Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0481

    2014/481/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 14 ta' Lulju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea rigward il-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-CARIFORUM-UE previst mill-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

    ĠU L 216, 22.7.2014, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/481/oj

    22.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 216/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-14 ta' Lulju 2014

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea rigward il-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-CARIFORUM-UE previst mill-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

    (2014/481/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”), ġie ffirmat fil-15 ta' Ottubru 2008, u ġie applikat provviżjorjament sa mid-29 ta' Diċembru 2008.

    (2)

    L-Artikolu 232(2) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kunsill Konġunt tiegħu jiddeċiedi dwar il-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-CARIFORUM-UE tas-soċjetà ċivili, bl-għan li tkun żgurata rappreżentazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati kollha.

    (3)

    Huwa importanti li jiġu stabbiliti l-istituzzjonijiet kollha previsti mill-Ftehim, speċjalment il-Kumitat Konsultattiv tal-CARIFORUM-UE li għadu ma ssejjaħx, minkejja r-rwol tiegħu fil-promozzjoni tad-djalogu, il-kooperazzjoni u l-monitoraġġ skont il-Ftehim.

    (4)

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew esprima r-rieda tiegħu li jgħin lill-Kumitat Konsultattiv tal-CARIFORUM-UE, billi jorganizza l-għażla tar-rappreżentanti Ewropej għal dak il-Kumitat, u billi jassumi l-funzjoni tas-Segretarjat ta' dak il-Kumitat fil-perjodu inizjali wara li dan jiġi stabbilit.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-UE prevista mill-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, dwar il-Kumitat Konsultattiv tagħha, għandha tiġi bbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill Konġunt mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MARTINA


    (1)  ĠU L 289, 30.10.2008, p. 3.


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru …/2014 TAL-KUNSILL KONĠUNT TAL-CARIFORUM-UE

    ta'

    stabbilit mill-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, rigward il-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-CARIFORUM-UE

    IL-KUNSILL KONĠUNT TAL-CARIFORUM-UE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 232(2) tiegħu,

    Billi fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Ftehim, u l-impenn lejn il-monitoraġġ tiegħu stipulat fl-Artikolu 5 tal-Ftehim, huwa xieraq li tiġi determinata l-parteċipazzjoni fil-Kumitat Konsultattiv tal-CARIFORUM-UE,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-Kumitat Konsultattiv tal-CARIFORUM-UE (“il-Kumitat”) ikun magħmul minn erbgħin (40) rappreżentant permanenti ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ġej:

    (a)

    ħamsa u għoxrin (25) li jirrappreżentaw organizzazzjonijiet allokati fl-Istati tal-CARIFORUM; u

    (b)

    ħmistax (15) li jirrappreżentaw organizzazzjonijiet allokati fl-Unjoni Ewropea.

    2.   F'kull sett ta' rappreżentanti msemmija hawn fuq, ikun hemm rappreżentanza bbilanċjata ta':

    (a)

    l-organizzazzjonijiet ta' min jimpjega,

    (b)

    trade unions,

    (c)

    organizzazzjonijiet oħra ekonomiċi, soċjali u mhux governattivi, inklużi organizzazzjonijiet għall-iżvilupp u organizzazzjonijiet ambjentali; u

    (d)

    il-komunità akkademika.

    3.   Ir-rappreżentanti permanenti jservu għal sentejn. Jiġu żgurati l-kompetenzi rilevanti u r-rappreżentanza ġeografika u settorjali wiesgħa.

    4.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, “organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili” jinkludi istituzzjonijiet, assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet, gruppi ta' promozzjoni u entitajiet oħra ta' natura mhux governattiva li ma għandhomx skop ta' qligħ u li huma kapaċi jipprovdu pariri jew jikkontribwixxu informazzjoni speċjalizzata dwar kwistjonijiet koperti mill-Ftehim, kif ukoll rappreżentanti tal-komunità akkademika.

    5.   Organizzazzjoni titqies li tkun fit-territorju ta' wieħed mill-Istati tal-CARIFORUM jew fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jekk tali organizzazzjoni jkollha l-uffiċċju statutorju, it-tmexxija u l-kontroll ċentrali fit-territorju ta' wieħed mill-Istati tal-CARIFORUM jew fit-territorju tal-Unjoni Ewropea skont ma jkun il-każ.

    Artikolu 2

    1.   Il-Kumitat għandu jkun kompost mill-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-UE tar-rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili magħżula skont l-Artikolu 1 mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati tal-CARIFORUM, rispettivament.

    2.   Il-Kunsill Konġunt tal-CARIFORUM-UE jista' wkoll jimmodifika l-lista tal-membri fejn meħtieġ.

    3.   Kull post vakanti fis-sħubija tal-Kumitat ma għandux jinvalida l-kostituzzjoni tal-Kumitat jew inaqqas id-dritt tal-membri li jifdal milli jaġixxu.

    4.   Maġġoranza tal-membri magħżula mill-Unjoni Ewropea u maġġoranza ta' membri magħżula mill-Istati tal-CARIFORUM tikkostitwixxi kworum tal-Kumitat.

    Artikolu 3

    Il-membri permanenti jistgħu jirċievu assistenza finanzjarja għat-twettiq ta' dmirijiethom fil-Kumitat.

    Artikolu 4

    Kull organizzazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 232 tal-Ftehim tista' tattendi l-laqgħat tal-Kumitat bħala osservatur.

    Artikolu 5

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu jservi bħala s-segretarjat tal-Kumitat għal perijodu inizjali li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2014. Wara din id-data, organizzazzjoni jew entità magħżula mill-Istati tal-CARIFORUM segwita minn organizzazzjoni jew entità magħżula mill-Unjoni Ewropea għandha taġixxi fuq bażi alternata għal perijodi ta' 12-il xahar bħala s-segretarjat tal-Kumitat.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-[…]

    Magħmul fi …,

    għall-Kunsill Konġunt CARIFORUM-UE


    Top