dispożizzjonijiet dwar mard tal-annimali. Barra minn hekk, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (9) tinkludi dispożizzjonijiet dwar organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti, u d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) li tistabbilixxi r-reġim applikabbli għall-organiżmi modifikati ġenetikament. Għaldaqstant, kwalunkwe regola ġdida dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi għandha tiġi allinjata ma' dawk l-atti leġiżlattivi u mhux tidduplikahom, tal-Unjoni u m'għandhiex tapplika għall-organiżmi fil-mira ta' dawk l-atti leġiżlattivi. |
(9) |
Ir-Regolamenti (KE) Nru 1107/2009 (11) u (UE) Nru 528/2012 (12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 (13) jipprevedu reġoli rigward l-awtorizzazzjoni għall-użu ta' ċerti speċijiet aljeni għal-finijiet partikolari. L-użu ta’ ċerti speċijiet kien diġà awtorizzat taħt dawk ir-reġimi meta daħal fis-seħħ dan ir-Regolament. Sabiex ikun żgurat qafas legali koerenti, l-ispeċijiet użati għal dawk il-finijiet għandhom għalhekk jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. |
(10) |
Minħabba li hemm għadd kbir ta' speċijiet aljeni invażivi, huwa importanti li jiġi żgurat li tingħata prijorità għall-indirizzar tas-sottokategorija ta' speċijiet aljeni invażivi li jitqiesu li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni. Għaldaqstant għandha tiġi stabbilita, u għandha tiġi aġġornata regolarment, lista ta' dawn l-ispeċijiet aljeni invażivi li jitqiesu li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni ('il-lista tal-Unjoni'). Speċi aljena invażiva għandha titqies li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni jekk il-ħsara li hija tikkawża fl-Istati Membri milquta hija tant sinifikanti li tiġġustifika l-adozzjoni ta' miżuri ddedikati applikati madwar l-Unjoni kollha, inkluż fi Stati Membri li ma jkunux għadhom intlaqtu jew li aktarx ma jintlaqtux. Sabiex jiġi żgurat li l-identifikazzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni tibqa' proporzjonata, il-lista tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita u gradwalment aġġornata u tkun iffokata fuq dawk l-ispeċijiet li l-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-Unjoni, tevita, timminimizza jew ittaffi l-impatt negattiv ta' dawk l-ispeċijiet b'mod kosteffiċjenti. Billi speċijiet fl-istess grupp tassonomiku sikwit ikollhom ħtiġijiet ekoloġiċi simili u jistgħu jippreżentaw riskju simili, l-inklużjoni ta' gruppi tassonomiċi ta' speċijiet fil-lista tal-Unjoni għandha tkun permessa, fejn ikun il-każ. |
(11) |
Il-kriterji għall-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni huma l-istrument prinċipali għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Sabiex jiġi żgurat l-użu effettiv tar-riżorsi, dawk il-kriterji għandhom jiżguraw li, fost l-ispeċijiet aljeni invażivi potenzjali magħrufin attwalment, jiġu elenkati dawk li jkollhom l-aktar impatt negattiv sinifikanti. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-kumitat stabbilit minn dan ir-Regolament proposta għal lista tal-Unjoni li tkun ibbażata fuq dawk il-kriterji fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Meta tipproponi l-lista tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lil dak il-kumitat dwar kif hija ħadet kont ta' dawk il-kriterji. Il-kriterji għandhom jinkludu valutazzjoni tar-riskju skont id-dispożizzjonijiet applikabbli taħt il-Ftehimiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar it-tqegħid ta' restrizzjonijiet fuq il-kummerċ tal-ispeċijiet. |
(12) |
Sabiex jiġu evitati spejjeż sproporzjonati jew eċċessivi għal kwalunkwe Stat Membru u sabiex jiġi ssalvagwardjat il-valur miżjud tal-azzjoni tal-Unjoni permezz ta' dan ir-Regolament, meta tipproponi l-lista tal-Unjoni u l-miżuri konsegwenzjali, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-ispiża tal-implimentazzjoni għall-Istati Membri, l-ispiża relatata man-nuqqas ta' azzjoni, il-kosteffettività u l-aspetti soċjoekonomiċi,. F'dan il-kuntest, meta jintgħażlu l-ispeċijiet aljeni invażivi li għandhom jiġu inklużi fil-lista tal-Unjoni, għandha tingħata attenzjoni speċjali lil speċijiet li huma użati ħafna u li jipprovdu benefiċċji soċjali u ekonomiċi sinifikattivi fi Stat Membru, mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi ta' dan ir-Regolament. |
(13) |
Sabiex tkun żgurata l-konformità mar-regoli taħt il-Ftehimiet rilevanti tad-WTO u l-applikazzjoni koerenti ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu stabbiliti kriterji komuni biex titwettaq il-valutazzjoni tar-riskju. Fejn ikun il-każ, dawk il-kriterji għandhom ikunu bbażati fuq standards nazzjonali u internazzjonali eżistenti adatti u għandhom jinkludu aspetti differenti tal-karatteristiċi tal-ispeċijiet, ir-riskju u l-metodi tal-introduzzjoni fl-Unjoni, l-impatt negattiv fuq is-soċjetà, l-ekonomija u l-bijodiversità ta' dawn l-ispeċijiet, il-benefiċċji potenzjali tal-użu u l-ispejjeż marbutin mal-mitigazzjoni sabiex jitqabblu mal-impatti negattivi, kif ukoll fuq valutazzjoni tal-ispejjeż potenzjali tad-dannu ambjentali, soċjali u ekonomiku li turi s-sinifikat għall-Unjoni, sabiex l-azzjoni tkun aktar ġustifikata. Sabiex is-sistema tkun żviluppata progressivament u tibni fuq l-esperjenza miksuba, l-approċċ ġenerali għandu jkun evalwat sal-1 ta' Ġunju 2021. |
(14) |
Ċerti speċijiet aljeni invażivi huma inklużi fl-Anness B tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (14), u l-importazzjoni tagħhom fl-Unjoni hi projbita peress li tkun ġiet rikonoxxuta n-natura invażiva tagħhom u l-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni jkollha impatt negattiv fuq l-ispeċijiet nattivi. Dawk l-ispeċijiet huma: Callosciurus erythraeus, Sciurus carolinensis, Oxyura jamaicensis, Lithobates (Rana) catesbeianus, Sciurus niger, Chrysemys picta, Trachemys scripta elegans. Sabiex ikun żgurat qafas legali koerenti u regoli uniformi dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi fil-livell tal-Unjoni, l-elenkar fil-lista ta' dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni għandu jitqies bħala kwistjoni ta' prijorità. |
(15) |
Ġeneralment, mill-perspettiva ambjentali, il-prevenzjoni hi aktar mixtieqa u kosteffettiva minn reazzjoni wara l-okkorrenza tal-fatt u għandha tingħata prijorità. Għaldaqstant, għandha tingħata prijorità lill-elenkar ta' speċijiet aljeni invażivi li għadhom mhumiex preżenti fit-territorju tal-Unjoni jew li għadhom fi stadju bikri ta' invażjoni u ta' speċijiet aljeni invażivi li x'aktarx li jkollhom l-impatti negattivi l-aktar sinifikanti. Billi speċijiet aljeni invażivi ġodda jistgħu jiġu introdotti kontinwament fl-Unjoni u l-ispeċijiet aljeni preżenti qed jinxterdu u jestendu d-distribuzzjoni tagħhom, hemm bżonn li jkun żgurat li l-lista tal-Unjoni tiġi riveduta kontinwament u tinżamm aġġornata. |
(16) |
Għandha tiġi esplorata l-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri li jkollhom tħassib dwar l-istess speċijiet li ma jkunux jistgħu jistabbilixxu popolazzjoni vijabbli f'parti kbira tal-Unjoni. Fejn l-objettivi ta' dan ir-Regolament jinkisbu aħjar permezz ta' miżuri fil-livell tal-Unjoni, dawn l-ispeċijiet jistgħu jiġu inklużi wkoll fi l-lista tal-Unjoni. |
(17) |
Huwa kunsiljabbli li, fil-ħidma lejn l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jittieħed kont tas-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni ultraperiferiċi, u b'mod partikolari l-periferiċità u l-insularità tagħhom u l-uniċità tal-bijodiversitajiet rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti taħt dan ir-Regolament tat-teħid ta' miżuri restrittivi u preventivi relatati ma' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni għandhom jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi, kif iddefinit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), billi jittieħed kont tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew 2010/718/UE (15) u 2012/419/UE (16). |
(18) |
Ir-riskji u t-tħassib li huma assoċjati mal-ispeċijiet aljeni invażivi jirrappreżentaw sfida transkonfinali li tolqot lill-Unjoni Ewropea kollha. Għaldaqstant huwa essenzjali li tkun adottata projbizzjoni fil-livell tal-Unjoni fuq l-introduzzjoni intenzjonata jew negliġenti fl-Unjoni, ir-riproduzzjoni, it-tkabbir, it-trasport, ix-xiri, il-bejgħ, l-użu, l-iskambju, iż-żamma u r-rilaxx ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni sabiex ikun żgurat li tittieħed azzjoni bikrija u konsistenti madwar l-Unjoni sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet fis-suq intern u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-azzjoni meħuda f'wieħed mill-Istati Membri tiġi pperikolata min-nuqqas ta' azzjoni fi Stat Membru ieħor. |
(19) |
Bil-ħsieb li jsiru attivitajiet ta' riċerka xjentifika u ta' konservazzjoni ex situ, hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għall-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni soġġetti għal dawk l-attivitajiet. Dawk l-attivitajiet għandhom jitwettqu f'faċilitajiet magħluqa fejn l-organiżmi jkunu f'faċilità kkonfinata u jittieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex tiġi evitata l-ħarba jew ir-rilaxx illegali ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni. Fejn ikun awtorizzat mill-Kummissjoni f'każijiet eċċezzjonali debitament motivati ta' interess pubbliku prevalenti, għandu jkun possibbli li dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal ċerti attivitajiet oħrajn, inklużi attivitajiet kummerċjali. Meta jiġu implimentati dawk ir-regoli, għandha tingħata attenzjoni speċjali biex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv fuq speċijiet u ħabitats protetti, f'konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni. |
(20) |
Jista' jkun hemm każijiet fejn speċijiet aljeni li ma jkunux għadhom ġew rikonoxxuti bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni jidhru fil-fruntieri tal-Unjoni jew jiġu identifikati fit-territorju tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jadottaw ċerti miżuri ta' emerġenza abbażi tal-evidenza xjentifika disponibbli. Dan it-tip ta’ miżuri ta’ emerġenza jippermetti reazzjoni immedjata kontra speċijiet aljeni invażivi li jistgħu jikkawżaw riskju marbut mal-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tixrid tagħhom f’dawk il-pajjiżi, filwaqt li l-Istati Membri jivvalutaw ir-riskji attwali kkawżati minnhom, f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Ftehimiet rilevanti tad-WTO, partikolarment bl-għan li dawk l-ispeċijiet jiġu rikonoxxuti bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni. Jeħtieġ li l-miżuri ta’ emerġenza nazzjonali jingħaqdu mal-possibbiltà tal-adozzjoni ta' miżuri ta’ emerġenza fil-livell tal-Unjoni sabiex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet rilevanti tad-WTO. Barra minn hekk, bil-miżuri ta' emerġenza fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tkun mgħammra b'mekkaniżmu biex taġixxi bil-ħeffa f'każ ta' preżenza jew periklu imminenti ta' dħul ta' speċi aljena invażiva ġdida skont il-prinċipju ta' prekawzjoni. |
(21) |
Proporzjon kbir mill-ispeċijiet aljeni invażivi huwa introdott fl-Unjoni b'mod mhux intenzjonat. Għalhekk huwa essenzjali li d-direzzjonijiet tal-introduzzjoni mhux intenzjonata jkunu ġestiti b'mod aktar effettiv. Jinħtieġ li l-azzjoni f'dan il-qasam tkun gradwali, billi l-esperjenza f'dan il-qasam hija relattivament limitata. L-azzjoni għandha tinkludi miżuri volontarji, bħall-azzjonijiet proposti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali fil-Linji Gwida għall-Kontroll u l-Ġestjoni ta' Organiżmi Bijoloġiċi mhux mixtieqa fuq il-Bastimenti, u miżuri obbligatorji. L-azzjoni għandha tibni fuq l-esperjenza miksuba fl-Unjoni u fl-Istati Membri fil-ġestjoni ta' ċerti direzzjonijiet, inklużi miżuri stabbiliti permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Kontroll u l-Ġestjoni tal-Ilma tas-Saborra u tas-Sedimenti tal-Bastimenti adottati fl-2004. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha adatti biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jirratifikaw dik il-Konvenzjoni. |
(22) |
Sabiex tiġi żviluppata bażi ta' għarfien xierqa biex jiġu indirizzati l-problemi kkawżati mill-ispeċijiet aljeni invażivi, huwa importanti li l-Istati Membri jagħmlu r-riċerka, il-monitoraġġ u s-sorveljanza ta' dawn l-ispeċijiet. Billi s-sistemi ta' sorveljanza joffru l-aktar mezzi xierqa għall-identifikazzjoni bikrija tal-ispeċijiet aljeni invażivi ġodda u għad-determinazzjoni tad-distribuzzjoni tal-ispeċijiet li diġà huma stabbiliti, dawk is-sistemi għandhom jinkludu stħarriġ ġenerali kif ukoll immirat u jibbenefikaw mill-involviment ta' setturi u partijiet interessati differenti, inklużi l-komunitajiet reġjonali u lokali. Is-sistemi ta' sorveljanza għandhom jimplikaw li tingħata attenzjoni kontinwa lil kwalunkwe speċi aljena invażiva ġdida kullimkien fl-Unjoni u għandu jkollhom l-għan li tingħata stampa effettiva u sħiħa fil-livell tal-Unjoni. Fl-interess tal-effiċjenza u tal-kosteffettività, għandhom jiġu applikati s-sistemi eżistenti ta' kontroll, sorveljanza u monitoraġġ doganali li diġà ġew stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk stabbiliti fid-Direttivi 92/43/KEE, 2000/60/KE, 2008/56/KE u 2009/147/KE. |
(23) |
Għandhom isiru kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-pjanti biex tiġi evitata l-introduzzjoni intenzjonata tal-ispeċijiet aljeni invażivi. L-annimali u l-pjanti ħajjin għandhom jiddaħħlu fl-Unjoni biss permezz ta' entitajiet ta' kontroll f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), u d-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE (18) u 97/78/KE (19) jew punti ta' dħul f'konformità mad-Direttiva 2000/29/KE. Sabiex ikun żgurat it-titjib fl-effiċjenza u jiġi evitat il-ħolqien ta' sistemi paralleli ta' kontrolli doganali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk dawk l-ispeċijiet humiex speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni mal-wasla fl-ewwel entità ta' kontroll fuq il-fruntiera jew punt ta' dħul. |
(24) |
Wara l-introduzzjoni tal-ispeċijiet aljeni invażivi, il-miżuri ta' identifikazzjoni bikrija u qerda rapida huma kruċjali biex jiġi evitat l-istabbiliment u t-tixrid tagħhom. Spiss, l-aktar rispons effettiv u kosteffiċjenti huwa l-qerda tal-popolazzjoni, mill-aktar fis possibbli, waqt li l-għadd ta' eżemplari jkun għadu limitat. F'każ li l-qerda ma tkunx fattibbli jew l-ispejjeż tal-qerda jkunu akbar mill-benefiċċji ambjentali, soċjali u ekonomiċi fuq perijodu fit-tul, għandhom jiġu applikati miżuri ta' konteniment u kontroll. Il-miżuri ta' ġestjoni għandhom ikunu proporzjonati għall-impatt fuq l-ambjent u għandu jittieħed kont dovut tal-kondizzjonijiet bijoġeografiċi u klimatiċi tal-Istat Membru kkonċernat. |
(25) |
Il-miżuri ta' ġestjoni għandhom jevitaw kwalunkwe impatt negattiv fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem. Filwaqt li f'xi każijiet ikunu meħtieġa l-qerda u l-ġestjoni ta’ xi speċijiet aljeni invażivi li jkunu annimali, dan jista' jikkawża uġigħ, tensjoni, biża’ jew forom oħra ta’ tbatija għall-annimali, saħansitra meta jintużaw l-aqwa mezzi tekniċi disponibbli. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri u kwalunkwe operatur involut fil-qerda, fil-kontroll jew fil-konteniment tal-ispeċijiet aljeni invażivi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex l-annimali jiġu protetti minn kull uġigħ, tensjoni u tbatija evitabbli matul il-proċess, billi, kemm jista' jkun, jikkunsidraw l-aqwa prattiki fil-qasam, pereżempju l-Prinċipji Gwida dwar il-Benessri tal-Annimali żviluppati mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali. Għandhom jiġu kkunsidrati metodi mhux letali u kwalunkwe azzjoni li tittieħed għandha timminimizza l-impatt fuq speċijiet mhux fil-mira. |
(26) |
B'mod ġenerali, l-ispeċijiet aljeni invażivi jikkawżaw ħsara fl-ekosistemi u jnaqqsu r-reżiljenza ta' dawk l-ekosistemi. Għalhekk għandhom jittieħdu miżuri proporzjonati ta' restawr sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistemi għall-invażjonijiet, biex tissewwa l-ħsara kkawżata u biex jissaħħaħ l-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats tagħhom f'konformità mad-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE, l-istatus ekoloġiku tal-ilmijiet tal-wiċċ interni, l-ilmijiet tranżizzjonali, l-ilmijiet kostali u l-ilma ta' taħt l-art f'konformità mad- Direttiva 2000/60/KE u l-istatus ambjentali tal-ilmijiet marini f'konformità mad- Direttiva 2008/56/KE. L-ispejjeż marbutin ma' dawn il-miżuri ta' restawr għandhom jiġu rkuprati f'konformità mal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas". |
(27) |
Il-kooperazzjoni transkonfinali, partikolarment mal-pajjiżi ġirien, u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, partikolarment fl-istess reġjun bijoġeografiku tal-Unjoni għandhom jiġu promossi biex isir kontribut għall-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament. |
(28) |
Is-sistema li tindirizza l-ispeċijiet aljeni invażivi għandha tiġi appoġġata minn sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata li tiġbor l-informazzjoni eżistenti dwar l-ispeċijiet aljeni fl-Unjoni u tippermetti l-aċċess għal informazzjoni dwar il-preżenza tal-ispeċijiet, it-tixrid tagħhom, l-ekoloġija tagħhom, l-istorja relatata mal-invażjoni u kull informazzjoni oħra meħtieġa biex jingħata appoġġ fid-deċiżjonijiet ta' politika u ġestjoni u biex jiġi permess ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki. |
(29) |
Id-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) stabbilixxiet qafas għal konsultazzjoni pubblika f'deċiżjonijiet relatati mal-ambjent. Fid-definizzjoni tal-azzjoni fil-qasam tal-ispeċijiet aljeni invażivi, parteċipazzjoni pubblika effettiva għandha tgħin lill-pubbliku biex jesprimi, u lil min jieħu d-deċiżjonijiet biex jikkunsidra, l-opinjonijiet u t-tħassib li jistgħu jkunu rilevanti għal dawk id-deċiżjonijiet. Dak għandu jżid ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u jikkontribwixxi għall-għarfien pubbliku ta' kwistjonijiet ambjentali u l-appoġġ għad-deċiżjonijiet meħuda. |
(30) |
Il-parteċipazzjoni tal-komunità xjentifika hija importanti sabiex tiġi provduta bażi ta' għarfien adegwat biex jiġu indirizzati l-problemi li jitqajmu dwar speċijiet aljeni invażivi. Għandu jiġi stabbilit forum xjentifiku ddedikat biex jagħti pariri dwar l-aspetti xjentifiċi relatati mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista tal-Unjoni, il-valutazzjonijiet tar-riskju, miżuri ta' emerġenza u miżuri ta' qerda rapida. |
(31) |
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni u l-aġġornament tal-lista tal-Unjoni, il-format tad-dokumenti li jservu ta' xhieda għall-permessi, l-adozzjoni ta' miżuri ta' emerġenza fil-livell tal-Unjoni, ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet fl-Istati Membri konċernati fil-każ ta' kooperazzjoni reġjonali msaħħa, iċ-ċaħda tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li ma japplikawx miżuri ta' qerda u l-formati tekniċi għar-rapportar lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21). |
(32) |
Sabiex jiġu kkunsidrati l-aktar żviluppi xjentifiċi reċenti fil-qasam ambjentali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE sabiex tiddetermina l-mod li bih jista' jiġi konkluż li l-ispeċijiet aljeni invażivi huma kapaċi jistabbilixxu popolazzjonijiet vijabbli u jinxterdu, kif ukoll biex tistipula l-elementi komuni għall-iżvilupp tal-valutazzjonijiet tar-riskju. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
(33) |
Sabiex tiġi ggarantita l-konformità ma' dan ir-Regolament, huwa importanti li l-Istati Membri jimponu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għal ksur filwaqt li jittieħed kont tan-natura u l-gravità tal-ksur, il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż u l-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas". |
(34) |
Permezz ta' miżuri meħudin taħt dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi fuq id-detenturi jew l-utenti ta' speċijiet aljeni kif ukoll fuq is-sidien u l-inkwilini tal-artijiet ikkonċernati. |
(35) |
Sabiex is-sidien mhux kummerċjali jkunu jistgħu jibqgħu jżommu l-annimali ta' kumpanija tagħhom li jaqgħu taħt il-lista ta' speċijiet inklużi fil-lista tal-Unjoni sa tmiem il-ħajja tal-annimal imut b'mod naturali, jeħtieġ li jiġu previsti miżuri tranżizzjonali, bil-kondizzjoni li jiġu stabbiliti l-miżuri kollha biex jiġu evitati r-riproduzzjoni jew il-ħarba tagħhom. |
(36) |
Sabiex l-operaturi kummerċjali, li jista' jkollhom aspettattivi leġittimi, pereżempju dawk li rċevew awtorizzazzjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 708/2007, ikunu jistgħu jużaw il-ħażna tagħhom ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ikun iġġustifikat li dawn jingħataw sentejn biex ibiċċru, joqtlu b’metodu mhux krudili, ibiegħu jew, fejn ikun rilevanti, jgħaddu l-eżemplari lill-istabbilimenti tar-riċerka jew tal-konservazzjoni ex situ. |
(37) |
Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-prevenzjoni, minimizzazzjoni u mitigazzjoni tal-impatti negattivi tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi fl-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
(38) |
Għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jżommu fis-seħħ jew jadottaw regoli dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li huma aktar stretti minn dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament u li japplikaw dispożizzjonijiet bħal dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament għall-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni għall-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istat Membru. Kwalunkwe tali miżura għandha tkun kompatibbli mat-TFUE u għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, minimizzazzjoni u mitigazzjoni tal-impatti negattivi fuq il-bijodiversità tal-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni, kemm intenzjonati kif ukoll mhux intenzjonati, ta' speċijiet aljeni invażivi.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament japplika għall-ispeċijiet aljeni invażivi kollha.
2. Dan ir-Regolament ma japplikax għal:
(a) |
speċijiet li jbiddlu d-distribuzzjoni naturali tagħhom mingħajr l-intervent tal-bniedem, bħala reazzjoni għal tibdil fil-kondizzjonijiet ekoloġiċi jew tibdil fil-klima; |
(b) |
organiżmi ġenetikament modifikati kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18/KE; |
(c) |
il-patoġeni li jikkawżaw mard tal-annimali; għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, mard tal-annimali jfisser okkorrenza ta' infezzjonijiet jew infestazzjonijiet fl-annimali, ikkawżati minn patoġenu wieħed jew aktar, li jistgħu jiġu trażmessi lill-annimali jew lill-bnedmin; |
(d) |
l-organiżmi li jagħmlu ħsara elenkati fl-Anness I jew fl-Anness II tad-Direttiva 2000/29/KE, jew organiżmi li jagħmlu ħsara li fir-rigward tagħhom ġew adottati miżuri f'konformità mal-Artikolu 16(3) ta'dik id-Direttiva; |
(e) |
l-ispeċijiet elenkati fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 meta dawn jintużaw fl-akkwakultura; |
(f) |
il-mikroorganiżmi manifatturati jew importati għall-użu fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkunu diġà ġew awtorizzati jew li għalihom tkun qed issir valutazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009; jew |
(g) |
il-mikroorganiżmi manifatturati jew importati għall-użu fil-prodotti bijoċidali li jkunu diġà ġew awtorizzati jew li għalihom tkun qed issir valutazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“speċi aljena” tfisser kwalunkwe eżemplar ħaj ta' speċi, sottospeċi jew grupp tassonomiku inferjuri ta' annimali, pjanti, fungi jew mikroorġaniżmi introdott barra mid-distribuzzjoni naturali tiegħu; dan jinkludi kwalunkwe parti, gamete, żerriegħa, bajd jew propaguli ta' tali speċi, kif ukoll kwalunkwe speċi ibrida, varjetà jew razza li tista' tgħix u sussegwentement tirriproduċi; |
(2) |
“speċi aljena invażiva” tfisser speċi aljena li l-introduzzjoni jew it-tixrid tagħha rriżulta li jhedded jew li għandu impatt negattiv fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema relatati magħha; |
(3) |
“speċi aljena invażiva li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni” tfisser speċi aljena invażiva li l-impatt negattiv tagħha tqies li jeħtieġ azzjoni komuni fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 4(3); |
(4) |
“speċi aljena invażiva li hija sors ta’ tħassib għall-Istati Membri” tfisser speċi aljena invażiva li ma tkunx waħda li hija sors ta’ tħassib għall-Unjoni, li Stat Membru jikkunsidra, abbażi ta’ evidenza xjentifika, li l-impatt negattiv tar-rilaxx u t-tixrid tagħha, anke fejn mhux aċċertat kompletament, huwa sinifikattiv għat-territorju tiegħu, jew parti minnu, u tkun meħtieġa azzjoni fil-livell ta' dak l-Istat Membru; |
(5) |
“bijodiversità” tfisser il-varjabbiltà fost organiżmi ħajjin mis-sorsi kollha, inklużi ekosistemi terrestri, marini u akkwatiċi oħrajn u l-kumplessi ekoloġiċi li minnhom jagħmlu parti; dan jinkludi d-diversità fl-ispeċi nnifisha, bejn l-ispeċijiet u tal-ekosistemi; |
(6) |
“servizzi tal-ekosistema” tfisser il-kontributi diretti jew indiretti tal-ekosistemi għall-benessri tal-bniedem; |
(7) |
“introduzzjoni” tfisser il-moviment, bħala konsegwenza tal-intervent tal-bniedem, ta' speċi barra d-distribuzzjoni naturali tagħha; |
(8) |
“riċerka” tfisser ħidma deskrittiva jew sperimentali, li ssir f''kondizzjonijiet regolati sabiex jinkiseb għarfien xjentifiku ġdid jew biex jiġu żviluppati prodotti ġodda, inklużi l-fażijiet inizjali tal-identifikazzjoni, il-karatterizzazzjoni u l-iżolament tal-karatteristiċi ġenetiċi, għajr dawk il-karatteristiċi li jagħmlu speċi invażiva, ta' speċijiet aljeni invażivi biss sa fejn din tkun essenzjali għar-riproduzzjoni ta’ dawk il-karatteristiċi fi speċijiet mhux invażivi; |
(9) |
“faċilità kkonfinata” tfisser iż-żamma ta' organiżmu f'faċilitajiet magħluqa li minnhom mhumiex possibbli l-ħarba jew it-tixrid; |
(10) |
“konservazzjoni ex situ” tfisser il-konservazzjoni ta' komponenti ta' diversità bijoloġika barra l-ħabitat naturali tagħhom; |
(11) |
“direzzjonijiet” tfisser ir-rotot u l-mekkaniżmi tal-introduzzjoni u tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi; |
(12) |
“identifikazzjoni bikrija” tfisser il-konferma tal-preżenza ta' eżemplari ta' speċi aljena invażiva fl-ambjent qabel ma tinxtered b'mod mifrux; |
(13) |
“qerda” tfisser it-tneħħija sħiħa u permanenti ta’ popolazzjoni ta’ speċijiet aljeni invażivi b’mezzi letali jew mhux letali; |
(14) |
“kontroll tal-popolazzjoni” tfisser kwalunkwe azzjoni letali jew mhux letali applikata lil popolazzjoni ta' speċi aljena invażiva, filwaqt li jiġi minimizzat ukoll l-impatt fuq l-ispeċijiet mhux fil-mira u l-ħabitats tagħhom, bl-għan li l-għadd ta' individwi jinżamm baxx kemm jista' jkun, sabiex, filwaqt li ma jkunx possibbli li l-ispeċi tinqered, jiġu mminimizzati l-kapaċità invażiva tagħha u l-impatti negattivi fuq il-bijodiversità, is-servizzi relatati tal-ekosistema, fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija; |
(15) |
“konteniment” tfisser kwalunkwe azzjoni mmirata biex toħloq ostakli li jimminimizzaw ir-riskju ta' popolazzjoni ta' speċi aljena invażiva li tinfirex u tinxtered lil hinn miż-żona soġġetta għall-invażjoni; |
(16) |
“tixrid b'mod mifrux” tfisser li l-popolazzjoni ta' speċi aljena invażiva tkun marret lil hinn mill-istadju ta' naturalizzazzjoni, li fih il-popolazzjoni ssostni lilha nnifisha b'mod indipendenti, u tkun inxterdet biex tikkolonizza parti kbira mill-ambjent potenzjali fejn tkun tista' tgħix u tirriproduċi; |
(17) |
“ġestjoni” tfisser kwalunkwe azzjoni letali jew mhux letali mmirata lejn il-qerda, il-kontroll ta’ popolazzjoni jew il-konteniment ta’ popolazzjoni ta’ speċi aljena invażiva, waqt li jiġi minimizzat ukoll l-impatt fuq speċijiet mhux fil-mira u fuq il-ħabitats tagħhom. |
Artikolu 4
Lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni ('il-lista tal-Unjoni'),abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2). L-abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27(1) sat-2 ta’ Jannar 2016.
2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni komprensiva tal-lista tal-Unjoni għall-inqas kull sitt snin u għandha, sadanittant, taġġornaha, skont il-każ, f'konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 1, permezz:
(a) |
taż-żieda ta' speċijiet aljeni invażivi ġodda; |
(b) |
tat-tneħħija ta' speċijiet elenkati jekk dawn ma jibqgħux jissodisfaw xi wieħed jew aktar mill-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3. |
3. L-ispeċijiet aljeni invażivi għandhom biss jiġu inklużi fil-lista tal-Unjoni jekk jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:
(a) |
jinstab, abbażi ta' evidenza xjentifika disponibbli, li huma aljeni għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea esklużi r-reġjuni ultraperiferiċi; |
(b) |
jinstab, abbażi ta' evidenza xjentifika disponibbli, li huma kapaċi jistabbilixxu popolazzjoni vijabbli u jinxterdu fl-ambjent taħt kondizzjonijiet attwali u f'kondizzjonijiet klimatiċi prevedibbli f'reġjun bijoġeografiku wieħed kondiviż minn aktar minn żewġ Stati Membri jew subreġjun tal-baħar wieħed esklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tagħhom; |
(c) |
jinstab, abbażi ta' evidenza xjentifika, li x'aktarx ikollhom impatti negattivi sinifikanti fuq il-bijodiversità jew is-servizzi tal-ekosistema relatati magħha, u li jistgħu wkoll ikollhom impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija; |
(d) |
jintwera permezz ta' valutazzjoni tar-riskju mwettqa f'konformità mal-Artikolu 5(1) li tkun meħtieġa azzjoni konċertata fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi evitat li dawn jiġu introdotti, li jistabbilixxu ruħhom jew li jinfirxu; |
(e) |
x'aktarx li l-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni ser tevita, timminimizza jew timmitiga b'mod effettiv l-impatti negattivi tagħhom. |
4. L-Istati Membri jistgħu jippreżentaw talbiet lill-Kummissjoni għall-inklużjoni ta' speċijiet aljeni invażivi fil-lista tal-Unjoni. Dawk it-talbiet għandhom jinkludu dawn kollha li ġejja:
(a) |
l-isem tal-ispeċijiet; |
(b) |
valutazzjoni tar-riskju mwettqa f'konformità mal-Artikolu 5(1); |
(c) |
evidenza li jiġu sodisfatti l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. |
5. Il-lista tal-Unjoni għandha tirriferi, fejn rilevanti, għall-oġġetti li magħhom jiġu assoċjati ġeneralment l-ispeċijiet aljeni invażivi u l-kodiċijiet ta' Nomenklatura Magħquda tagħhom kif previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (22), filwaqt li tindika l-kategoriji ta' oġġetti li għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali skont l-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament.
6. Fl-adozzjoni jew l-aġġornament tal-lista tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 filwaqt li tiġi kkunsidrata b'mod dovut l-ispiża għall-Istati Membri relatata mal-implimentazzjoni, l-ispiża tan-nuqqas ta' azzjoni, il-kosteffettività u l-aspetti soċjoekonomiċi. Il-lista tal-Unjoni għandha tinkludi bħala prijorità dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi li:
(a) |
għadhom mhumiex preżenti fl-Unjoni jew għadhom fi stadju bikri ta' invażjoni u x'aktarx li jkollhom impatt negattiv sinifikanti; |
(b) |
diġà huma stabbiliti fl-Unjoni u għandhom l-aktar impatti negattivi sinifikanti. |
7. Meta tipproponi l-lista tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika wkoll li l-objettivi ta' dan ir-Regolament jintlaħqu aħjar b'miżuri fil-livell tal-Unjoni.
Artikolu 5
Valutazzjoni tar-riskju
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 4, għandha ssir valutazzjoni tar-riskju relattivament għall-firxa attwali u potenzjali ta' speċijiet aljeni invażivi, b'kont meħud tal-elementi li ġejjin:
(a) |
deskrizzjoni tal-ispeċi flimkien mal-identità tassonomika tagħha, l-istorja tagħha u l-firxa naturali u dik potenzjali tagħha; |
(b) |
deskrizzjoni tax-xejriet tar-riproduzzjoni u tat-tixrid tal-ispeċi u tad-dinamika tagħha inkluża valutazzjoni dwar jekk jeżistux il-kondizzjonijiet ambjentali meħtieġa għar-riproduzzjoni u t-tixrid tagħha; |
(c) |
deskrizzjoni tad-direzzjonijiet potenzjali ta' introduzzjoni u tixrid tal-ispeċi, kemm intenzjonati kif ukoll mhux intenzjonati, inkluż fejn rilevanti, il-prodotti bażiċi li magħhom hija ġeneralment assoċjata l-ispeċi; |
(d) |
valutazzjoni rigoruża tar-riskju tal-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tixrid f’reġjuni bijoġeografiċi rilevanti fil-kondizzjonijiet attwali u f’kondizzjonijiet ta’ tibdil fil-klima prevedibbli; |
(e) |
deskrizzjoni tad-distribuzzjoni attwali tal-ispeċi inkluż jekk l-ispeċi hijiex diġà preżenti fl-Unjoni jew f’pajjiżi ġirien u tbassir tad-distribuzzjoni probabbli tagħha fil-futur; |
(f) |
deskrizzjoni tal-impatt negattiv fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema relatati magħha, inkluż fuq l-ispeċijiet indiġeni, is-siti protetti, il-ħabitats fil-periklu, kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza u l-ekonomija inkluża valutazzjoni tal-impatt potenzjali fil-futur fir-rigward tal-għarfien xjentifiku disponibbli; |
(g) |
valutazzjoni tal-ispejjeż potenzjali tal-ħsara; |
(h) |
deskrizzjoni tal-użi magħrufa għall-ispeċi u l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi li jinkisbu minn dawk l-użi. |
2. Meta tipproponi speċijiet għall-elenkar bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
Meta Stat Membru jippreżenta talba għall-inklużjoni ta' speċi fil-lista tal-Unjoni, huwa għandu jkun responsabbli biex jagħmel il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1. Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista' tgħin lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' tali valutazzjonijiet tar-riskju sa fejn dan għandu x'jaqsam mad-dimensjoni Ewropea.
3. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 29, biex tispeċifika t-tip ta' evidenza aċċettabbli, għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 4(3) u tipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni tal-punti (a) sa (h) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Id-deskrizzjoni dettaljata għandha tinkludi l-metodoloġija li għandha tiġi applikata fil-valutazzjonijiet tar-riskju, b'kont meħud tal-istandards nazzjonali u internazzjonali rilevanti u l-ħtieġa li tingħata prijorità lil azzjoni kontra speċijiet aljeni invażivi assoċjati ma', jew li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw, impatt negattiv sinifikanti fuq il-bijodiversità jew is-servizzi relatati tal-ekosistema, kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija, b'tali impatt negattiv ikkunsidrat bħala fattur aggravanti. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prassi tas-soltu tagħha u tagħmel konsultazzjonijiet mal-esperti, inklużi l-esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.
Artikolu 6
Dispożizzjonijiet għar-reġjuni ultraperiferiċi
1. L-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni m'għandhomx ikunu soġġetti għall-Artikolu 7 jew għall-Artikoli 13 sa 20 fir-reġjuni ultraperiferiċi.
2. Sat-2 ta’ Jannar 2017, kull Stat Membru b'reġjuni ultraperiferiċi għandu jadotta, għal kull wieħed minn dawk ir-reġjuni, lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib, f'konsultazzjoni ma' dawk ir-reġjuni.
3. Fir-rigward tal-ispeċijiet aljeni invażivi inklużi fil-listi msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, fir-reġjuni ultraperiferiċi rispettivi, japplikaw il-miżuri kif previsti fl-Artikoli 7 sa 9, 13 sa 17, 19 u 20, skont il-każ. Dawk il-miżuri għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat u jiġu notifikati lill-Kummissjoni f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.
4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni u għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra dwar il-listi msemmija fil-paragrafu 2 u dwar kwalunkwe aġġornament ta' dawk il-listi.
KAPITOLU II
PREVENZJONI
Artikolu 7
Restrizzjonijiet
1. L-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni m'għandhomx b'mod intenzjonat:
(a) |
jiddaħħlu fit- territorju tal-Unjoni, inkluż fi transitu taħt superviżjoni doganali; |
(b) |
jinżammu, inkluż f'faċilità kkonfinata; |
(c) |
jitrabbew, inkluż f'faċilità kkonfinata; |
(d) |
jiġu ttrasportati lejn, minn jew ġewwa l-Unjoni, bl-eċċezzjoni tat-trasport ta' speċijiet lejn faċilitajiet fil-kuntest tal-qerda; |
(e) |
jitqiegħdu fis-suq; |
(f) |
jintużaw jew jiġu skambjati; |
(g) |
jitħallew jirriproduċu, jikbru jew jiġu kkultivati, inkluż f'faċilità kkonfinata; jew |
(h) |
jiġu rrilaxxati fl-ambjent. |
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji kollha biex jevitaw l-introduzzjoni jew it-tixrid mhux intenzjonati, inklużi, fejn applikabbli, b'negliġenza gravi, ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni.
Artikolu 8
Permessi
1. Permezz ta’ deroga mir-restrizzjonijiet stipulati fil-punti (a), (b), (c), (d), (f) u (g) tal-Artikolu 7(1), u soġġett għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ permessi li tippermetti li l-istabbilimenti jagħmlu riċerka dwar, jew il-konservazzjoni ex situ ta', speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni. Fejn l-użu ta' prodotti derivati minn speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni ma jistax jiġi evitat fl-avvanz tas-saħħa tal-bniedem, l-Istati Membri jistgħu wkoll jinkludu l-produzzjoni xjentifika u l-użu mediċinali sussegwenti fi ħdan is-sistema tagħhom tal-permessi.
2. L-Istati Membri għandhom jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex joħorġu l-permessi msemmija fil-paragrafu 1 għal attivitajiet li jsiru f'faċilità kkonfinata li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) |
l-ispeċi aljena invażiva li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni tinżamm u tiġi ttrattata f'faċilitajiet ikkonfinati skont il-paragrafu 3; |
(b) |
l-attività ssir minn persunal bi kwalifiki adatti kif stabbilit mill-awtoritajiet komptenti; |
(c) |
it-trasport lejn u mill-faċilità kkonfinata jsir f'kondizzjonijiet li jeskludu l-ħarba ta' speċijiet aljeni invażivi kif stabbilit mill-permess; |
(d) |
fil-każ ta’ speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li huma annimali, dawn jiġu mmarkati jew inkella jiġu identifikati b'mod effettiv, skont il-każ, bl-użu ta’ metodi li ma jikkawżawx uġigħ, tensjoni jew tbatija li jkunu evitabbli; |
(e) |
ikun ġestit b'mod effettiv ir-riskju tal-ħarba jew ta' tixrid jew ta' tneħħija, b'kont meħud tal-identità, il-bijoloġija u l-mezzi tat-tixrid tal-ispeċijiet, l-attività u l-faċilità kkonfinata maħsuba, l-interazzjoni mal-ambjent u fatturi rilevanti oħra; |
(f) |
jitfasslu mill-applikant sistema ta' sorveljanza kontinwa u pjan ta' kontinġenza li jkopri l-ħarba jew it-tixrid possibbli, inkluż pjan għall-qerda. Il-pjan ta' kontinġenza għandu jiġi approvat mill-awtorità kompetenti. Jekk isseħħ ħarba jew iseħħ tixrid, għandu jiġu implimentat minnufih il-pjan ta' kontinġenza u l-permess jista' jiġi rtirat fuq bażi temporanja jew permanenti. |
Il-permess imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun limitat għal għadd ta' speċijiet aljeni invażivi u eżemplari li ma jaqbiżx il-kapaċità tal-faċilità kkonfinata. Huwa għandu jinkludi r-restrizzjonijiet meħtieġa għall-mitigazzjoni tar-riskju tal-ħarba jew tat-tixrid tal-ispeċi kkonċernata. Huwa għandu jakkumpanja l-ispeċijiet aljeni invażivi li għalihom ikun qed jirriferi l-ħin kollu meta dawk l-ispeċijiet jinżammu, jiddaħħlu jew jiġu ttrasportati fl-Unjoni.
3. L-eżemplari għandhom jitqiesu bħala li qed jinżammu f'faċilitajiet ikkonfinati jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-eżemplari ikunu fiżikament iżolati u ma jistgħux jaħarbu jew jinxterdu jew jitneħħew minn persuni mhux awtorizzati mill-faċilitajiet fejn jinżammu; |
(b) |
il-protokolli tat-tindif, tal-ġestjoni tal-iskart u tal-manteniment għandhom jiżguraw li l-ebda eżemplar jew parti riproduċibbli ma jkunu jistgħu jaħarbu, jinxterdu jew jitneħħew minn persuni mhux awtorizzati; |
(c) |
it-tneħħija tal-eżemplari mill-faċilitajiet, ir-rimi jew il-qerda jew il-qtil b'mod mhux krudili jsir b'tali mod li jeskludi l-propagazzjoni jew ir-riproduzzjoni barra mill-faċilitajiet. |
4. Meta japplika għall-permess, l-applikant għandu jipprovdi l-evidenza neċessarja kollha biex jippermetti li l-awtorità kompetenti tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 humiex sodisfatti.
5. L-Istati Membri għandhom jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jirtiraw il-permess fi kwalunkwe mument, fuq bażi temporanja jew permanenti, jekk iseħħu ġrajjiet mhux mistennija b'impatt negattiv fuq il-bijodiversità jew is-servizzi relatati tal-ekosistema. Kwalunkwe rtirar ta' permess għandu jkun ġustifikat b'raġunijiet xjentifiċi u, fejn l-informazzjoni xjentifika tkun insuffiċjenti, minħabba l-prinċipju ta' prekawzjoni u b'konsiderazzjoni dovuta għar-regoli amministrattivi nazzjonali.
6. Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, il-format tad-dokument li jservi bħala evidenza għall-permess maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2). L-Istati Membri għandhom jużaw dak il-format għal dokument li jakkumpanja l-permess.
7. Għall-permessi kollha maħruġa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, jagħmlu dan li ġej disponibbli fuq l-internet għall-pubbliku:
(a) |
l-ismijiet xjentifiċi u komuni tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li jkun inħarġilhom permess; |
(b) |
l-għadd jew il-volum tal-eżemplari kkonċernati; |
(c) |
l-għan li għalih ikun maħruġ il-permess; u |
(d) |
il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda kif previsti fir-Regolament (KEE) Nru 2658/87. |
8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu ispezzjonijiet biex jiżguraw li dal-istabbiliment jikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dawk il-permessi maħruġin.
Artikolu 9
Awtorizzazzjonijiet
1. F'każijiet eċċezzjonali, għal raġunijiet ta' interess pubbliku prevalenti, inklużi dawk ta' natura soċjali jew ekonomika, l-Istati Membri jistgħu joħorġu permessi biex l-istabbilimenti jagħmlu attivitajiet li mhumiex dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1) soġġetti għal awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, skont il-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu u soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) u (3).
2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tħaddem sistema ta' awtorizzazzjoni elettronika u għandha tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni fi żmien 60 jum mir-riċezzjoni tal-applikazzjoni.
3. L-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri bl-użu tas-sistema msemmija fil-paragrafu 2.
4. Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:
(a) |
id-dettalji tal-istabbiliment jew gruppi ta' stabbilimenti inklużi l-isem u l-indirizz tagħhom; |
(b) |
l-ismijiet xjentifiċi u komuni tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li tkun intalbet awtorizzazzjoni għalihom; |
(c) |
il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda kif previsti fir-Regolament (KEE) Nru 2658/87; |
(d) |
l-għadd jew il-volum tal-eżemplari kkonċernati; |
(e) |
ir-raġunijiet għall-awtorizzazzjoni mitluba; |
(f) |
deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri previsti biex jiġi żgurat li ma jkunux possibbli li taħrab jew tinxtered mill-faċilitajiet ikkonfinati fejn ser tinżamm u tiġi ttratata l-ispeċi aljena invażiva li tkun sors ta' tħassib għall-Unjoni, kif ukoll tal-miżuri li jiżguraw li kwalunkwe trasport tal-ispeċi li jista' jkun meħtieġ isir taħt kondizzjonijiet li jeskludu l-ħarba; |
(g) |
valutazzjoni tar-riskju ta' ħarba tal-ispeċi aljena invażiva li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li tintalab awtorizzazzjoni għaliha, akkumpanjata minn deskrizzjoni tal-miżuri li ser jiddaħħlu biex itaffu r-riskju; |
(h) |
deskrizzjoni tas-sistema ta' sorveljanza ppjanata u tal-pjan ta' kontinġenza maħsub f'każ tal-possibbiltà ta' ħarba jew tixrid, inkluż fejn meħtieġ pjan ta' qerda; |
(i) |
deskrizzjoni tal-liġi nazzjonali rilevanti applikabbli għal dawk l-istabbilimenti. |
5. L-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-awtorizzazzjoni għandha tkun speċifika għall-istabbiliment individwali, irrispettivament mill-proċedura ta' applikazzjoni segwita skont il-punt (a) tal-paragrafu 4, u għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 u ż-żmien kemm iddum valida l-awtorizzazzjoni. L-awtorizzazzjoni għandha tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar il-forniment lill-istabbiliment ta' eżemplari addizzjonali jew sostituttivi għall-użu fl-attività li għaliha tintalab dik l-awtorizzazzjoni.
6. Wara li tingħata awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, l-awtorità kompetenti tista' toħroġ il-permess imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikolu 8(4) sa (8). Il-permess għandu jinkludi d-dispożizzjonijiet kollha li jkunu speċifikati fl-awtorizzazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni.
7. Il-Kummissjoni għandha tiċħad applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jekk ma jkunux osservati l-obbligi rilevanti stipulati f'dan ir-Regolament.
8. Il-Kummissjoni għandha, kemm jista’ jkun malajr, tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b’kull ċaħda ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 7, u għandha tispeċifika r-raġuni taċ-ċaħda.
Artikolu 10
Miżuri ta' emerġenza
1. Fejn Stat Membru jkollu evidenza dwar il-preżenza, jew ir-riskju imminenti tal-introduzzjoni, fit-territorju tiegħu ta' speċi aljena invażiva li mhijiex inkluża fil-lista tal-Unjoni, iżda li nstab mill-awtoritajiet kompetenti, abbażi ta' evidenza xjentifika preliminari, li aktarx tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 4(3), jista' minnufih jieħu miżuri ta' emerġenza li jikkonsistu fi kwalunkwe waħda mir-restrizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(1).
2. L-Istat Membru li jintroduċi l-miżuri ta' emerġenza fit-territorju nazzjonali tiegħu li jinkludu l-applikazzjoni tal-punti (a), (d) jew (e) tal-Artikolu 7(1) għandu minnufih jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kollha dwar il-miżuri meħuda u l-evidenza li tiġġustifika dawk il-miżuri.
3. L-Istat Membru kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, jagħmel valutazzjoni tar-riskju f'konformità mal-Artikolu 5 għall-ispeċi aljena invażiva soġġetta għall-miżuri ta' emerġenza, li tqis l-informazzjoni teknika u xjentifika disponibbli, u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 xahar mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tintroduċi l-miżuri ta' emerġenza, sabiex dik l-ispeċi tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni.
4. Fejn il-Kummissjoni tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew ikollha evidenza oħra dwar il-preżenza jew ir-riskju imminenti tal-introduzzjoni fl-Unjoni ta' speċi aljena invażiva li mhijiex inkluża fil-lista tal-Unjoni, iżda li aktarx tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 4(3), hija għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tikkonkludi, abbażi tal-evidenza xjentifika preliminari, jekk hux probabbli li l-ispeċi ser tissodisfa dawk il-kriterji u tadotta miżuri ta' emerġenza għall-Unjoni li jikkonsistu fi kwalunkwe waħda mir-restrizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 7(1) għal żmien limitat fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn dik l-ispeċi, fejn tikkonkludi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 4(3) aktarx li jiġu sodisfatti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).
5. Fejn il-Kummissjoni tadotta att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jirrevokaw jew jemendaw, skont il-każ, kwalunkwe miżura ta' emerġenza li jkunu ħadu.
6. Fejn il-Kummissjoni tinkludi l-ispeċi aljena invażiva fil-lista tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jirrevokaw jew jemendaw il-miżuri tagħhom ta' emerġenza.
7. Meta, wara l-valutazzjoni tar-riskju li ssir abbażi tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni ma tinkludix l-ispeċi aljena invażiva fil-lista tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jirrevokaw il-miżuri tagħhom ta' emerġenza meħuda abbażi tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u jistgħu jinkludu dik l-ispeċi f'lista nazzjonali ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istat Membru, skont l-Artikolu 12(1), u jikkunsidraw il-kooperazzjoni reġjonali msaħħa skont l-Artikolu 11.
Artikolu 11
Speċijiet aljeni invażivi ta' interess reġjonali u speċijiet indiġeni tal-Unjoni
1. L-Istati Membri jistgħu jidentifikaw, mil-lista nazzjonali tagħhom, stabbilita f'konformità mal-Artikolu 12, ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istat Membru, speċijiet indiġeni jew mhux indiġeni fl-Unjoni li jeħtieġu kooperazzjoni msaħħa reġjonali.
2. Fuq talba tal-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni biex tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost dawk l-Istati Membri involuti, f'konformità mal-Artikolu 22(1). Fejn ikun meħtieġ, abbażi tal-impatti ta' ċerti speċijiet aljeni invażivi fuq il-bijodiversità u s-servizzi relatati tal-ekosistema kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija u dment li dan ikun issostanzjat tajjeb ħafna b'analiżi komprensiva tal-ġustifikazzjoni għal kooperazzjoni msaħħa reġjonali li ssir mill-Istati Membri li jagħmlu t-talba, il-Kummissjoni tista' tirrikjedi permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, li l-Istati Membri kkonċernati japplikaw, mutatis mutandis, fit-territorju tagħhom jew parti minnu, l-Artikoli 13, 14, u 16 l-Artikolu 17 minkejja l-Artikolu 18, kif ukoll japplikaw l-Artikoli 19 u 20, skont il-każ. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).
3. L-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib reġjonali u li jkunu indiġeni għal Stat Membru m'għandhomx ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 13, 14, 16, 17, 19, 20 u 24 fit-territorju ta' dak l-Istat Membru. L-Istati Membri li għalihom dawk l-ispeċijiet ikunu indiġeni għandhom jikkooperaw mal-Istati Membri kkonċernati għall-valutazzjoni tad-direzzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 13 u, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħra, jistgħu jadottaw miżuri rilevanti biex jevitaw aktar tixrid ta' dawk l-ispeċijiet f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 22(1).
Artikolu 12
Speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istat Membru
1. Stat Membru jista' jistabbilixxi lista nazzjonali ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istat Membru. Għal dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi, l-Istati Membri jistgħu japplikaw, fit-territorju tagħhom, miżuri bħal dawk previsti fl-Artikoli 7, 8, 13 sa 17, 19 u 20, skont il-każ. Dawk il-miżuri għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat u jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar l-ispeċijiet li huma jqisu bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri u dwar il-miżuri applikati skont il-paragrafu 1.
Artikolu 13
Pjanijiet ta' azzjoni dwar id-direzzjonijiet tal-ispeċijiet aljeni invażivi
1. L-Istati Membri għandhom, fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni, jagħmlu analiżi komprensiva tad-direzzjonijiet tal-introduzzjoni u t-tixrid mhux intenzjonali ta' dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni għall-inqas fit-territorju tagħhom, kif ukoll fl-ibħra tagħhom kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/56/KE, u jidentifikaw id-direzzjonijiet li jeħtieġu azzjoni prijoritarja ('direzzjonijiet prijoritarji'), minħabba l-volum tal-ispeċijiet jew tal-ħsara potenzjali kkawżata mill-ispeċijiet li jidħlu fl-Unjoni minn dawk id-direzzjonijiet.
2. Fi żmien tliet snin mill-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jimplimenta pjan ta' azzjoni uniku jew sett ta' pjanijiet ta' azzjoni biex jindirizza l-mogħdijiet prijoritarji li jkun identifika abbażi tal-paragrafu 1. Il-pjanijiet ta' azzjoni għandhom jinkludu skedi ta' żmien għall-azzjoni u għandhom jiddeskrivu l-miżuri li ser jiġu adottati u, skont il-ħtieġa, l-azzjonijiet volontarji u l-kodiċijiet tal-prattika korretta, biex jindirizzaw id-direzzjonijiet prijoritarji u jimpedixxu l-introduzzjoni u t-tixrid mhux intenzjonat ta' speċijiet aljeni invażivi lejn l-Unjoni jew fiha.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni bil-għan li jistabbilixxu pjan ta' azzjoni uniku jew sett ta' pjanijiet ta' azzjoni kkoordinati fil-livell reġjonali adatt skont l-Artikolu 22(1). Fejn ma jkunux stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni reġjonali bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni għat-territorju tagħhom u, kemm jista' jkun, ikkoordinati fil-livell reġjonali adatt.
4. Il-pjanijiet ta' azzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jinkludu, b'mod partikolari, miżuri bbażati fuq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, sabiex:
(a) |
titqajjem kuxjenza; |
(b) |
tiġi minimizzata l-kontaminazzjoni ta' oġġetti, prodotti, vetturi u tagħmir minn kampjuni ta' speċijiet aljeni invażivi, inklużi miżuri li jindirizzaw it-trasport ta' speċijiet aljeni invażivi minn pajjiżi terzi; |
(c) |
jiġu żgurati l-verifiki xierqa fil-fruntieri tal-Unjoni, apparti l-kontrolli uffiċjali f’konformità mal-Artikolu 15. |
5. Il-pjanijiet ta' azzjoni stabbiliti skont il-paragrafu 2 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. L-Istati Membri għandhom jirrivedu l-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom u jibagħtuhom lura lill-Kummissjoni għall-inqas kull sitt snin.
KAPITOLU III
IDENTIFIKAZZJONI BIKRIJA U QERDA RAPIDA
Artikolu 14
Sistema ta' sorveljanza
1. Fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' sorveljanza tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, jew jinkluduha fis-sistema eżistenti tagħhom, li tiġbor u tirreġistra data dwar l-okkorrenza fl-ambjent ta' speċijiet aljeni invażivi permezz ta' servej, monitoraġġ jew proċeduri oħra biex jimpedixxu t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi lejn l-Unjoni jew fl-Unjoni.
2. Is-sistema ta' sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha:
(a) |
tkopri t-territorju, inklużi l-ibħra territorjali, tal-Istati Membri biex tistabbilixxi l-preżenza u d-distribuzzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi ġodda jew li diġà stabbilixxew lilhom infushom, li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni; |
(b) |
tkun dinamika biżżejjed biex tidentifika malajr il-wasla fl-ambjent tat-territorju jew parti mit-territorju ta' Stat Membru ta' kwalunkwe speċi aljena invażiva li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, u li l-preżenza tagħha ma kinitx magħrufa qabel; |
(c) |
tiżviluppa fuq il-bażi ta', tkun kompatibbli ma', u tevita d-duplikazzjoni ta' dispożizzjonijiet rilevanti għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni jew skont ftehimiet internazzjonali u tuża l-informazzjoni pprovduta mis-sistemi eżistenti ta' sorveljanza u monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/43/KEE, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60/KE u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/56/KE; |
(d) |
tieħu kont tal-impatt u l-karatteristiċi transkonfinali rilevanti, safejn ikun possibbli. |
Artikolu 15
Kontrolli uffiċjali
1. Sat-2 ta’ Jannar 2016, l-Istati Membri għandu jkollhom strutturi stabbiliti li jwettqu l-kontrolli uffiċjali meħtieġa għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni intenzjonata fl-Unjoni ta’ speċijiet aljeni invażivi ta’ rilevanza għall-Unjoni. Dawk il-kontrolli uffiċjali għandhom japplikaw għall-kategoriji tal-oġġetti taħt il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda msemmijin fil-lista tal-Unjoni, abbażi tal-Artikolu 4(5).
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jwettqu kontrolli adatti abbażi tar-riskju fuq l-oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u jivverifikaw li:
(a) |
mhumiex fuq il-lista tal-Unjoni; jew |
(b) |
huma koperti minn permess validu kif imsemmi fl-Artikolu 8. |
3. Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, li jikkonsistu minn verifiki dokumentarji, tal-identità u, fejn ikun meħtieġ, kontrolli fiżiċi, għandhom isiru meta jiddaħħlu fl-Unjoni oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Fejn il-liġi tal-Unjoni dwar kontrolli uffiċjali tipprevedi diġà kontrolli uffiċjali speċifiċi fl-entitajiet tal-fruntiera f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE jew f'punti ta' dħul f'konformità mad-Direttiva 2000/29/KE, għall-kategoriji tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jgħaddu r-responsabbiltà tat-twettiq tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu lill-awtoritajiet kompetenti inkarigati minn dawk il-kontrolli f'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jew mal-punt (g) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/29/KE.
4. Il-ġestjoni f'żoni liberi jew imħażen liberi u t-tqegħid tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 taħt il-proċeduri doganali għar-rilaxx fiċ-ċirkulazzjoni libera, transitu, ħżin doganali, proċessar attiv, proċessar taħt kontroll doganali u ammissjoni temporanja għandhom ikunu soġġetti għad-dikjarazzjoni lill-awtoritajiet doganali ta' dan li ġej:
(a) |
id-dokument tad-dħul rilevanti komplut kif dovut mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 li jiċċertifika li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu huma sodisfatti, f'każijiet fejn il-kontrolli jkunu saru fl-entitajiet tal-fruntiera f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttivi 91/496/KEE u 97/78/KE jew f'punti ta' dħul f'konformità mal-punt (j) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/29/KE. Il-proċedura doganali indikata hemmhekk għandha tkun segwita; jew |
(b) |
fejn oġġetti ma jkunux soġġetti għal kontrolli uffiċjali skont il-liġi tal-Unjoni, evidenza dokumentarja oħra li l-kontrolli saru b'riżultati sodisfaċenti u d-dokument tad-dħul sussegwenti. |
Dawk id-dokumenti jistgħu jiġu ppreżentati wkoll elettronikament.
5. Jekk il-kontrolli jistabbilixxu nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament:
(a) |
l-awtoritajiet doganali għandhom jissospendu t-tqegħid taħt proċedura doganali jew iżommu l-oġġetti; |
(b) |
l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 għandhom iżommu l-oġġetti. |
Fejn l-oġġetti jinżammu, dawn għandhom jiġu fdati lill-awtorità kompetenti responsabbli mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dik l-awtorità kompetenti għandha taġixxi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jiddelegaw funzjonijiet speċifiċi lil awtoritajiet oħra.
6. L-ispejjeż imġarrba waqt li ssir il-verifika u dawk li jirriżultaw minn kwalunkwe nuqqas ta' konformità għandhom jitħallsu mill-persuna fiżika jew ġuridika fl-Unjoni li ġabet l-oġġetti fl-Unjoni, ħlief jekk l-Istat Membru kkonċernat jiddetermina mod ieħor.
7. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri biex jiżguraw l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti u l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni effiċjenti u effettivi bejn l-awtoritajiet kollha involuti għall-verifiki msemmija fil-paragrafu 2.
8. Abbażi tal-aħjar prattiki, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri kollha, għandha tiżviluppa linji gwida u programmi ta' taħriġ biex tiffaċilita l-identifikazzjoni u s-sejbien ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni u t-twettiq ta' kontrolli effiċjenti u effettivi.
9. Fejn ikunu nħarġu permessi f'konformità mal-Artikolu 8, fid-dikjarazzjoni doganali jew fin-notifiki rilevanti lill-entità tal-fruntiera għandha ssir referenza għal permess validu li jkopri l-oġġetti ddikjarati.
Artikolu 16
Notifiki tal-identifikazzjoni bikrija
1. L-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema ta' sorveljanza stabbilita skont l-Artikolu 14 u l-informazzjoni miġbura fil-kontrolli uffiċjali previsti fl-Artikolu 15 biex jikkonfermaw l-identifikazzjoni bikrija tal-introduzzjoni jew tal-preżenza ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni.
2. L-Istati Membri għandhom mingħajr dewmien jinnotifikaw bil-miktub lill-Kummissjoni bl-identifikazzjoni bikrija tal-introduzzjoni jew tal-preżenza ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni u jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra, b'mod partikolari:
(a) |
bil-feġġ fit-territorju jew f'parti mit-territorju tagħhom ta' kwalunkwe speċi inkluża fil-lista tal-Unjoni li l-preżenza tagħha fit-territorju jew f'parti mit-territorju tagħhom ma kinitx magħrufa qabel; |
(b) |
bil-feġġ mill-ġdid fit-territorju jew f'parti mit-territorju tagħhom ta' kwalunkwe speċi inkluża fil-lista tal-Unjoni wara li tkun ġiet irrappurtata li nqerdet. |
Artikolu 17
Qerda rapida fi stadju bikri tal-invażjoni
1. Wara l-identifikazzjoni bikrija u fi żmien tliet xhur mit-trażmissjoni tan-notifika ta' identifikazzjoni bikrija msemmija fl-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom japplikaw miżuri ta' qerda u jinnotifikaw lill-Kummissjoni u jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra dwar dawn il-miżuri.
2. Meta japplikaw il-miżuri ta’ qerda, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-metodi użati huma effettivi biex jiksbu t-tneħħija sħiħa u permanenti tal-popolazzjoni tal-ispeċi aljena invażiva kkonċernata, u li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lis-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, speċjalment speċijiet mhux fil-mira u l-ħabitats tagħhom, u jiżgura li l-annimali jinħelsu minn kwalunkwe uġigħ, tensjoni jew tbatija li jistgħu jiġu evitati.
3. L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-effettività tal-qerda. Għal dan l-għan, l-Istati Membri jistgħu jużaw is-sistema ta' sorveljanza prevista fl-Artikolu 14. Il-monitoraġġ għandu jivvaluta wkoll l-impatt fuq l-ispeċijiet mhux fil-mira, skont il-ħtieġa.
4. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-effettività tal-miżuri meħuda u jinnotifikaw lill-Kummissjoni meta popolazzjoni ta' speċi aljena invażiva li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni tkun inqerdet. Huma għandhom ukoll jipprovdu dik l-informazzjoni lil Stati Membri oħra.
Artikolu 18
Derogi mill-obbligu tal-qerda rapida
1. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, abbażi ta' evidenza xjentifika robusta, fi żmien xahrejn mill-identifikazzjoni ta' speċi aljena invażiva msemmija fl-Artikolu 16, li ma japplikawx miżuri ta' qerda jekk tkun sodisfatta mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
jintwera li l-qerda mhijiex teknikament fattibbli għaliex il-metodi tal-qerda disponibbli ma jistgħux jiġu applikati fl-ambjent fejn hija stabbilita l-ispeċi; |
(b) |
l-analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji turi b'ċertu livell ta' ċertezza li, abbażi tad-data disponibbli, l-ispejjeż se jkunu, għal żmien fit-tul, eċċezzjonalment għoljin u sproporzjonati mal-benefiċċji tal-qerda; |
(c) |
il-metodi tal-qerda mhumiex disponibbli jew huma disponibbli iżda jkollhom impatti negattivi serji ħafna fuq is-saħħa tal-bniedem, l-ambjent jew speċijiet oħra. |
F'dan il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-Kummissjoni bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifika għandha tkun akkumpanjata bl-evidenza kollha msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu.
2. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, li tiċħad id-deċiżjoni nnotifikata f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti fih ma jkunux sodisfatti.
3. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 27(2). L-abbozz tal-atti ta' implimentazzjoni għandu jiġi ppreżentat lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27(1) fi żmien xahrejn mir-riċezzjoni tan-notifika mill-Istat Membru.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri ta' konteniment biex jiġi evitat aktar tixrid tal-ispeċi aljena invażiva lejn Stati Membri oħra meta, abbażi tal-paragrafu 1, ma jiġux applikati miżuri ta' qerda.
5. Fejn il-Kummissjoni tiċħad deċiżjoni nnotifikata f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu japplika l-miżuri ta' qerda msemmija fl-Artikolu 17 mingħajr dewmien.
6. Fejn il-Kummissjoni ma tiċħadx deċiżjoni nnotifikata f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu l-ispeċi aljena invażiva għandha tkun soġġetta għall-miżuri ta' ġestjoni msemmija fl-Artikolu 19.
KAPITOLU IV
ĠESTJONI TA' SPEĊIJIET ALJENI INVAŻIVI LI NXTERDU ĦAFNA
Artikolu 19
Miżuri ta’ ġestjoni
1. Fi żmien 18-il xahar mill-inklużjoni ta' speċi aljena invażiva fil-lista tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri ta' ġestjoni effettivi għal dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li fl-Istati Membri nstab li nxterdu ħafna fit-territorju tagħhom, biex jiġu minimizzati kemm jista' jkun l-impatti tagħhom fuq il-bijodiversità, is-servizzi relatati tal-ekosistema, u, fejn japplika, is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija.
Dawk il-miżuri ta' ġestjoni għandhom ikunu proporzjonati għall-impatt fuq l-ambjent u adatti għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Istati Membri, ikunu bbażati fuq analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u jinkludu wkoll, sakemm ikun fattibbli, il-miżuri ta' restawr imsemmija fl-Artikolu 20. Għandhom ikunu prijoritizzati abbażi tal-evalwazzjoni tar-riskju u l-kosteffettività tagħhom.
2. Il-miżuri ta’ ġestjoni għandhom jikkonsistu f’azzjonijiet fiżiċi, kimiċi jew bijoloġiċi kemm letali jew mhux letali mmirati lejn il-qerda, il-kontroll ta’ popolazzjoni jew il-konteniment ta’ popolazzjoni ta’ speċi aljena invażiva. Fejn ikun xieraq, il-miżuri ta' ġestjoni għandhom jinkludu azzjonijiet applikati fl-ekosistema riċevitura bl-għan li jkabbru r-reżiljenza tagħha għal invażjonijiet attwali jew futuri. L-użu kummerċjali ta' speċijiet aljeni invażivi diġà stabbiliti jista' jitħalla temporanjament bħala parti mill-miżuri ta' ġestjoni mmirati għall-qerda, il-kontroll tal-popolazzjoni jew il-konteniment tagħhom, taħt ġustifikazzjoni stretta u dment li l-kontrolli xierqa kollha jkunu fis-seħħ biex jevitaw aktar tixrid.
3. Meta japplikaw miżuri ta' ġestjoni u jagħżlu l-metodi li jkollhom jiġu użati, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont kif dovut tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, speċjalment speċijiet mhux fil-mira u l-ħabitats tagħhom, u għandhom jiżguraw li l-annimali li jkunu fil-mira jiġu protetti minn kull uġigħ, tensjoni u tbatija evitabbli matul il-proċess, mingħajr ma jipperikolaw l-effettività tal-miżuri ta' ġestjoni.
4. Is-sistema ta' sorveljanza prevista fl-Artikolu 14 għandha titfassal u tintuża biex tissorvelja l-effettività tal-qerda, il-kontroll tal-popolazzjoni jew il-miżuri ta' konteniment fit-tnaqqis tal-impatti fuq il-bijodiversità, is-servizzi relatati tal-ekosistema, u, fejn applikabbli, fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija. Il-monitoraġġ għandu jivvaluta wkoll l-impatt fuq l-ispeċijiet mhux fil-mira, skont il-ħtieġa.
5. Fejn ikun hemm riskju sinifikanti li xi speċi aljena invażiva li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni ser tinxtered fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri fejn tkun preżenti dik l-ispeċi għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. Fejn ikun xieraq, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu miżuri ta' ġestjoni maqbula b'mod konġunt. Fejn pajjiżi terzi jistgħu jkunu affettwati wkoll mit-tixrid, l-Istat Membru affettwat għandu jistinka biex jinforma lill-pajjiżi terzi kkonċernati.
Artikolu 20
Restawr tal-ekosistemi bil-ħsara
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adatti ta' restawr biex jgħinu l-irkupru ta' ekosistema li tkun ġiet degradata, bil-ħsara jew ġiet meqruda minn speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, sakemm analiżi tal-vijabbiltà ma turix, abbażi tad-data disponibbli u b'ċertezza raġonevoli, li l-ispejjeż ta' dawk il-miżuri ser ikunu għoljin u sproporzjonati meta mqabbla mal-benefiċċji tar-ristawr.
2. Il-miżuri tar-restawr imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu għall-inqas dan li ġej:
(a) |
miżuri li jżidu l-kapaċità ta' ekosistema esposta għad-disturb, ikkawżat mill-preżenza ta' speċi aljena invażiva li hija sors ta' tħassib għall-Unjoni, li tirreżisti, tassorbi, takkomoda lilha nfisha għall-effetti tad-disturb u tirkupra minnhom; |
(b) |
miżuri li jappoġġaw il-prevenzjoni ta' invażjoni mill-ġdid wara kampanja ta' qerda. |
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET ORIZZONTALI
Artikolu 21
Irkupru tal-ispejjeż
F'konformità mal-prinċipju li min iniġġes iħallas u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), l-Istati Membri għandhom jimmiraw li jirkupraw l-ispejjeż tal-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu, jimminimizzaw jew itaffu l-impatt negattiv ta' speċijiet aljeni invażivi, inklużi l-ispejjeż ambjentali u ta' riżorsi kif ukoll l-ispiża tar-restawr.
Artikolu 22
Kooperazzjoni u informazzjoni
1. Meta jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kollha kkonċernati u, fejn ikun prattiku u adatt, jużaw l-istrutturi eżistenti derivanti minn ftehimiet reġjonali jew internazzjonali. B'mod partikolari, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistinkaw sabiex jiżguraw koordinazzjoni mal-Istati Membri l-oħra li jikkondividu:
(a) |
l-istess subreġjuni tal-baħar f'konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2008/56/KE, fir-rigward ta' speċijiet tal-baħar; |
(b) |
l-istess reġjun bijoġeografiku f'konformità mal-punt (iii) tal-punt (ċ) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/43/KEE, fir-rigward ta' speċijiet mhux tal-baħar; |
(c) |
l-istess fruntieri; |
(d) |
l-istess baċir ta' xmara f'konformità mal-punt (13) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE, fir-rigward ta' speċijiet tal-ilma ħelu; jew |
(e) |
kwalunkwe kwistjoni oħra komuni ta' tħassib. |
Fuq talba tal-Istati Membri involuti, il-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni biex tiffaċilita l-koordinazzjoni.
2. Meta jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jikkooperaw ma' pajjiżi terzi, kif ikun meħtieġ, inkluż bl-użu ta' strutturi eżistenti derivanti minn ftehimiet reġjonali jew internazzjonali, għall-finijiet li jinkisbu l-objettivi ta' dan ir-Regolament.
3. L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw dispożizzjonijiet bħal dawk imsemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, biex jiżguraw koordinazzjoni u kooperazzjoni ma' Stati Membri oħra rilevanti fir-rigward ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istat Membru identifikati f'listi nazzjonali adottati f'konformità mal-Artikolu 12(1). L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu mekkaniżmi għal kooperazzjoni fil-livell adatt għal dawk l-ispeċijiet aljeni invażivi. Mekkaniżmi bħal dawn jistgħu jinkludu skambju ta' informazzjoni u data, pjanijiet ta' azzjoni dwar mogħdijiet u skambju tal-aħjar prattika dwar ġestjoni, kontroll u qerda ta' speċijiet aljeni invażivi, sistemi ta' twissija bikrija u programmi marbuta mal-kuxjenza pubblika jew l-edukazzjoni.
Artikolu 23
Regoli nazzjonali aktar rigorużi
L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jistipulaw regoli nazzjonali aktar rigorużi bil-għan li jipprevjenu l-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi. Dawk il-miżuri għandhom ikunu kompatibbli mat-TFUE u jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni f'konformità mad-dritt tal-Unjoni.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 24
Rappurtar u reviżjoni
1. Sal-1 ta' Ġunju 2019, u kull sitt snin wara, l-Istati Membri għandhom jaġġornaw u jibagħtu lill-Kummissjoni dawn li ġejjin:
(a) |
deskrizzjoni, jew verżjoni aġġornata, tas-sistema ta' sorveljanza skont l-Artikolu 14 u tas-sistema uffiċjali ta' kontroll fuq l-ispeċijiet aljeni li jidħlu fl-Unjoni skont l-Artikolu 15; |
(b) |
id-distribuzzjoni tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni jew reġjonali f'konformità mal-Artikolu 11(2) preżenti fit-territorju tagħhom, inkluża informazzjoni dwar ix-xejriet migratorji jew riproduttivi; |
(c) |
informazzjoni dwar l-ispeċijiet ikkunsidrati bħala speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri skont l-Artikolu 12(2); |
(d) |
il-pjanijiet ta' azzjoni msemmijin fl-Artikolu 13(2); |
(e) |
informazzjoni aggregata li tkopri t-territorju nazzjonali kollu dwar il-miżuri ta' qerda meħuda f'konformità mal-Artikolu 17, il-miżuri ta' ġestjoni meħudin skont l-Artikolu 19, l-effettività tagħhom, u l-impatt fuq speċijiet mhux fil-mira; |
(f) |
in-numru ta' permessi msemmija fl-Artikolu 8 u l-għan li għalih inħarġu; |
(g) |
miżuri meħuda biex il-pubbliku jkun infurmat dwar il-preżenza ta’ speċi aljena invażiva u kwalunkwe azzjoni li ċ-ċittadini ntalbu li jieħdu; |
(h) |
l-ispezzjonijiet meħtieġa taħt l-Artikolu 8(8); u |
(i) |
informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-azzjoni meħuda biex jikkonformaw ma' dan ir-Regolament, meta tkun disponibbli. |
2. Sal-5 ta’ Novembru 2015, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u jinfurmaw lill-Istati membri l-oħra dwar l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
3. Sal-1 ta' Ġunju 2021, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament inklużi l-lista tal-Unjoni, il-pjanijiet ta' azzjoni msemmija fl-Artikolu 13(2), is-sistema ta' sorveljanza, il-kontrolli doganali, l-obbligu tal-qerda u l-obbligi ta' ġestjoni, u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jista' jkollu miegħu proposti leġiżlattivi għall-emendar ta' dan ir-Regolament, inklużi bidliet fil-lista tal-Unjoni. Dik ir-reviżjoni għandha teżamina wkoll l-effettività tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib reġjonali, il-ħtieġa u l-fattibbiltà tal-inklużjoni ta' speċijiet fil-lista tal-Unjoni li jkunu indiġeni għall-Unjoni u jekk hijiex meħtieġa aktar armonizzazzjoni biex iżżid l-effettività tal-pjanijiet ta' azzjoni u l-miżuri meħudin mill-Istati Membri.
4. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tispeċifika l-formati tekniċi għar-rappurtar biex tissimplifika u tirrazzjonalizza l-obbligi ta' rappurtar għall-Istati Membri fir-rigward tal-informazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).
Artikolu 25
Sistema ta' appoġġ għall-informazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha progressivament tistabbilixxi sistema ta' appoġġ għall-informazzjoni meħtieġa biex tiffaċilita l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
2. Sat-2 ta’ Jannar 2016, dik is-sistema għandha tinkludi mekkaniżmu ta' appoġġ għad-data li jgħaqqad is-sistemi ta' data eżistenti dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi, li jagħti attenzjoni partikolari lill-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni, sabiex jiffaċilita r-rappurtar f'konformità mal-Artikolu 24.
Il-mekkaniżmu ta' appoġġ għad-data li huwa msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jsir għodda li tgħin lill-Kummissjoni u l-Istati Membri fit-trattament tan-notifiki rilevanti meħtieġa mill-Artikolu 16(2).
3. Sat-2 ta’ Jannar 2019, il-mekkaniżmu ta' appoġġ għad-data msemmi fil-paragrafu 2 għandu jsir mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni dwar aspetti tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Huwa jista' jinkludi wkoll informazzjoni dwar speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Istati Membri, u dwar mogħdijiet, valutazzjoni tar-riskju, miżuri ta' ġestjoni u ta' qerda, meta tkun disponibbli.
Artikolu 26
Parteċipazzjoni pubblika
Fejn ikunu qed jiġu stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni f'konformità mal-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament u fejn ikunu qed jiġu stabbiliti miżuri ta' ġestjoni f'konformità mal-Artikolu 19 ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jingħata opportunitajiet effettivi minn kmieni biex jipparteċipa fit-tħejjija, il-modifika jew ir-reviżjoni tagħhom, billi jintużaw l-arranġamenti diġà ddeterminati mill-Istati Membri f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/35/KE.
Artikolu 27
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 u jista' jkun megħjun fil-kompiti tiegħu mill-forum xjentifiku msemmi fl-Artikolu 28.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta' att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 28
Forum xjentifiku
Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti tal-komunità xjentifika maħtura mill-Istati Membri biex jingħataw pariri dwar kwalunkwe kwistjoni xjentifika relatata mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 4, 5, 10 u 18. Dawk ir-rappreżentanti għandhom jiltaqgħu f'forum xjentifiku. Ir-regoli ta' proċedura ta' dak il-forum għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.
Artikolu 29
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-1 ta’ Jannar 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(3) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hi għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data sussegwenti li tkun speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 30
Penali
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu applikati.
2. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
3. Il-penali previsti jistgħu jinkludu, fost oħrajn:
(a) |
multi; |
(b) |
konfiska tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni li mhumiex konformi; |
(c) |
sospensjoni immedjata jew irtirar immedjat ta' permess maħruġ skont l-Artikolu 8. |
4. Sat-2 ta’ Jannar 2016, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, u kwalunkwe emenda sussegwenti mingħajr dewmien.
Artikolu 31
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għas-sidien mhux kummerċjali
1. Permezz ta' deroga mill-punti (b) u (d) tal-Artikolu 7(1), is-sidien ta' annimali tal-kumpanija li ma jkunux miżmuma għal skopijiet kummerċjali u li jappartjentu għall-ispeċijiet aljeni invażivi inklużi fil-lista tal-Unjoni għandhom jitħallew iżommuhom sat-tmiem tal-ħajja naturali tal-annimali, sakemm ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-annimali kienu qed jinżammu qabel ma ġew inklużi fil-lista tal-Unjoni; |
(b) |
l-annimali jinżammu f'faċilità kkonfinata u jittieħdu l-miżuri xierqa kollha li jiżguraw li r-riproduzzjoni jew il-ħarba mhumiex possibbli. |
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-passi kollha raġonevoli biex jinfurmaw lis-sidien mhux kummerċjali dwar ir-riskji kkawżati biż-żamma tal-annimali msemmija fil-paragrafu 1 u dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġi minimizzat ir-riskju tar-riproduzzjoni u tal-ħarba permezz ta' programmi ta' sensibilizzazzjoni u edukazzjoni organizzati mill-Istati Membri.
3. Is-sidien mhux kummerċjali li ma jistgħux jiżguraw li l-kondizzjonijiet mogħtija fil-paragrafu 1 ikunu sodisfatti ma għandhomx ikunu permessi jżommu l-annimali kkonċernati. L-Istati Membri jistgħu joffrulhom il-possibbiltà li jitteħdilhom l-inkarigu tal-annimali tagħhom. Fejn iseħħ dan għandu jingħata kont dovut lit-trattament xieraq tal-annimali.
4. L-annimali msemmijin fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jistgħu jinżammu mill-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 8 jew fil-faċilitajiet stabbiliti mill-Istat Membru għal dak il-għan.
Artikolu 32
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali għal ħażniet kummerċjali
1. Kull min iżomm ħażna kummerċjali ta' eżemplari ta' speċijiet aljeni invażivi miksuba qabel l-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-Unjoni għandu jingħata sa sentejn wara l-inklużjoni tal-ispeċi f'dik il-lista biex iżomm u jittrasporta speċijiet ħajjin jew partijiet riproduċibbli ta' dawk l-ispeċijiet sabiex ibigħhom jew jittrasferixxihom lill-istabbilimenti tar-riċerka jew tal-konservazzjoni ex situ u għall-finijiet ta' attivitajiet ta' mediċina msemmija fl-Artikolu 8, dment li l-eżemplari jinżammu u jiġu ttrasportati f'faċilità konfinata u jiddaħħlu fis-seħħ il-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw li ma tistax issir riproduzzjoni jew ħarba; jew biex joqtol jew jipproċessa dawk l-eżemplari b'mod uman biex l-istokk tagħhom jispiċċa.
2. Il-bejgħ jew trasferiment ta' eżemplari ħajjin lil utenti mhux kummerċjali għandha tkun permessa għal sena wara l-inklużjoni tal-ispeċi fil-lista tal-Unjoni dment li l-eżemplari jinżammu u jiġu ttrasportati f'faċilità kkonfinata u li jiddaħħlu fis-seħħ il-miżuri kollha adatti li jiżguraw li ma tistax issir riproduzzjoni jew ħarba.
3. Fejn ikun inħareġ permess taħt l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 għal speċi tal-akkwakultura li sussegwentement tkun inkluża fil-lista tal-Unjoni, u t-tul taż-żmien tal-permess ikun iktar mill-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jirtira l-permess f'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 708/2007 sa tmiem il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 33
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015..
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Ottubru 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
B. DELLA VEDOVA
(1) ĠU C 177, 11.6.2014, p. 84.
(2) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2014.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika (ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat-3 ta' Diċembru 1981 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta’ annimali slavaġ u ambjenti naturali Ewropej (ĠU L 38, 10.2.1982, p. 1).
(5) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(6) Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(7) Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7)
(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).
(9) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).
(10) Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1).
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).
(12) Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).
(13) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 tal-11 ta' Ġunju 2007 dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (ĠU L 168, 28.6.2007, p. 1).
(14) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1).
(15) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2010/718/UE tad-29 ta’ Ottubru 2010 li timmodifika l-istatus tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 325, 9.12.2010, p. 4).
(16) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2012/419/UE tal-11 ta’ Lulju 2012 li temenda l-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 204, 31.7.2012, p. 131).
(17) Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta 'April 2004 dwar kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mar-regoli tal-liġi tal-għalf u s-saħħa u l-benessri tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).
(18) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56).
(19) Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9).
(20) Id-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta' ċerti pjani u programmi li għandhom x'jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).
(21) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(22) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).
(23) Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).